EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015BP0930(14)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2013

ĠU L 255, 30.9.2015, p. 164–166 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2015/930(14)/oj

30.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 255/164


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tad-29 ta' April 2015

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2013

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2013,

wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0081/2015),

A.

billi, skont ir-rapporti finanzjarji tiegħu, il-baġit finali tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (“l-Uffiċċju”) għas-sena finanzjarja 2013 kien jammonta għal EUR 3 557 219, li jirrappreżenta żieda ta' 11,51 % meta mqabbel mal-2012, u dan minħabba l-fatt li l-Korp ġie stabbilit reċentement;

B.

billi, skont ir-rapporti finanzjarji tiegħu, il-kontribuzzjoni kumplessiva tal-Unjoni lill-baġit tal-Uffiċċju għall-2013 kien jammonta għal EUR 3 556 000, li jirrappreżenta żieda ta' 11,47 % meta mqabbel mal-2012;

C.

billi l-Qorti tal-Awdituri, fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2013 (“ir-rapport tal-Qorti”), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Uffiċċju huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Segwitu għall-kwittanza 2012

1.

Jikkonstata b'sodisfazzjon mir-rapport tal-Qorti li fir-rigward it-tliet kummenti li saru fir-rapport tal-Qorti tal-2011 u mmarkati bħala “Għadha għaddejja” fir-rapport tal-Qorti tal-2012, ittieħdu azzjonijiet korrettivi u l-kummenti kollha huma mmarkati fir-rapport tal-Qorti tal-2013 bħala “Ikkompletata”; jikkonstata, barra minn hekk, li għall-għaxar kummenti li saru fir-rapport tal-Qorti tal-2012, ittieħdu wkoll azzjonijiet korrettivi u issa tmien kummenti huma mmarkati bħala “Ikkompletata”, u tnejn bħala “Għadha għaddejja”;

2.

Jieħu nota, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Uffiċċju, li dan intervjena biex jimmitiga l-implimentazzjoni tal-baġit u jimmonitorja l-kwistjonijiet fil-forma ta' laqgħat baġitarji li jsiru kull xahar tal-maniġers tal-Uffiċċju, kif anki rendikontijiet dettaljati tal-progress tal-implimentazzjoni tal-baġit, ippreżentati trimestralment lill-Kumitat ta' Tmexxija għall-kummenti;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

3.

Jikkonstata li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2013 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 89,55 % u li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet 76,58 %;

4.

Jieħu nota mir-rapport tal-Qorti li r-rati ta' implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju tjiebu konsiderevolment meta mqabblin mal-2012, fatt li jindika ppjanar aħjar u attivitajiet ta' implimentazzjoni aktar f'waqthom; josserva, madankollu, li għad hemm lok għal aktar titjib;

5.

Jilqa' pożittivament l-isforzi tal-Uffiċċju intiżi li jtejbu l-akkuratezza tal-ippjanar baġitarja tiegħu kif ukoll inaqqsu sal-minimu l-kanċellazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' impenn; jistieden lill-Uffiċċju jinforma lill-awtorità tal-kwittanza bir-riżultati ta' tali azzjonijiet;

Impenji u riporti

6.

Jikkonstata bi tħassib li l-livell ta' riporti kanċellati mill-2012 baqa' relattivament għoli fi 28 % filwaqt li fl-2012, kien 45 %; jieħu nota, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Uffiċċju, li l-kwistjoni tal-livell għoli ta' kanċellazzjonijiet se tkompli tiġi affrontata minn analiżi bir-reqqa tal-ammonti riportati fi tmiem is-sena, li suppost se jnaqqas il-livelli kumplessivi ta' riporti;

7.

Jieħu nota mir-rapport tal-Qorti li l-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati naqas minn 19 %, kif osservat fl-2012, għal 13 % fl-2013; jieħu nota li r-riporti kienu fil-biċċa l-kbira relatati ma' kuntratti ffirmati fit-tieni nofs tal-2012 għal attivitajiet ippjanati fl-2013 u fl-2014.

Proċeduri ta' akkwist u ta' reklutaġġ

8.

Jikkonstata li għas-sena 2013, la l-kampjuni ta' tranżazzjonijiet u lanqas ir-riżultati tal-awditi ma wasslu għal kummenti dwar il-proċeduri ta' akkwist jew ta' reklutaġġ tal-Uffiċċju fir-rapport tal-Qorti;

9.

Jieħu nota li fi tmiem is-sena, l-Uffiċċju impjega 25 membru tal-persunal u kellu sitt postijiet battala minn 28 post awtorizzat; jieħu nota li fl-2013, l-Uffiċċju ffinalizza sitt proċeduri ta' reklutaġġ u impjega membri tat-tim għal żewġ postijiet ta' AST, tliet postijiet ta' aġenti kuntrattwali u mela pożizzjoni bħala espert nazzjonali ssekondat għal perjodu ta' xahrejn; jieħu nota li fl-2013 bdew żewġ proċeduri ta' reklutaġġ oħra;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

10.

Jieħu nota, abbażi tal-informazzjoni fornuta mir-rapport annwali ta' attività tal-Uffiċċju, li skont r-Regolament (KE) Nru 1211/2009, l-Uffiċċju għandu jiżvolġi l-attivitajiet tiegħu, flimkien mal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC), b'livell għoli ta' trasparenza u jrid jiżgura li lill-pubbliku u lil kwalunkwe parti interessata tingħatalhom informazzjoni oġġettiva, affidabbli u faċilment aċċessibbli fir-rigward tar-riżultati ta' xogħlu;

11.

Jieħu nota, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Uffiċċju, li dan qiegħed jassumi r-responsabbiltà li jiġġestixxi d-dokumenti kollha maħluqa fil-kors tal-attivitajiet tal-BEREC kif ukoll li jiggarantixxi t-trasparenza massima tax-xogħol tal-BEREC, f'konformità mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ; jieħu nota wkoll tal-fatt li tali kompiti jitwettqu billi jinżamm ir-reġistru pubbliku tad-dokumenti tal-BEREC u tal-Uffiċċju, kif ukoll is-sit web tiegħu, u billi jiġu garantiti t-trasparenza u l-effiċjenza tal-proċeduri interni kemm tal-BEREC kif ukoll tal-Uffiċċju;

Awditjar intern

12.

Jikkonstata li fl-2013, is-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni wettaq rieżami limitat tal-adegwatezza tad-disinn u tal-effikaċja tal-implimentazzjoni tal-istandards ta' kontroll intern (ICS), li kopra 16-il ICS adottati mill-Kumitat ta' Tmexxija f'Mejju 2011; jikkonstata, barra minn hekk, li bħala riżultat ta' tali rieżami limitat, u fid-dawl tal-fatt li l-Uffiċċju kien stabbilit reċentement u tal-istatus attwali tal-operazzjonijiet u tal-amministrazzjoni, l-IAS ifformula 18-il rakkomandazzjoni, li minnhom waħda hija mmarkata bħala “Kritika” u erbgħa bħala “Importanti ħafna”;

13.

Jikkonstata li għadhom miftuħin żewġ kwistjonijiet, li huma l-implimentazzjoni ta' kontrolli adegwati tas-sigurtà tal-informazzjoni u l-istabbiliment ta' proċess sistematiku ta' ġestjoni tar-riskju; josserva li attwalment l-Uffiċċju qiegħed jindaga għal soluzzjoni xierqa biex jissolvew dawn iż-żewġ kwistjonijiet mill-aktar fis; jistieden lill-Uffiċċju jirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-progress li jsir f'dan ir-rigward;

14.

Jieħu nota, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Uffiċċju, li b'segwitu għat-tali awditu, huwa pprepara pjan ta' azzjoni li l-IAS qies li kien qiegħed jaffronta r-riskji identifikati u, jekk implimentat kif ippjanat, adatt biex jimmitigahom;

Kummenti oħra

15.

Jiddispjaċih immens li 91 % tar-rimborżi lill-esperti tal-2013 saru tard; jikkonstata, minbarra dan, li fl-ewwel semestru tal-2013, il-pagamenti tardivi kienu skadew b'medja ta' 78 ġurnata, filwaqt li fit-tieni semestru tal-2013 kienu skadew b'medja ta' 33 ġurnata; jieħu nota, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Uffiċċju, li dan se jeżamina diversi metodi ħalli jnaqqas id-dewmien fil-pagamenti u jiffissa objettiv ta' 30 ġurnata; jistieden lill-Uffiċċju jsolvi din il-kwistjoni b'urġenza u jirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-miżuri meħuda għal dan il-għan u dwar ir-riżultati tagħhom;

16.

Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 (1) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)  Testi adottati ta' din id-data, P8_TA(2015)0130 (ara l-paġna 431 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


Top