This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52015AE5834
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on the prospectus to be published when securities are offered to the public or admitted to trading’ (COM(2015) 583 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ” (COM(2015) 583 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ” (COM(2015) 583 final)
ĠU C 177, 18.5.2016, p. 9–15
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
18.5.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 177/9 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ”
(COM(2015) 583 final)
(2016/C 177/02)
Relatur: |
is-Sinjura Milena ANGELOVA |
Nhar il-15 ta’ Jannar 2016 u nhar it-18 ta’ Jannar 2016, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
“il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ”
(COM(2015) 583 final).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, li kienet inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Marzu 2016.
Matul il-515-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Marzu 2016 (seduta tas-16 ta’ Marzu 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’158 vot favur, vot 1 kontra u 2 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-proposta attwali għal Regolament kif ukoll l-approċċ li jirfidha – li r-rekwiżiti jiġu semplifikati u razzjonalizzati għall-prospett ippubblikat meta titoli jiġu offruti fuq is-swieq regolati u b’hekk isiru aktar kosteffettivi u aktar utli għall-investituri f’termini tal-informazzjoni li jkun fihom. Japprezza ċ-ċarezza legali akbar li l-għamla ta’ regolament minflok direttiva f’dan il-każ tagħti lill-emittenti, lill-investituri u lill-partijiet interessati kollha, peress li din ser iżżid il-fiduċja u l-kunfidenza tal-investituri kif ukoll tippromovi l-kisba ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU). |
1.2. |
Il-KESE jilqa’ l-attenzjoni speċjali mogħtija lill-kisba mill-ġdid tal-fiduċja tal-investituri, japprova l-azzjonijiet partikolari meħuda b’rabta ma’ dan u jappoġġja l-prinċipju li jekk il-prospett isir aktar faċli biex jinftiehem mill-qarrej u aktar immirat għas-sitwazzjoni speċifika tal-emittent dan ikollu l-vantaġġ doppju li jitnaqqsu l-ispejjeż u tiżdied ir-rilevanza tal-prospett għal investituri potenzjali. Il-possibbiltà li l-prospetti kollha fl-UE jkunu aċċessibbli f’bażi ta’ data komuni għandha tagħti spinta konsiderevoli lill-iżvilupp tas-swieq kapitali fl-Ewropa, tagħti aktar kunfidenza lill-investituri u twassal għall-ħolqien ta’ prodotti finanzjarji aktar diversifikati. |
1.3. |
Il-proposta għal Regolament għandha l-għan ċar li tnaqqas il-piż amministrattiv tat-tfassil ta’ prospetti għall-emittenti kollha, partikolarment għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), emittenti frekwenti ta’ titoli u ħruġ sekondarju, u għaldaqstant jistħoqqilha l-appoġġ tal-KESE. L-isforzi biex il-prospett isir għodda ta’ żvelar aktar rilevanti għal investituri potenzjali u biex tinkiseb aktar konverġenza bejn il-prospett tal-UE u regoli ta’ żvelar oħrajn tal-UE ukoll huma ta’ min ifaħħarhom. |
1.4. |
Sabiex jiġi garantit li l-proposta għal Regolament ser tikseb l-għanijiet iddikjarati tagħha huwa meħtieġ li l-partijiet interessati kollha jkunu involuti mill-qrib fil-proċess tal-produzzjoni tal-leġiżlazzjoni tat-tieni livell u f’valutazzjoni tal-impatt fil-fond u kwalitattiva li għandha ssir sentejn wara li r-Regolament jibda jiġi applikat. Il-KESE huwa partikolarment interessat li jieħu sehem attiv f’dawn il-konsultazzjonijiet. |
1.5. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiċċara xi kwistjonijiet mhux ċari li jistgħu jinfluwenzaw l-impatt tar-Regolament propost u tevita kwalunkwe sitwazzjoni fejn il-marġni ta’ diskrezzjoni li jitħalla lill-Istati Membri jkun jista’ jikkontribwixxi biex jinħoloq piż bla bżonn u sproporzjonat għall-emittenti jew ikun jista’ jippreġudika ċ-ċarezza tal-informazzjoni rilevanti għall-investituri. Huwa għaldaqstant irrakkomandat bis-sħiħ li l-ESMA, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha li ġġib il-prattiki superviżorji fl-Istati Membri f’konverġenza eqreb, tqis il-fehmiet mhux biss tal-awtoritajiet regolatorji lokali, iżda wkoll tal-partijiet interessati lokali, fosthom il-parteċipanti fis-suq. |
2. Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea
2.1. |
Ir-riforma tal-leġiżlazzjoni marbuta mal-pubblikazzjoni tal-prospetti meta t-titoli jiġu offruti lill-pubbliku hija parti mit-tielet pilastru tal-Pjan ta Investiment għall-Ewropa (1), li jipprova jtejjeb l-ambjent għan-negozju u huwa element ewlieni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (2). |
2.2. |
Il-proposta għal Regolament hija riżultat tal-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea fuq perjodu twil biex ittejjeb il-qafas legali għall-iżvelar ta’ informazzjoni meta jinħarġu titoli. Għaldaqstant, il-komponenti tal-proposta għandhom jiġu evalwati retrospettivament, billi jitqies il-progress li diġà sar fid-diversi stadji ta’ dan l-isforz. |
2.2.1. |
Id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) ħadet post żewġ direttivi preċedenti dwar il-partikolaritajiet tal-listi (1980) (4) u l-prospetti (1989) (5) – li kienu ngħataw kritika qawwija mill-partijiet interessati għax kienu jippermettu prattiki li jvarjaw ħafna madwar l-Unjoni u kienu msejsin fuq sistema ta’ għarfien reċiproku li kienet tħalli ammont sinifikanti ta’ diskrezzjoni għall-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti. Introduċiet ukoll għall-ewwel darba l-prinċipju ta’ “passaport waħdieni”. |
2.2.2. |
Ir-reviżjoni tal-2010 tad-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill wriet li, għalkemm sar xi ftit progress, din id-Direttiva kienet għadha nieqsa miċ-ċarezza legali meħtieġa, ma kinitx effettiva u effiċjenti biżżejjed u ma kinitx toħloq il-bilanċ meħtieġ bejn l-effiċjenza tas-suq u l-protezzjoni tal-investitur. Għaldaqstant ġiet sostitwita mid-Direttiva 2010/73/UE (6). |
2.2.3. |
L-impatt tad-Direttiva 2010/73/UE ġie evalwat tliet snin wara li bdiet tiġi applikata. Il-valutazzjoni wriet b’mod ċar li ma kienx irnexxielha tipproduċi r-riżultati mistennija (is-sommarju tal-prospett, pereżempju), li ma kinitx ambizzjuża biżżejjed (is-sistemi proporzjonati ta’ żvelar) jew sempliċiment ma kienx fiha miżuri biex jissodisfaw l-istennijiet kollha tal-partijiet interessati. |
2.2.4. |
Il-proposta għal Regolament fiha bosta karatteristiċi u miżuri ġodda u tista’ titqies bħala pass kbir ‘il quddiem lejn regolamentazzjoni mtejba u aktar effettiva ta’ ħruġ ta’ titoli għall-pubbliku u sabiex l-emittenti u l-investituri jkunu jistgħu jwettqu azzjonijiet b’mod effettiv fl-UE. |
2.3. |
Il-mira ewlenija tal-proposta hija li jsir aktar faċli u jiswa anqas flus biex il-kumpaniji jiġbru kapital madwar l-Unjoni fuq il-bażi ta’ approvazzjoni waħdanija minn awtorità regolatorja fi Stat Membru wieħed biss (normalment il-pajjiż ta’ domiċilju), waqt li fl-istess ħin tiġi garantita informazzjoni li hi biżżejjed u ġenwina għall-investituri. |
3. Kummenti ġenerali
3.1. |
Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea biex tissemplifika t-tfassil u l-proċeduri involuti fil-pubblikazzjoni ta’ prospetti meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat li jkun jinsab jew ikun jopera fi Stat Membru, li b’hekk jagħmluhom aktar kosteffettivi u aktar utli għall-investituri f’termini tal-informazzjoni li jkun fihom. Il-KESE diġà kien esprima l-appoġġ tiegħu għal dawn l-istess prinċipji fl-Opinjoni tiegħu dwar id-Direttiva 2003/71/KE (7). |
3.2. |
Il-KESE jisħaq dwar l-importanza li terġa’ tinkiseb mill-ġdid il-fiduċja tal-investituri u b’rabta ma’ dan jilqa’ l-attenzjoni speċjali li ngħatat lill-investituri fl-abbozz ta’ Regolament. Japprova l-azzjonijiet partikolari meħuda b’rabta ma’ dan u jappoġġja l-prinċipju li jekk il-prospett isir aktar faċli biex jinftiehem mill-qarrej u aktar immirat għas-sitwazzjoni speċifika tal-emittent dan ikollu l-vantaġġ doppju li jitnaqqsu l-ispejjeż u tiżdied ir-rilevanza tal-prospett għal investituri potenzjali. Japprezza wkoll it-titjib fl-istrutturar tal-fatturi ta’ riskju fil-prospett. |
3.3. |
Il-KESE jappoġġja u japprova bis-sħiħ ukoll il-fehma tal-Kummissjoni li trid tittieħed azzjoni biex tittejjeb is-sitwazzjoni għall-emittenti billi jitnaqqas il-piż amministrattiv meta jiġu offruti titoli lill-pubbliku, minħabba li l-SMEs bħalissa f’dan ir-rigward jiġu mxekkla mill-ammont vast ta’ dokumentazzjoni meħtieġa u l-ispejjeż għoljin li din tinvolvi. Il-Kumitat jemmen li l-iffrankar stmat ta’ ħin u spejjeż għall-emittenti msemmi fil-valutazzjoni tal-impatt tal-proposta għal Regolament (madwar EUR 175 miljun fis-sena) ser jikkontribwixxi aktar għal żieda fil-kompetittività tan-negozju tal-UE. |
3.4. |
Il-KESE jemmen li l-possibbiltà li l-prospetti kollha fl-UE jkunu aċċessibbli f’bażi ta’ data komuni għandha tagħti spinta konsiderevoli lill-iżvilupp tas-swieq kapitali fl-Ewropa, tagħti aktar kunfidenza lill-investituri u twassal għall-ħolqien ta’ prodotti finanzjarji aktar diversifikati. Sabiex tali bażi ta’ data tkun tassew effiċjenti għandha tkun imfassla b’mod faċli għall-utent b’formati li jippermettu li l-informazzjoni tkun faċilment aċċessibbli u utilizzabbli. |
3.5. |
Il-KESE jilqa’ r-rekwiżit li tiġi żvelata anqas informazzjoni – iżda standardizzata – li ser jissemplifika wkoll il-ħidma tal-amministrazzjonijiet ikkonċernati u b’hekk inaqqas l-ispejjeż tal-operat tagħhom. |
3.6. |
Il-KESE jilqa’ l-għażla tal-istrument leġiżlattiv u d-deċiżjoni li dan il-qasam jiġi regolat bl-użu ta’ regolament u mhux direttiva. Regolament, peress li huwa sett waħdieni ta’ dispożizzjonijiet li għandhom jiġu implimentati direttament mill-Istati Membri kollha, jelimina d-diskrezzjoni li kien hemm sa issa fit-traspożizzjoni tad-Direttiva (8) fil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri. L-adozzjoni ta’ regolament tiżgura l-unità u l-integrità tas-suq intern, tnaqqas id-diskrepanzi u l-frammentazzjoni fost id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi fis-seħħ fi ħdan l-UE u jgħin il-ħolqien tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Approċċ bħal dan ser jagħmel il-ħajja aktar faċli għall-investituri li mhux ser ikollhom għalfejn jiffamiljarizzaw rwieħhom ma’ diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali meta jiddeċiedu dwar l-investiment f’pajjiż barrani. |
3.7. |
Minħabba l-mod kif il-liġi tal-UE dwar il-prospetti evolviet u l-ħtieġa evidenti għat-titjib kontinwu tagħha, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni – anki fl-istadju tal-proposta – esprimiet il-ħsieb tagħha li tivvaluta l-impatt tar-Regolament wara d-dħul fis-seħħ tiegħu u, b’mod aktar speċifiku, li stabbilixxiet il-parametri għal dan. Madankollu, il-Kumitat jaħseb li ħames snin huwa perjodu twil wisq ta’ stennija għal evalwazzjoni daqstant importanti u jħeġġeġ it-tnaqqis konsiderevoli ta’ dan il-perjodu – għal sentejn wara li r-Regolament jibda jiġi applikat. Dan għandu jippermetti li jkun hemm stampa ġenerali aktar malajr tal-effetti prodotti mir-Regolament propost u għat-teħid ta’ azzjonijiet korrettivi jekk ikun meħtieġ. Il-KESE jirrakkomanda li ssir evalwazzjoni kwalitattiva fil-fond sabiex tikkomplementa l-parametri ddikjarati ta’ valutazzjoni kwantitattiva, inkluża valutazzjoni kwalitattiva fil-fond ikkonċentrata wkoll fuq analiżi ta’ kif – u sa fejn – il-kapital miġbur bis-semplifikazzjoni tal-prospetti tejjeb il-kompetittività tal-kumpaniji u sa liema punt għen biex isir progress fil-promozzjoni tas-swieq kapitali fl-Istati Membri – u kif dan affettwa l-ambjent ġenerali għan-negozju fihom. Huwa kruċjali wkoll li jiġi evalwat ukoll jekk l-Istati Membri jkunux użaw “gold-plating” fl-implimentazzjoni tar-Regolament meta japplikaw id-dispożizzjonijiet tiegħu f’oqsma fejn għandhom diskrezzjoni fl-adattament tagħhom. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1. |
Żieda fil-limitu massimu għal ħruġ li jeħtieġ prospett għal EUR 500 000 (9) huwa pass fid-direzzjoni t-tajba fis-semplifikazzjoni tal-burokrazija bil-għan li jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament. Min-naħa l-oħra, id-dritt tal-Istati Membri li jirrikjedu forom speċjali għall-iżvelar ta’ informazzjoni għal dan il-ħruġ (10) m’għandhux joħloq ostakli amministrattivi addizzjonali u “gold-plating” (11) u huwa xi ħaġa li għandha tiġi inkluża fil-valutazzjoni tal-impatt li għandha ssir wara li r-Regolament ikun beda jiġi applikat. Il-KESE jara xi riskji potenzjali f’dan ir-rigward u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti ħarsa aktar mill-qrib lejn dan waqt il-valutazzjoni tal-impatt. |
4.2. |
Il-KESE jappoġġja b’mod sħiħ l-attenzjoni speċjali mogħtija mill-Kummissjoni għall-provvediment ta’ definizzjoni preċiża ta’ “SME” u jaqbel mal-fehma li jistgħu jkunu meħtieġa aktar aġġustamenti ta’ din id-definizzjoni (12). Il-Kumitat diġà enfasizza l-ħtieġa li tingħata definizzjoni unifikata, aġġornata u aktar preċiża f’għadd ta’ opinjonijiet reċenti tiegħu (13). |
4.2.1. |
Il-KESE jappoġġja d-definizzjoni użata fl-abbozz ta’ Regolament (Artikolu 2(1)(f)) li tintroduċi r-rekwiżit li mill-inqas tnejn mit-tliet kriterji stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2003/361 (14) jiġu sodisfatti fl-istess ħin. Dan l-approċċ għandu jiġi adottat b’mod iktar mifrux u jiġi integrat fil-proposti leġiżlattivi kollha tal-Kummissjoni, kif ukoll fil-liġijiet u l-prattiki amministrattivi tal-Istati Membri. |
4.2.2. |
Il-Kumitat huwa wkoll favur ħafna li l-limitu massimu jiżdied minn EUR 100 għal EUR 200 miljun għad-definizzjoni ta’ “kumpanija b’kapitalizzazzjoni tas-suq imnaqqsa” (15), li tafferma mill-ġdid id-definizzjoni li tinsab fid-Direttiva 2014/65/UE (16) u telimina d-diskrepanza bejn din u d-definizzjoni fid-Direttiva 2003/71/KE (17). |
4.3. |
Il-possibbiltà li jiġu ppubblikati “prospetti volontarji” (18) tipprovdi flessibbiltà addizzjonali għall-emittenti u tiffaċilita l-aċċess għas-swieq kapitali tal-UE. |
4.4. |
Id-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw kummerċ “kaskata” sussegwenti ta’ titoli (19) huma element ġdid pożittiv ferm. |
4.5. |
Id-deskrizzjoni estremament dettaljata proposta tas-sommarju tal-prospett (20) tnaqqas b’mod sinifikanti l-piż fuq l-emittenti, u b’hekk telgħeb in-nuqqas identifikat fid-Direttiva 2010/73/UE bħala riżultat tal-valutazzjoni. L-obbligu li tiġi inkluża biss informazzjoni essenzjali u materjali jissemplifika l-affarijiet kemm għall-emittenti kif ukoll għall-investituri, sabiex ikun iktar faċli għall-investituri biex jinnavigaw id-data pprovduta u biex iqabblu l-prospetti tad-diversi emittenti. Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-responsabbiltà ċivili tiġi applikata fil-każijiet kollha. |
4.6. |
Il-possibbiltà prevista tat-tfassil ta’ prospett bażi meta jinħarġu titoli mingħajr ekwità tipprovdi flessibbiltà għal kategorija addizzjonali ta’ emittenti. |
4.7. |
Id-dokument ta’ reġistrazzjoni universali huwa alternattiva interessanti (21) li tnaqqas b’mod sinifikanti ħafna mix-xkiel amministrattiv għall-utenti frekwenti u għalhekk tiffaċilita l-aċċess tagħhom għas-swieq kapitali. |
4.8. |
Ir-reġimi ta’ żvelar speċifiku (22), li għal darb’oħra jagħmluha faċli biex il-kumpaniji jippubblikaw u l-investituri jipproċessaw informazzjoni, ukoll jistħoqqilhom apprezzament u appoġġ. |
4.9. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) ser tingħata x-xogħol li tipprovdi qafas għal ċerti standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni. Dawn jinkludu linji gwida għat-trattament aktar ċar tal-fatturi ta’ riskju u l-allokament tagħhom għal kategoriji xierqa b’enfasi fuq riskji speċifiċi pjuttost milli dawk ġenerali, kif ukoll listi għall-espansjoni tal-informazzjoni żvelata li tista’ tiġi inkorporata b’referenza fil-prospett. Dan ser imexxi ‘l quddiem l-integrazzjoni fil-qasam tas-swieq kapitali. |
4.10. |
Il-KESE jissuġġerixxi li jiġu inklużi wkoll proposti mmirati lejn aktar standardizzazzjoni tal-proċeduri għall-eżami u r-reviżjoni ta’ prospett fil-każ ta’ sospensjoni jew kanċellazzjoni ta’ pubblikazzjoni. F’ħafna każijiet hemm għadd ta’ proċeduri ta’ trażmissjoni lura u ‘l quddiem qabel id-deċiżjoni finali mill-istituzzjoni regolatorja. Dan iwassal għal dewmien bla bżonn li jista’ jwassal għal ammont konsiderevoli ta’ spejjeż għall-emittent meta mqabbla ma’ sitwazzjoni fejn ir-rakkomandazzjonijiet kollha mir-regolatur jiġu ppreżentati f’pass wieħed. Għalhekk, fil-fehma tal-Kumitat, biex isir progress fl-Unjoni tas-Swieq Kapitali, ikun utli li l-ESMA tfassal regoli uniformi għall-Istati Membri dwar limiti ta’ żmien u dwar il-formati għal struzzjonijiet speċifiċi għal emittenti potenzjali dwar kif għandu jiġi indirizzat kwalunkwe nuqqas f’abbozz ta’ prospett. Dan jagħmilha eħfef għall-emittenti – speċjalment l-SMEs – biex ifasslu l-prospett tagħhom u joħloq ukoll ambjent aktar omoġenu, billi jitnaqqsu r-raġunijiet għal diskrezzjoni regolatorja. |
4.11. |
Il-Kumitat jappoġġja wkoll il-prattika li tippermetti parti volontarja fil-prospett fejn il-kumpaniji jkunu jistgħu jagħtu lill-investituri informazzjoni addizzjonali mhux finanzjarja fattwalment korretta dwar kwistjonijiet bħall-ħarsien ambjentali, il-prattiki ta’ produzzjoni, is-sehem fi programmi soċjali, eċċ. Informazzjoni bħal din hija partikolarment importanti għal kumpaniji pubbliċi kbar li huma r-rappreżentanti ewlenin tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva f’konformità mat-talba li l-prospett ikun korrett, ċar u komplet. |
4.12. |
Il-KESE jixtieq jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet imniżżlin hawn taħt għat-titjib tal-annessi tal-proposta għal Regolament: |
4.12.1. |
It-taqsimiet li jindirizzaw ir-riskji għandhom ikunu aktar speċifiċi: id-dokument ta’ reġistrazzjoni għandu jagħmel distinzjoni bejn ir-riskji għall-kumpanija u dawk għan-negozju tagħha (Anness II, II.C., p. 5). |
4.12.2. |
Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni ta’ informazzjoni, in-nota dwar it-titoli għandha tkopri biss riskji assoċjati ma’ titoli (Anness III, III.C., p. 8). |
4.12.3. |
L-identifikazzjoni ta’ diretturi, membri tal-maniġment superjuri, konsulenti, awdituri u ċertu tagħrif ieħor (Anness III, p. 8, I) għandha titneħħa min-nota dwar it-titoli, peress li din l-informazzjoni hija inkluża fid-dokument ta’ reġistrazzjoni, sakemm ma jkunx hemm azzjonisti li joħorġu titoli. |
4.12.4. |
L-istatut tal-emittent jista’ jsir disponibbli bħala dokument separat li l-prospett jista’ jirreferi għalih. |
4.12.5. |
Il-KESE jirrakkomanda li jitnaqqas iż-żmien għall-approvazzjoni tal-prospetti ta’ emittenti irregolari u li jitqassar iż-żmien permess għal tweġiba mir-regolatur meta jsiru emendi, li għandu jkun iqsar mill-perjodu propost fil-bidu. Għandu jkun possibbli wkoll li jiġu sottomessi biss il-partijiet ikkoreġuti tal-prospett bi tweġiba għal kummenti u li jitnaqqas l-għadd ta’ kopji stampati billi tiġi introdotta verżjoni elettronika tal-prospett u l-annessi tiegħu. |
4.12.6. |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi perjodu raġonevoli li jippermetti progress bla xkiel fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda u jippermetti li s-swieq u l-emittenti jadattaw kif meħtieġ għall-bidliet involuti. |
5. Kwistjonijiet pendenti
5.1. |
Xi kwistjonijiet li jistgħu jinfluwenzaw l-impatt tar-Regolament propost mhumiex iċċarati biżżejjed u l-KESE jirrakkomanda li jiġu indirizzati aħjar. |
5.1.1. |
Jiġi introdott limitu massimu ta’ EUR 500 000 għall-offerti ta’ titoli, b’ebda prospett meħtieġ jekk il-valur tal-ħruġ ikun anqas minn dan (23). Fil-każ imsemmi l-aħħar, ir-regolaturi nazzjonali jistgħu, skont id-diskrezzjoni tagħhom, jipprevedu li l-emittenti jwettqu “forom xierqa ta’ żvelar”. Il-KESE jirrakkomanda li l-kontenut ta’ dawn il-“forom xierqa” jiġi stabbilit minn qabel biex jiġi evitat kwalunkwe trattament mhux ugwali possibbli ta’ dawn l-emittenti fi Stati Membri differenti tal-UE u li dawn ikunu aktar sempliċi mill-prospett. |
5.1.2. |
Barra minn hekk, huwa previst li r-regolaturi nazzjonali jeżentaw il-ħruġ kollu bejn EUR 500 000 u EUR 10 000 000 mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-prospett armonizzat, sakemm l-eżenzjoni tkun marbuta biss mal-proposta fl-Istat Membru kkonċernat u ma titlobx li l-prospett jiġi “ppassaportat”. F’dan ir-rigward, aħna naħsbu li aktar ma jkun kbir l-ambitu ta’ diskrezzjoni tar-regolatur nazzjonali, aktar tkun kbira l-possibbiltà ta’ trattament mhux indaqs tal-istess kategoriji ta’ emittenti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri differenti. Dan jgħin ukoll sabiex jiġu evitati l-effetti negattivi potenzjali ta’ livelli aktar baxxi ta’ ħarsien tal-konsumatur. Minħabba dan, aħna nemmnu li l-ambitu għal diskrezzjoni nazzjonali għandu b’xi mod jitnaqqas. Biex l-idea tiġi żviluppata pass aktar ‘il quddiem, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tanalizza jekk l-eżenzjoni msemmija hawn fuq tal-ħruġ kollu bejn EUR 500 000 u EUR 10 000 000 tistax possibbilment tkun ta’ ħsara speċjalment għall-SMEs mill-perspettiva tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni terġa’ tikkunsidra, fid-dawl tal-konklużjonijiet ta’ din l-analiżi, jekk din l-eżenzjoni għandhiex tinżamm jew jekk ikunx aħjar li titneħħa. |
5.1.3. |
L-atti delegati fit-tifsira tal-Artikolu 42 tar-Regolament propost għandhom jiġu diskussi fit-tul mal-partijiet interessati kollha qabel l-adozzjoni finali tagħhom. Il-KESE huwa partikolarment interessat li jaqdi rwol attiv fil-konsultazzjonijiet dwar l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni tat-Tieni Livell. |
5.1.4. |
Bl-istess mod, l-ESMA, fit-tħaddim tas-setgħat tagħha sabiex tiżgura l-konverġenza tal-prattiki superviżorji fl-Istati Membri, għandha tqis il-fehmiet mhux biss tal-awtoritajiet regolatorji lokali, iżda wkoll tal-partijiet interessati lokali, fosthom il-parteċipanti fis-suq. |
5.1.5. |
Minħabba li ma huwa meħtieġ ebda prospett għal ħruġ ta’ anqas minn EUR 500 000, u dan jaqa’ lil hinn mill-ambitu tar-Regolament, il-KESE jirrakkomanda li l-KE jew l-ESMA tagħti rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar kif jiċċaraw l-istatus ta’ “SMEs emittenti”, li mhumiex permessi jinnegozjaw fi swieq regolati iżda jinnegozjaw f’Faċilitajiet Multilaterali tan-Negozjar jew permezz ta’ pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom ikopru wkoll il-kwistjoni ta’ jekk kumpaniji bħal dawn għandhomx jissejħu kumpaniji pubbliċi jew privati u liema arranġamenti superviżorji ser ikun hemm għalihom. |
5.1.6. |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għat-test tal-Artikolu 25(2), li jsemmi “lingwa komuni fl-isfera tal-finanzi internazzjonali” u jispeċifika li din għandha tkun lingwa uffiċjali tal-UE, u aċċettata mill-pajjiż ospitanti. |
5.1.7. |
Fir-rigward tal-Artikolu 7 dwar is-sommarju li jipprovdi t-tagħrif lill-investituri, ikun pożittiv jekk jiġu inklużi twissijiet speċifiċi dwar ir-riskji assoċjati mal-investiment. |
Brussell, is-16 ta’ Marzu 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) СОМ(2014) 903 final.
(2) СОМ(2015) 468 final. Il-Pjan ta’ Azzjoni għal Unjoni tas-Swieq Kapitali jippreżenta programm komprensiv u ambizzjuż ta’ miżuri biex jissaħħaħ ir-rwol tal-finanzi bbażati fuq is-swieq fl-ekonomija Ewropea.
(3) Id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64).
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill 80/390/KEE tas-17 ta’ Marzu 1980 li tikkoordina l-ħtiġiet għat-tfassil, l-iskrutinju u d-distribuzzjoni tal-partikolaritajiet tal-listi li jridu jiġu ppubblikati sabiex jiddaħħlu t-titoli fil-listi uffiċjali tal-Borża (ĠU L 100, 17.4.1980, p. 1)
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 89/298/KEE tas-17 ta’ April 1989 li tikkoordina l-ħtiġiet għat-tħejjija, l-iskrutinju u d-distribuzzjoni tal-prospectus li għandu jiġi ppubblikat meta titoli trasferibbli jiġu offerti lill-pubbliku (ĠU L 124, 5.5.1989, p. 8).
(6) Direttiva 2010/73/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Novembru 2010 li temenda d-Direttivi 2003/71/KE dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u 2004/109/KE dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat (ĠU L 327, 11.12.2010, p. 1).
(7) Opinjoni tal-KESE dwar id-Direttiva 2010/73/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Novembru 2010 li temenda d-Direttivi 2003/71/KE dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u 2004/109/KE dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat (ĠU C 347, 18.12.2010, p. 79).
(8) Direttiva 2010/73/UE.
(9) Artikolu 1(3)(d) tal-proposta għal Regolament.
(10) Artikolu 3(2) tal-proposta għal Regolament.
(11) Fil-Komunikazzjoni tagħha “Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar – Aġenda tal-UE” (COM(2015) 215 final, p. 7), il-Kummissjoni tiddefinixxi “gold-plating” kif ġej: “L-Istati Membri wkoll ta’ sikwit imorru lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ mil-leġiżlazzjoni tal-UE meta jimplimentawha fil-livell nazzjonali (‘gold-plating’).” Il-Kummissjoni żżid, fl-istess punt, li “[d]an jista’ jsaħħaħ il-benefiċċji iżda jista’ wkoll iżid l-ispejjeż bla bżonn għan-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi li huma b’mod żbaljat assoċjati mal-leġiżlazzjoni tal-UE.”
(12) Artikolu 2(1)(f) tal-proposta għal Regolament.
(13) Opinjoni tal-KESE fuq il-Green Paper dwar il-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali (ĠU C 383, 17.11.2015, p. 64) u r-rapport ta’ informazzjoni tal-KESE dwar l-Aċċess għall-Finanzjament għall-SMEs EESC-2014-06006-00-00-ri-tra u l-Opinjoni tal-KESE dwar in-Negozji tal-Familja fl-Ewropa bħala sors ta’ tkabbir imġedded u impjiegi (ĠU C 13, 15.1.2016, p. 8). F’dawn l-Opinjonijiet il-Kummissjoni tħeġġet tirfina d-definizzjoni ta’ SMEs sabiex tirrifletti aħjar id-diversità tal-kumpaniji fl-Ewropa u tindirizza l-ħtieġa li jiġu standardizzati d-definizzjonijiet differenti stipulati bħalissa fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (li tirriproduċi b’mod ġenerali r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 96/280/KE tal-1996, hija ferm antikwata u ma tqisx it-tkabbir tal-UE), fid-Direttiva 2014/65/UE tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji, u fid-Direttiva 2013/34/UE tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi (id-diskrepanzi fid-definizzjoni offruta miż-żewġ Direttiva jiġu indirizzati fil-proposta preżenti għal Regolament).
(14) Artikolu 2(1)(f) tal-proposta għal Regolament. Fil-prattika, id-definizzjoni oriġinali ta’ SMEs kif stabbilita fir-Rakkomandazzjoni 96/280/KE titlob li tnejn mit-tliet kriterji jiġu sodisfatti fl-istess ħin. Iżda r-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE mbagħad tagħti marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet kompetenti għal raġunijiet ta’ semplifikazzjoni amministrattiva, li jużaw biss kriterju wieħed – l-għadd tal-persunal – għall-implimentazzjoni ta’ xi wħud mill-politiki tagħhom (il-premessa (7)), li jwassal għall-esklużjoni ta’ proporzjon kbira ta’ kumpaniji mill-ambitu tad-definizzjoni, li kienu jikkwalifikaw kieku tnejn mit-tliet kriterji ntużaw fl-istess ħin skont id-definizzjoni inizjali.
(15) Artikolu 2(1)(f), it-tieni inċiż, tal-proposta għal Regolament.
(16) Artikolu 4(1)(13) tad-Direttiva 2014/65/UE.
(17) Artikolu 2(1)(t) tad-Direttiva 2003/71/KE.
(18) Artikolu 4 tal-proposta għal Regolament.
(19) Artikolu 5 tal-proposta għal Regolament.
(20) Artikolu 7 tal-proposta għal Regolament.
(21) Artikolu 9, flimkien ma’ Artikoli 10(2), 11(3), 13(2) u 19(5) tal-proposta għal Regolament.
(22) Artikoli 14 u 15 tal-proposta għal regolament.
(23) Artikolu 1(3)(d) tal-proposta għal Regolament.