EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015BP0930(39)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2013

ĠU L 255, 30.9.2015, p. 337–339 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2015/930(39)/oj

30.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 255/337


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tad-29 ta' April 2015

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2013

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2013,

wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0091/2015),

A.

billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-baġit finali tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2013 ammonta għal EUR 33 828 256;

B.

billi l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2013 ammontat għal EUR 32 358 660, li jirrappreżenta żieda ta' 1,85 % meta mqabbel mal-2012;

C.

billi l-Qorti tal-Awdituri, fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2013 (“ir-rapport tal-Qorti”), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Eurojust huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

D.

billi l-Eurojust twaqqfet bil-għan li tiġi intensifikata l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata serja u biex jitjieb il-koordinament tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjonijiet transkonfinali bejn l-Istati Membri, kif ukoll bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi,

Segwitu għall-kwittanza 2012

1.

Jikkonstata mir-rapport tal-Qorti fir-rigward taż-żewġ kummenti li saru fir-rapport tal-Qorti tal-2011 u mmarkati bħala “Għadha għaddejja” jew “Pendenti” fir-rapport tal-Qorti tal-2012, ittieħdu azzjonijiet korrettivi u kumment wieħed huwa issa mmarkat fir-rapport tal-Qorti tal-2013 bħala “Ikkompletata” u l-ieħor bħala “Għadha għaddejja”; jikkonstata, barra minn hekk, li fir-rigward taż-żewġ kummenti li saru fir-rapport tal-Qorti tal-2012, ittieħdu wkoll azzjonijiet korrettivi u kumment wieħed issa huwa mmarkat bħala “Ikkompletata” u l-ieħor bħala “Mhux applikabbli”;

2.

Jieħu nota, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Eurojust, li din introduċiet għadd ta' miżuri intiżi li jnaqqsu r-riporti awtomatiċi tal-approprjazzjonijiet ta' impenn, fosthom rapport ta' tbassir ġdid u taħriġ obbligatorju rigward iċ-“ċiklu ta' ħajja tan-nefqa” għall-atturi kollha involuti fl-implimentazzjoni tal-baġit,

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

3.

Jikkonstata mir-rapport tal-Qorti li l-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati għat-titoli differenti kien ivarja bejn 99 % u 98 % tat-total tal-approprjazzjonijiet, fatt li jindika li l-impenji ġuridiċi ttieħdu f'waqthom;

4.

Jieħu nota tal-kummenti tal-Qorti li jindikaw titjib meħtieġ fir-rigward tal-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-baġit; jinnota fl-istess ħin li l-iskadenza għat-talbiet għar-rimbors ta' spejjeż relatati ma' timijiet ta' investigazzjoni konġunta sussidjati minn Eurojust tiddependi, fil-maġġoranza tal-każijiet, min-natura tax-xogħol investigattiv, li mhux dejjem jista' jiġi ppjanat u ta' spiss jista' jdum sa tmiem is-sena.

5.

Jieħu nota, madankollu, f'dan ir-rigward, tal-ġustifikazzjonijiet identifikati mill-Qorti u l-isforzi li diġà saru minn Eurojust f'dan is-sens, fejn din tal-aħħar diġà implimentat il-pariri tal-Qorti u wettqet tnaqqis tal-għadd ta' linji baġitarji ta' 26,4 % għas-sena finanzjarja 2014;

6.

Iqis li, b'mod ġenerali, għandha tingħata attenzjoni akbar lill-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba min-naħa ta' Eurojust fir-rigward tal-prinċipju tal-annwalità tal-baġit, jiġifieri l-ekonomija, l-effikaċja u l-prestazzjoni li bihom din tuża l-approprjazzjonijiet fit-twettiq tal-kompiti tagħha;

Impenji u riporti

7.

Jikkonstata bi tħassib li l-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati kien għoli għat-Titolu III (Nefqa operattiva) f'livell ta' EUR 2 341 825 jew 32 %; jieħu nota li dan il-livell għoli huwa prinċipalment dovut għat-trasferiment tal-ġestjoni interna tas-software lil fornitur ta' servizzi ġdid fi tmiem is-sena;

Trasferimenti

8.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu li fl-2013 l-Eurojust għamlet 49 trasferiment baġitarju u b'hekk intlaqtu 101 linja baġitarja, fatt li jindika nuqqasijiet serji fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit u ġestjoni inadegwata; iħeġġeġ lill-Eurojust twettaq l-għan tagħha li tnaqqas l-għadd ta' linji baġitarji u li tinforma lill-awtorità tal-kwittanza bil-progress f'dan ir-rigward;

Proċeduri ta' akkwist u ta' reklutaġġ

9.

Jieħu nota, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Eurojust, li l-proċeduri ta' reklutaġġ tagħha nbidlu b'segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti; jikkonstata li l-proċeduri issa jiggarantixxu li l-mistoqsijiet għat-testijiet u għall-intervisti huma ppreparati qabel l-eżami tal-applikazzjonijiet min-naħa tal-Bord ta' Selezzjoni u li l-ponderazzjoni bejn it-testijiet bil-miktub u l-intervisti hija definita qabel l-iskrinjar tal-kandidati;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

10.

Jieħu nota tal-intenzjoni deċiża tal-Eurojust li tirrieżamina l-arranġamenti tagħha għall-prevenzjoni u għall-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess abbażi tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Ġestjoni tal-Kunflitti ta' Interess fl-Aġenziji Deċentralizzati tal-UE;

11.

Jiddispjaċih, madankollu, li l-proċess ta' rieżami ma ġiex finalizzat u jiddubita l-impenn tal-Eurojust li timplimenta' politika b'saħħitha għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess; jikkunsidra li n-nuqqas li tiġi adottata politika kontra l-kunflitti ta' interess jipprevjeni riżultati konkreti f'din il-kwistjoni;

12.

Jitlob lill-Eurojust biex tadotta b'urġenza l-arranġamenti riveduti tagħha għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, biex tinforma lill-awtorità tal-kwittanza u biex tippubblika r-riżultati konkreti sa tmiem Ottubru 2015;

13.

Jieħu nota, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Eurojust, li s-CVs tal-Membri tal-Bord ta' Tmexxija tagħha u tad-Direttur Amministrattiv tagħha huma disponibbli għall-pubbliku fis-sit web tagħha; josserva li għadha pendenti l-approvazzjoni mill-Bord ta' Tmexxija tal-Eurojust tal-mudelli għad-dikjarazzjonijiet tal-interessi u jitlob l-adozzjoni tagħhom sa tmiem Lulju 2015; jistieden lill-Eurojust tinforma mill-aktar fis possibbli lill-awtorità ta' kwittanza bil-progess li sar f'dan ir-rigward; u jħeġġiġha tippubblika d-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-persunal u l-esperti tagħha sa tmiem Ottubru 2015;

14.

Jikkonkludi, b'dispjaċir, li l-Eurojust naqset milli tieħu l-passi rilevanti għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u milli tiżgura t-trasparenza;

Awditjar intern

15.

Jieħu nota li fl-2013 is-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni wettaq awditu fil-Eurojust biex joffri riassigurazzjoni li s-sistemi ta' kontroll tagħha huma adegwati biex jiġġestixxu r-riskji materjali;

16.

Jinsab imħasseb li ma tul l-analiżi ta' dak ir-riskju, l-IAS identifika ċerti proċessi ta' riskju inerenti għoli li ma setgħux jitqiesu bħala reviżjonabbli fl-ambitu tal-pjan ta' awditjar, billi l-kontrolli kienu assenti jew insuffiċjenti; jikkonsata li l-Eurojust ippreżentat pjan ta' azzjoni intiż li jittratta dawk il-lakuni, li hu meqjus xieraq u se jingħatalu segwitu mill-IAS matul il-valutazzjoni tar-riskju fil-fond li jmiss tiegħu;

17.

Jieħu nota li fl-2013 il-IAS wettaq ukoll rieżami dokumentarju bħala segwitu għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu; jikkonstata li miż-żewġ rakkomandazzjonijiet mmarkati bħala “Importanti Ħafna”, l-implimentazzjoni ta' waħda minnhom ġiet ittardjata meta mqabbel mal-pjan oriġinali, filwaqt li l-oħra ġiet meqjusa magħluqa, u li fi tmiem is-sena l-ebda rakkomandazzjoni kritika ma kienet miftuħa;

Kummenti oħra

18.

Jinnota li fl-2011 il-Qorti identifikat kwistjoni dwar id-dupplikazzjoni tar-responsabbiltajiet bejn id-Direttur Amministrattiv u l-Kulleġġ tal-Eurojust; jinnota li din il-kwistjoni għadha miftuħa, billi l-ebda miżura korrettiva ma ttieħdet mill-Kulleġġ biex terġa' tiġi kkunsidrata d-definizzjoni tar-rwoli u r-responsabbilitajiet rispettivi sabiex tiġi evitata din id-dupplikazzjoni; jistieden lill-Eurojust tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar is-sejba ta' soluzzjoni għal din il-kwistjoni bħala kwistjoni ta' urġenza;

19.

Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 (1) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)  Testi adottati ta' din id-data, P8_TA(2015)0130 (ara l-paġna 431 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


Top