Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015BP0930(10)

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima VIII — L-Ombudsman Ewropew

    ĠU L 255, 30.9.2015, p. 136–137 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2015/930(10)/oj

    30.9.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 255/136


    RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tad-29 ta' April 2015

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima VIII — L-Ombudsman Ewropew

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima VIII — L-Ombudsman Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0115/2015),

    1.   

    Jinnota b'sodisfazzjon li, fir-Rapport Annwali tagħha 2013, il-Qorti tal-Awdituri osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tat-temi awditjati relatati mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Ombudsman Ewropew (“l-Ombudsman”);

    2.   

    Jenfasizza l-fatt li, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, il-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2013 għan-nefqa amministrattiva u ta' tip ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi kienu ħielsa minn żbalji materjali;

    3.   

    Jisħaq fuq il-fatt li l-baġit tal-Ombudsman huwa wieħed purament amministrattiv u li fl-2013 kien jammonta għal EUR 9 731 371 (EUR 9 516 500 fl-2012), b'EUR 7 567 371 allokati għat-Titolu I (nefqa relatata mal-persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni), EUR 1 606 700 attribwiti għat-Titolu 2 (bini, tagħmir u nefqa mixxellanja tal-operat) u EUR 557 300 għat-Titolu 3 (nefqa li tirriżulta minn funzjonijiet speċjali li jsiru mill-istituzzjoni);

    4.   

    Jieħu nota tal-fatt li, mill-approprjazzjonijiet totali, ġew impenjati 98,20 % (98,30 % fl-2012) u ġew imħallsa 91,82 % (88,69 % fl-2012) b'rata ta' użu ta' 98,20 % (95,88 % fl-2012); jilqa' r-riżultati miksuba fl-2013;

    5.   

    Jinnota t-titjib kontinwu tal-ippjanar finanzjarju u tal-monitoraġġ tiegħu; jappella għat-tkomplija ta' dan l-isforz fl-eżerċizzji baġitarji li jmiss;

    6.   

    Japprova l-Pjan ta' Ġestjoni Annwali tal-Ombudsman għall-2013, li jinkludi tabella ta' valutazzjoni għall-Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni (KPIs) maħsuba biex tkejjel il-prestazzjoni tal-Uffiċċju tal-Ombudsman fil-ksib tal-objettivi tiegħu;

    7.   

    Jieħu nota tal-impenn tal-Ombudsman li tkompli ttejjeb is-sistema tagħha għal monitoraġġ u kontroll f'waqthom tal-proċeduri ta' reklutaġġ u ta' akkwist; jappoġġa lill-Ombudsman biex tkompli twettaq monitoraġġ tal-ġestjoni tal-allowances u ttejjeb il-livelli ta' prestazzjoni ta' dik il-ġestjoni;

    8.   

    Jieħu nota tal-fatt li l-Ombudsman tfittex li tilħaq titjib kontinwu fl-ippjanar finanzjarju sabiex tiżgura l-aktar implimentazzjoni effiċjenti possibbli tal-baġit;

    9.   

    Jistieden lill-Ombudsman tniżżel ir-rata mhux użata tas-servizzi ta' interpretazzjoni mitluba matul dik is-sena fir-rapport ta' attività annwali li jmiss;

    10.   

    Jinnota bi tħassib id-diverġenzi enormi bejn l-ispejjeż tat-traduzzjoni fid-diversi istituzzjonjiet tal-Unjoni; jitlob, għalhekk, li l-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali dwar it-Traduzzjoni jidentifika l-kawżi ta' dawn id-diverġenzi u jipproponi soluzzjonijiet li jtemmu n-nuqqas ta' ekwilibriju u jarmonizzaw l-ispejjeż tat-traduzzjoni, filwaqt li jiżguraw rispett sħiħ tal-kwalità u tad-diversità lingwistika; jirrimarka, b'dan il-ħsieb, li l-grupp ta' ħidma għandu jerġa' jniedi l-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet sabiex jaqsmu bejniethom l-aħjar prattiki u eżiti, u jiddeterminaw f'liema oqsma jistgħu jissaħħu l-kooperazzjoni jew il-ftehimiet interistituzzjonali; jinnota li l-grupp ta' ħidma għandu wkoll ikollu l-għan li jistabbilixxi metodoloġija unifikata, għall-preżentazzjoni tal-ispejjeż tat-traduzzjoni li jkunu jistgħu jużawha l-istituzzjonijiet kollha, sabiex jiġu ssimplifikati l-analiżi u l-paragun tal-ispejjeż; jinnota li l-grupp ta' ħidma għandu jippreżenta dawk is-sejbiet qabel tmiem l-2015; jitlob li l-istituzzjonijiet kollha jieħdu rwol attiv fix-xogħol tal-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-importanza fundamentali tar-rispett tal-multilingwiżmu fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex niżguraw li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jingħataw trattament u opportunitajiet ugwali;

    11.   

    Jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-awditur intern fir-rapporti ta' awditjar 2013 li s-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll interni huma effikaċi u effiċjenti u li l-azzjonijiet pendenti ngħalqu kollha;

    12.   

    Jilqa' l-fatt li l-għan li jingħalqu 70 % tal-każijiet f'anqas minn sena nqabeż fl-2013; jinnota, madankollu, li l-proporzjon ta' inkjesti magħluqa fi żmien 18-il xahar għadu taħt il-mira stabbilita mill-Ombudsman, minkejja l-fatt li żied minn 79 % għal 81 %; jemmen li l-mira ta' 90 % hija realistika u tista' tinkiseb; jistenna li din il-mira tintlaħaq fl-2014 u li dan ir-riżultat jiġi spjegat fid-dettall fir-rapport ta' attività annwali; jilqa' l-fatt li ngħata bidu għal inkjesti speċifiċi fuq inizjattiva proprja u jitlob li jiġi informat dwar l-eżiti inizjali ta' dawn l-inkjesti;

    13.   

    Jilqa' l-fatt li fl-2012 l-Ombudsman kisbet l-ewwel livell ta' rikonoxximent, “Impenjata għall-Eċċellenza”, tal-Fondazzjoni Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kwalità u jilqa' l-fatt li fl-2013 inżammet relazzjoni eċċellenti u produttiva mal-Fondazzjoni;

    14.   

    Jiġbed l-attenzjoni għal-livell għoli ta' nfiq matul l-“away days”, konferenzi u avvenimenti simili għall-persunal fl-uffiċċju tal-Ombudsman fl-2013, li kien notevolment ogħla minn dak f'istituzzjonijiet oħrajn; iqis li fi żmien ta' kriżi u tnaqqis baġitarju b'mod ġenerali, il-kost tal-“away days” għall-persunal fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandu jitnaqqas u li dawn l-avvenimenti, fejn ikun possibbli, għandhom isiru fil-binjiet tal-istituzzjonijiet stess, peress li l-valur miżjud li jirriżulta mill-“away days” ma jiġġustifikax kosti daqstant għolja;

    15.   

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li nħatret mara biex taqdi l-funzjoni ta' Ombudsman Ewropew; jinsab imħasseb, madankollu, dwar in-nuqqas ta' nisa b'karigi maniġerjali fl-uffiċċju tal-Ombudsman; jitlob l-introduzzjoni ta' pjan għall-opportunitajiet ugwali speċifikament maħsub għall-karigi maniġerjali bil-għan li jiġi korrett dan l-iżbilanċ mill-aktar fis possibbli;

    16.   

    Iqis li l-Ombudsman għandha tkompli tirsisti għal kwalità konsistenti fir-rapport ta' attività annwali u għandha tipprovdi rapport ta' impatt annwali komprensiv, li huwa għodda importanti għall-valutazzjoni tal-ħidma tagħha;

    17.   

    Jeżiġi li l-politika dwar il-bini tal-Ombudsman tinhemeż mar-rapport annwali tal-attività tiegħu, speċjalment peress li hu importanti li l-kosti ta' tali politika jiġu razzjonalizzati kif jixraq u li dawn ma jkunux eċċessivi;

    18.   

    Jistieden lill-Ombudsman biex fir-rapporti annwali tal-attività tagħha tinkludi, b'konformità mar-regoli eżistenti dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data, ir-riżultati u l-konsegwenzi tal-każijiet magħluqa tal-OLAF, fejn l-istituzzjoni jew xi ħadd mill-individwi li jaħdmu għaliha kienu s-suġġett tal-investigazzjoni;

    19.   

    Jaqbel bis-sħiħ mal-politika ta' trasparenza segwita mill-Uffiċċju tal-Ombudsman, u jitlob li tiddaħħal proċedura għall-valutazzjoni bil-quddiem tal-impatt li jistgħu jkollhom ċerti pubblikazzjonijiet, bil-għan li jiġu ppubblikati flimkien ma' rapport ta' spjegazzjoni, ħalli jiġi evitat li jintużaw b'mod li ma jkunx imparzjali; jirrimarka li din il-proċedura għandha tinbeda mill-Ombudsman f'kooperazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, il-Kummissjoni u l-istituzzjoni kkonċernata mill-pubblikazzjoni partikolari;

    20.   

    Jindika li r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman fl-2013 ġie adottat mill-plenarja fil-15 ta' Jannar 2015 (1) u jieħu nota tal-osservazzjonijiet li saru fih.


    (1)  Testi adottati, P8_TA(2015)0009.


    Top