Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015BP0376

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Ottubru 2015 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016 (11706/2015 – C8-0274/2015 – 2015/2132(BUD))

    ĠU C 355, 20.10.2017, p. 146–162 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.10.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 355/146


    P8_TA(2015)0376

    Baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016 – it-taqsimiet kollha

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Ottubru 2015 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016 (11706/2015 – C8-0274/2015 – 2015/2132(BUD))

    (2017/C 355/22)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (1),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (2),

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (3) (ir-Regolament QFP),

    wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (4) ('FII'),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit, Taqsima III – Il-Kummissjoni (5),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2016 (6),

    wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, adottat mill-Kummissjoni fl-24 ta' Ġunju 2015 (COM(2015)0300),

    wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, adottata mill-Kunsill fl-4 ta' Settembru 2015 u mibgħuta lill-Parlament fis-17 ta' Settembru 2015 (11706/2015 – C8-0274/2015),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 dwar il-mandat għat-trilogu dwar l-abbozz ta' baġit 2016 (7),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2015 dwar il-ġestjoni tal-kriżi tar-rifuġjati: miżuri operazzjonali, baġitarji u legali skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (COM(2015)0490),

    wara li kkunsidra l-Ittri Emendatorji Nri 1/2016 (COM(2015)0317) u 2/2016 (COM(2015)0513) għall-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 88 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-kumitati interessati l-oħra (A8-0298/2015),

    Taqsima III

    Ħarsa Ġenerali

    1.

    Jenfasizza li l-qari tal-baġit 2016 min-naħa tal-Parlament jirrifletti bis-sħiħ il-prijoritajiet politiċi adottati b'maġġoranza kbira fir-riżoluzzjonijiet tiegħu msemmija hawn fuq tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-linji gwida ġenerali u tat-8 ta' Lulju 2015 dwar il-mandat għat-trilogu; ifakkar li dawn jikkonsistu fis-solidarjetà interna u esterna, b'mod partikolari l-indirizzar effettiv tal-kriżi ta' migrazzjoni u tar-refuġjati, kif ukoll biex tisaħħaħ il-kompetittività permezz tal-ħolqien ta' impjiegi deċenti u ta' kwalità u l-iżvilupp tal-impriżi u l-imprenditorija madwar l-Unjoni (“it-tliet I”);

    2.

    Jenfasizza li l-Unjoni bħalissa qed tiffaċċja għadd ta' emerġenzi serji, b'mod partikolari kriżi ta' migrazzjoni u rifuġjati mingħajr preċedent; jinsab konvint li r-riżorsi finanzjarji neċessarji jeħtieġ li jiġu allokati fil-baġit tal-Unjoni, sabiex jindirizzaw l-isfidi politiċi u jippermettu lill-Unjoni tipprovdi u twieġeb b'mod effikaċi għal dawk il-kriżijiet, bħala kwistjoni tal-akbar urġenza u prijorità; jifhem li l-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati ma jistgħux jiġu solvuti b'riżorsi finanzjarji biss u li hemm bżonn ta' approċċ komprensiv li jindirizza kemm id-dimensjoni interna kif ukoll dik esterna tagħha; iqis li perjodi straordinarji jirrikjedu miżuri straordinarji, u li hemm bżonn impenn politiku qawwi biex jiġu żgurati approprjazzjonijiet ġodda għal dan il-għan; jissottolinja, f'dan ir-rigward, li s-solidarjetà hija prinċipju fundamentali tal-baġit tal-UE; huwa mħasseb bin-nuqqas ta' uniformità fis-solidarjetà murija mill-Istati Membri rigward il-kriżi tar-rifuġjati; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta dwar il-mod li bih il-baġit tal-UE jista' jħajjar lill-Istati Membri jadottaw approċċ aktar ibbilanċjat favur is-solidarjetà;

    3.

    Jinnota li l-Parlament, sa mill-bidu, enfasizza b'mod partikolari l-migrazzjoni u r-rifuġjati fil-baġit 2016; ifakkar fid-dikjarazzjonijiet preċedenti tiegħu li l-immaniġġjar tal-flussi ta' migrazzjoni jinsab f'punt kritiku ta' għażla bejn is-solidarjetà interna u dik esterna, u li l-istrumenti ta' finanzjament estern għandhom jiġu mobilizzati b'approċċ integrat, sabiex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-problemi li qed tiffaċċja l-Unjoni; ifakkar fit-trattati u l-ftehimiet komuni bħal l-Acquis ta' Schengen u r-Regolament ta' Dublin (8) u l-proposta tal-Kummissjoni dwar mekkaniżmu ta' kriżi vinkolanti għar-rilokazzjoni (COM(2015)0450);

    4.

    Jiddeċiedi, għalhekk, li jressaq immedjatament pakkett komprensiv ta' emendi biex l-Abbozz ta' Baġit (AB) jiżdied b'EUR 1 161 miljun kemm fl-Intestatura 3 (Sigurtà u Ċittadinanza) u kemm fl-Intestatura 4 (Ewropa Globali), sabiex jingħata rispons inizjali għall-kriżi tal-migrazzjoni; jenfasizza li, fir-rigward tad-dimensjoni interna ta' din il-kriżi, l-emendi tal-Parlament diġà jintegraw bis-sħiħ u jallinjaw iż-żewġ pakketti dwar ir-rilokazzjoni ta' dawk li jfittxu asil, filwaqt li jipproponu miżuri addizzjonali għall-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) u l-aġenziji tal-Unjoni f'dan il-qasam; jenfasizza, fir-rigward tad-dimensjoni esterna, il-ħtieġa li jkun hemm għadd ta' żidiet addizzjonali għal ċerti programmi speċifiċi fl-Intestatura 4, bħal pereżempju l-Istrument Ewropew ta' Viċinat, l-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, l-Għajnuna Umanitarja u l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni;

    5.

    Jissottolinja, madankollu, li dawk l-emendi għandhom jiġu kkunsidrati flimkien mal-Ittra emendatorja Nru 2/2016 tal-Kummissjoni, li, minbarra t-tieni pakkett ta' rilokazzjoni, tinkludi l-miżuri addizzjonali stipulati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Settembru 2015 imsemmija hawn fuq; jiddispjaċih li l-Parlament u l-Kunsill ma għandhomx iktar żmien biex jeżaminaw l-adegwatezza ta' dik l-Ittra emendatorja, iżda jifhem il-ħtieġa ta' rispons immedjat u pressjoni konsiderevoli ta' żmien; jisħaq li l-Parlament jappoġġja bis-sħiħ dawn il-miżuri l-ġodda u għandu l-intenzjoni li jiddefendi l-finanzjament tagħhom permezz ta' approprjazzjonijiet ġodda saħansitra f'livell ogħla minn dak propost fil-pożizzjoni tiegħu stess dwar il-baġit 2016;

    6.

    jiddeċiedi wkoll li jieħu azzjoni rigward il-kriżi attwali li qed taffettwa l-bdiewa Ewropej, b'mod partikolari fis-settur tal-ħalib, u biex jintegra diġà fil-pożizzjoni tiegħu dwar il-baġit 2016 il-EUR 500 miljun f'miżuri ta' appoġġ f'emerġenza mħabbra mill-Kummissjoni; jistenna li fl-Ittra emendatorja Nru 2/2016, il-Kummissjoni se tippermetti li jiġu determinati l-linji baġitarji preċiżi li se jiżdiedu f'dan il-kuntest; jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni mill-Kummissjoni biex tirriporta approprjazzjonijiet mhux użati mir-riżerva għall-kriżijiet mill-baġit tal-2015 għall-baġit tal-2016 u jinnota li dawn il-fondi mhux minfuqa se jintużaw għal rimborżi lill-benefiċjarji ta' pagamenti diretti kif previst fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013;

    7.

    Jirrikonoxxi li jeħtieġ isir ħafna aktar sforz biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fl-ekonomija tal-Unjoni billi tingħata spinta lill-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi ta' kwalità; jenfasizza r-rwol ewlieni li għandhom il-mikrointrapriżi, l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u intrapriżi soċjali f'dan ir-rigward; isaħħaħ, għaldaqstant, il-programm COSME b'EUR 16,5 miljun; jiddeċiedi wkoll li jipproponi impenji ġodda fl-2016 għat-tkomplija tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), li l-pakkett finanzjarju tagħha kien kollu kkonċentrat fil-bidu fis-snin 2014-2015; jirrikonoxxi l-kontribut sinifikanti ta' dan il-programm fil-ġlieda kontra l-qgħad u jinsab determinat li jiżgura li l-approprjazzjonijiet meħtieġa jsiru disponibbli sabiex jiġi evitat li jkun hemm distakk ta' finanzjament fl-implimentazzjoni tiegħu; jadotta, għalhekk, żieda ta' EUR 473,2 miljun għall-2016, li tikkorrispondi għall-ħlas parzjali oriġinali li kien previst għall-YEI fuq bażi annwali;

    8.

    Itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-baġit tal-Unjoni ma għandux jiffinanzja inizjattivi ġodda għad-detriment ta' programmi u politiki eżistenti tal-Unjoni filwaqt li jinjora impenji politiċi li diġà saru; filwaqt li jirrikonoxxi u jikkonferma bis-sħiħ l-appoġġ kbir politiku u finanzjarju tiegħu għat-tnedija ta' Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), beħsiebu jwettaq l-impenn li ħa matul in-negozjati tal-FEIS, jiġifieri li jimminimizza l-iżjed possibbli l-impatt fuq l-Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali; jipproponi, għalhekk, li jiġi kkumpensat kompletament it-tnaqqis f'dawn iż-żewġ programmi – minħabba l-provvedimenti tal-Fond ta' Garanzija tal-FEIS – fl-2016 (EUR 1 326 miljun), sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu kompletament l-objettivi miftiehma biss sentejn ilu bl-adozzjoni tal-bażijiet ġuridiċi rispettivi tagħhom;

    9.

    Jenfasizza l-importanza li tiġi rispettata bis-sħiħ id-dikjarazzjoni konġunta dwar pjan ta' pagament 2015-2016 li ntlaħaq qbil dwaru bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, wara l-impenn komuni biex titnaqqas l-akkumulazzjoni ta' talbiet għall-pagament pendenti għall-programmi ta' koeżjoni 2007-2013 għal madwar EUR 2 biljun sa tmiem l-2016; jikkritika, f'dan ir-rigward, il-fatt li t-tnaqqis propost mill-Kunsill huwa f'kontradizzjoni diretta ma' dan il-pjan ta' ħlas; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li tiġi evitata kwalunkwe akkumulazzjoni futura ta' arretrati mhux sostenibbli bħal dawn, u jistieden lill-Kummissjoni biex toħroġ bi proposti konkreti għal dan il-għan; iqis, għal din ir-raġuni, li l-ħtiġijiet mhux previsti ta' pagament, għandhom jiġu ffinanzjati b'approprjazzjonijiet ġodda u li l-finanzjament disponibbli bil-quddiem ta' biljun Euro fl-2016 għall-Greċja għandu, għalhekk, jingħata permezz ta' limitu massimu tal-pagamenti tal-QFP disponibbli; jenfasizza l-pożizzjoni li ilu jħaddan li l-pagamenti li ġejjin mill-impenji mobilizzati skont l-Istrument ta' Flessibbiltà jitqiesu lil hinn minn dak il-limitu massimu;

    10.

    Jerġa' jġib kif kien kull tnaqqis propost mill-Kunsill fl-AB (EUR 563,6 miljun f'impenji u EUR 1 421,8 miljun f'pagamenti); ma jistax jifhem ir-raġunament wara t-tnaqqis propost, pereżempju għall-Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, żewġ programmi li diġà huma affettwati minn riallokazzjonijiet għall-FEIS u għall-politiki dwar l-iżvilupp u l-viċinat, speċjalment fid-dawl tal-avvenimenti reċenti; huwa mħasseb li, billi jiġi propost tnaqqis tant importanti fl-AB, il-Kunsill fil-biċċa l-kbira qed jinjora l-valur miżjud indiskutibbli tal-baġit tal-Unjoni; jikkontesta, f'kull każ, l-intenzjoni ddikjarata tal-Kunsill li jiffoka fuq linji baġitarji b'rata ta' eżekuzzjoni jew kapaċità ta' assorbiment baxxi, peress li din mhijiex sostanzjata minn ċifri ta' implimentazzjoni attwali u tinjora x-xejriet ta' implimentazzjoni differenti ta' ċerti programmi;

    11.

    Jiddispjaċiħ li l-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni jkomplu jonqsu mill-bilanċ peress li huma ddominati b'mod eċċessiv minn interessi korporattivi;

    12.

    Jikkonkludi li, bil-għan li dawn il-ħtiġijiet urġenti jiġu finanzjati b'mod adegwat, u meta jitqiesu l-marġnijiet stretti ħafna tal-QFP fl-2016, se jkun hemm bżonn li jiġu utilizzati l-mezzi kollha disponibbli fir-Regolament dwar il-QFP f'termini ta' flessibbiltà, inkluż l-użu sħiħ tal-Istrument ta' Flessibbiltà; jistenna li l-Kunsill jikkondividi dan l-approċċ u li ftehim ikun faċli jintlaħaq fil-konċiljazzjoni, biex b'hekk l-Unjoni tkun tista' taħtaf l-opportunità u tirrispondi b'mod effikaċi għall-isfidi li ġejjin; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li marġni globali tal-QFP għall-impenji mill-2015 għandu jiġi mobilizzat malli jiġu sodisfati l-kundizzjonijiet legali; jistenna li jilħaq ftehim minn qabel mal-Kunsill u mal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni;

    13.

    Ifakkar fid-Dikjarazzjoni Konġunta tat-tliet istituzzjonijiet tal-Unjoni, fil-kuntest tal-ftehim politiku fuq il-QFP, li l-proċeduri baġitarji annwali jintegraw, kif xieraq, elementi sensittivi għall-kwistjoni tal-ġeneru; jenfasizza li l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għandha sservi ta' bażi, bħala prinċipju orizzontali, il-politiki tal-Unjoni u jappella għal implimentazzjoni komprensiva tal-ibbaġitjar skont il-ġeneru; barra minn hekk, jilqa' b'sodisfazzjon l-ewwel passi ta' ekoloġizzazzjoni tal-baġit tal-Unjoni; jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li dan il-proċess ikompli javvanza sabiex jintlaħqu l-miri miftehma b'infiq li ma jagħmilx ħsara lill-klima u l-ambjent;

    14.

    Jistabbilixxi l-livell globali tal-approprjazzjonijiet għall-2016 għal EUR 157 427,3 miljun u EUR 146 459,3 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament rispettivament;

    Subintestatura 1a – Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi

    15.

    Jikkritika li, għal darb'oħra din is-sena, is-subintestatura 1a hija affettwata serjament mit-tnaqqis tal-Kunsill, bi tnaqqis ta' EUR 140,9 miljun f'impenji u EUR 435,4 miljun f'pagamenti meta mqabbla mal-AB; jenfasizza li madwar nofs dan it-tnaqqis huwa mmirat lejn l-Orizzont 2020, fattur li jissarraf fi tnaqqis ulterjuri għal dan il-programm fl-2016 wara li parti mill-approprjazzjonijiet tiegħu kienet ġiet riallokata lill-FEIS;

    16.

    Jenfasizza li, fl-interess ta' approċċ koerenti, ħafna mit-tnaqqis applikat mill-Kunsill fuq il-bażi ta' kapaċità ta' assorbiment baxx f'ħafna programmi tas-subintestatura 1a f'Ġunju 2015 issa reġa' lura għal dak li kien qabel minħabba aċċelerazzjoni b'saħħitha fl-implimentazzjoni ta' dawn il-programmi f'Settembru 2015; jinnota li din hija xejra ġenerali, f'konformità maċ-ċiklu tal-ħajja ta' dawn il-programmi; jiddeċiedi, għalhekk, li jerġa' jġib il-livell tal-AB fir-rigward tal-linji mnaqqsa mill-Kunsill lura għal li kien, kemm fl-impenji u kemm fil-pagamenti;

    17.

    F'konformità mal-prijoritajiet tiegħu għall-2016, Impjiegi, Impriżi, Imprenditorija, u wara valutazzjoni bir-reqqa tal-kapaċità ta' assorbiment tagħhom sa issa, jiddeċiedi li jipproponi, minbarra l-kumpens sħiħ tat-tnaqqis b'rabta mal-FEIS għall-Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, xi żidiet selettivi lil hinn mil-livell tal-AB għall-programmi COSME, Orizzont 2020, EaSI u Erasmus+;

    18.

    Jenfasizza, b'mod partikolari, li l-konċentrazzjoni fil-bidu ta' approprjazzjonijiet għall-programm COSME għas-snin 2014-2015 uriet li kienet verament ta' benefiċċju fid-dawl taż-żieda kostanti fid-domanda tal-SMEs għall-appoġġ fl-aċċess għas-swieq u l-finanzjament f'dawn l-aħħar snin; jopponi, għaldaqstant, it-tnaqqis tal-programm COSME fl-AB meta mqabbel mal-2015 u jiddeċiedi li għal dan il-programm iżid l-approprjazzjonijiet lil hinn mill-AB; ifakkar li l-Kummissjoni diġà indikat nuqqas fl-istrumenti finanzjarji tal-programm COSME għall-2015, l-2016 u l-2017, li juri d-distakk bejn l-impenji disponibbli u d-domanda mistennija; jitlob sabiex fi ħdan il-programm COSME jkun hemm żieda sostanzjali fl-approprjazzjonijiet għal Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ, fid-dawl tal-fatt li r-riżorsi disponibbli mhumiex biżżejjed biex ikopru d-domanda sostanzjali fil-parteċipazzjoni;

    19.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza l-piż finanzjarju kkawżat minn miżati u ħlasijiet dovuti skont proċeduri ta' ċertifikazzjoni u liċenzjar obbligatorji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi evalwazzjoni xierqa tal-impatt ta' dawk l-ispejjeż fuq il-kompetittività tal-kumpaniji industrijali u l-SMEs;

    20.

    Jiddeċiedi li jżid l-approprjazzjonijiet, lil hinn mill-AB, għat-tliet aġenziji superviżorji (EBA, EIOPA u ESMA) kif ukoll għall-aġenzija ACER sabiex jingħataw riżorsi adegwati ħalli jiffaċċjaw il-kompiti dejjem jiżdiedu li għandhom;

    21.

    Itenni l-appoġġ tiegħu għall-programm ITER u jimpenja ruħu li jiżgura l-finanzjament xieraq tiegħu; jinsab imħasseb, madankollu, dwar il-possibbiltà ta' aktar dewmien u spejjeż addizzjonali għal dan il-programm kif ukoll ir-riperkussjonijiet potenzjali relatati fuq il-baġit tal-Unjoni; jiddispjaċih, għalhekk, li ma kienx f'qagħda li jivvaluta l-livell tal-approprjazzjonijiet tal-ITER tal-2016 fir-rigward tal-pjan u l-iskeda ta' pagament aġġornati, li mistennija jiġu ppreżentati fil-Kunsill tal-ITER f'Novembru 2015; jistenna, madankollu, li dan il-pjan rivedut jipprovdi biżżejjed evidenza li r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament, kif stabbiliti fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza rilevanti tal-2013 (9), ġew ikkunsidrati kif xieraq u li l-istabbiltà finanzjarja u l-effiċjenza tal-infiq ikunu żgurati; għandu l-ħsieb iqajjem din il-kwistjoni fil-konċiljazzjoni baġitarja tal-2016; barra minn hekk, jinsisti dwar il-ħtieġa ta' trasparenza sħiħa rigward l-użu ta' kontribuzzjonijiet tal-Fużjoni għall-Enerġija, għall-programm ITER; jitlob li jkun hemm mekkaniżmu ta' responsabbiltà xierqa li tagħti stampa ċara tal-ammont ta' riżorsi finanzjarji pprovduti għall-proġett internazzjonali u li jevalwa l-użu effiċjenti tagħhom;

    22.

    Jirriżerva parti mill-approprjazzjonijiet għall-istandardizzazzjoni tar-rappurtar finanzjarju u l-awditjar u jappella għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport Maystadt li jirreferu għall-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG), u b'hekk tissaħħaħ l-influwenza tal-Unjoni fl-istipular tal-kontabilità internazzjonali; jinsab imħasseb ukoll dwar il-finanzjament sinifikanti tal-UE mogħti lill-fondazzjoni IFRS li ma jaqbilx mat-titjib meħtieġ fir-rigward tar-responsabbiltà, it-trasparenza u d-demokrazija;

    23.

    B'riżultat ta' dan, iżid il-livell ta' approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament għas-subintestatura 1a lil hinn mill-AB b'EUR 1 405,5 miljun u EUR 491,5 miljun rispettivament (inklużi proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji), u b'hekk jaqbeż il-limitu massimu għall-impenji b'EUR 1 316,9 miljun, li għandhom jiġu ffinanzjati bil-mezzi kollha disponibbli għal dak li għandu x'jaqsam mal-flessibbiltà fir-Regolament QFP wara li jiġu eżawriti l-marġnijiet disponibbli;

    Subintestatura 1b – Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

    24.

    Ma jaqbilx mat-tnaqqis propost mill-Kunsill ta' EUR 3,1 miljun f'impenji u, aktar importanti minn hekk, ta' EUR 220,1 miljun f'pagamenti taħt is-subintestatura 1b, inkluż fil-linji tat-tlestija; jitlob lill-Kunsill jispjega kif dan it-tnaqqis huwa kompatibbli mal-għan, minn naħa waħda, li titnaqqas l-akkumulazzjoni ta' kontijiet mhux imħallsa u, min-naħa l-oħra, li jiġu evitati riperkussjonijiet negattivi u dewmien mhux meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-programmi tal-2014-2020; ifakkar li l-politika ta' koeżjoni tirrappreżenta l-politika ewlenija tal-Unjoni rigward l-investiment u hi mmirata lejn it-tnaqqis tal-inugwaljanzi bejn ir-reġjuni Ewropej permezz tat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; jissottolinja l-fatt li strumenti bħall-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ huma strumentali fit-trawwim tal-konverġenza, it-tnaqqis tad-distakk fl-iżvilupp u l-appoġġ għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u sostenibbli;

    25.

    Jinnota l-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni, ibbażata fuq l-aħħar tbassir tal-Istati Membri, li l-implimentazzjoni tal-programm fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni x'aktarx tiġi deferita fl-2016; jinsab allarmat dwar il-fatt li kull nuqqas ta' nfiq sinifikanti fit-tielet sena tal-implimentazzjoni taċ-ċiklu l-ġdid tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment, fi żmien meta l-programmi mistennijin ikunu fl-aqwa tagħhom, mhux biss se jkollu effett ħażin fuq il-kisba f'waqtha ta' riżultati fuq il-post, iżda jista' jwassal ukoll għal pressjoni serja fuq il-pagamenti fi snin sussegwenti, bil-possibbiltà li terġa' tifforma akkumulazzjoni ta' kontijiet mhux imħallsa; iħeġġeġ lill-Istati Membri kkonċernati biex jagħmlu progress mgħaġġel fl-indirizzar tal-kawżi sottostanti ta' dan id-dewmien fl-implimentazzjoni, bħal permezz tal-ħatra fil-pront tal-awtoritajiet tal-programm u n-non-multiplikazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi nazzjonali; f'konformità mal-pjan ta' pagament, jitlob lill-Kummissjoni biex tissorvelja mill-qrib l-evoluzzjoni tal-pagamenti taħt is-subintestatura 1b relatati mal-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, inkluż permezz ta' tbassir dettaljat u aġġornat b'mod regolari biex jiġu diskussi f'laqgħat interistituzzjonali ad hoc, u tagħmel proposti adatti kif meħtieġ;

    26.

    Ifakkar li l-Kummissjoni ma pproponiet l-ebda approprjazzjoni ta' impenn għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fl-2016, minħabba l-antiċipazzjoni tagħhom fis-snin 2014-2015; jiddeċiedi, f'konformità mar-Regolament dwar il-Fond Soċjali Ewropew (10) li jipprevedi l-possibbiltà ta' tali kontinwazzjoni, li l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ tiġi pprovduta b'EUR 473,2 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn, jiġifieri ammont li jikkorrispondi għall-ħlas parzjali annwali inizjali previst għal dan il-programm; jinsab konvint li l-finanzjament għal dan il-programm importanti, li jindirizza waħda mill-aktar sfidi urġenti tal-Unjoni, m'għandux jieqaf fl-2015; jissottolinja li l-finanzjament addizzjonali għandu jintuża biex il-programm jinfirex iżjed, biex b'hekk jiġu megħjuna numru akbar ta' żgħażagħ fit-tfittxija tagħhom għal xogħol deċenti u permanenti; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu l-almu tagħhom biex iħaffu l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva fuq il-post, għall-benefiċċju dirett taż-żgħażagħ Ewropej; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament dwar miżuri ffinanzjati mill-Unjoni għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u dwar ir-riżultati li nkisbu permezz tagħhom;

    27.

    Filwaqt li jqis il-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji, iżid l-approprjazzjonijiet ta' impenn għas-subintestatura 1b b'EUR 482,7 miljun u l-approprjazzjonijiet ta' pagament b'EUR 1 164 miljun lil hinn mill-AB, u b'hekk jaqbeż il-limitu massimu għall-impenji b'EUR 467,3 miljun biex jiġu ffinanzjati bi kwalunkwe mezz disponibbli għal dak li jirrigwarda l-flessibbiltà fir-Regolament tal-QFP;

    Intestatura 2 – Tkabbir sostenibbli: riżorsi naturali

    28.

    Jinnota li l-Kunsill naqqas l-approprjazzjonijiet anke fl-Intestatura 2 b'EUR 199,9 miljun f'impenji u EUR 251,1 miljun f'pagamenti, inklużi l-iżvilupp rurali, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u l-programm LIFE; iqis li l-Ittra emendatorja Nru 2/2016 għandha tibqa' l-bażi għal kwalunkwe reviżjoni affidabbli tal-approprjazzjonijiet tal-Fond Agrikulturali Ewropew ta' Garanzija (FAEG); jerġa' jġib il-livelli tal-AB lura għal li kienu b'mod korrispondenti;

    29.

    Jilqa' l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta' pakkett komprensiv ta' EUR 500 miljun għal miżuri ta' emerġenza biex jappoġġaw il-bdiewa Ewropej prinċipalment fis-settur tal-ħalib, u dan fid-dawl ta' tnaqqis fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi u produzzjoni akbar tal-ħalib; jisħaq li l-effetti huma l-aktar gravi f'żoni remoti, fejn m'hemm l-ebda dubju dwar l-importanza soċjo-ekonomika tas-settur tal-ħalib; jinkorpora dan l-ammont fil-qari tiegħu bħala turija ta' appoġġ għal dak li ħabbret il-Kummissjoni, u jistenna bil-ħerqa l-inklużjoni sħiħa tiegħu matul il-proċedura ta' konċiljazzjoni abbażi tal-Ittra emendatorja Nru 2/2016; jissottolinja li dan il-pakkett għandu jkompli jżid mal-firxa ta' miżuri mmirati li jindirizzaw it-telf u l-effetti fit-tul fuq il-bdiewa Ewropej tal-embargo Russu fuq il-prodotti agrikoli, billi r-Russja s'issa hija t-tieni l-aktar destinazzjoni importanti għall-esportazzjonijiet agrikoli tal-Unjoni;

    30.

    Iqis ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni bħala distorsjonijiet tal-kummerċ u f’kuntradizzjoni għall-għanijiet ta’ żvilupp tal-UE; għaldaqstant jappoġġja l-eliminazzjoni totali tagħhom;

    31.

    Itenni li la l-approprjazzjonijiet tal-PAK, u lanqas approprjazzjonijiet baġitarji oħrajn, ma għandhom jintużaw biex jiffinanzjaw korridi letali; ifakkar li tali finanzjamenti jikkostitwixxu ksur ċar tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tal-Annimali li Jinżammu għal Skopijiet ta' Biedja (Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE) (11);

    32.

    Jenfasizza ż-żieda fil-kompiti assenjati lill-Unjoni bħala parti mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd; għaldaqstant, jerġa' jġib il-livell tal-approprjazzjonijiet lura għal li kienu fil-baġit 2015 fir-rigward tal-pariri u l-għarfien xjentifiċi fis-settur tas-sajd minħabba l-importanza tal-ġbir tad-data fit-teħid tad-deċiżjonijiet, u jsaħħaħ il-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) biex jappoġġa r-rwol tagħha fil-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd;

    33.

    Iżid, għalhekk, l-approprjazzjonijiet ta' impenn b'EUR 510,4 miljun u l-approprjazzjonijiet ta' pagament b'EUR 520,6 miljun (inklużi proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji), u b'hekk iħalli marġni ta' EUR 647,2 miljun taħt il-limitu masssimu għall-impenji fl-Intestatura 2;

    Intestatura 3 – Sigurtà u Ċittadinanza

    34.

    Ifakkar li l-AB ippreveda żidiet fil-qasam tas-sigurtà u l-migrazzjoni, inkluża skema ta' EUR 150 miljun għar-rilokazzjoni ta' 40 000 persuna li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, u li dan wassal biex il-Kummissjoni qabżet il-limitu massimu għal din l-intestatura b'EUR 124 miljun u pproponiet il-mobilizzazzjoni korrispondenti tal-Istrument ta' Flessibilità; Jilqa' l-fatt li l-Kunsill qabel mal-prinċipju li jimmobilizza l-Istrument ta' Flessibilità għal dan l-għan; jinnota madankollu li pjan finanzjarju fit-tul biex wieħed jirrispondi għall-kriżi tar-refuġjati huwa meħtieġ u jikkunsidra li dan għandu jiġi indirizzat ukoll permezz ta' reviżjoni tal-QFP;

    35.

    Jiddeċiedi, fid-dawl tal-flussi attwali eċċezzjonali ta' migranti u rifuġjati, li jikkonċentra ż-żidiet tiegħu biex jissaħħaħ l-AMIF; jappoġġa bil-qawwa f'dan il-kuntest, it-tieni pakkett ta' EUR 780 miljun għar-rilokazzjoni ta' 120 000 persuna addizzjonali; jiddeċiedi li jinkorpora l-fondi neċessarji fil-qari tiegħu, u biex jallinja l-ewwel pakkett ta' rilokazzjoni mat-tieni wieħed billi jżid EUR 20 miljun biex jiffinanzja l-ispejjeż ta' trasport (EUR 500 għal kull migrant lill-Italja u l-Greċja); japprova żieda addizzjonali ta' EUR 79 miljun għal żieda ġenerali fl-AMIF; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati wkoll il-possibilitajiet ta' finanzjament suffiċjenti tal-AMIF għas-snin li ġejjin; ifakkar li l-punt 17 tat-IIA jippermetti żieda ta' aktar minn 10 % fl-ammont previst għat-tul kollu ta' programm meta jinqalgħu ċ-ċirkustanzi ġodda, oġġettivi u dejjiema;

    36.

    Jinnota li tali miżuri huma biss l-ewwel pass lejn l-implimentazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta' solidarjetà li fuqu hi bbażata l-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jimplimentaw b'mod sħiħ il-pjanijiet proposti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Settembru 2015 imsemmija hawn fuq u juru impenn ċar lejn ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza l-importanza ta' finanzjament xieraq ta' operazzjonijiet ta' ritorn f'konformità mal-Karta u l-prinċipju ta' “non-refoulment” sabiex tinkiseb politika effettiva ta' ritorn, li tipprevjeni u tnaqqas il-migrazzjoni irregolari; jenfasizza l-importanza ta' appoġġ għar-refuġjati qrib pajjiżhom u jiffaċilitaw il-proċeduri tal-ażil fl-Istati Membri;

    37.

    Fl-aħħar nett jiddeċiedi li jsaħħaħ l-aġenziji b'kompiti relatati mal-migrazzjoni għal total ta' EUR 26 miljun mal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) li jirċievu l-akbar żieda ta' EUR 12 miljun lil hinn mill-AB; ifakkar li din l-aġenzija għandha rwol ċentrali ta' koordinatur fl-implimentazzjoni tal-miżuri provviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali u hija dejjem aktar tiġi msejħa tassisti l-Istati Membri kkonċernati;

    38.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Settembru 2015 u l-miżuri korrispondenti riflessi fl-Ittra emendatorja Nru 2/2016, b'mod partikolari EUR 600 miljun f'finanzjament ta' emerġenza addizzjonali għall-Istati Membri l-aktar milquta; jinsab sodisfatt li l-Kummissjoni qed tieħu rwol ta' tmexxija f'dan il-qasam u, b'dan il-mod tikkonferma l-approċċ meħud mill-Parlament fil-qari tiegħu; jinsab lest li jikkunsidra aktar żidiet matul il-konċiljazzjoni;

    39.

    Jiddeplora l-fatt li l-Kunsill naqqas l-approprjazzjonijiet ta' impenn b'EUR 25,1 miljun u l-approprjazzjonijiet ta' pagament b'EUR 33,6 miljun meta mqabbla mal-AB; jemmen li dan it-tnaqqis jipperikola l-implimentazzjoni xierqa tal-programmi u l-azzjonijiet taħt l-Intestatura 3; ifakkar, f'dan il-kuntest, li għalkemm xi ftit mit-tnaqqis propost jista' jidher ċkejken, wieħed irid iżomm f'moħħu d-daqs relattivament żgħir ta' diversi programmi importanti u ta' valur, li jagħmilhom partikolarment vulnerabbli għat-tnaqqis; jiddeċiedi, għalhekk, li jerġa' jġib il-livell tal-AB lura għal li kien;

    40.

    Iqis neċessarju, barra minn hekk, meta wieħed jikkunsidra r-rwol importanti tagħhom fl-appoġġ għall-industriji kulturali u kreattivi li jirrappreżentaw valuri Ewropej ewlenin, li s-sottoprogrammi għall-kultura u l-midja jiżdiedu b'ammont totali ta' EUR 10,5 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn lil hinn mill-AB, inklużi l-Azzjonijiet Multimedjatiċi u l-Faċilità ta' Garanzija għas-Setturi Kulturali u Kreattivi (CCSGF) ippjanati għall-2016 u maħsuba biex jindirizzaw il-kwistjoni kritika tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs u l-organizzazzjonijiet fis-setturi kulturali u kreattivi;

    41.

    Iqis ukoll ta' prijorità li l-programm “L-Ewropa għaċ-ċittadini” jissaħħaħ b'EUR 1,5 miljun, kif ukoll li n-nomenklatura baġitarja tal-programm “L-Ewropa għaċ-ċittadini” tiġi mmodifikata, billi tiġi ddedikata linja separata għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej;

    42.

    Jinnota li l-qari tiegħu (inklużi l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji) jaqbeż il-limitu massimu tal-Intestatura 3 b'EUR 1 055,1 miljun f'impenji, b'ammont ta' EUR 931,1 miljun lil hinn mill-AB, filwaqt li jżid l-approprjazzjonijiet ta' pagament b'EUR 586,5 miljun; jipproponi, għalhekk, li jiġi mobilizzat kull mezz disponibbli fil-QFP biex jiġi ffinanzjat il-pakkett ta' żidiet marbuta mal-migrazzjoni;

    Titolu 4 – Ewropa Globali

    43.

    Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fost l-intestaturi kollha, l-Intestatura 4 hija dik li ġarrbet l-aktar tnaqqis mill-Kunsill kemm f'impenji (- EUR 163,4 miljun) u kemm f'pagamenti (- EUR 450,4 miljun); jinnota b'sorpriża li l-Istrument Ewropew ta' Viċinat (b'mod partikolari l-faqar u s-sigurtà fil-pajjiżi tal-Mediterran), l-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (inkluż objettiv tematiku tal-migrazzjoni u l-asil) u l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (minkejja li l-pajjiżi kandidati jospitaw għadd kunsiderevoli ta' rifuġjati jew jinsabu fuq ir-rotot migratorji ewlenin) huma fost dawk l-aktar affettwati; jissottolinja li dan l-approċċ imur biċ-ċar kontra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew dwar l-aġenda tal-migrazzjoni, dwar il-kriżi tar-rifuġjati u dwar il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu;

    44.

    Jiddeċiedi, f'dan l-isfond, li jerġa' jġib il-livell tal-approprjazzjonijiet previsti mill-AB lura għal li kien; jinnota li din is-sitwazzjoni ta' pagament tal-Intestatura 4 għadha kwistjoni ta' tħassib partikolari minħabba d-differiment ta' akkumulazzjoni sinifikanti ta' kontijiet mhux imħallsa u l-posponiment artifiċjali ta' impenji kuntrattwali biex jiġu ffaċċjati n-nuqqas ta' bbaġitjar persistenti fil-pagamenti; jerġa' jafferma, għalhekk, li ż-żidiet fl-approprjazzjonijiet ta' pagament proposti mill-Kummissjoni kienu sempliċement meħtieġa, minkejja l-fatt li l-kriżi mingħajr preċedent tal-migrazzjoni u r-rifuġjati sadanittant imponiet sfidi addizzjonali fuq l-azzjoni esterna tal-Unjoni;

    45.

    Jikkumplimenta l-pakkett ta' emendi dwar il-migrazzjoni u l-kriżi tar-rifuġjati billi jadotta żidiet immirati fl-approprjazzjonijiet ta' impenn l-ewwel u qabel kollox fi ħdan l-Istrument Ewropew ta' Viċinat (+ EUR 178,1 miljun) iżda wkoll fl-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (+ EUR 26,6 miljun), l-Għajnuna Umanitarja (+ EUR 26 miljun), l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (+ EUR 11,2 miljun), l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (+ EUR 12,6 miljun) u l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (+ EUR 1 miljun); filwaqt li jappoġġa, fejn ikun meħtieġ, il-prijoritizzazzjoni mill-ġdid fi ħdan dawk il-programmi li jindirizzaw l-aktar l-isfidi attwali, jenfasizza li dan m'għandux iwassal għal inqas sforzi relatati mal-objettivi inizjali tal-bażi legali rispettivi, u b'hekk jinħoloq ir-riskju ta' destabbilizzazzjoni tal-Viċinat Ewropew jew reġjuni oħra kkonċernati; itenni l-bżonn ta' adozzjoni ta' approċċ komprensiv ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u li jorbot il-migrazzjoni mal-iżvilupp u ħidma lejn l-integrazzjoni ta' migranti legali, dawk li jfittxu l-asil u r-refuġjati; jenfasizza l-ħtieġa biex tiġi msaħħa l-kooperazzjoni u l-impenn mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu sabiex tiġi ttrattata b'mod effettiv il-kriżi preżenti ta' migrazzjoni, u b'mod partikolari l-ħtiġijiet ta' persuni spostati f'pajjiżi terzi fl-oqsma tas-saħħa u l-edukazzjoni; iqis, għalhekk, tali żidiet bħala indispensabbli għall-finanzjament ta' inizjattivi addizzjonali, apparti l-objettivi inizjali tal-bażijiet ġuridiċi rispettivi;

    46.

    Jinnota li l-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-Unjoni Ewropea b'reazzjoni għall-kriżi Sirjana u l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-Istabbiltà u l-ġlieda kontra l-kawżi fundamentali tal-imigrazzjoni irregolari u tal-persuni spostati fl-Afrika ġew maħluqa minħabba li l-baġit tal-Unjoni m'għandux kemm il-flessibbiltà u l-finanzjament neċessarji biex jippermettu reazzjoni rapida u komprensiva għall-kriżi; jenfasizza li jeħtieġ li tinstab soluzzjoni globali fir-rieżami/reviżjoni tal-QFP dwar kif l-appoġġ mill-baġit tal-Unjoni għal għajnuna umanitarja u żvilupp ikun aktar effettiv u disponibbli b'mod aktar faċli, u kif jiġi amalgamat mal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u l-għajnuna bilaterali mogħtija mill-Istati Membri; jitlob biex l-approprjazzjonijiet addizzjonali għal programmi taħt l-Intestatura 4 jintużaw b'mod partikolari biex jiżdied il-finanzjament għaż-żewġ Fondi Fiduċjarji kif ukoll għal assistenza immedjata permezz tal-UNHCR u l-Programm Dinji tal-Ikel; jistieden lill-Istati Membri individwali biex mill-kliem jaslu għall-fatti u jagħtu l-kontribuzzjonijiet addizzjonali meħtieġa biex jibbilanċjaw il-finanzjament tal-Unjoni marbut mal-Fondi Fiduċjarji u biex jingħalaq id-distakk ta' finanzjament tal-aġenziji tan-NU mingħajr aktar dewmien; jinnota li l-għadd ta' proġetti potenzjalment iffinanzjati mill-Fondi Fiduċjarji jkompli jdgħajjef l-argument tal-Kunsill dwar allegat nuqqas ta' kapaċità ta' assorbiment fl-Intestatura 4;

    47.

    Isaħħaħ b'EUR 40 miljun il-linja baġitarja għal appoġġ għall-proċess ta' paċi u assistenza finanzjarja lill-Palestina u l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-rifuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA); jinnota li l-UNRWA tiżvolġi rwol effikaċi biex tappoġġa l-għadd dejjem jikber ta' rifuġjati Palestinjani li qed isofru direttament mill-kriżi Sirjana, sitwazzjoni li qed titfa' piż addizzjonali fuq l-aġenzija; jinsab imħasseb dwar il-lakuni fil-finanzjament li qed tħabbat wiċċha magħhom l-UNRWA, u jitlob li dawk l-approprjazzjonijiet addizzjonali jgħaddu għall-Fond Ġenerali tagħha li jappoġġa l-edukazzjoni bażika u s-servizzi soċjali u tas-saħħa;

    48.

    Ifakkar li sabiex jittaffew l-effetti ta' ħsara fit-tul li jirriżultaw minn kriżijiet umanitarji, huwa essenzjali li jiġi żgurat li t-tfal affettwati jkomplu jirċievu edukazzjoni; għalhekk iżid il-finanzjament għal appoġġ tal-edukazzjoni fil-baġit għall-Għajnuna Umanitarja sabiex ikun jammonta għal 3 % minflok 1 %, bil-għan li jintlaħaq il-limitu ta' 4 % sal-2019;

    49.

    Japprova żieda simbolika tal-baġit tal-PESK biex tiġi appoġġata kwalunkwe inizjattiva li għandha l-għan li tagħmel il-migrazzjoni komponent speċifiku tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK, filwaqt li jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-missjoni militari EUNAVFOR Med, immirata lejn il-ġlieda kontra l-persuni li jiffaċilitaw l-immigrazzjoni illegali u t-traffikanti tal-bnedmin;

    50.

    Japprezza l-proċess ta' riflessjoni kontinwu li qiegħed isir fis-SEAE dwar il-futur tar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE u r-relazzjoni tagħhom mas-SEAE; iqis li kwalunkwe tibdil fil-linja baġitarja għar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE għandu jseħħ biss wara li jiġi konkluż il-proċess ta' riflessjoni attwali;

    51.

    Iqis neċessarju li jiġu miżjuda l-approprjazzjonijiet għal-linja tal-baġit tal-Komunità Turko-Ċiprijotta (+ EUR 2 miljun) għall-finijiet li ssir kontribuzzjoni deċiżiva għall-kontinwazzjoni u l-intensifikazzjoni tal-ħidma tal-Kumitat għal Persuni Nieqsa f'Ċipru u għall-appoġġ għall-Kumitat Tekniku bikomunali għall-Wirt Kulturali, u b'hekk jiġu promossi l-fiduċja u r-rikonċiljazzjoni bejn iż-żewġ komunitajiet;

    52.

    Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ li ntlaħaq waqt id-Disa' Konferenza Ministerjali tad-WTO se tirrikjedi żieda fis-sostenn finanzjarju għall-pajjiżi l-anqas żviluppati u għall-pajjiżi li jinsabu fil-fażi tal-iżvilupp; jenfasizza l-ħtieġa ta' sforzi koordinati bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fir-rigward tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali sabiex jiġi evitat tnaqqis tal-approprjazzjonijiet għall-Għajnuna għall-Kummerċ u l-inizjattivi multilaterali kif ukoll irregolaritajiet fil-qasam tal-kooperazzjoni ma' ċerti sħab li jwasslu għal anqas effikaċja tal-infiq, u sabiex jiġi żgurat li l-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ jaħdem favur l-iżvilupp;

    53.

    Jiddeċiedi, flimkien ma' proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji, li jisfrutta l-marġni ta' EUR 261,3 miljun li tħalla mill-AB taħt il-limitu massimu għall-Intestatura 4 f'impenji u biex f'dan l-istadju ma jmurx aktar lil hinn; iżid ukoll l-approprjazzjonijiet ta' pagament b'EUR 132,5 miljun; jistenna bil-ħerqa li jkun hemm konċiljazzjoni produttiva abbażi ta' dawn l-emendi, filwaqt li jqis ukoll l-Ittra emendatorja Nru 2/2016; jenfasizza, madankollu, li dan il-limitu massimu jista' ma jkunx biżżejjed meta wieħed iqis li dan kien ġie ffissat qabel żviluppi kbar fl-Ukrajna, is-Sirja, it-Tuneżija u b'mod aktar ġenerali fil-pajjiżi ġirien, il-Lvant Nofsani u l-Afrika; jitlob, għalhekk, li jsir użu sħiħ mill-potenzjal tar-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza u huwa lest għal aktar mobilizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' flessibbiltà previsti fil-QFP biex tiġi indirizzata d-dimensjoni esterna tal-kriżi tal-migrazzjoni u r-rifuġjati;

    Intestatura 5 – Amministrazzjoni; Intestaturi oħra – nefqa amministrattiva u tal-appoġġ tar-riċerka

    54.

    Jinnota li t-tnaqqis tal-Kunsill f'din l-intestatura jammonta għal EUR 31,2 miljun, li minnhom EUR 19,3 miljun jirrigwardaw il-baġit amministrattiv tal-Kummissjoni b'mod partikolari għal bini, tagħmir, u fuq kollox għall-persunal tagħha b'konsegwenza taż-żieda fit-tnaqqis b'rata fissa standard għal 4,3 %; ma jara l-ebda ġustifikazzjoni għall-qari tal-Kunsill u jfakkar li, wara trażżin kostanti fl-aħħar snin, in-nefqa amministrattiva proposta mill-Kummissjoni għall-2016 inżammet viċin il-livell mistenni ta' inflazzjoni, jiġifieri stabbli f'termini reali u li l-Kummissjoni timplimenta tnaqqis kontinwu fil-persunal tagħha;

    55.

    Iqis, barra minn hekk, li dan it-tnaqqis huwa arbitrarju fid-dawl tal-kapaċità ta' previżjoni ta' din it-tip ta' nefqa bbażata fil-biċċa l-kbira fuq obbligi kuntrattwali, u anke minħabba implimentazzjoni għolja ħafna tagħha, kif irrapportat mill-Kummissjoni; jinnota b'mod partikolari li l-okkupazzjoni tal-pjan ta' stabbiliment tal-Kummissjoni laħqet rekord għoli fl-1 ta' April 2015, b'okkupazzjoni tal-karigi li tlaħħaq 97,8 %; jiddispjaċih, barra minn hekk, li f'intestaturi oħrajn barra l-Intestatura 5, il-Kunsill naqqas l-ispejjeż amministrattivi u tal-appoġġ tar-riċerka b'total ta' EUR 28 miljun, minkejja li dawn huma essenzjali biex ikun żgurat is-suċċess tal-programmi fl-oqsma politiċi differenti tal-Unjoni;

    56.

    Jiddeċiedi, għalhekk, li jerġa' jġib l-AB lura għal li kien fil-linji kollha tan-nefqa amministrattiva u tal-appoġġ tar-riċerka fl-oqsma ta' politika u fil-linji kollha tal-Intestatura 5 mnaqqsa mill-Kunsill, kif ukoll li japprova xi żidiet żgħar fuq bażi limitata;

    57.

    Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-baġit kombinat tal-Kumitat Superviżorju OLAF u s-Segretarjat tiegħu jiġi speċifikat f'linja separata tal-baġit tal-OLAF għall-2016;

    L-aġenziji

    58.

    Jaqbel, bħala regola ġenerali, mal-estimi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ħtiġijiet baġitarji tal-aġenziji; josserva li l-Kummissjoni diġà naqqset b'mod konsiderevoli t-talbiet inizjali tal-biċċa l-kbira tal-aġenziji;

    59.

    Iqis, għalhekk, li kwalunkwe tnaqqis ulterjuri propost mill-Kunsill jipperikola l-funzjonament korrett tal-aġenziji u ma jippermettilhomx iwettqu l-kompiti assenjati lilhom mill-awtorità leġiżlattiva;

    60.

    Jiddeċiedi li jżid, fi ħdan il-pakkett globali dwar il-migrazzjoni, l-approprjazzjonijiet għall-aġenziji ewlenin li jaħdmu f'dan il-qasam: l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil, il-Frontex, il-Europol, il-Eurojust, l-eu.LISA, is-CEPOL u l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali għal ammont totali ta' EUR 26 miljun, peress li dawn l-aġenziji huma vitali biex jindirizzaw il-problema urġenti attwali tal-flussi migratorji b'mod effikaċi; jilqa' b'sodisfazzjon l-approprjazzjonijiet addizzjonali u ż-żieda proposta ta' 120 pożizzjoni fil-pjanijiet ta' stabbiliment tal-aġenziji fil-Baġit Emendatorju Nru 7/2015 u jistenna li din id-deċiżjoni jkollha impatt ukoll fuq il-baġit tal-2016 kif ukoll fuq il-baġits għas-snin li ġejjin; jenfasizza s-sitwazzjoni ta' kriżi li qed tiddeterjora malajr u żieda enormi fil-flussi migratorji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipprovdi informazzjoni aġġornata u konsolidata dwar il-ħtiġijiet tal-aġenziji qabel il-konċiljazzjoni baġitarja; jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi strateġija fuq żmien medju u fuq żmien twil għall-azzjonijiet tal-aġenziji fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni: l-għanijiet, il-missjonijiet, il-koordinazzjoni, l-iżvilupp taż-żoni sensittivi u r-riżorsi finanzjarji;

    61.

    Jiddeċiedi wkoll li jżid l-approprjazzjonijiet tal-baġit 2016 għat-tliet aġenziji ta' superviżjoni finanzjarja minħabba kompiti addizzjonali u żieda fl-ammont ta' xogħol tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta sal-2017 proposta ta' finanzjament għal kunċett ta' finanzjament ibbażat fuq it-tariffi li jissostitwixxi kompletament il-kontribuzzjonijiet attwali mill-Istati Membri, bħala mezz kif tiġi garantita l-indipendenza tal-awtoritajiet Ewropej mill-awtoritajiet nazzjonali tal-membri tagħhom;

    62.

    Jiddeċiedi wkoll li jżid l-approprjazzjonijiet għall-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija, l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd u ċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga sabiex ikun hemm qbil aħjar bejn ir-riżorsi disponibbli u l-kompiti tal-aġenziji;

    63.

    Ma jistax jaċċetta, madankollu, l-approċċ tal-Kummissjoni u l-Kunsill fir-rigward tal-persunal tal-aġenziji, u għalhekk jimmodifika għadd sostanzjali ta' pjanijiet ta' stabbiliment; jenfasizza għal darb'oħra li kull aġenzija għandha tnaqqas 5 % tal-karigi tul 5 snin, kif miftiehem fil-FII, iżda li l-karigi l-ġodda meħtieġa biex jitwettqu kompiti addizzjonali minħabba żviluppi ġodda ta' politika u leġiżlazzjoni ġdida mill-2013 iridu jiġu akkumpanjati minn riżorsi addizzjonali u ma għandhomx jiġu kkunsidrati fil-mira ta' tnaqqis fil-persunal tal-FII;

    64.

    Għalhekk, jenfasizza għal darb'oħra l-oppożizzjoni tiegħu għall-kunċett ta' akkomunament ta' riassenjazzjoni fost l-aġenziji, iżda jafferma mill-ġdid id-disponibilità tiegħu li jiġu lliberati karigi permezz tal-kisba ta' effiċjenza bejn l-aġenziji permezz ta' aktar kooperazzjoni amministrattiva jew saħansitra jiġu analizzati l-possibiltajiet ta' fużjonijiet fejn xieraq u permezz tal-akkomunament ta' ċerti funzjonijiet jew mal-Kummissjoni jew ma' xi aġenzija oħra;

    65.

    Jenfasizza għal darb' oħra li kariġi ffinanzjati mill-industrija ma għandhom l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni u għalhekk m'għandhomx ikunu soġġetti għal tnaqqis fil-persunal; jenfasizza li dan għandu jitħalla f'idejn l-aġenzija kkonċernata biex tibbilanċja l-ammont ta' xogħol varjabbli billi ma jintlewx il-karigi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom;

    66.

    Jimmodifika, għaldaqstant, l-għadd ta' pjanijiet ta' stabbiliment tal-aġenziji f'konformità mal-prijoritajiet deskritti hawn fuq biex il-persunal jiġi allinjat ma' kompiti addizzjonali; jimmodifika oħrajn biex jinġiebu aktar f'konformità ma' tnaqqis ġenwin ta' 5 % fuq 5 snin u biex il-karigi ffinanzjati minn tariffi jiġu ttrattati b'mod differenti; ifakkar li t-tnaqqis ta' 5 % fuq 5 snin ġie introdott sabiex jonqsu l-ispejjeż tal-amministrazzjoni; jenfasizza f'dan il-kuntest li aktar karigi fil-pjan ta' stabbiliment ma jkollhomx impatt finanzjarju awtomatiku fuq il-baġit tal-Unjoni peress li l-aġenziji jimlew il-pożizzjonijiet vakanti tagħhom skont il-ħtiġijiet tagħhom u l-aġenziji għalhekk mhux dejjem ikollhom il-karigi kollha fil-pjan tagħhom ta' stabbiliment mimlija;

    Proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji (PP-AP)

    67.

    Wara li wettaq analiżi bir-reqqa tal-proġetti pilota u tal-azzjonijiet preparatorji mressqa – fir-rigward tar-rata ta' suċċess ta' dawk għaddejjin bħalissa u eskluda l-inizjattivi diġà koperti minn bażijiet ġuridiċi eżistenti, u filwaqt li qies bis-sħiħ il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kapaċità ta' implimentazzjoni tal-proġetti, jiddeċiedi li jadotta pakkett ta' kompromess magħmul minn għadd limitat ta' PP-AP, anke fid-dawl tal-marġnijiet limitati disponibbli;

    Pagamenti

    68.

    Jenfasizza għal darb' oħra l-importanza tal-pjan ta' pagament konġunt 2015-2016 miftiehem, qabel il-proċedura baġitarja, mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, li jirrifletti l-impenn tat-tliet istituzzjonijiet biex titnaqqas l-akkumulazzjoni ta' arretrati; jinnota li t-tliet istituzzjonijiet qablu li jikkooperaw bis-sħiħ sabiex jawtorizzaw livell ta' approprjazzjonijiet ta' pagament fil-baġit 2016 li jippermetti li jintlaħaq tali għan, u li l-approprjazzjonijiet ta' pagament mitluba għall-2016 ġew ikkalkulati mill-Kummissjoni b'mod korrispondenti; iqis li kwalunkwe azzjoni biex jiġi ġestit ir-riskju ta' akkumulazzjoni mhux sostenibbli għandha tkun kumplimentata bi sforzi biex jiġi żgurat skambju aktar produttiv ta' opinjonijiet u biex jittejjeb l-ispirtu ta' kooperazzjoni bejn il-Kunsill fuq naħa, u l-Parlament u l-Kummissjoni fuq in-naħa l-oħra; ifakkar li, skont l-Artikolu 310 tat-TFUE, id-dħul u l-infiq murija fil-baġit tal-Unjoni għandhom ikunu f'bilanċ;

    69.

    Jiddeplora l-fatt li, minkejja ż-żidiet moderati li rriżultaw u l-marġnijiet wesgħin proposti mill-Kummissjoni, il-Kunsill iddeċieda li jnaqqas l-approprjazzjonijiet ta' pagament b'EUR 1,4 biljun, immirati kemm għal-linji tat-tlestija u kemm għall-programmi li qegħdin fl-aqwa tagħhom, u b'hekk ipperikola t-tneħħija gradwali tal-akkumulazzjoni anormali; ifakkar li, għal programmi taħt ġestjoni diretta, nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament mhux biss huwa rifless fl-evoluzzjoni tal-akkumulazzjoni iżda anke f'dewmien artifiċjali fl-implimentazzjoni tal-programmi, pereżempju dewmien fis-sejħiet għal proposti u/jew l-iffirmar ta' kuntratti ġodda;

    70.

    Jiddeċiedi li jerġa' jġib l-AB lura għal li kien fir-rigward tal-pagamenti fil-linji kollha mnaqqsa mill-Kunsill, fuq is-suppożizzjoni li l-livelli ta' pagament proposti mill-Kummissjoni fl-AB tagħha huma dawk meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-pjan ta' pagament;

    71.

    Isaħħaħ, permezz ta' proporzjon adegwat, l-approprjazzjonijiet ta' pagament f'dawk il-linji kollha li huma emendati fl-approprjazzjonijiet ta' impenn, filwaqt li jqis oqsma bi profil ta' żborż rapidu jew grad għoli ta' urġenza, jiġifieri Erasmus +, iż-żewġ skemi ta' rilokazzjoni, il-UNRWA u l-għajnuna umanitarja; iżid l-approprjazzjonijiet ta' pagament b'EUR 1 biljun oħra sabiex il-konċentrazzjoni fil-bidu tal-pagamenti għall-Greċja tkun koperta kompletament b'approprjazzjonijiet ġodda; jiddeċiedi wkoll, fid-dawl tal-implimentazzjoni fl-imgħoddi, li jżid il-pagamenti għall-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni;

    Taqsimiet oħra

    Taqsima I – Il-Parlament Ewropew

    72.

    Ifakkar li l-estimi tal-Parlament għall-2016 ġew stabbiliti għal EUR 1 823 648 600, li jikkorrispondu għal żieda ta' 1,6 % fuq il-baġit 2015; ifakkar, barra minn hekk, li ġew allokati EUR 15-il miljun għal investimenti urġenti fis-sigurtà u ċ-ċibersigurtà, u b'hekk il-livell ġenerali tal-baġit tiegħu għall-2016 huwa ta' EUR 1 838 648 600;

    73.

    Jindika li, mill-15 ta' Ġunju 2015, wara li ġew adottati l-estimi tal-Parlament għall-2016, inħoloq grupp politiku ġdid, u li minħabba dawn il-bidliet fl-organizzazzjoni tal-Parlament hemm bżonn ta' approprjazzjonijiet supplimentari biex ikun żgurat li l-gruppi politiċi kollha jiġu trattati bl-istess mod;

    74.

    Jikkumpensa bis-sħiħ dawn iż-żidiet billi jnaqqas l-approprjazzjonijiet fil-linji baġitarji għar-riżerva ta' kontinġenza, l-allowance ġenerali tal-Membri, aktar taħriġ, l-armar tal-bini, il-konsum tal-enerġija, l-informatika u t-telekomunikazzjonijiet u l-investiment fi proġetti u għamara;

    75.

    Jinnota l-konklużjonijiet tal-Bureau tas-7 ta' Settembru 2015, fid-dawl tal-qari tal-Parlament dwar il-baġit 2016, li jipproponi li d-deċiżjonijiet u l-aġġustamenti tekniċi reċenti tiegħu jiġu trasposti fil-baġit; japprova dawn it-tibdiliet tekniċi limitati proposti mill-Bureau, li jinvolvu aġġustamenti, mingħajr effetti fuq il-baġit, għall-approprjazzjonijiet u l-pjan ta' stabbiliment, u aġġornamenti għal ċerti aspetti tan-nomenklatura tal-baġit;

    76.

    Iżomm, għaldaqstant, il-livell kumplessiv tal-baġit tiegħu għall-2016, kif adottat mill-plenarja fid-29 ta' April 2015, li huwa ta' EUR 1 838 648 600;

    77.

    Jenfasizza li l-attivitajiet tal-gruppi politiċi ma jikkorrispondux għall-ħidma amministrattiva; jikkonferma li, għal din ir-raġuni, il-livell totali tal-persunal fil-gruppi politiċi għandu jiġi eżentat mill-mira ta' tnaqqis tal-persunal ta' 5 %, f'konformità mad-deċiżjonijiet meħuda minnha fir-rigward tas-snin finanzjarji 2014 (12), 2015 (13) u l-estimi għall-2016 (14);

    78.

    Ifakkar li l-gruppi politiċi kellhom iffriżar fir-reklutaġġ li kien ilu fis-seħħ mill-2012, u li ħtiġijiethom kienu koperti biss parzjalment fis-snin baġitarji preċedenti;

    79.

    Itenni l-impenn tiegħu li jimplimenta l-punt 27 tal-FII u li jnaqqas il-persunal tiegħu b'1 %;

    80.

    Jenfasizza li l-Parlament u l-Kunsill għandhom jindirizzaw il-ħtieġa ta' pjan direzzjonali għal sede unika, kif mitluba minn maġġoranza kbira f'dan il-Parlament f'diversi riżoluzzjonijiet, sabiex jiġu ffrankati l-flus fuq żmien twil fil-baġit tal-Unjoni;

    Bidliet għall-pjan ta' stabbiliment

    81.

    Inaqqas il-pjan ta' stabbiliment tas-Segretarjat Ġenerali tiegħu għall-2016 b'57 kariga (mira ta' tnaqqis tal-persunal ta' 1 %) kif ġej: 4 AD14, 13 AD13, 2 AD12, 1 AD9, 2 AD8, 1 AD5, 2 AST11, 1 AST10, 3 AST9, 8 AST8, 7 AST7, 4 AST6, 3 AST5, 2 AST4, 1 AST3, 1 AST1 (karigi permanenti) u 2 karigi temporanji fil-grad ta' AST4; ifakkar li l-impatt baġitarju ta' din il-miżura kien diġà ttieħed inkunsiderazzjoni fl-estimi;

    82.

    Ibiddel, skont ir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, 80 kariga permanenti fil-grad AST (25 AST11, 10 AST10, 5 AST8, 15 AST7, 5 AST6, 5 AST5, 5 AST4, 5 AST3 u 5 AST2) fi 80 kariga AST/SC1;

    83.

    Jipproċedi għall-korrezzjonijiet tekniċi li ġejjin: iħassar tliet karigi ta' AST7 u tliet karigi ta' AST6 u jżid sitt karigi ta' AST5 u jħassar in-nota Nru 1 f'qiegħ il-paġna għall-pjan ta' stabbiliment, peress li l-proċedura rilevanti dan l-aħħar ma ntużatx;

    84.

    Jawtorizza l-ħolqien ta' 43 kariga temporanja ġdida (2 AD7, 19 AD5, 5 AST5, 5 AST3 u 12 AST1) u l-klassifikazzjoni mill-ġdid ta' kariga temporanja waħda mill-grad ta' AD10 għall-grad AD14 għall-ħtiġijiet supplimentari fir-rigward tal-ħolqien ta' grupp politiku ġdid;

    Tnaqqis fil-persunal ta' 5 %

    85.

    Ifakkar li l-Parlament qed jimplimenta l-mira ta' tnaqqis tal-persunal ta' 5 % għat-tielet sena konsekuttiva b'rispett xieraq għall-ittra u l-ispirtu tal-FII; jenfasizza li, għal dan il-għan, mill-2014 'l hawn tneħħew 171 kariga permanenti mill-pjan ta' stabbiliment tiegħu (15); jenfasizza li, sabiex ikun hemm konformità sħiħa mal-mira ta' tnaqqis tal-persunal ta' 5 %, sal-2018 għandu jsir tnaqqis annwali mill-ġdid darbtejn oħra ta' 57 kariga (16);

    86.

    Jissottolinja li, f'konformità mal-punt 27 tal-FII, il-mira ta' tnaqqis ta' 5 % hija kumpens f'termini ta' persunal, b'relazzjoni ma' żieda fis-sigħat tax-xogħol minn 37,5 għal 40 fil-ġimgħa meta mqabbla mal-pjan ta' stabbiliment tal-1 ta' Jannar 2013; iqis li dan it-tnaqqis għandu japplika għal ammont ta' xogħol kostanti u li, konsegwentement, ir-responsabbiltajiet il-ġodda u l-missjonijiet għandhom jiġu eżentati minn dan il-kalkolu;

    87.

    Jinnota li, f'konformità mat-tisħiħ tal-prerogattivi tiegħu u l-kompiti ġodda li ngħataw lill-Parlament mill-2013 'l hawn, bidliet strutturali importanti, bħal proċessi ta' internalizzazzjoni li l-persunal tagħhom ġie allokat kemm jista' jkun permezz ta' riassenjazzjonijiet interni, il-karigi l-ġodda nħolqu biss fejn kien strettament neċessarju; jiddeċiedi li jeskludi dawn il-karigi addizzjonali mill-isforz biex jitnaqqas l-għadd ta' persunal b'5 %;

    88.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, hija u timmonitorja l-implimentazzjoni tal-mira għat-tnaqqis tal-persunal mill-Parlament, tqis il-kunsiderazzjonijiet addizzjonali ġodda bħal ammont ta' xogħol kostanti, l-eżenzjoni ta' gruppi politiċi, l-internalizzazzjonijiet ibbilanċjati minn tnaqqis fil-linji baġitarji għas-servizzi esterni u prerogattivi u kompiti ġodda;

    89.

    Jenfasizza li l-implimentazzjoni tat-tnaqqis tal-persunal ta' 5 % m'għandhiex tipperikola l-funzjonament tajjeb tal-Parlament u t-tħaddim mill-Parlament tas-setgħat ewlenin tiegħu, u lanqas m'għandha tbiddel l-eċċellenza leġiżlattiva tiegħu jew il-kwalità tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-Membri u l-persunal;

    90.

    Ifakkar li l-ebda ftehim ma jista' jċaħħad lill-Parlament u lill-Kunsill mil-libertà sovrana tagħhom ta' evalwazzjoni u mid-dritt li għandhom li kull sena jiddeċiedu dwar il-kontenut tal-baġit;

    Kwistjonijiet oħrajn relatati mal-persunal

    91.

    Ifakkar li l-ħtieġa ta karigi ġodda fis-Segretarjat għandhom ikunu koperti minn trasferimenti interni, sakemm il-ħtieġa li jinħolqu pożizzjonijiet ġodda ma tkunx debitament ġustifikata u ppruvata;

    92.

    Ifakkar li kwalunkwe riorganizzazzjoni tal-ħidma parlamentari jew ta' proċeduri m'għandhiex twassal għal deterjorazzjoni fil-kondizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet soċjali tal-ħaddiema, tkun xi tkun il-pożizzjoni tagħhom;

    93.

    Itenni li, b'mod li jiġi żgurat sostenn adegwat għal Membri fit-twettiq tal-attivitajiet parlamentari tagħhom, hemm bżonn li jinstab bilanċ ġdid bejn l-assistenti parlamentari akkreditati u l-assistenti lokali; jieħu nota tal-fatt li s-Segretarju Ġenerali għamel proposta lill-Bureau sabiex jintlaħaq dan l-għan; jinnota l-ftehim milħuq mill-Bureau li jikkorrispondi essenzjalment mat-talba magħmula mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 msemmija hawn fuq dwar l-estimi tal-Parlament; jilqa' d-deċiżjoni li dan il-ftehim jiġi implimentat immedjatament;

    94.

    Itenni l-impenn tiegħu li jappoġġa l-multilingwiżmu fix-xogħol parlamentari permezz ta' standards għoljin ta' interpretazzjoni u traduzzjoni; jitlob lis-Segretarju Ġenerali biex jippreżenta lill-Kumitat għall-Baġits r-riżultati tal-analiżi u l-valutazzjoni li nieda wara li ma ntlaħaqx ftehim dwar kundizzjonijiet ġodda tax-xogħol għal interpreti (Rebbiegħa 2015); jistenna li s-Segretarju Ġenerali juża kull flessibilità meħtieġa biex jiġu żgurati servizzi ta' kwalità għolja ta' interpretazzjoni u ta' traduzzjoni għall-Membri;

    95.

    Jitlob lis-Segretarju Ġenerali biex jipprovdi ħarsa ġenerali ddettaljata tal-karigi kollha fil-Parlament fis-snin 2014-2016, inkluża d-distribuzzjoni ta' karigi skont is-servizz, il-kategorija u t-tip ta' kuntratt;

    Politika tal-proprjetà immobbli

    96.

    Ifakkar li l-Kumitat għall-Baġits għandu jiġi infurmat fuq bażi regolari dwar l-iżviluppi l-ġodda fil-politika tal-bini tal-Parlament u għandu jiġi kkonsultat fi żmien xieraq, jiġifieri qabel kuntratt huwa miksub, fuq kull proġett ta' bini li jkollu implikazzjonijiet finanzjarji; jikkonferma li l-impatt finanzjarju tal-proġetti kollha ta' bini ser jiġi eżaminati bir-reqqa;

    97.

    Jemmen li d-deċiżjonijiet relatati ma' proġetti ta' bini għandhom ikunu soġġetti għal proċess trasparenti ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

    98.

    Itenni għal darb' oħra l-appell tiegħu biex l-istrateġija ġdida tal-bini ta' nofs it-terminu tiġi ppreżentata lill-Kumitat għall-Baġits mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard mill-bidu tal-2016, fil-ħin għat-tħejjija tal-estimi tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2017; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jippreżenta lill-Kumitat għall-Baġits strateġija fit-tul sal-2025 kmieni kemm jista' jkun bil-quddiem qabel l-ewwel qari fil-Parlament tal-baġit fil-Ħarifa 2016;

    99.

    Jinnota li mill-2014, ma ġiet prevista l-ebda approprjazzjoni għall-investiment fil-kostruzzjoni tal-bini Konrad Adenauer (KAD) fil-Lussemburgu; ifakkar li l-estimi tal-2016 inkludew biss approprjazzjonijiet li jkopru xogħlijiet u servizzi li għandhom jitħallsu direttament mill-Parlament, prinċipalment għall-ġestjoni tal-proġett, l-għarfien espert tekniku u l-konsulenza; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jevalwa qabel tmiem din is-sena l-fondi li ma jkunux intużaw fil-baġit 2015 u jimpenjahom għall-proġett KAD, u dan permezz ta' talba ta' trasferiment fi tmiem l-2015, bil-ħsieb li fil-futur jiġu evitati kemm jista' jkun il-pagamenti ta' imgħax relatati mal-bini;

    L-ispejjeż tal-Membri

    100.

    Itenni l-appell għal aktar trasparenza dwar l-allowance għall-ispejjeż ġenerali għall-Membri; jistieden lill-Bureau tal-Parlament jaħdem fuq definizzjoni ta' regoli aktar preċiżi fir-rigward tar-responsabbiltà tan-nefqa awtorizzata skont din l-allowance, mingħajr ma jkunu ġġenerati spejjeż addizzjonali għall-Parlament;

    101.

    Jitlob valutazzjoni tar-riżultati tal-approċċ volontarju magħżul mill-Grupp ta' Ħidma Konġunt għal-limitazzjoni tat-titjiriet fil-business class minn Membri u mill-persunal kif ukoll dwar modi possibbli biex jiksbu aktar tariffi vantaġġużi bil-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-Membri u tal-persunal.

    Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja

    102.

    Jiddeplora l-fatt li, minkejja ż-żieda kontinwa fil-volum ta' attività ġudizzjarja u r-riforma ppjanata tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni naqqset il-persunal b'20 kariga, u b'hekk qed toħloq riskju ta' konġestjoni u tipperikola l-funzjonament xieraq tal-Qorti u l-iżvolġiment tal-ġustizzja fil-pront; jiddeċiedi, għalhekk, li jerġa' jdaħħal l-20 kariga inizjalment mitluba mill-Qorti;

    103.

    Jiddispjaċih li l-Kunsill żied ir-rata ta' tnaqqis standard applikata għall-approprjazzjonijiet għar-remunerazzjoni tal-persunal minn 2,5 % għal 3,2 %, li hija ekwivalenti għal tnaqqis ta' EUR 1,55 miljun u tmur kontra r-rata estremament għolja ta' okkupazzjoni ta' karigi tal-Qorti (98 % fi tmiem l-2014) u r-rata għolja ta' implimentazzjoni tal-baġit (99 % fl-2014); għalhekk, jaġġusta mill-ġdid ir-rata ta' tnaqqis standard għal-livell tal-abbozz tal-baġit u jikkanċella t-tnaqqis relatat fl-approprjazzjonijiet sabiex jiġi żgurat li l-Qorti tkun tista' taffronta b'mod adegwat iż-żieda sostanzjali fin-numru ta' kawżi u tagħmel użu sħiħ mill-karigi li jingħatawlha;

    104.

    Jiddeċiedi, barra minn hekk, li jerġa' jdaħħal is-seba' karigi inizjalment mitluba mill-Qorti sabiex tkun tista' tissodisfa l-ħtieġa doppja li ssaħħaħ it-Taqsima tas-Sigurtà u s-Sikurezza tal-Qorti biex tipproteġi aħjar lill-persunal, il-viżitaturi u d-dokumenti, u fl-istess ħin li timplimenta l-Artikolu 105 l-ġdid tar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti Ġenerali li jitlob li jiġi stabbilit livell għoli ta' sigurtà sabiex il-partijiet involuti f'ċerti kawżi jkunu jistgħu jipprovdu informazzjoni u materjal li jikkonċerna s-sigurtà tal-Unjoni, l-Istati Membri jew l-iżvolġiment tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom;

    105.

    Jenfasizza f'dan il-kuntest il-ħtieġa ta' riżorsi għas-sigurtà u s-sorveljanza tal-bini tal-Qorti, u jiddeċiedi għalhekk li jerġa' jġib it-tnaqqis propost mill-Kunsill f'dan il-qasam lura għal-livell tal-abbozz ta' baġit;

    106.

    Ineħħi r-riżerva eżistenti dwar il-missjonijiet u jibdilha b'oħra ġdida, li għandha tiġi mħabbra meta l-Qorti tippubblika informazzjoni dwar l-attivitajiet esterni tal-Imħallfin, kif mitlub mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-2013 b'rabta mal-Qorti (17);

    Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri

    107.

    Jaġġusta mill-ġdid ir-rata ta' tnaqqis standard għal-livell inizjali ta' 2,76 %, bil-għan li l-Qorti tal-Awdituri tkun tista' tissodisfa ħtiġijietha fir-rigward tal-pjan ta' stabbiliment;

    108.

    Jerġa' jġib il-linji kollha mnaqqsa mill-Kunsill għall-Qorti tal-Awdituri lura għal li kienu biex din timplimenta l-programm ta' ħidma tagħha u tippreżenta r-Rapporti tal-Awditjar ippjanati;

    Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    109.

    Jaġġusta mill-ġdid ir-rata ta' tnaqqis standard għal-livell inizjali tagħha ta' 4,5 %, bil-għan li l-Kumitat ikun jista' jissodisfa l-ħtiġijiet tiegħu u jlaħħaq mat-tnaqqis kontinwu tal-persunal fil-kuntest tal-ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kumitat;

    110.

    Jiddeċiedi wkoll li, fir-rigward tal-allowances tal-ivvjaġġar u s-sussistenza, jerġa' jġib l-AB lura għal li kien;

    Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni

    111.

    Inaqqas minn naħa r-remunerazzjoni u l-allowances b'ammont li jikkorrispondi għal 66 promozzjoni u erba' karigi addizzjonali li mhumiex meqjusa fl-abbozz ta' baġit biex jirrifletti t-trasferiment ta' dawk il-karigi lill-Parlament;

    112.

    Iżid min-naħa l-oħra numru ta' linji (l-esternalizzazzjoni tat-traduzzjoni, partijiet terzi, il-komunikazzjoni, l-ispejjeż ta' rappreżentanza, il-komunikazzjoni tal-gruppi politiċi, il-missjonijiet u t-tindif u l-manutenzjoni), b'mod aktar konformi mal-estimi proprji tal-Kumitat sabiex dan ikun jista' jwettaq il-ħidma politika tiegħu u jissodisfa l-obbligi tiegħu;

    113.

    Fl-aħħar nett, jerġa' jġib it-tnaqqis mill-Kunsill fir-rigward tas-sigurtà u s-sorveljanza tal-bini tal-Kumitat lura għal li kien, biex ikun żgurat biżżejjed finanzjament għal miżuri ta' sigurtà f'każ ta' żieda fil-livell ta' theddid għas-sigurtà (“isfar”) matul l-2016;

    Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew

    114.

    Jinnota b'dispjaċir li l-Kunsill naqqas l-abbozz ta' baġit tal-Ombudsman b'EUR 135 000; jissottolinja li tali tnaqqis se jimponi piż sproporzjonat fuq il-baġit limitat ħafna tal-Ombudsman, u jista' jkollu impatt qawwi fuq il-kapaċità tal-istituzzjoni li taqdi liċ-ċittadini tal-Unjoni b'mod effikaċi; għaldaqstant, jerġa' jġib lura għal li kienu l-linji baġitarji mnaqqsa mill-Kunsill biex l-Ombudsman tkun tista' taqdi l-mandat tagħha u tonora l-impenji tagħha;

    Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

    115.

    Jinnota b'dispjaċir li l-Kunsill naqqas l-abbozz ta' baġit tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data b'EUR 135 000; jissottolinja li tali tnaqqis se jimponi piż sproporzjonat fuq il-baġit limitat ħafna tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u jista' jkollu impatt qawwi fuq il-kapaċità tal-istituzzjoni li taqdi lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni b'mod effikaċi; għaldaqstant, jerġa' jġib il-linji baġitarji kollha li tnaqqsu mill-Kunsill lura għal li kienu biex il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jkun jista' jissodisfa l-obbligi u l-impenji tiegħu;

    TAQSIMA X – IS-SERVIZZ EWROPEW GĦALL-AZZJONI ESTERNA

    116.

    Jemmen li, sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw l-isfidi li ġġib magħha l-inċertezza ġeopolitika u biex ikun żgurat ir-rwol tal-Unjoni fid-dinja kollha, għandu jiġi żgurat finanzjament xieraq tas-SEAE; b'hekk jerġa' jġib l-abbozz ta' baġit lura għal li kien fil-linji kollha u jneħħi r-riżervi adottati mill-Kunsill relatati mal-fluttwazzjoni tar-rata tal-kambju tal-Euro;

    o

    o o

    117.

    Jinsab konvint li l-baġit tal-Unjoni jista' jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati b'mod effikaċi mhux biss il-konsegwenzi iżda wkoll il-kawżi ewlenin tal-kriżijiet li qed tiffaċċja l-Unjoni bħalissa; huwa tal-fehma, madankollu, li avvenimenti mhux previsti b'dimensjoni tal-Unjoni għandhom jiġu ttrattati billi l-isforzi jinġabru flimkien u billi jitpoġġew mezzi addizzjonali fil-livell tal-Unjoni aktar milli jiġu ddubitati l-impenji mgħoddija jew li jkun hemm l-illużjoni ta' soluzzjonijiet li jkunu purament nazzjonali; jenfasizza, għalhekk, li d-dispożizzjonijiet ta' flessibbiltà qegħdin hemm biex jippermettu tali rispons rapidu u konġunt u għandhom jintużaw bis-sħiħ biex ipattu għar-restrizzjonijiet ibsin tal-limiti massimi tal-QFP;

    118.

    Jenfasizza li, bilkemm kienu għaddew sentejn mill-bidu tal-MFF attwali, il-Kummissjoni kellha darbtejn titlob il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibilità, kif ukoll il-mobilizzazzjoni tal-Marġini ta' Kontinġenza, biex tkopri l-ħtiġijiet urġenti u mhux previsti li ma jistgħux jiġu ffinanzjati fil-limiti massimi tal-MFF attwali; jinnota wkoll li l-Marġini Globali għall-Impenji fl-2015, l-ewwel sena tal-operat tagħha, kien intuża immedjatament kollu kemm hu filwaqt li r-riżorsi ta' żewġ programmi importanti tal-Unjoni kellhom jitnaqqsu biex ikun possibbli l-finanzjament ta' inizjattivi ġodda; jenfasizza li, minħabba l-antiċipazzjoni fl-2014-15, diversi programmi tal-Unjoni jkollhom inqas, jew saħansitra l-ebda impenji disponibbli mill-2016; għalhekk, jara b'mod ċar, li l-limiti massimi tal-QFP huma stretti wisq f'bosta intestaturi u jipparalizzaw l-Unjoni f'oqsma li l-aktar għandhom bżonn, filwaqt li l-mekkaniżmi ta' flessibilità disponibbli tal-MFF diġà laħqu l-limiti tagħhom; iqis li dawn l-iżviluppi jagħmlu l-possibbiltà ta' reviżjoni ta' nofs it-term tal-QFP ġenwina; jistenna bil-ħerqa l-proposti ambizzjużi tal-Kummissjoni għal dak l-għan fl-2016;

    119.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-emendi għall-abbozz ta' baġit ġenerali, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet l-oħra u lill-entitajiet ikkonċernati kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


    (1)  ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.

    (2)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

    (3)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

    (4)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

    (5)  Testi adottati, P8_TA(2015)0061.

    (6)  Testi adottati, P8_TA(2015)0172.

    (7)  Testi adottati, P8_TA(2015)0263.

    (8)  Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31).

    (9)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2013 (ĠU L 255, 30.9.2015, p. 395).

    (10)  Ir-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470).

    (11)  Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE ta’ l-20 ta’ Lulju 1998 dwar il-ħarsien ta’ annimali miżmuma għal skopijiet ta’ biedja (ĠU L 221, 8.8.1998, p. 23).

    (12)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 (Testi adottati, P7_TA(2013)0437).

    (13)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015 (Testi adottati, P8_TA(2014)0036).

    (14)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2016 (Testi adottati, P8_TA(2015)0172).

    (15)  67 kariga fl-2014, - 47 kariga fl-2015, u - 57 kariga fl-2016.

    (16)  Peress li ttieħdet deċiżjoni politika dwar l-esklużjoni tal-gruppi politiċi minn dan il-kalkolu, dan it-tnaqqis qed ikun applikat lill-parti tal-pjan ta' stabbiliment tas-Segretarjat (in-numru ta' referenza ta' karigi (1 %): - 57)

    (17)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU L 255, 30.9.2015, p. 118).


    Top