EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015AE6357

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 sabiex tiġi stabbilita Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti” (COM(2015) 586 final – 2015/0270 (COD))

ĠU C 177, 18.5.2016, p. 21–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 177/21


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 sabiex tiġi stabbilita Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti”

(COM(2015) 586 final – 2015/0270 (COD))

(2016/C 177/04)

Relatur:

is-Sur Daniel MAREELS

Nhar it-18 ta’ Jannar 2016 u nhar l-20 ta’ Jannar 2016, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 sabiex tiġi stabbilita Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti

(COM(2015) 586 final – 2015/0270 (COD)).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Marzu 2016.

Matul il-515-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Marzu 2016 (seduta tas-17 ta’ Marzu 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’197 vot favur, 2 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Flimkien u b’mod parallel mal-proposti tagħha għal Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti (minn hawn ’il quddiem “EDIS”), il-Kummissjoni ppubblikat il-Komunikazzjoni “Lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja”  (1). Jirriżulta li ż-żewġ testi għandhom jitqiesu b’mod “parallel” u li l-introduzzjoni ta’ aktar kondiviżjoni tar-riskju (ara l-proposta EDIS) għandha tiġi akkumpanjata minn aktar tnaqqis tar-riskju fl-Unjoni Bankarja (ara l-Komunikazzjoni). Għalhekk huwa evidenti li ż-żewġ dokumenti huma ż-żewġ uċuh tal-istess munita, u għaldaqstant, il-Kumitat iqis ukoll li għandu jesprimi l-fehmiet tiegħu dwar din il-Komunikazzjoni. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kemm il-proposta leġislattiva kif ukoll il-Komunikazzjoni.

1.2.

Fil-qosor u bi prinċipju , il-Kumitat iħoss li, peress li l-EDIS u l-miżuri għat-tnaqqis tar-riskju mħabbra għandhom għadd ta’ għanijiet ewlenin u importanti komuni relatati mat-tisħiħ u t-tlestija tal-Unjoni Bankarja, iż-żewġ tipi ta’ miżuri għandhom jinkisbu bl-istess mod, bl-użu ta’ strumenti u metodi ekwivalenti. Dawn il-metodi, li għandhom jagħtu l-istess garanziji biex jinkisbu l-għanijiet rispettivi, huma aktar rilevanti peress li ż-żewġ tipi ta’ miżuri huma komplementari u neċessarji biex jipprovdu soluzzjoni bilanċjata u aċċettabbli minn kulħadd, li tkun ukoll konklużiva. Konsegwentement, u sabiex jinkiseb progress reali, il-Kumitat iqis essenzjali li jiġi żgurat li kemm l-EDIS kif ukoll il-miżuri rilevanti għat-tnaqqis tar-riskju jiġu indirizzati b’mod parallel u immedjatament, u jiġu implimentati skont skeda ta’ żmien ċara u konkreta. Il-ħolqien tal-kundizzjonijiet it-tajba biex nimxu ‘l quddiem huwa wkoll essenzjali biex tkompli titlesta l-UEM, li tagħha hija element importanti l-Unjoni Bankarja.

1.3.

Min-naħa tagħha, l-EDIS hija importanti ħafna fl-Unjoni Bankarja, li minnha tifforma t-tielet pilastru. Fil-passat il-Kumitat kien favur ħafna li titlesta l-Unjoni Bankarja u l-iskema ta’ assigurazzjoni tad-depożiti u ħeġġeġ li dan isir malajr. Dan huwa bil-għan li tissaħħaħ l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja fl-UE.

1.4.

Depożiti stabbli, sikuri u protetti sew huma fl-interess ta’ kulħadd, u l-ewwel u qabel kollox fl-interess ta’ min ifaddal u d-depożitanti. It-tisħiħ tal-fiduċja tagħhom u l-iżgurar tal-aħjar protezzjoni possibbli jibqgħu importanti għall-KESE. Issa huwa importanti li tiżdied il-fiduċja ta’ dawk li jfaddlu u tad-depożitanti fil-banek u jingħataw il-possibilità li jaħsdu l-benefiċċji ta’ integrazzjoni finanzjarja u kundizzjonijiet indaqs bejn il-banek. Barra minn hekk, depożiti stabbli jibqgħu neċessarji għall-finanzjament tal-ekonomija, u tal-familji u tal-intrapriżi, b’mod partikolari l-SMEs.

1.5.

Għall-KESE huwa essenzjali li l-EDIS tintuża biex tkompli tissaħħaħ l-Unjoni bankarja, biex tiżdied ir-reżiljenza tagħha kontra kriżijiet finanzjarji potenzjali, u tissaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja. Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti ser ikollha impatt pożittiv fuq is-sitwazzjoni tal-Istati Membri u banek individwali billi jkunu kapaċi aktar jindirizzaw il-kriżijiet lokali. Dan jista’ jiskoraġġixi ċerti nies milli jispekulaw kontra ċerti pajjiżi jew banek, u b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ assalti bankarji (bank run). Fl-istess ħin tkompli tiddgħajjef ir-rabta bejn il-banek u s-sovrani nazzjonali tagħhom.

1.6.

Għall-banek, il-miżuri mħabbra sabiex jitnaqqas ir-riskju fl-Unjoni Bankarja huma essenzjali. Dawn jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-Unjoni Bankarja, peress li dawn jipprovdu kundizzjonijiet aktar indaqs bejn il-banek u jdgħajfu r-rabtiet tagħhom mas-sovrani nazzjonali tagħhom. Dan itejjeb ir-reżiljenza u l-istabbiltà tas-sistema. L-aċċettazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ kondiviżjoni tar-riskju teħtieġ l-implimentazzjoni reali tal-kundizzjonijiet ekwi f’termini ta’ regoli u superviżjoni u li min-naħa tagħhom ser jikkontribwixxu għall-fiduċja reċiproka meħtieġa bejn il-partijiet kollha kkonċernati fl-Unjoni Bankarja.

1.7.

Dawn il-miżuri jeħtieġu li l-qafas leġislattiv eżistenti tal-Unjoni Bankarja (id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek u d-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti) jiġi traspost u implimentat bis-sħiħ mill-Istati Membri kollha. Huwa pożittiv li wieħed jara li l-għadd ta’ Stati Membri li għadhom iridu jagħmlu sforzi kontinwi naqas minn mindu ġew ippubblikati l-proposti tal-EDIS u l-Komunikazzjoni. Il-Kummissjoni qed tieħu azzjoni fil-konfront tal-pajjiżi l-oħra.

1.8.

Għandha tingħata attenzjoni sabiex ikompli jitnaqqas ir-riskju fis-settur bankarju u sabiex tinkiseb armonizzazzjoni massima fl-Unjoni Bankarja fl-oqsma li fihom diġà ttieħdet azzjoni. Huwa wkoll meqjus neċessarju l-istabbiliment minn qabel ta’ skemi nazzjonali ta’ garanzija tad-depożiti kapitalizzati sew, stabbli u effettivi. Għandhom isiru sforzi b’saħħithom sabiex jiġu evitati riskji potenzjali ta’ periklu morali fir-rigward kemm tal-banek, tal-gvernijiet kif ukoll ta’ dawk li jfaddlu meta jiġi żviluppat dan il-pilastru tal-Unjoni Bankarja. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet reali ta’ periklu morali jistgħu jheddu t-tħaddim effiċjenti u sigur tal-Unjoni Bankarja. Il-klawżoli li jistipulaw li Stat Membru jista’ juża l-EDIS biss jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha huma adegwati f’dan ir-rigward.

1.9.

Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha twettaq studju tal-impatt profond u komprensiv, possibbilment abbażi ta’ studji preċedenti simili fil-kuntest tad-Direttivi dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti, fid-dawl tal-importanza tal-kwistjoni għall-Unjoni Bankarja, it-tlestija tal-UEM u l-fiduċja ta’ dawk li jfaddlu u tad-depożitanti. Ir-riżultati ta’ dan l-istudju għandhom jiġu ppubblikati, anke sabiex tkompli tissaħħaħ il-leġittimità tal-proposta.

1.10.

Barra minn hekk, għad hemm differenzi sinifikanti bejn il-pajjiżi u għad hemm numru ta’ sfidi f’oqsma differenti, kif jirriżulta minn numru ta’ rapporti internazzjonali reċenti. Dawn id-differenzi u l-isfidi għandhom jiġu indirizzati. Mingħajr ma l-lista hija eżawrjenti, dawn jinkludu l-volum konsiderevoli ta’ “self improduttiv” fis-settur bankarju u d-distribuzzjoni inugwali ta’ dan il-volum fuq il-banek u l-Istati Membri taż-żona tal-euro.

1.11.

Fil-proċess biex ikompli jitnaqqas ir-riskju, il-Kumitat iqis li għandha tingħata biżżejjed attenzjoni għall-impatt ta’ dan fuq l-għoti tas-self. B’mod partikolari s-self lill-SMEs, lill-industriji żgħar u ta’ daqs medju, lill-istart ups u lill-kumpaniji żgħar oħra għandu jibqa’ prijorità prinċipali għall-UE u l-Istati Membri.

1.12.

Barra minn hekk, il-Kumitat iqis li l-progress fit-tlestija ulterjuri tal-UEM huwa daqstant importanti. Fost affarijiet oħra dan huwa bbażat fuq pilastru monetarju u finanzjarju, li jinkludi l-implimentazzjoni ta’ Unjoni Bankarja sħiħa mmexxija mill-UE. Il-Kumitat diġà ddikjara li l-UEM għadha fraġli u qed tiffaċċja sfidi kbar, u teħtieġ li tissaħħaħ aktar billi jitkomplew jiġu żviluppati l-pilastri tagħha kollha.

1.13.

Il-KESE jemmen li huwa essenzjali f’dan ir-rigward li jinħolqu kundizzjonijiet adegwati u xierqa li jippermettu li jsir progress. Għall-Kumitat kollox jiddependi mill-“fiduċja” u li din tissaħħaħ bejn l-Istati Membri. Il-fiduċja bejn l-Istati Membri teħtieġ ukoll kundizzjonijiet indaqs u approċċi kkoordinati adattati għal konverġenza.

1.14.

Din il-konverġenza ġiet affettwata b’mod negattiv mill-kriżi u huwa importanti fuq il-perjodu qasir li jsir aktar progress fl-Istati Membri u bejniethom. Barra minn hekk, l-irkupru jrid ikun appoġġjat, il-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi ffaċilitata u l-adattabilità mtejba.

1.15.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-iskema l-ġdida ta’ assigurazzjoni ta’ depożitu għandha tkun newtrali mil-lat ta’ spejjeż għas-settur bankarju, iżda fl-istess ħin huwa tal-fehma li jkun preferibbli li l-pjan propost ta’ kontribuzzjoni bbażata fuq ir-riskju jiġi inkorporat direttament fil-proposta tal-EDIS minflok din il-kwistjoni tiġi indirizzata f’atti delegati. Fuq kollox dan huwa element essenzjali tal-iskema proposta, li bi prinċipju għandha tiġi stabbilita fl-ogħla livell.

2.   Sfond

2.1.

Meta nħolqot l-Unjoni Bankarja, ġie deċiż li l-pilastri jiġu introdotti gradwalment.

2.2.

L-ewwel żewġ passi ttieħdu bl-istabbiliment ta’ Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) li permezz tiegħu l-BĊE jeżerċita superviżjoni (2) fuq il-banek (3) fiż-żona tal-euro, u l-istabbiliment ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (MUR), mill-1 ta’ Jannar 2016.

2.3.

Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti  (4) qiegħda tiġi proposta bħala t-tielet pilastru tal-Unjoni Bankarja. Din is-sistema tibni fuq id-Direttiva eżistenti dwar l-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti (5), li introduċiet skemi nazzjonali ta’ garanziji tad-depożiti u pprovdiet għar-rikonoxximent ta’ skemi ta’ protezzjoni istituzzjonali bħala skemi ta’ garanziji tad-depożiti. Ir-rapport tal-ħames Presidenti dwar It-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (6) wkoll ippropona t-tnedija tal-EDIS wara li jgħaddi ż-żmien.

2.4.

Il-proposta l-ġdida (7) ser tiġi żviluppata gradwalment (8):

2.4.1.

Fl-ewwel stadju ser ikun hemm skema ta’ riassigurazzjoni għal perjodu ta’ tliet snin sal-2020. F’dan l-istadju, skema ta’ garanzija tad-depożiti nazzjonali ser ikollha aċċess għr-riżorsi tal-EDIS biss wara li tkun eżawrixxiet ir-riżorsi tagħha stess u bil-kundizzjoni li r-regoli rilevanti tad-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija għad-Depożiti jkun ġew applikati b’mod sħiħ mill-Istat Membru kkonċernat. L-għan għalhekk huwa li tiddgħajjef ir-rabta bejn il-banek u s-sovrani nazzjonali tagħhom.

2.4.2.

Sussegwentement, is-sistema għandha tersaq progressivament lejn sistema ta’ mutwalizzazzjoni (“koassigurazzjoni”). F’dan l-istadju, sistema nazzjonali ma jkollhiex għalfejn tuża r-riżorsi tagħha stess qabel ma jkollha aċċess għar-riżorsi tal-EDIS, f’każ li jkun hemm bżonn ta’ intervenzjoni. L-aċċess għal dawn ir-riżorsi għandu jibda f’livell baxx (20 %) u jiżdied fuq perjodu ta’ erba’ snin għal 80 %. Għalhekk dan jinvolvi grad ogħla ta’ kondiviżjoni tar-riskju bejn is-sistemi nazzjonali.

2.4.3.

Fit-tielet stadju, ir-riskju mġarrab mill-EDIS għandu jiżdied gradwalment għal 100 %. Għalhekk, is-sistema l-ġdida ser tissostitwixxi kompletament l-iskemi nazzjonali ta’ garanzija tad-depożiti mill-2024 ‘il quddiem u għandha tkun l-unika responsabbli għall-ħlas ta’ kumpens lid-depożituri.

2.5.

F’dan il-kuntest, il-proposta tipprovdi wkoll għall-ħolqien ta’ Fond Ewropew tal-Assigurazzjoni tad-Depożiti. Il-Fond għandu jkun iffinanzjat permezz ta’ kontribuzzjonijiet imwieżna għar-riskji mill-banek. Is-sistema hija maħsuba biex tkun newtrali mil-lat ta’ spejjeż għas-settur bankarju sal-punt li l-kontribuzzjonijiet Ewropej għandhom jitnaqqsu mill-kontribuzzjonijiet lejn l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti nazzjonali.

2.6.

Is-sistema għandu jkollha salvagwardji stretti: pereżempju, jiġu assigurati biss l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti nazzjonali li jikkonformaw mar-regoli tal-UE u li huma strutturati skont dawn ir-regoli.

2.7.

B’mod parallel, il-Kummissjoni ħabbret ukoll għadd ta’ miżuri oħra bil-għan li jitnaqqas ir-riskju fl-Unjoni Bankarja (9)  (10) fil-Komunikazzjoni “Lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja”.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni (11) dwar aktar tnaqqis tar-riskju fl-Unjoni Bankarja flimkien mal-proposti dwar l-EDIS. Skont il-Kummissjoni, dawn iż-żewġ pubblikazzjonijiet għandhom jitqiesu b’mod parallel. L-introduzzjoni ta’ aktar kondiviżjoni tar-riskju (ara l-proposta tal-EDIS) għandha tkun “akkumpanjata” minn aktar tnaqqis tar-riskju. Għaldaqstant, il-Kumitat jara dawn iż-żewġ testi bħala żewġ naħat tal-istess munita. Dawn l-osservazzjonijiet u kummenti dwar it-testi l-ġodda għandhom jitqiesu f’dan id-dawl.

3.2.

Il-KESE minn dejjem kien favur Unjoni Bankarja u l-passi li ttieħdu f’rabta mal-ewwel żewġ pilastri (12). Għall-Kumitat, kien importanti li din il-ħidma ssir mingħajr dewmien (13).

3.3.

Bl-istess mod, il-Kumitat minn dejjem appoġġja t-tlestija ulterjuri tal-Unjoni Bankarja (14) u l-addizzjoni rapida tat-tielet pilastru relatat mal-protezzjoni tad-depożiti. F’dan il-kuntest, il-Kumitat diġà ħeġġeġ it-tisħiħ u t-titjib tas-sistema komunitarja tal-protezzjoni tad-depożiti (15).

3.4.

Il-Kumitat jilqa’ l-proposta tal-EDIS u japprova l-għanijiet biex tissaħħaħ l-Unjoni Bankarja, tittejjeb u tiġi armonizzata l-protezzjoni tad-depożituri, tissaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja u titnaqqas aktar ir-rabta bejn il-banek u s-sovrani nazzjonali tagħhom.

3.5.

Permezz tal-prinċipju tal-kondiviżjoni tar-riskju, skema bħal din jista’ jkollha impatt pożittiv fuq is-sitwazzjoni ta’ xi Stati Membri u l-banek, peress li hija iktar kapaċi mis-sistemi nazzjonali attwali li tgħin – fejn meħtieġ – biex tassorbi l-kriżijiet lokali. Dan jista’ jiskoraġġixxi ċertu nies milli jispekulaw kontra ċerti pajjiżi jew banek u b’hekk jitnaqqas ir-riskju ġenerali fl-Unjoni Bankarja kollha.

3.6.

Livell għoli ta’ protezzjoni u salvagwardji massimi għad-depożiti ta’ dawk li jfaddlu huma indispensabbli. Minn mindu bdiet il-kriżi sar progress importanti u l-għan ta’ dawn il-proposti l-ġodda jista’ jgħin biex tkompli tiżdied il-fiduċja, peress li dawn jistgħu jikkontribwixxu għal integrazzjoni finanzjarja akbar bejn il-pajjiżi u kundizzjonijiet indaqs bejn il-banek tal-UE.

3.7.

Depożiti stabbli huma sors b’saħħtu u neċessarju ta’ finanzjament għall-ekonomija, l-unitajiet domestiċi u fuq kollox intrapriżi żgħar u li għadhom jibdew (bħall-SMEs, l-SMIs (16) u start-ups) u b’hekk ikun hemm kontribut għat-tkabbir ekonomiku meħtieġ. L-SMEs (f’sens wiesa’) jagħtu kontribut vitali għall-ekonomija Ewropea, u huma responsabbli għal aktar minn żewġ terzi tal-impjiegi totali tal-privat u 85 % taż-żieda netta fl-impjiegi. Għall-KESE huwa ċar li l-iżgurar ta’ self lill-SMEs vijabbli huwa essenzjali għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi ġodda u għalhekk dan għandu jkun prijorità ewlenija fil-livell Ewropew u f’dak nazzjonali.

3.8.

Fir-rigward ta’ aktar tnaqqis tar-riskji, għandu jiġi applikat l-istess approċċ bħal dak li ntuża għall-EDIS, u għalhekk il-Kumitat jilqa’ d-dokument tal-Kummissjoni. Dan huwa ċertament il-każ, għax iż-żewġ testi għandhom għadd ta’ għanijiet fundamentali komuni, bħat-tisħiħ tal-Unjoni Bankarja u li tiddgħajjef ir-rabta bejn il-banek u s-sovrani nazzjonali u l-ksib tal-objettivi jeħtieġ b’mod ċar “kombinazzjoni ta’ miżuri”.

3.9.

Mill-perspettiva tat-tnaqqis tar-riskju, is-sitwazzjoni eżistenti ma tistax tiġi injorata. Għandha tingħata attenzjoni prijoritarja sabiex ikompli jitnaqqas ir-riskju fis-settur bankarju u sabiex tinkiseb armonizzazzjoni akbar fl-Unjoni Bankarja fl-oqsma li fihom diġà ttieħdet azzjoni.

3.10.

L-ewwel nett, l-Istati Membri kollha għandhom jittrasponu u jimplimentaw bis-sħiħ il-qafas eżistenti dwar l-Unjoni Bankarja. Minkejja li meta ġiet ippubblikata l-proposta tal-EDIS, għadd sinifikati ta’ Stati Membri kienu għadhom ma ttrasponewx id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek u/jew id-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti, jew għamlu dan biss parzjalment, is-sitwazzjoni minn dak iż-żmien tjiebet. Il-Kummissjoni qed tieħu azzjoni fil-konfront tal-pajjiżi l-oħra (17).

3.11.

It-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ulterjuri tal-Iskema ta’ Garanzija tad-Depożiti u l-iskema ta’ finanzjament ex-ante relatata għandhom ċerti sfidi. Aktar armonizzazzjoni u l-istabbiliment minn qabel ta’ skemi nazzjonali ta’ garanzija tad-depożiti kapitalizzati sew, stabbli u effettivi huma wkoll meqjusa neċessarji sabiex jiġi limitat ir-riskju ta’ “periklu morali”. Fil-passi kollha tal-implimentazzjoni tal-EDIS għandha tingħata attenzjoni li r-riskju ma jinxteridx. F’dan il-kuntest għandu jkun hemm sorveljanza kontra l-perikli potenzjali ta’ mutwalizzazzjoni rapida wisq u stretta tar-riskji. Il-klawżoli li jistipulaw li l-Istati Membri jistgħu jużaw l-EDIS biss jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha u jkunu implimentaw il-leġislazzjoni huma adegwati f’dan ir-rigward.

3.12.

Barra minn hekk, għad hemm differenzi sinifikanti bejn il-pajjiżi u għad hemm numru ta’ sfidi f’oqsma differenti, kif jirriżulta minn numru ta’ rapporti internazzjonali reċenti (18)  (19). Dawn jeħtieġ li jiġu indirizzati. Dawn il-kwistjonijiet jinkludu l-volum konsiderevoli ta’ “self improduttiv” fis-settur bankarju u d-distribuzzjoni inugwali ta’ dan is-self fost il-banek u l-Istati Membri taż-żona tal-euro (20). Rimedju effettiv għal din is-sitwazzjoni, waqt li jitqiesu l-elementi rilevanti kollha l-oħra, jista’ jitqies bħala prerekwiżit sabiex isir progress fid-direzzjoni tal-kondiviżjoni tar-riskju f’rabta mal-protezzjoni tad-depożiti. Fost affarijiet oħra, dan jeħtieġ mekkaniżmu superviżorju omoġenju mmexxi mill-UE.

3.13.

M’hemmx riżultati disponibbli tal-valutazzjoni tal-impatt fil-profond preċedenti tal-EDIS. Dan imur kontra r-rekwiżiti ta’ trasparenza. Hija ċertament meħtieġa valutazzjoni tal-impatt profonda u komprensiva, possibbilment abbażi ta’ valutazzjonijiet preċedenti simili fil-kuntest tad-Direttivi dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti (21), fid-dawl tal-importanza tal-kwistjoni għall-Unjoni Bankarja, it-tlestija tal-UEM u l-fiduċja ta’ dawk li jfaddlu u tad-depożitanti. Ir-riżultati ta’ dan l-istudju għandhom jiġu ppubblikati, anke sabiex tkompli tissaħħaħ il-leġittimità tal-proposta.

3.14.

Il-miżuri addizzjonali futuri mħabbra dwar it-tnaqqis tar-riskju għandhom jiġu ppreżentati bl-istess mod bħall-EDIS, peress li t-tnejn jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-Unjoni Bankarja, u ser jeħtieġu azzjoni biex jiġu implimentati fid-dettall hekk kif jintlaħqu l-kondizzjonijiet meħtieġa.

3.15.

Fid-dawl ta’ dan kollu, huwa ċar li ż-żewġ tipi ta’ miżuri għandhom jinkisbu b’mod simili. Iż-żewġ tipi ta’ miżuri huma komplementari u neċessarji biex jipprovdu soluzzjoni bilanċjata, li tkun ukoll konklużiva. Għalhekk huwa essenzjali li kemm l-EDIS kif ukoll il-miżuri rilevanti għat-tnaqqis tar-riskju (22) jiġu indirizzati immedjatament u jiġu implimentati b’mod parallel. Dan mhux biss ser jiżgura l-ikbar kontribuzzjoni possibbli sabiex tinkiseb l-Unjoni Bankarja u t-tlestija ulterjuri tal-UEM (ara hawn taħt) iżda ser jipprovdi wkoll l-aħjar garanzija possibbli li jsir progress reali.

3.16.

Għall-Kumitat, din il-kwistjoni hija daqstant importanti fil-qafas tat-tlestija ulterjuri tal-UEM. Din hija fost affarijiet oħra bbażata fuq pilastru monetarju u finanzjarju, inkluża Unjoni Bankarja kompluta. Il-Kumitat diġà ddikjara li l-UEM għadha fraġli u qed tiffaċċja sfidi kbar (23), u għalhekk l-Unjoni għandha tissaħħaħ aktar billi jiġu żviluppati l-pilastri tagħha kollha.

3.17.

Diġà ġie indikat li, minħabba r-rabtiet li għadhom jeżistu bejn is-sovrani u l-banek, l-Istati Membri għadhom isibuha bi tqila li joħolqu l-kundizzjonijiet politiċi u ekonomiċi neċessarji, bir-riżultat li qegħdin jiddewmu d-deċiżjonijiet l-aktar adattati u effettivi (24).

3.18.

Għalhekk huwa importanti li jkun possibbli li jsir il-progress u hawnhekk kollox jiddependi fuq il-“fiduċja” u t-tisħiħ tagħha bejn l-Istati Membri. Il-fiduċja bejn l-Istati Membri teħtieġ ukoll kundizzjonijiet indaqs u approċċi kkoordinati adattati għal konverġenza.

3.19.

Din il-konverġenza ġiet affettwata b’mod negattiv mill-kriżi u huwa importanti fuq il-perjodu qasir li jsir aktar progress fl-Istati Membri u bejniethom. Barra minn hekk, l-irkupru jrid ikun appoġġjat, il-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi ffaċilitata u l-adattabilità mtejba.

4.   Osservazzjonijiet u kummenti speċifiċi

4.1.

B’rabta mal-proposta EDIS, il-KESE japprova l-prinċipju li s-sistema għandha tkun newtrali mil-lat ta’ spejjeż għas-settur bankarju. Il-kontribuzzjoni tas-settur bankarju kienet stabbilita għal 0,8 % (25), (26) tad-depożiti koperti, wara valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt. Huwa għalhekk importanti li l-kontribuzzjoni totali għas-sistemi nazzjonali u Ewropej ma tiżdiedx, sabiex tiġi rrispettata n-newtralità mil-lat ta’ spejjeż.

4.2.

Barra minn hekk, huwa importanti li f’dan il-kuntest tiġi żgurata armonizzazzjoni massima tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali, u b’hekk jinħolqu kundizzjonijiet indaqs għall-iskemi nazzjonali ta’ garanzija tad-depożiti, u jiġu evitati d-differenzi bejn dawn is-sistemi.

4.3.

Dan l-approċċ ta’ kundizzjonijiet indaqs għandu jiġi adottat mill-pajjiżi li jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja u fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li mhumiex parti minnha. Dan jeħtieġ, b’mod partikolari, armonizzazzjoni ulterjuri tad-dispożizzjonijiet attwali tad-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti sabiex ikun hemm konverġenza akbar bejn is-sistemi fl-Istati Membri kollha.

4.4.

Skemi ta’ protezzjoni istituzzjonali jistgħu jipprovdu appoġġ finanzjarju meta l-membri tagħhom isibu ruħhom f’sitwazzjonijiet diffiċli u b’hekk jgħinu biex jiġu evitati l-fallimenti tal-banek. L-azzjoni preventiva ta’ dawn is-sistemi jeħtieġ li tiġi rikonoxxuta bis-sħiħ fir-Regolament il-ġdid dwar l-EDIS, peress li jekk dan ma jseħħx, dan jista’ jhedded il-kunċett kollu.

Brussell, is-17 ta’ Marzu 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  COM(2015) 587 final.

(2)  Minn Novembru 2014.

(3)  Għall-atturi ewlenin (bejn wieħed u ieħor 130), dan ser isir direttament mill-BĊE, għall-oħrajn (aktar minn 6 000 bank), primarjament mir-regolaturi nazzjonali.

(4)  Magħrufa wkoll bit-taqsira Ingliża “EDIS”, li tfisser European Deposit Insurance Scheme (Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti).

(5)  Din tipprovdi għall-garanzija tad-depożiti ta’ dawk li jfaddlu fl-UE sa EUR 100 000.

(6)  Ara r-rapport “Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropea, ta’ Jean-Claude Juncker f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ Donald Tusk, Jeroen Dijsselbloem, Mario Draghi u Martin Schulz”, ara, b’mod partikolari, p. 11.

(7)  Ara l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 sabiex tiġi stabbilita Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti – COM(2015) 586 final – 2015/0270 (COD), ippubblikata fl-24 ta’ Novembru 2015.

(8)  Il-qafas tal-EDIS għandu jsegwi l-istruttura klassika tal-Unjoni Bankarja: ġabra unika tar-regoli fil-forma tad-Direttiva attwali dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti applikabbli għat-28 Stat Membru kollha, issupplimentata mill-EDIS, li hija vinkolanti għall-Istati Membri kollha fiż-żona tal-euro u miftuħa għal Stati Membri oħra tal-UE li jixtiequ jingħaqdu mal-Unjoni Bankarja.

(9)  Dawn il-miżuri jinkludu:

It-tnaqqis tal-għażla nazzjonali u spazju għal manuvrar fl-applikazzjoni tar-regoli prudenzjali sabiex il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku jkun jista’ jaħdem bl-aktar mod effiċjenti possibbli;

L-armonizzazzjoni tal-iskemi nazzjonali ta’ garanzija tad-depożiti;

L-adozzjoni ta’ leġislazzjoni li timplimenta l-bqija tal-elementi, applikabbli għall-banek, tal-qafas regolatorju miftiehma fil-livell internazzjonali, inklużi t-trażżin tal-effett ta’ lieva tal-banek, l-iżgurar ta’ finanzjament bankarju stabbli u t-titjib tal-komparabbiltà tal-assijiet imwieżna għar-riskju kif ukoll il-possibbiltà sabiex sal-2019 jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja dwar il-Kapaċità ta’ Assorbiment ta’ Telf Totali tal-banek, sabiex ikun hemm biżżejjed fondi disponibbli għall-banek f’diffikultà, mingħajr ma jkun hemm rikors fuq il-kontribwenti;

L-implimentazzjoni tar-regoli eżistenti b’tali mod li jintuża l-inqas finanzjament pubbliku possibbli sabiex jinżamm settur bankarju solventi u reżiljenti;

Konverġenza akbar fil-liġijiet ta’ insolvenza, kif stabbilit fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar Unjoni tas-Swieq Kapitali;

Inizjattivi fir-rigward tat-trattament prudenzjali tal-esponiment tal-banek għar-riskju sovran, bħat-tnaqqis tal-esponiment tas-sovrani għal gvern speċifiku sabiex jiġi żgurat li r-riskji huma diversifikati.

(10)  Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja, COM(2015) 587 final, 24.11.2015.

(11)  Ara l-punt 2.7 hawn fuq.

(12)  Ara l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u l-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni.

(13)  Ara fost l-oħrajn l-Opinjoni tal-KESE dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r- Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) fir-rigward tal-interazzjoni tiegħu mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru…/… li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (COM(2012) 512 final – 2012/0244 (COD) u dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Pjan Direzzjonali lejn Unjoni (ĠU C 11, 15.1.2013, p. 34), il-punt 1.12.

(14)  Ara fost l-oħrajn l-Opinjonijiet tal-KESE dwar L-ikkompletar tal-UEM – Il-proposti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għal-leġiżlatura Ewropea li jmiss (ĠU C 451, 16.12.2014, p. 10) u L-ikkompletar tal-UEM: il-pilastru politiku (ĠU C 332, 8.10.2015, p. 8).

(15)  Ara l-opinjonijiet imsemmija fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 13 u 14.

(16)  Industriji żgħar u ta’ daqs medju.

(17)  Dwar l-Iskema ta’ Garanzija tad-Depożiti, ara l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni Ewropea tal-10 ta’ Diċembru 2015: “Commission requests 10 Member States to implement EU rules on Deposit Guarantee Schemes” (mhux disponibbli bil-Malti) (ara http://europa.eu/rapid/press-release_IP-15-6253_en.htm).

Dwar id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek, ara l-istqarrija għall-istampa tat-22 ta’ Ottubru 2015“Commission refers six Member States to the Court of Justice of the EU for failing to transpose EU rules on Bank Recovery and Resolution” (mhux disponibbli bil-Malti) (ara http://europa.eu/rapid/press-release_IP-15-5827_en.htm).

(18)  Ara EBA – 2015 EU-wide transparency exercise – aggregate report, https://www.eba.europa.eu/documents/10180/1280458/2015+EU-wide+Transparency+Exercise+Report+FINAL.pdf, (Novembru 2015) u l-Economic Bulletin tal-BĊE Ħarġa 2015/5 https://www.ecb.europa.eu/pub/pdf/ecbu/eb201505.en.pdf

(19)  Ara r-rapport tal-EBA, (sommarju eżekuttiv), p. 6 u 7, Il-kwalità tal-assi u l-profittabilità tjiebu wkoll, iżda jibqgħu – minkejja r-rata baxxa ta’ bażi – sors ta’ tħassib. Iċ-ċifri għall-esponimenti improduttivi, li ġew ippubblikati għall-ewwel darba skont id-definizzjoni armonizzata tal-EBA, jirrappreżentaw kważi 6 % tal-ammont totali ta’ self u avvanzi fl-UE (10 % jekk jitqiesu biss il-kumpaniji mhux finanzjarji), għalkemm b’differenzi sinifikanti bejn il-pajjiżi u l-banek. Il-profittabilità tjiebet fl-2015, iżda storikament tibqa’ baxxa, meta mqabbla mal-ispiża stmata tal-ekwità tal-banek. Minn Ġunju 2015, ir-redditu globali fuq il-kapital regolatorju tal-banek tal-UE huwa ta’ 9,1 %.

Id-data ppubblikata llum turi li għadha teżisti, għalkemm qed tonqos gradwalment, preferenza għal investimenti fi strumenti ta’ dejn nazzjonali, billi f’Ġunju 2015 il-banek irrapportaw żieda fid-dejn sovran mhux domestiku miżmum minnhom.

(20)  Ara r-rapport tal-BĊE dwar l-Istabilità Finanzjarja, Novembru 2015, https://www.ecb.europa.eu/pub/pdf/other/financialstabilityreview201511.en.pdf?24cc5509b94b997f161b841fa57d5eca, p. 74 et seq.

(21)  Skont dikjarazzjonijiet magħmula minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, il-proposti attwali jibnu fuq il-valutazzjoni tal-impatt li sar b’konnessjoni mal-emenda tad-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti. Ara http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX:52010SC0834. (mhux disponibbli bil-Malti) Ara, b’mod partikolari, it-taqsimiet 7.8 u 7.11 tad-dokument.

(22)  Fir-rigward ta’ dawn il-miżuri għat-tnaqqis tar-riskju, sfida ewlenija ser tkun li l-miżuri li huma l-aktar rilevanti minn din il-perspettiva jiġu implimentati bħala kwistjoni ta’ prijorità.

(23)  Ara l-opinjonijiet imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14.

(24)  Ara l-ewwel Opinjoni msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 4.1.2.

(25)  Fil-kuntest tad-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti.

(26)  Jew 0,5 % jekk jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet.


Top