Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015BP0930(12)

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tat-tmien, tad-disa' u tal-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2013

    ĠU L 255, 30.9.2015, p. 144–152 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2015/930(12)/oj

    30.9.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 255/144


    RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tad-29 ta' April 2015

    li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tat-tmien, tad-disa' u tal-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2013

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tat-tmien, tad-disa' u tal-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2013,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 93, l-Artikolu 94(3) u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0102/2015),

    A.

    billi l-għan ewlieni tal-Ftehim ta' Cotonou bħala l-qafas tar-relazzjonijiet tal-Unjoni mal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u l-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej (PTEE) huwa li jnaqqas u eventwalment jeqred il-faqar, f'konformità mal-objettivi ta' żvilupp sostenibbli u l-integrazzjoni gradwali tal-Istati AKP u l-PTEE fl-ekonomija dinjija;

    B.

    billi l-objettivi speċifiċi fil-qasam tal-politika tal-iżvilupp iridu jkunu salvagwardati fl-ambitu tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE); jenfasizza li kunsiderazzjonijiet oħra bħall-politika kummerċjali u kunsiderazzjonijiet tal-politika barranija u ta' sigurtà ma għandhomx ikunu rilevanti għall-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp;

    C.

    billi l-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ), iffinanzjati mill-Istati Membri, huma l-istrument finanzjarju prinċipali tal-Unjoni għall-forniment tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp lill-Istati AKP u billi l-Kummissjoni hija responsabbli għalihom fi ħdan il-proċedura ta' kwittanza;

    D.

    billi l-istrumenti ta' prefinanzjament imħallsa mill-Kummissjoni Ewropea jlaħħqu l-EUR 424 miljun u d-dħul operanti ammonta għal EUR 124 miljun għas-sena finanzjarja 2013;

    E.

    billi l-FEŻ iddefinixxa l-istrateġija u l-oqsma ta' prijorità tiegħu abbażi ta' preferenzi politiċi kif ukoll ta' kriterji ekonomiċi u finanzjarji marbutin ma' kriterji ta' effiċjenza ġenerali, u jaħdem bi strumenti finanzjarji adegwati biex jissodisfa dawn il-prijoritajiet definiti fuq bażi sostenibbli u fuq terminu twil;

    F.

    billi fil-kuntest tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp jeżisti esponiment inerenti għal livell għoli ta' riskju, minħabba l-ambjent ġeopolitiku, istituzzjonali u amministrattiv li ta' spiss jiġi assoċjat mal-instabbiltà u ma' kuntest fraġli;

    G.

    billi l-livell u n-natura tal-impenn tal-Unjoni jridu jkunu differenzjati u kundizzjonati, skont il-progress li jkun jista' jitkejjel f'oqsma varji bħad-demokratizzazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba, l-iżvilupp soċjoekonomiku sostenibbli, l-istat tad-dritt, it-trasparenza u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

    H.

    billi l-użu ta' strumenti finanzjarji innovattivi bħall-mekkaniżmi ta' taħlit huwa meqjus bħala mezz wieħed kif jiġi estiż l-ambitu ta' għodod eżistenti bħall-għotjiet u s-selfiet u jinkludi wkoll sfidi f'termini ta' sorveljanza u governanza;

    I.

    billi huwa fundamentali li l-viżibbiltà tal-Unjoni tiġi żgurata u li l-valuri tal-Unjoni jiġu promossi fl-interventi kollha tal-Unjoni;

    J.

    billi l-“ibbaġitjar” tal-FEŻ, jiġifieri l-inkorporazzjoni u l-integrazzjoni tiegħu fl-istruttura baġitarja tal-Unjoni, jibqa' prijorità għall-Parlament; billi l-inklużjoni tal-FEŻ fil-baġit ġenerali taf tissarraf f'aktar sigurtà finanzjarja għall-pajjiżi benefiċjarji iżda wkoll f'titjib tal-koerenza politika u tal-iskrutinju demokratiku;

    K.

    billi l-appoġġ baġitarju jinvolvi riskju fiduċjarju konsiderevoli, partikolarment sensiela ta' sfidi f'termini ta' trasparenza, responsabbiltà u ġestjoni finanzjarja tajba; billi l-appoġġ baġitarju jesiġi kontroll attent u djalogu politiku bejn l-Unjoni u l-pajjiż sieħeb f'dawk li huma l-objettivi, il-progress li sar biex jinkisbu r-riżultati miftiehma u l-indikaturi tal-prestazzjoni kif ukoll analiżi tar-riskji sistematika u strateġija ta' mitigazzjoni tar-riskji li għandhom jissaħħew ulterjorment;

    Dikjarazzjoni ta' Assigurazzjoni

    Affidabbiltà tal-kontijiet

    1.

    Jilqa' l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-kontijiet annwali finali tat-tmien, tad-disa' u tal-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena 2013 jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-FEŻ fil-31 ta' Diċembru 2013, u li r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħhom, il-flussi tal-flus tagħhom u l-bidliet fl-assi netti għas-sena jinstabu f'konformità mar-Regolament Finanzjarju tal-FEŻ u mal-istandards kontabilistiċi għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment;

    2.

    Jinnota b'sodisfazzjon it-titjib li nkiseb fir-rigward tan-numru u l-valur ta' rkupri li juru żieda meta mqabbla mal-2012, b'24 irkupru li jammontaw għal EUR 4,7 miljun fl-2013 meta mqabbla ma' 13-il irkupru li jammontaw għal EUR 1,3 miljun fl-2012;

    3.

    Jinsab imħasseb bil-kbir, madankollu, dwar il-fatt li l-uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega xorta waħda għadhom ma jikkonformawx sistematikament mar-regola li għal pagamenti ta' prefinanzjament ta' aktar minn EUR 750 000 l-Kummissjoni hija obbligata tirkupra mgħax fuq bażi annwali u li l-ammont ta' dħul mill-imgħax żvelat fil-kontijiet huwa parzjalment ibbażat fuq stimi;

    4.

    Jiddispjaċih, barra minn hekk, li l-imgħax gwadanjat fuq il-prefinanzjament bejn EUR 250 000 u EUR 750 000 kien għadu mhux rikonoxxut bħala dħul finanzjarju fir-rapporti finanzjarji minħabba li l-iżvilupp tas-Sistema Komuni ta' Informazzjoni RELEX (CRIS) kien għadu mhux komplut;

    Legalità u regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    5.

    Jilqa' l-opinjoni tal-Qorti, skont liema d-dħul u l-impenji li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għas-sena 2013 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

    6.

    Jesprimi tħassib, madankollu, dwar il-valutazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri relatata mal-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet, skont liema s-sistemi ta' superviżjoni u kontroll fis-sede ċentrali tal-EuropeAid u d-delegazzjonijiet tal-Unjoni huma parzjalment effikaċi biss biex jiżguraw il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti;

    7.

    Jiddispjaċih li skont l-istima tal-Qorti tal-Awdituri, ir-rata tal-iżball l-aktar probabbli għat-tranżazzjonijiet ta' nfiq mit-tmien, mid-disa' u mill-għaxar FEŻ hija 3,4 %, rata li tindika tnaqqis żgħir meta mqabbla mal-2012 (3 %) iżda xorta tibqa' aktar baxxa mill-quċċata milħuqa fl-2011 (5,1 %);

    8.

    Jieħu nota tal-fatt li r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-attivitajiet tal-FEŻ għas-sena finanzjarja 2013 jindika li r-rata ta' żball żdiedet meta mqabbla mas-sena preċedenti u li għadha tinsab f'livell għoli wisq; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem biex tilħaq ir-rata ta' żball miftiehma ta' 2 %;

    9.

    Jieħu nota u jiddispjaċih li l-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet huma dovuti għan-nuqqasijiet tas-sistema ta' sorveljanza u li l-pagamenti kienu materjalment milquta minn żball; jieħu nota li 27 % tal-pagamenti kienu milquta minn żball, jiġifieri 45 mill-165 tranżazzjoni ta' pagament ittestjata;

    10.

    Jieħu nota tar-riżultati tal-ikkampjunar fir-rigward ta' proġetti fejn 42 fost 130 pagament (32 %) kienu milquta minn żball, u b'mod partikolari l-fatt li 30 pagament minn dawn it-42 ġew ikklassifikati bħala żbalji kwantifikabbli, bi 17-il tranżazzjoni finali awtorizzata wara li kienu saru l-kontrolli ex ante kollha;

    11.

    Jiddispjaċih għall-fatt li minkejja l-pjan ta' azzjoni korrettiva li ġie stabbilit f'Mejju 2013, it-tipoloġija tal-iżbalji identifikati hija, fil-biċċa l-kbira, simili għal dik ta' snin preċedenti, jiġifieri nuqqas ta' dokumenti ta' sostenn, nuqqas ta' konformità mill-benefiċjarji mad-dispożizzjonijiet tal-akkwist u nfiq mhux eleġibbli; josserva li dawn l-iżbalji kienu wkoll relatati ma' tranżazzjonijiet marbutin mal-attivitajiet li ġejjin: (i) stimi ta' programmi, (ii) għotjiet u (iii) ftehimiet ta' kontribuzzjonijiet bejn il-Kummissjoni u organizzazzjonijiet internazzjonali;

    12.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi tagħha f'dawn l-oqsma speċifiċi ta' kooperazzjoni billi tirfina l-pjan eżistenti ta' azzjoni korrettiva li ġie stabbilit, speċjalment meta żbalji kwantifikabbli jindikaw nuqqasijiet fil-kontrolli minn organizzazzjonijiet internazzjonali dwar il-konformità mad-dispożizzjonijiet kuntrattwali bħala parti mill-isforz ġenerali biex jittejbu l-metodi ta' ġestjoni tar-riskju u s-sistemi kumplessivi ta' ġestjoni u kontroll;

    Riskji relatati mar-regolarità u l-effikaċja tal-mekkaniżmi ta' kontroll

    13.

    Jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni tal-FEŻ, li tinvolvi l-użu ta' bosta modus operandi u diversi metodi ta' twassil (ġestjoni diretta ċentralizzata u ġestjoni indiretta) b'regoli u proċeduri kumplessi, bħall-offerta u l-għoti ta' kuntratti, u b'kopertura ġeografika wiesgħa, tippreżenta livell għoli ta' riskju inerenti li jagħmilha diffiċli biex tiġi ottimizzata s-sistema ta' kontroll u tissaħħaħ it-trasparenza ta' finanzjament tal-FEŻ;

    14.

    Huwa mħasseb ħafna li, skont l-evalwazzjoni tal-Qorti, il-kontrolli ex ante mwettqa qabel ma jkunu eżegwiti t-tranżazzjonijiet ta' pagament tal-proġetti għadhom jippreżentaw dgħufijiet konsiderevoli;

    15.

    Jistieden lill-Kummissjoni toqgħod attenta b'mod regolari għall-kwalità u l-adegwatezza tal-kontrolli ex ante mwettqa mill-partijiet kollha (il-persunal tal-Kummissjoni u l-awdituri esterni) qabel ma jsiru l-pagamenti tal-proġetti u speċjalment minħabba l-ambjent ta' riskju politiku u operattiv għoli;

    16.

    Jieħu nota li kemm għall-appoġġ baġitarju (b'EUR 718 miljun f'pagamenti magħmula mill-FEŻ fl-2013) kif ukoll għall-kontribuzzjonijiet tal-Unjoni lil proġetti multidonatur magħmula minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti (NU) (il-pagamenti mill-FEŻ kienu jammontaw għal EUR 458 miljun fl-2013), in-natura tal-istrument u l-kundizzjonijiet ta' pagament jillimitaw il-punt sa fejn it-tranżazzjonijiet huma suxxettibbli għal żbalji;

    17.

    Jinsab imħasseb dwar il-kwistjoni rikorrenti li nstabu kontinwament żbalji dwar id-dikjarazzjonijiet ta' spiża finali, minkejja l-awditi esterni u l-verifikazzjonijiet ta' nfiq;

    18.

    Iħeġġeġ lid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni (DĠ DEVCO) jintervjeni skont ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti fl-2011 biex isaħħaħ il-kapaċità tal-Kapaċità tal-Awditjar Intern mill-aktar fis possibbli, bil-għan li jkun jista' jeżegwixxi l-kompiti tiegħu b'mod effikaċi;

    Strateġija u prijoritajiet

    19.

    Jenfasizza li l-attivitajiet kollha tal-FEŻ iridu jsegwu b'mod preċiż l-istrateġija u l-oqsma ta' prijorità ġenerali bbażati fuq il-preferenzi politiċi, kif ukoll fuq kriterji ta' effiċjenza ekonomika u finanzjarja, li konsegwentement jiġu riflessi fil-prestazzjoni tal-ġestjoni, inklużi l-ġestjoni tar-riskju, l-attivitajiet ta' kontroll u l-forma konkreta tal-istrumenti finanzjarji għal dan il-għan;

    20.

    Jiġbed l-attenzjoni, fid-dawl tal-fatt li qed issir aktar enfasi fuq il-prestazzjoni tal-għajnuna tal-Unjoni, għall-fatt li l-Afrika Sub-Saħarjana hija r-reġjun li jinsab l-aktar lura fir-rigward tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) u hija l-uniku reġjun fid-dinja fejn, skont it-tbassir, il-faqar wisq probabbli mhux se titnaqqas bin-nofs sal-2015; jinsab imħasseb dwar il-fatt li t-tnaqqis fil-livelli ta' Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) għas-servizzi soċjali matul dawn l-aħħar snin, b'mod partikolari fis-settur tal-edukazzjoni u tas-saħħa riproduttiva, qed jhedded li jreġġa' lura l-progress li sar fil-qasam tal-iżvilupp tal-kapital uman;

    21.

    Jikkonkludi li l-intensifikazzjoni tal-isforzi hija meħtieġa sabiex titħaffef il-kisba tal-MDGs fl-Afrika sad-data mmirata tal-2015; jistieden lill-Kummissjoni tqis, bħala bażi għall-awditjar tal-prestazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri, l-Aġenda għall-Iżvilupp ta' wara l-2015 u n-negozjati dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli ladarba adottati; jilqa' l-fatt li l-FEŻ, li huma l-istrument ewlieni li jipprovdu l-għajnuna tal-Unjoni għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp lill-Istati AKP, kienu jammontaw għal madwar 45 % tal-valur totali ta' kuntratti ġodda konklużi mid-DĠ DEVCO fl-2013;

    22.

    Jinnota li fl-2013 intlaħaq ftehim dwar l-istabbiliment tal-11-il FEŻ b'valur totali ta' kważi EUR 27 biljun (fi prezzijiet tal-2011), b'tali mod li l-fondi huma ffriżati fil-livell tal-10 FEŻ, minflok ma jiżdiedu bi 13 % kif kienet ipproponiet il-Kummissjoni, minkejja l-impenn kontinwu tal-Unjoni li żżid il-finanzjament għall-iżvilupp fis-snin li ġejjin;

    Monitoraġġ u superviżjoni

    23.

    Jinsab serjament imħasseb dwar in-nuqqasijiet li baqa' fis-sistema ta' informazzjoni għall-ġestjoni f'dak li jikkonċerna r-riżultati tal-awditi esterni u s-segwitu għal tali awditi, il-verifikazzjonijiet ta' nfiq u ż-żjarat ta' monitoraġġ, minkejja l-impenn tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-kwalità tad-data tal-CRIS f'dawn l-aħħar snin;

    24.

    Ifakkar li l-affidabbiltà u l-preċiżjoni tas-sistema ta' informazzjoni għall-ġestjoni tiżvolġi rwol ċentrali li jeħtieġ viġilanza persistenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex tiżviluppa u tistabbilixxi funzjonijiet ġodda fil-modulu tal-awditjar tas-sistema ta' ġestjoni tagħha CRIS u, b'mod partikolari, is-segwitu għar-rapporti kollha tal-awditjar u għat-tipi kollha ta' evalwazzjoni; iqis li huwa fundamentali li jkun hemm sistemi ta' monitoraġġ konsistenti orjentati lejn ir-riżultati biex jipprovdu informazzjoni adegwata u affidabbli dwar ir-riżultati miksuba bil-għan li l-prijoritajiet strateġiċi jiġu aġġustati;

    25.

    Meta wieħed iqis li l-biċċa l-kbira tal-FEŻ huma implimentati b'mod devolut mid-delegazzjonijiet tal-Unjoni; jistieden lill-kwartieri ġenerali tad-DĠ DEVCO jagħtuhom appoġġ konsistenti fil-ġestjoni tal-portafoll tagħhom skont il-komponenti tar-riskju rispettivi permezz tal-CRIS; jinkoraġġixxi mill-ġdid li jsir l-aħjar użu mill-possibblitajiet ipprovduti mill-valutazzjoni tar-riskju fil-qafas tas-segwitu għall-operazzjonijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni;

    26.

    Jilqa' favorevolment il-fatt li l-introduzzjoni tal-istudju ta' kejl dwar ir-rata tal-iżball residwu għal tranżazzjonijiet magħluqa hija eżempju tal-operat tal-ambjent tal-ġestjoni tad-DĠ DEVCO;

    27.

    Jinnota li abbażi tat-tieni studju fl-2013, ir-rata ta' żball stmata mid-DĠ DEVCO kienet 3,35 % (jiġifieri madwar EUR 228,55 miljun) meta mqabbla mar-rata ta' 3,4 % stmata mill-Qorti tal-Awdituri; jinnota bi tħassib li l-kawżi ewlenin identifikati huma n-nuqqas ta' dokumentazzjoni sodisfaċenti pprovduta minn organizzazzjonijiet benefiċjarji, żbalji minħabba nuqqas ta' evidenza disponibbli għall-iċċekkjar tar-regolarità tat-tranżazzjonijiet, nuqqas ta' konformità mal-proċeduri ta' akkwist pubbliku u ammonti mhux irkuprati u mhux ikkoreġuti;

    28.

    Iqis li l-prijoritizzazzjoni għandha mnejn tiġi integrata fil-pjan ta' azzjoni żviluppat minn DEVCO għall-implimentazzjoni ta' azzjonijiet ta' mitigazzjoni billi l-enfasi titqiegħed fuq oqsma ta' tħassib speċifiċi u mill-aktar kritiċi u fuq l-opportunitajiet għall-kosteffiċjenza; jistieden lid-DĠ DEVCO biex fir-rapport ta' attività annwali jindika l-progress li jkun għamel jew diffikultajiet speċifiċi li jkun iltaqa' magħhom fl-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni;

    29.

    Jemmen li se jkun utli li jiġu identifikati b'mod ċar liema attivitajiet ta' bbaġitjar ibbażat fuq l-attività jippreżentaw l-aktar nuqqasijiet u żbalji u l-ogħla livell ta' vulnerabbiltà; huwa tal-fehma li sabiex l-kost tal-kontrolli jinżamm f'livell raġonevoli, it-trattament u l-analiżi ta' dawn l-oqsma speċifiċi jista' jsir fuq bażi ta' rotazzjoni pluriennali;

    30.

    Jirrikonoxxi fir-rigward tal-kosteffiċjenza tal-mekkaniżmi ta' kontroll li l-kwistjoni mhijiex li jiżdiedu saffi oħrajn ta' kontroll iżda li ssir ħidma fuq l-effikaċja tal-qafas tal-attivitajiet ta' kontroll u l-komplementarjetà tagħhom skont il-prinċipji ta' governanza tajba;

    31.

    Jilqa' pożittivament l-inklużjoni tal-ħarsa ġenerali tal-kostijiet kollha fir-rapport annwali ta' attività, inklużi l-kostijiet tan-nefqa amministrattiva kif ukoll il-kostijiet tas-sistemi ta' monitoraġġ u kontroll;

    32.

    Jilqa' r-rieżami tar-Rapporti dwar il-Ġestjoni tal-Assistenza Esterna, li issa jinkludi sommarju tal-miżuri korrettivi għal kwalunkwe żball identifikat u l-introduzzjoni tal-assigurazzjoni mill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet li se jżidu l-livell ta' responsabbiltà tagħhom fil-katina ta' assigurazzjoni globali u l-eżawrjenza tar-rappurtar tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni;

    Appoġġ baġitarju

    33.

    Jikkonstata b'interess l-implimentazzjoni tal-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni għall-metodu tal-appoġġ baġitarju; josserva li fl-2013, ġie allokat total ta' EUR 660 miljun lill-operazzjonijiet il-ġodda ta' appoġġ baġitarju fl-Afrika, użat parzjalment għall-implimentazzjoni tal-“inizjattiva MDG” biex jingħata sostenn lil dawk il-pajjiżi li waqgħu lura f'setturi importanti bħas-saħħa, l-ilma, is-sanità, is-sigurtà fl-ikel u n-nutrizzjoni;

    34.

    Filwaqt li jikkunsidra l-għan tal-appoġġ baġitarju, b'kontribuzzjonijiet trasferiti direttament lejn il-baġit ġenerali tal-pajjiżi benefiċjarji jew lejn baġit dedikat għal politika ġenerali jew objettiv speċifiku, jinsisti li l-appoġġ baġitarju jirrispetta l-kundizzjonijiet ta' eleġibbiltà ġenerali u jorbothom strettament mat-twettiq ta' progress sostanzjali mill-pajjiżi sħab, b'mod partikolari fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi; jilqa' kieku favorevolment l-iżvilupp ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni vinkolanti bil-għan li jitnaqqsu r-riskji;

    35.

    Jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn ta' sostenn lill-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni fis-setturi kollha tal-gvern koperti mill-istrateġija ta' kooperazzjoni tal-Unjoni; jenfasizza li għadu għoli r-riskju li r-riżorsi jkunu devjati u li r-riskji ta' korruzzjoni u ta' frodi huma marbuta mal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi;

    36.

    Itenni l-bżonn li jiġu applikati l-KPIs lill-programmi kollha ta' appoġġ baġitarju kontinwi; jissottolinja li għandha ssir enfasi fuq il-prinċipju ta' differenzjazzjoni, biex tkun evitata interpretazzjoni wiesgħa wisq tal-kundizzjonalità tal-iżborż tal-appoġġ baġitarju; jesiġi sostenn qawwi lill-mekkaniżmi antikorruzzjoni, peress li l-korruzzjoni tidher li hija waħda mill-kwistjonijiet ċentrali li tnaqqas l-effikaċja tal-programmi ta' appoġġ u għaldaqstant il-kawża tan-nuqqas ta' effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp Ewropea; jisħaq għalhekk fuq il-bżonn li tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar il-miżuri ta' governanza tajba u l-miżuri antikorruzzjoni;

    37.

    Jikkritika l-fatt li fl-użu finali l-fondi trasferiti huma magħquda mar-riżorsi tal-baġit tal-pajjiż sieħeb kif ukoll in-nuqqas ta' traċċabbiltà tal-fondi tal-Unjoni; jitlob rapport dettaljat pubbliku għal dak li għandu x'jaqsam mal-użu tal-fondi bil-għan li tiżdied it-trasparenza u t-traċċabbiltà tal-fondi;

    38.

    Jistieden lill-Qorti, f'dan il-kuntest, telabora progressivament aktar dwar il-kwistjoni tal-korruzzjoni u tipprova tikkwantifika u tindika l-livell ta' korruzzjoni fir-rapporti speċjali tagħha kif ukoll fir-Rapport Annwali ta' Attività tal-Qorti tal-Awdituri;

    39.

    Jitlob li n-natura kundizzjonali tal-appoġġ baġitarju settorjali tintuża u tissaħħaħ b'mod sistematiku u jiġu definiti parametri adegwati għall-intervent tal-Unjoni; jilqa' kieku l-fatt li jekk il-programmi ġenerali ta' appoġġ baġitarju kollha jkunu gradwalment trasformati fi programmi ta' appoġġ baġitarju settorjali, bil-għan li jiżdied il-livell ta' kontroll u ta' obbligu ta' rendikont biex jitħarsu aktar l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

    40.

    Jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati djalogu politiku xieraq imsejjes fuq l-inċentivi, monitoraġġ kontinwu tar-riformi settorjali u tal-programmi li jkejlu l-prestazzjoni u sostenibbiltà tar-riżultati permezz tas-sistemi ta' ġestjoni finanzjarja tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-appoġġ baġitarju fil-pajjiżi sħab;

    41.

    Jistieden lill-Kummissjoni ssostni enerġikament l-iżvilupp tal-korpi, tal-kompetenzi u tal-kapaċitajiet ta' kontroll parlamentari u ta' viġilanza fil-pajjiżi sħab, anki permezz tal-forniment kontinwu ta' assistenza teknika; jinsisti li korp nazzjonali indipendenti ta' awditjar għandu jkun kundizzjoni għall-għoti ta' appoġġ baġitarju;

    42.

    Isostni enerġikament il-kapaċità tal-Kummissjoni li twaqqaf it-trasferimenti tal-fondi fil-pajjiżi benefiċjarji meta l-kundizzjonalitajiet ex ante, partikolarment il-kundizzjonijiet makroekonomiċi rikjesti, ma jkunu sodisfatti; jistieden lill-Kummissjoni timblokka t-trasferiment tal-fondi fil-pajjiżi b'rata għolja ta' korruzzjoni u li ma adottawx politiki mmirati biex jikkumbattu l-fenomenu;

    Kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali

    43.

    Jissuġġerixxi li, matul il-leġiżlatura l-ġdida u bil-għan li tkun ottimizzata l-kooperazzjoni, jittieħdu aktar interventi għal skambju aħjar ta' informazzjoni mal-Bank Dinji u mal-istituzzjonijiet tan-NU;

    44.

    Itenni l-appoġġ tal-Parlament għad-definizzjoni u l-iskambju tal-prattiki tajba bil-għan li jiġu stabbiliti prinċipji simili u sostenibbli ta' assigurazzjoni u konformità mar-regolamenti finanzjarji tal-Unjoni;

    45.

    Jappoġġa l-iżvelar imsaħħaħ tar-rapporti ta' awditjar tal-istituzzjonijiet tan-NU sabiex tinkiseb tmexxija aħjar tal-finanzjament tal-Unjoni;

    46.

    Jemmen li ta' min jibqa' jressaq kontinwament lejn xulxin is-sistemi ta' governanza rispettivi u l-awditi interni u esterni biex jitqabblu d-data, il-metodoloġiji u l-eżiti tagħhom;

    47.

    Jappella li l-viżibbiltà tal-finanzjamenti tal-Unjoni tkun rispettata b'mod strett fl-inizjattivi multidonatur, partikolarment meta l-finanzjamenti tal-Unjoni jkunu żburżati f'kuntest riskjuż;

    48.

    Jilqa' l-approfondiment tar-relazzjoni tal-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (Unicef) u tal-Bank Dinji mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) permezz tal-adozzjoni tal-linji gwida tal-OLAF dwar l-iskambju ta' informazzjoni u strateġiji;

    49.

    Itenni t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-11-il FEŻ li entitajiet fdati jistgħu jafdaw ulterjorment il-kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit f'idejn organizzazzjonijiet oħrajn irregolati mid-dritt privat b'kuntratt ta' servizzi, b'tali mod li tinħoloq katina ta' relazzjonijiet fiduċjarji; jistieden lill-Kummissjoni tapplika kundizzjonijiet stretti ta' sottokuntrattar u jfakkar li dawk l-entitajiet fdati għandhom jiggarantixxu livell sod ta' protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni għal dan il-mod ta' implimentazzjoni;

    50.

    Jitlob li tingħata malajr kjarifika ulterjuri dwar il-finanzjament kollettiv (inklużi l-fondi fiduċjarji) u r-riskji relatati fir-rigward tar-regolarità tat-tranżazzjonijiet, jiġifieri meta l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Kummissjoni għal proġetti multidonatur jingħaqdu ma' fondi minn donaturi oħrajn, mingħajr ma jiġu assenjati għal elementi speċifiċi u identifikabbli ta' nfiq eleġibbli;

    51.

    Jitlob li jiġi infurmat dwar l-istħarriġ preliminari tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll imwettaq mill-Kummissjoni dwar organizzazzjonijiet internazzjonali assoċjati oħrajn; jitlob ukoll informazzjoni dwar il-livell ta' komparabbiltà u konsistenza tas-sistemi diġà eżistenti;

    52.

    Jitlob li jiġi infurmat dwar il-miżuri ta' prevenzjoni u mitigazzjoni jew miżuri oħra li jistgħu jiġu attivati f'każ ta' fehma diverġenti dwar il-livell ta' assigurazzjoni li jrid jintlaħaq u r-riskju korrelattiv involut għall-infiq kollu;

    Faċilità ta' Investiment tal-Bank Ewropew tal-Investiment

    53.

    Itenni u huwa konvint li l-Faċilità ta' Investiment ġestita mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) f'isem l-Unjoni għandha tkun suġġetta anki għall-proċedura ta' kwittanza tal-Parlament, peress li hija ffinanzjata bi flus il-kontribwenti Ewropej;

    54.

    Jinnota li l-Ftehim Tripartitiku msemmi fl-Artikolu 287(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jirregola l-kooperazzjoni bejn il-BEI, il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri rigward il-modalitajiet għall-kontrolli eżerċitati mill-Qorti dwar l-attività tal-BEI fil-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni u tal-Istati Membri se jiġġedded fl-2015; jistieden lill-BEI jaġġorna l-kompetenzi tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri f'dan ir-rigward billi jinkludi kwalunkwe strument finanzjarju ġdid tal-BEI li jinvolvi fondi pubbliċi mill-Unjoni jew mill-FEŻ;

    55.

    Jilqa' l-inklużjoni, fil-pjan ta' ħidma tal-Qorti tal-Awdituri, ta' awditu dwar il-faċilità ta' investiment tal-FEŻ, wara t-talba fformulata mill-Parlament fil-kwittanza 2012, u jistenna l-eżitu ta' dan ir-rapport speċjali fl-2015;

    56.

    Jirrikonoxxi li l-BEI jappoġġa proġetti f'kuntesti b'riskju għoli, b'mod partikolari riskju politiku, b'rabta mal-instabbiltà tal-pajjiżi benefiċjarji;

    57.

    Jilqa' l-approċċ tal-BEI orjentat lejn ir-riżultati, notevolment bl-introduzzjoni ta' Qafas għall-Kejl tar-Riżultati li jippermetti l-valutazzjoni tas-solidità tal-proġetti, is-sostenibbiltà finanzjarja u ekonomika tagħhom u l-valur miżjud tal-BEI stess; jitlob li jiġi żgurat djalogu permanenti dwar l-indikaturi tal-kejl u dwar il-konverġenza tar-riżultati miksuba mas-sħab assoċjati;

    58.

    Jisħaq fuq l-importanza tal-politika ta' tolleranza żero tal-BEI fil-konfront tal-frodi u tal-korruzzjoni; ifakkar fl-importanza li ma jiġux iffinanzjati dawk l-impriżi involuti fi frodi u każijiet ta' korruzzjoni murija bil-provi; iqis inadegwata l-politika attwali tal-BEI dwar il-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx, inkluż l-aħħar addendum, u jistieden lill-BEI tadotta malajr “politika dwar it-tassazzjoni responsabbli” ġdida, skont liema l-BEI jagħmel stħarriġ forensiku tas-sidien benefiċjarji tal-impriżi ffinanzjati u, fil-każijiet li fihom il-finanzjamenti tal-BEI jmorru favur impriżi multinazzjonali, dawn tal-aħħar ikunu meħtieġa jfornu ex ante t-tagħrif diżaggregat, għal kull pajjiż li fih joperaw, tad-dħul, tal-profitti ġġenerati u tal-ammont ta' taxxa mħallas;

    59.

    Jenfasizza l-importanza li jinkiseb impatt soċjali wiesa' permezz tal-proġetti ffinanzjati mill-BEI, u jiġu evitati spekulazzjonijiet u jiġu favoriti l-azjendi lokali; jitlob valutazzjoni annwali dettaljata tal-impatt soċjali tal-proġetti ffinanzjati mill-BEI;

    60.

    Jitlob li l-għoti tal-fondi tal-Unjoni jkun konċess biss lill-intermedjarji finanzjarji li ma joperawx f'ċentri finanzjarji offshore, li għandhom parteċipazzjoni lokali qawwija u huma mgħammra bi strumenti neċessarji biex japplikaw approċċ favorevoli għall-iżvilupp favur l-ispeċifiċitajiet tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju f'kull pajjiż; jitlob li l-BEI ma jikkooperax ma' intermedjarji finanzjarji bi preċedenti negattivi f'termini ta' trasparenza, frodi, korruzzjoni u impatti ambjentali u soċjali; jisħaq fuq il-fatt li l-BEI jfassal, flimkien mal-Kummissjoni, lista ta' kriterji rigorużi għas-selezzjoni tal-intermedjarji finanzjarji li ssir pubblika;

    61.

    Jinkoraġġixxi lill-BEI jiffinanzja investimenti produttivi u jikkombina s-self mal-assistenza teknika meta jkun meħtieġ sabiex tiżdied l-effikaċja tal-proġetti, jiġi ggarantit il-valur miżjud ġenwin tal-Unjoni fir-rigward tal-addizzjonalità u jintlaħaq impatt ogħla fil-qasam tal-iżvilupp;

    62.

    Ifakkar li l-konsistenza mal-objettivi tal-Unjoni hija fundamentali u li għandha tingħata attenzjoni xierqa lill-kapaċità ta' assorbiment tal-Istati AKP;

    63.

    Jappella sabiex isir skrutinju bir-reqqa tal-partijiet u l-intermedjarji lokali potenzjali matul l-identifikazzjoni u l-għażla ta' tali partijiet u intermedjarji;

    Finanzjament imħallat

    64.

    Jirrikonoxxi l-fatt li ż-żieda fl-interess fit-taħlit tal-finanzjament hija kkawżata prinċipalment minn korrelazzjoni ta' sfidi ta' żvilupp importanti b'fondi pubbliċi limitati ħafna, li għaldaqstant qed iwassal għall-iżvilupp ta' riżorsi finanzjarji ġodda li jikkombinaw għajnuna mill-Unjoni f'forma ta' għotjiet u forom oħrajn ta' riżorsi; jinkoraġġixxi lill-Qorti tipprovdi valutazzjoni komprensiva regolari dwar l-attivitajiet iffinanzjati mill-istrumenti ta' finanzjament imħallat;

    65.

    Jirrikonoxxi li permezz tat-taħlit ta' għotjiet ma' riżorsi pubbliċi u privati addizzjonali (bħal selfiet u ekwità) jista' jiġi ġġenerat finanzjament addizzjonali bis-saħħa tal-effett ta' lieva sostanzjali maħluq mill-għotjiet kif ukoll tal-iżvilupp u l-impatt ta' politiki tal-UE aktar b'saħħithom;

    66.

    Jenfasizza li t-taħlit u l-istrumenti finanzjarji ġodda kollha jridu jibqgħu konformi mal-objettivi tal-politiki ta' żvilupp tal-UE bbażati fuq il-kriterji tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) u stabbiliti fl-Aġenda għall-Bidla; jemmen li dawk l-istrumenti jridu jiffukaw fuq il-prijoritajiet tal-Unjoni li għandhom l-ogħla valur miżjud u impatt strateġiku;

    67.

    Jieħu nota tar-riżultati tar-rieżami tal-Pjattaforma tal-UE għat-Taħlit fil-Kooperazzjoni Esterna, bil-għan oriġinali li jiżdiedu l-effikaċja, l-effiċjenza u l-kwalità tal-mekkaniżmi u l-faċilitajiet ta' taħlit eżistenti;

    68.

    Jitlob l-introduzzjoni ta' standards komuni ta' implimentazzjoni għal tali attivitajiet finanzjarji, kif ukoll id-definizzjoni tal-aħjar prattiki u tal-kriterji ta' eleġibbiltà u ta' evalwazzjoni; jemmen li regoli koerenti ta' ġestjoni, bħal rappurtar strutturat, oqfsa ċari ta' monitoraġġ u kundizzjonijiet ta' sorveljanza, se jnaqqsu l-kostijiet tat-tranżazzjonijiet u d-duplikazzjoni possibbli tal-pagamenti minħabba ta' livell ogħla ta' trasparenza u responsabbiltà;

    69.

    Jitlob li jsir rappurtar regolari lill-Parlament dwar l-użu ta' dawn l-istrumenti finanzjarji u r-riżultati miksuba, bil-għan li l-Parlament ikun jista' jeżerċita s-setgħat ta' skrutinju u approvazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-valutazzjoni tal-effett ta' lieva u tal-addizzjonalità, kemm fil-livell finanzjarju kif ukoll f'dak mhux finanzjarju;

    Appoġġ tal-Unjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

    70.

    Itenni l-pożizzjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni preokkupanti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), partikolarment għal dak li għandu x'jaqsam mar-riforma tas-sistema ġudizzjarja u mas-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt, mal-finanzi pubbliċi u mal-kwistjoni tad-deċentralizzazzjoni;

    71.

    Jilqa' pożittivament il-valutazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri rigward l-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE ffinanzjata b'riżorsi tal-FEŻ; jaqbel mal-fatt li n-nuqqas ta' rieda politika u ta' kapaċità ta' assorbiment huwa l-kawża prinċipali tar-riżultati skarsi miksuba fit-titjib tal-governanza fir-RDK;

    72.

    Jirrikonoxxi li r-RDK hija meqjusa minn bosta bħal wieħed mill-Istati l-aktar fraġli tad-dinja; jipproponi bil-qawwa l-iżvilupp ta' indikaturi ewlwnin tal-prestazzjoni u ta' parametri vinkolanti għall-valutazzjoni tal-affidabbiltà tat-titjib; jipproponi wkoll bil-qawwa li l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u l-parametri jitfasslu b'mod realistiku;

    73.

    Jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jfornu l-lista l-aktar reċenti tal-prijoritajiet għall-għajnuna għall-iżvilupp Ewropea fir-RDK biex jingħata segwitu lir-rapport tal-kwittanza tas-sena li għaddiet, li ppropona għadd ta' prijoritajiet aktar limitat biex titħalla strateġija ta' għajnuna għall-iżvilupp aktar effikaċi u aktar immirata;

    Appoġġ tal-UE f'Ħaiti

    74.

    Itenni s-sodisfazzjon ġenerali fil-konfront tal-ħidma u l-isforzi li wettqu s-servizzi tal-Kummissjoni b'rispons għat-terremot li seħħ f'Ħaiti fl-2010, f'sitwazzjoni kritika għall-aħħar għad-delegazzjoni tal-Unjoni u l-persunal tagħha; jilqa' l-kapaċità tal-Kummissjoni li żżomm lura l-pagamenti u l-iżborżamenti bħala konsegwenza ta' progress insuffiċjenti fil-ġestjoni finanzjarja tal-Gvern ta' Ħaiti u n-nuqqasijiet fil-proċeduri ta' akkwist pubbliku nazzjonali;

    75.

    Jieħu nota tad-dgħufijiet identifikati mill-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tal-koordinament, f'dan is-sens jissottolinja l-importanza li jinżamm koordinament strett bejn id-donaturi u fi ħdan is-servizzi tal-Kummissjoni; jappella għal artikolazzjoni kontinwa tal-għajnuna umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp, b'kollegament aktar b'saħħtu bejn l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp permezz ta' pjattaforma Kollegament bejn l-Għajnuna, ir-Riabilitazzjoni u l-Iżvilupp (LRRD) permanenti bejn is-servizzi; iqis li kull fejn ikun possibbli għandhom jiġu stabbiliti approċċi integrati b'objettivi ta' koordinament iddikjarati b'mod ċar u strateġija nazzjonali koerenti bejn ECHO u EuropeAid, flimkien ma' kondiviżjoni tal-aħjar prattiki; jistieden lill-Kummissjoni tidħol fi djalogu mal-Parlament; jemmen ukoll li l-involviment tas-soċjetà ċivili lokali jista' jsaħħaħ l-użu tal-bażi ta' għarfien lokali;

    76.

    Ifakkar fir-rakkomandazzjonijiet li saru wara ż-żjara tad-delegazzjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit f'Ħaiti fi Frar 2012, u jinsisti, għal darb'oħra, fuq il-kwistjoni fundamentali tat-traċċabbiltà u tar-responsabbiltà tal-fondi għall-iżvilupp tal-Unjoni, b'mod partikolari billi l-appoġġ baġitarju jintrabat ma' objettiv ta' prestazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jenfasizzaw in-natura kundizzjonali għall-appoġġ baġitarju settorjali;

    77.

    Ifakkar li l-miżuri relatati mal-“bini tal-Istat” għandhom ikunu fil-qalba tal-istrateġija għall-iżvilupp tal-Unjoni u l-pedament ta' kwalunkwe pjan ta' azzjoni rigward sitwazzjonijiet ta' kriżi; jitlob li tiġi definita taħlita ta' politiki tajba konformi mal-intervent tal-Unjoni;

    78.

    Iqis li dawk is-sitwazzjonijiet ta' kriżi u fraġilità jirrikjedu l-iżvilupp ta' approċċi ġodda, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw attivitajiet bħal (i) l-identifikazzjoni tar-riskji f'livelli operattivi differenti, (ii) it-tfassil tal-projezzjonijiet tal-konsegwenzi probabbli u (iii) il-ħolqien ta' strumenti maħsuba biex inaqqsu u jħejju għal riskji u diżastri potenzjali li jippermettu li jkun hemm livell suffiċjenti ta' flessibbiltà u kapaċità għall-mobilizzazzjoni tal-esperti f'oqsma ta' kompetenza differenti;

    79.

    Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lis-SEAE jaħdmu b'mod aktar sistematiku u konġunt fuq l-erba' fażijiet taċ-ċiklu ta' ġestjoni tad-diżastri; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jinfurmaw lill-Parlament dwar l-iżviluppi, b'mod partikolari dawk b'rabta mal-ġestjoni tar-riskju u t-tħejjijiet għall-implimentazzjoni u l-ksib tal-objettivi tal-programmi f'kuntest ta' wara diżastru;

    80.

    Ifakkar li fi kwalunkwe kriżi bħal din, għandha tingħata attenzjoni xierqa għas-solidità u l-effikaċja operattiva tal-qafas ta' governanza nazzjonali għall-ġestjoni tat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri bħala prerekwiżit għas-suċċess tal-intervent tal-Unjoni;

    Futur tal-FEŻ

    81.

    Jirrakkomanda li l-istrateġiji u l-prijoritajiet tal-attivitajiet futuri tal-FEŻ jiġu definiti b'mod preċiż u li tinbena sistema ta' strumenti finanzjarji fuq dik il-bażi, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji ta' effiċjenza u trasparenza;

    82.

    Jiddispjaċih li l-FEŻ ma ġewx inklużi fil-baġit ġenerali fir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea (ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012);

    83.

    Ifakkar li l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu li r-regoli finanzjarji jiġu riveduti sabiex jinkludu emendi li saru neċessarj i minħabba l-eżitu tan-negozjati dwar il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu 2014-2020, inkluża l-kwistjoni tal-possibbiltà li l-FEŻ jiġu inklużi fil-baġit tal-Unjoni; itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill u l-Istati Membri sabiex jaqblu dwar l-inkorporazzjoni sħiħa tal-FEŻ fil-baġit tal-Unjoni;

    84.

    Iqis li l-leġiżlatura l-ġdida hija opportunità politika ġdida sabiex tħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jagħtu bidu malajr għal riflessjoni u evalwazzjoni dwar ix-xenarju ta' wara l-2020 rigward il-possibbiltà li l-Ftehim ta' Cotonou attwali jiġi sostitwit; ifakkar li, fil-fehma tal-Parlament, il-FEŻ jiġi inkluż fil-baġit ġenerali mill-aktar fis possibbli;

    85.

    Huwa tal-fehma li l-integrazzjoni tal-FEŻ fil-baġit ġenerali se ssaħħaħ l-iskrutinju demokratiku billi tinvolvi lill-Parlament fl-istabbiliment ta' prijoritajiet strateġiċi rigward l-allokazzjoni tal-fondi u se tipprovdi wkoll implimentazzjoni aktar effikaċi, b'mekkaniżmi ta' koordinament aħjar, kemm fis-sede ċentrali tal-Kummissjoni kif ukoll in situ; jitlob lill-Kummissjoni, għal darb'oħra, tqis debitament l-impatt finanzjarju tal-inklużjoni tal-FEŻ għall-Istati Membri fil-valutazzjoni li jmiss kif ukoll koeffiċjent tal-kontribuzzjoni vinkolanti għall-Istati Membri;

    86.

    Jemmen li s-semplifikazzjoni u l-approssimazzjoni tar-regoli dwar il-FEŻ x'aktarx se jwasslu għal tnaqqis fir-riskju ta' żbalji u fl-ineffiċjenzi u se jżidu l-livell ta' trasparenza u ċertezza tad-dritt; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tipproponi regolament finanzjarju uniku għall-FEŻ kollha; jiddispjaċih li, fil-kuntest tad-diskussjoni dwar il-ftehim futur għall-11-il FEŻ, il-Kummissjoni ma ressqitx proposta għal regolament finanzjarju uniku sabiex tissemplifika l-ġestjoni tal-FEŻ;

    Segwitu għar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament

    87.

    Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex, fir-rapport annwali li jmiss tagħha, tinkludi rieżami tas-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament fir-rapport ta' kwittanza annwali tal-Parlament.

    Top