EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015AG0014(02)

Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet tal-Kunsill: Pożizzjoni (UE) Nru 14/2015 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri li jikkonċernaw l-aċċess miftuħ għall-internet u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni

ĠU C 365, 4.11.2015, p. 20–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 365/20


Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet tal-Kunsill: Pożizzjoni (UE) Nru 14/2015 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri li jikkonċernaw l-aċċess miftuħ għall-internet u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni

(2015/C 365/02)

I.   INTRODUZZJONI

1.

Il-Kummissjoni adottat il-proposta tagħha għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri li jikkonċernaw is-suq uniku Ewropew għall-komunikazzjoni elettronika u biex jinkiseb Kontinent Konness (il-proposta dwar it-TSM) fil-11 ta’ Settembru 2013 bl-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali. L-elementi ewlenin tal-proposta dwar it-TSM kienu jinkludu dispożizzjonijiet dwar awtorizzazzjoni unika tal-UE għall-fornituri tal-komunikazzjoni elettronika, dwar kontributi Ewropej (inkluż il-koordinazzjoni tal-użu tal-ispettru tar-radju u prodotti ta’ aċċess virtwali Ewropej), drittijiet armonizzati tal-utenti aħħarin, in-newtralità tan-netwerk, is-setgħat tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, ir-roaming u BEREC.

2.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ivvota dwar l-Opinjoni tiegħu fil-21 ta’ Jannar 2014 u l-Kumitat tar-Reġjuni vvota dwar l-Opinjoni tiegħu fit-30 u l-31 ta’ Jannar 2014.

3.

Il-Parlament Ewropew ivvota dwar ir-riżoluzzjoni leġislattiva tiegħu fl-ewwel qari fit-3 ta’ April 2014 (1), fejn adotta 233 emenda. Il-parti l-kbira tal-elementi tal-proposta dwar it-TSM inżammu. Il-Parlament Ewropew emenda d-dispożizzjonijiet dwar ir-roaming bl-objettiv li, soġġett għal “klawżola għall-użu ġust”, jitneħħew il-ħlasijiet supplimentari għar-roaming sa Diċembru 2015. Id-dispożizzjonijiet dwar in-newtralità tan-netwerk ġew emendati b’mod partikolari sabiex tiġi inkluża definizzjoni tan-newtralità tan-network u sabiex tiġi limitata l-possibbiltà li l-operaturi jipprovdu servizzi speċjalizzati billi jintalab li l-kapaċità tan-netwerk tkun suffiċjenti biex jipprovduhom flimkien mas-servizzi tal-aċċess għall-Internet. Il-prodotti ta’ aċċess għall-broadband bl-ingrossa Ewropej armonizzati ma nżammux, u ġiet modifikata l-forma tal-elementi tal-protezzjoni tal-konsumatur.

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew daħlu f’negozjati bil-ħsieb li jintlaħaq qbil bikri fit-tieni qari. Eżami intensiv tal-proposta dwar it-TSM wassal għal fehim biex id-diskussjonijiet jiġu ffokati biss fuq żewġ kwistjonijiet ċentrali: ir-roaming u n-newtralità tal-Internet, inkluż id-drittijiet tal-konsumatur relatati ma’ kull waħda minn dawn il-kwistjonijiet. Dispożizzjonijiet dwar awtorizzazzjoni unika tal-UE, il-kontributi Ewropej (inkluż il-koordinazzjoni tal-ispettru tar-radju u prodotti ta’ aċċess virtwali Ewropej), kif ukoll il-BEREC ma nżammux.

4.

In-negozjati ġew konklużi b’suċċess fit-30 ta’ Ġunju 2015 bl-ilħuq ta’ qbil proviżorju bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar test ta’ kompromess.

5.

Fit-8 ta’ Lulju 2015 il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti kkonferma t-test ta’ kompromess tal-proposta dwar it-TSM, kif kien ġie maqbul miż-żewġ istituzzjonijiet.

6.

Fis-16 ta’ Lulju 2015, il-President tal-Kumitat ITRE tal-Parlament Ewropew indirizza ittra lill-Presidenza fejn iddikjara li, jekk il-Kunsill jgħaddi formalment il-pożizzjoni tiegħu lill-Parlament Ewropew kif maqbula, soġġett għal verifika mill-ġuristi lingwisti, hu, flimkien mar-Relatur, ser jirrakkomanda lill-Plenarja li l-pożizzjoni tal-Kunsill tiġi aċċettata mingħajr emendi fit-tieni qari tal-Parlament.

II.   OBJETTIV

7.

Mill-eżitu tan-negozjati jirriżulta li r-Regolament għandu l-għan li jistabbilixxi regoli komuni għas-salvagwardja tat-trattament indaqs u nondiskriminatorju tat-traffiku fil-forniment tas-servizzi tal-aċċess għall-Internet u s-salvagwardja tad-drittijiet tal-utenti aħħarin.

8.

Fil-qasam tar-roaming, dan ir-Regolament joħloq mekkaniżmu ġdid ta’ prezzijiet bl-imnut għal servizzi ta’ roaming regolati mal-Unjoni kollha sabiex jitneħħew il-ħlasijiet supplimentari għar-roaming bl-imnut mingħajr distorsjoni tas-swieq domestiċi u dawk miżjura.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

A.   Ġenerali

9.

Wara l-votazzjoni fil-plenarja, il-Parlament u l-Kunsill wettqu negozjati bil-għan li jikkonkludu qbil fit-tieni qari abbażi ta’ pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari li l-Parlament seta’ japprova kif kienet. It-test tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari jirrifletti b’mod sħiħ il-kompromess li ntlaħaq bejn il-koleġislaturi.

B.   Kwistjonijiet ewlenin

10.

L-elementi ewlenin tal-kompromess li ntlaħaq mal-Parlament Ewropew huma deskritti fil-qosor hawn taħt:

a.   Roaming

11.

Skont il-kompromess, il-ħlasijiet supplimentari għar-roaming bl-imnut fl-Unjoni Ewropea ser jitneħħew mill-15 ta’ Ġunju 2017. Madankollu, il-kompromess jiddefinixxi żewġ sitwazzjonijiet fejn l-applikazzjoni ta’ ħlasijiet supplimentari għadha awtorizzata, soġġett għal kriterji speċifiċi.

12.

L-ewwel nett, il-fornituri tar-roaming ser ikunu jistgħu japplikaw “politika ta’ użu ġust” biex jipprevjenu l-użu abbużiv jew anomalu mis-servizzi tar-roaming bl-imnut regolati. Ladarba l-politika ta’ użu ġust tinqabeż, ikun jista’ jiġi applikat ħlas supplimentari. Il-ħlas supplimentari ma jistax ikun ogħla mit-tariffi bl-ingrossa massimi. Ir-regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tal-politika ta’ użu ġust ser jiġu definiti mill-Kummissjoni f’att ta’ implimentazzjoni sal-15 ta’ Diċembru 2016.

13.

It-tieni nett, bil-ħsieb li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell ta’ tariffi domestiċi, f’ċirkostanzi speċifiċi u eċċezzjonali, fejn il-fornituri tar-roaming ma jkunux jistgħu jirkupraw l-ispejjeż globali tal-forniment ta’ servizzi roaming regolati mid-dħul globali tal-forniment ta’ tali servizzi, huma jistgħu, soġġett għall-awtorizzazzjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali, japplikaw ħlas supplimentari iżda biss sal-punt meħtieġ biex jirkupraw dawk l-ispejjeż.

14.

It-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari għar-roaming tal-15 ta’ Ġunju 2017 hija soġġetta għall-adozzjoni sa dakinhar ta’ proposta leġislattiva li temenda t-tariffi bl-ingrossa massimi attwalment regolati taħt ir-Regolament 531/2012 jew li tipprevedi soluzzjoni oħra biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet identifikati fil-livell tal-bejgħ bl-ingrossa. Il-Kummissjoni, qabel ma tippreżenta tali proposta leġislattiva, hija meħtieġa twettaq analiżi tas-suq tar-roaming bl-ingrossa bil-ħsieb li tivvaluta l-miżuri neċessarji biex ikunu jistgħu jitneħħew il-ħlasijiet supplimentari għar-roaming bl-imnut.

15.

Sabiex tiġi żgurata transizzjoni bla xkiel lejn it-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari għar-roaming, il-kompromess jipprevedi perijodu transitorju, li ser jibda mit-30 ta’ April 2016. Minn dakinhar il-ħlasijiet supplimentari għar-roaming ser jitnaqqsu b’mod sinifikanti. Il-ħlas supplimentari massimu mbagħad ser jiġi limitat għat-tariffi bl-ingrossa massimi attwali stabbiliti fir-Regolament 531/2012. Għal telefonati riċevuti, il-ħlas supplimentari massimu ser ikun il-medja ponderata tar-rati massimi ta’ terminazzjoni ta’ sejħiet bil-mowbajl fl-UE kollha, li għandha tiġi ffissata mill-Kummissjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni sa tmiem l-2015.

b.   Newtralità tan-netwerk

16.

Skont ir-regoli l-ġodda għall-UE kollha li jissalvagwardjaw it-trattament ugwali u nondiskriminatorju ta’ traffiku fil-forniment tas-servizzi tal-aċċess għall-Internet, il-fornituri ser ikunu meħtieġa jittrattaw it-traffiku kollu bl-istess mod meta jipprovdu servizzi tal-aċċess għall-Internet, mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza, u irrispettivament minn min jibgħat jew jirċievi, il-kontenut aċċessat jew distribwit, l-applikazzjonijiet jew is-servizzi użati. Huma jistgħu jużaw miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku raġonevoli, iżda dawn il-miżuri għandhom ikunu trasparenti, nondiskriminatorji, proporzjonati u ma għandhomx ikunu bbażati fuq konsiderazzjonijiet kummerċjali. Miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku ma għandhomx jissorveljaw kontenut speċifiku u ma għandhomx jinżammu għal aktar żmien milli jkun meħtieġ. Miżuri li jmorru lil hinn minn tali ġestjoni raġonevoli tat-traffiku (pereżempju, imblukkar jew trażżin) ser jiġu projbiti, minbarra għal għadd limitat ta’ każijiet definiti fir-Regolament.

17.

Ftehimiet dwar is-servizzi li jeħtieġu livell speċifiku ta’ kwalità ser ikunu permessi, dment li dawn is-servizzi ma jkunux jistgħu jintużaw jew jiġu offruti bħala sostitut għal servizz tal-aċċess għall-Internet u ma jkunux ta’ dannu għad-disponibbiltà jew il-kwalità ġenerali tas-servizzi tal-aċċess għall-Internet għall-utenti aħħarin.

c.   Drittijiet tal-utenti aħħarin

18.

Id-dispożizzjonijiet dwar is-salvagwardja tal-aċċess miftuħ għall-Internet u r-roaming huma kkomplementati minn dispożizzjonijiet dwar l-utenti aħħarin li, b’mod partikolari, jippermettu lill-utenti aħħarin jagħmlu għażliet infurmati. Pereżempju, fir-rigward tan-newtralità tan-netwerk, il-fornituri tas-servizzi tal-aċċess għall-Internet għandhom jinformaw lill-utenti aħħarin b’mod ċar dwar kif il-prattiki tal-ġestjoni tat-traffiku u kwalunkwe servizz ieħor għajr servizzi tal-aċċess għall-Internet jistgħu jħallu impatt fuq il-kwalità tas-servizz tal-aċċess għall-Internet. Il-fornituri għandhom jinformaw ukoll lill-utenti aħħarin dwar il-veloċità normalment disponibbli u r-rimedji f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità.

19.

Fil-qasam tar-roaming, sabiex jissaħħu d-drittijiet tal-klijenti tar-roaming, ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti ta’ trasparenza rigward il-kondizzjonijiet speċifiċi tat-tariffi u l-volum li ser japplikaw ladarba jitneħħew il-ħlasijiet supplimentari għar-roaming. B’mod partikolari, il-klijenti ser ikollhom jiġu nnotifikati dwar il-politika applikabbli dwar l-użu ġust jew meta jintlaħqu l-volumi tal-konsum.

IV.   KONKLUŻJONI

Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti b’mod sħiħ il-kompromess milħuq fin-negozjati bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, bil-qbil tal-Kummissjoni. Il-kompromess hu kkonfermat bl-ittra li l-President tal-Kumitat ITRE indirizza lill-President tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti fis-16 ta’ Lulju 2015.


(1)  Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ April 2014 dwar ir-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri dwar is-suq uniku Ewropew għall-komunikazzjoni elettronika u biex jinkiseb Kontinent Konness, u li jemenda d-Direttivi 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/22/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1211/2009 u (UE) Nru 531/2012 (COM(2013)0627 - C7-0267/2013 - 2013/0309(COD))


Top