EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015AE4936

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-effiċjenza tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE” [COM(2015) 341 final – 2015/0149 (COD)]

ĠU C 82, 3.3.2016, p. 6–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 82/6


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-effiċjenza tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE”

[COM(2015) 341 final – 2015/0149 (COD)]

(2016/C 082/02)

Relatur:

is-Sur Emilio FATOVIC

Nhar il-31 ta’ Awwissu 2015 u nhar il-15 ta’ Settembru 2015 il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

“il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-effiċjenza tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE”

[COM(2015) 341 final – 2015/0149 (COD)].

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Jannar 2016.

Matul il-513-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-20 u l-21 ta’ Jannar 2016 (seduta tal-20 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’218-il vot favur, 2 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija għax jemmen li, jekk din tiġi implimentata u integrata kif xieraq mad-Direttiva dwar l-Ekodisinn, jista’ jkollha impatt pożittiv fuq l-ambjent, il-konsumaturi, in-negozji u l-ħaddiema.

1.2.

Il-Kumitat jqis li l-proposta tindirizza l-problemi ewlenin marbuta mal-leġislazzjoni attwali, fosthom l-implimentazzjoni effettiva tal-leġislazzjoni, il-monitoraġġ effettiv tas-suq u d-dritt tal-konsumaturi li jirċievu informazzjoni ċara, li tinftiehem u li tista’ titqabbel. B’mod partikolari, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni sabiex tkompli fit-triq ta’ stardardizzazzjoni u semplifikazzjoni tal-klassifika tal-effiċjenza enerġetika għall-kategoriji kollha tal-prodotti.

1.3.

Il-KESE jappoġġja l-użu tar-regolament minflok direttiva bħala strument, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva u uniformi tal-att leġislattiv madwar l-Ewropa kollha.

1.4.

Il-Kumitat iqis li tkun deċiżjoni tajba li tinħoloq bażi tad-data tal-prodotti, bħala strument li tgħin biex is-sorveljanza fuq is-suq tkun aktar effettiva. Il-KESE, għalhekk jikkunsidra li huwa kruċjali li jiżdied il-kontroll fuq il-prodotti li jkunu għal-bejgħ sabiex jiġi vverifikat kemm fil-fatt il-karratteristiċi tal-prodott jaqblu ma’ dak li jkun imniżżel fit-tikketta.

1.5.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni toħloq u tiffinanzja proċessi ta’ taħriġ komuni u standardizzati għall-ħaddiema kollha u partijiet oħra involuti fil-proċess ta’ sorveljanza u kontroll.

1.6.

Il-KESE jaqbel mal-għażla li mmorru lura għall-iskala tal-enerġija preċedenti minn A sa G billi hija aktar faċli biex tinftiehem mill-konsumaturi, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ skala tal-kulur minn aħdar għal aħmar biex tiġi identifikata aħjar l-effiċjenza tal-enerġija ta’ prodott.

1.7.

Il-Kumitat jipproponi li jiġi żvillupat format grafiku ġdid għat-tikketta enerġetika bil-għan li niġġieldu kontra l-iffalsifikar u nevitaw li jkun hemm konfużjoni fost il-konsumaturi speċjalment fil-perjodu transitorju. Għalhekk, il-KESE jissuġġerixxi li l-iskali li ma fihomx prodotti fuq is-suq jew minħabba l-klassifika ġdida jew b’segwitu għal-limiti imposti mid-direttiva dwar l-Ekodisinn, jitħallew bil-griż fl-iskala kkulurita.

1.8.

Il-KESE jipproponi li t-tikketta l-ġdida tiġi integrata ma’ aktar informazzjoni ta’ importanza għall-konsumaturi, bħal ma’ huma “it-tul tal-ħajja tal-prodotti” u l-“konsum tal-enerġija tul il-ħajja”, anke fid-dawl tal-marka tal-karbonju. Din l-informazzjoni hija kruċjali biex il-prodotti tal-enerġija li jappartjenu għall-klassijiet differenti jkunu jistgħu jitqabblu b’mod effettiv u ekonomiku u biex tiġi miġġielda u skoraġġuta l-obsolexxenza ppjanata tal-prodotti.

1.9.

Il-KESE jemmen li jekk wieħed jafda kwistjoni daqshekk kruċjali bħall-adozzjoni ta’ reġim ta’ sanzjonijiet f’idejn l-Istati Membri individwali, ikun qed jiffavorixxi l-applikazzjoni irregolari tal-liġi, u b’hekk l-użu ta’ regolament minflok direttiva jsir inutli.

1.10.

Il-Kumitat jemmen li l-UE, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, għandha tiffaċilita l-aċċessibbiltà tal-prodotti b’effiċjenza tal-enerġija ogħla għall-gruppi soċjali l-aktar żvantaġġjati sabiex tindirizza l-fenomenu tal-“faqar enerġetiku”.

1.11.

Il-KESE jemmen li jekk jitqies il-prinċipju tad-“disinn għal kulħadd”, jiġifieri li jiġu mfassla prodotti li jkunu jistgħu jintużaw minn kulħadd, allura anke t-tikketti għandhom ikunu b’mod li jinftiehmu aktar minn kulħadd, b’attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini b’diżabbiltà.

1.12.

Il-Kumitat jistieden lill-UE tieħu azzjoni sabiex kwalunkwe spiża addizzjonali taħt is-sistema l-ġdida ta’ tikkettar ma taqax awtomatikament fuq il-bejjiegħa bl-imnut jew l-utenti finali.

1.13.

Il-KESE jiddispjaċih bin-nuqqas ta’ strateġija ad hoc għall-kummerċ onlajn, li fil-fatt hija meħtieġa, peress li jirrappreżenta wieħed mis-setturi fejn l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni qed titwarrab sew. Il-Kumitat jistenna, b’mod partikolari, intervent minnufih sabiex jiġu regolati s-“siti bażar”, fejn instab l-akbar ksur tal-obbligu sabiex jintwerew it-tikketti tal-enerġija.

1.14.

Il-KESE jinnota n-nuqqas ta’ miżuri ad hoc għal prodotti tal-enerġija “riġenerati”. Il-KESE jqis li, b’mod partikolari, hemm bżonn tiġi regolata l-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti li qed jinbiegħu permezz ta’ prattiki kummerċjali apposta, sabiex ma jinħolqux lakuni regolatorji u b’mod partikolari biex titħeġġeġ integrazzjoni akbar fost l-istrateġiji dwar l-effiċjenza tal-enerġija u l-ekonomija ċirkolari.

1.15.

Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tagħti attenzjoni partikolari lill-prodotti importati minn pajjiżi terzi sabiex il-produzzjoni Ewropea titħares minn kompetizzjoni inġusta possibbli jew frodi fil-każ ta’ falsifikazzjoni tat-tikketta.

1.16.

Il-KESE jemmen li l-Unjoni Ewropea tista’ tilħaq l-għanijiet tagħha dwar l-effiċjenza tal-enerġija biss permezz tal-involviment attiv tal-konsumaturi. Għalhekk jitlob li s-soċjetà ċivili organizzata tkun appoġġjata mill-gvernijiet nazzjonali sabiex jitnedew attivitajiet ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni aktar effettivi u mifruxa, inkluż mal-bejjiegħa bl-imnut.

1.17.

Il-Kumitat jaqbel mal-proposta li fir-riklami tiddaħħal b’mod obbligatorju t-tikketta tal-enerġija għal kull prodott, u meta din ma tkunx possibbli, għall-inqas il-klassi tal-enerġija, bil-għan li tittejjeb l-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi.

1.18.

Il-KESE jemmen li ġimgħa waħda biss, fi tmiem il-perjodu tranżitorju, hija żmien qasir wisq biex wieħed jaqleb b’mod definittiv għall-prodotti tikkettati bis-sistema l-ġdida. Minħabba f’hekk, jitlob li dan iż-żmien jiġi estiż għal 30 jum.

1.19.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ aktar kawt u meqjus fil-każ tal-atti delegati. B’mod partikolari jittama li d-delegi jkunu ċari u definiti, li l-kontroll tal-Parlament ikun garantit u fuq kollox li l-adozzjoni tal-atti delegati tkun dejjem soġġetta għal konsultazzjoni effettiva u koinvolviment tal-Istati Membri, tal-KESE u tal-partijiet interessati.

1.20.

Il-KESE jqis li l-perjodu ta’ 8 snin huwa adatt biex jiġi eżaminat mill-ġdid il-qafas għat-tikkettar, madankollu jipproponi li ssirlu valutazzjoni tal-impatt fuq perjodu ta’ żmien medju.

1.21.

Il-KESE iqis li t-twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ klassifika mill-ġdid stabbli u mhux ambigwa huwa kruċjali, sabiex sussegwentement il-klassifiki ġodda meħtieġa minħabba l-evoluzzjoni teknoloġika tas-suq ikunu ekonomiċi, preċiżi u mhux kontroversi. Għalhekk jipproponi li l-klassifika mill-ġdid issir biss meta l-prodotti tal-klassi tal-enerġija A ikunu jirrappreżentaw mill-inqas 20 % tas-suq.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Fil-25 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-pakkett “Unjoni tal-Enerġija”, li hu mqassam fi tliet komunikazzjonijiet:

qafas strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija reżiljenti (1);

komunikazzjoni dwar il-pożizzjoni tal-UE għal ftehim globali dwar il-klima;

komunikazzjoni li tistabbilixxi l-miżuri biex tinkiseb il-mira ta’ 10 % ta’ interkonnessjoni tal-elettriku sal-2020.

2.2.

L-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija, ibbażata fuq approċċ olistiku, għandha l-għan li ttejjeb is-sigurtà, is-sostenibbiltà u l-kompetittività tal-provvista tal-enerġija, hija maqsuma f’ħames dimensjonijiet:

sigurtà tal-enerġija, solidarjetà u fiduċja,

suq Ewropew tal-enerġija integrat b’mod sħiħ,

effiċjenza tal-enerġija li timmodera d-domanda,

dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija,

riċerka, innovazzjoni u kompetittività

2.3.

Ir-Regolament li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-effiċjenza tal-enerġija sabiex iħassar id-Direttiva 2010/30/UE (2) huwa parti minn din l-istrateġija.

2.4.

Il-qafas ġdid għat-tikkettar għandu leġislazzjoni relatata fid-Direttiva 2009/125/KE dwar l-Ekodisinn (3). Skont il-Kummissarju għall-klima u l-enerġija, Miguel Arias Cañete, permezz tal-implimentazzjoni konġunta taż-żewġ regolamenti “sal-2020 l-Ewropa se tiffranka enerġija daqs kemm tintuża kull sena fl-Italja, jiġifieri daqs 166 miljun tunnellata ta’ żejt”, b’impatt qawwi fuq it-tnaqqis ta’ CO2.

2.5.

Ir-regolament il-ġdid iqis, fost l-oħrajn, ir-riżultati tal-valutazzjoni ex-post tal-leġislazzjoni attwali, ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet magħmula fost iċ-ċittadini u l-partijiet interessati, kif ukoll valutazzjoni speċifika tal-impatt (4).

3.   Sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni

3.1.

Il-proposta tal-Kummissjoni hija kkonfigurata għall-ewwel darba bħala regolament u mhux fil-forma ta’ direttiva, sabiex jiġi ssemplifikat il-qafas regolatorju għall-Istati Membri u l-intrapriżi, kif ukoll biex jiġi żgurat li l-prinċipji li jinsabu fih jiġu applikati u osservati b’mod uniformi madwar l-Unjoni kollha.

3.2.

Il-proposta tistabbilixxi l-ħolqien ta’ bażi tad-data tal-prodotti bil-għan li s-sorveljanza fuq is-suq tkun aktar effettiva. Il-produtturi huma dawk li se jkollhom l-obbligu li jdaħħlu serje ta’ informazzjoni f’din il-bażi tad-data. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li attwalment informazzjoni bħal din diġà għandha tingħata mill-intrapriżi fuq talba mill-awtoritajiet nazzjonali li jissorveljaw is-suq. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni Ewropea tistma li l-ispejjeż addizzjonali għall-intrapriżi se jkunu minimi (5).

3.3.

Il-proposta timmira li tirrevedi l-iskala tal-enerġija fis-seħħ, introdotta bid-Direttiva 2010/30/UE, għal żewġ raġunijiet:

(a)

ġie nnutat li l-iskala minn A+ għal A+++ għamlet it-tikketti anqas komprensibbli, b’hekk skoraġġiet lill-konsumaturi biex jixtru prodotti b’aktar effiċjenza tal-enerġija;

(b)

l-ogħla klassijiet ta’ enerġija huma diġà saturati fil-każ ta’ diversi kategoriji ta’ prodotti.

Għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li mmorru lura għall-iskala preċedenti minn A sa G, li titqies bħala waħda li tinftiehem aktar, u l-prodotti kollha fis-suq illum jerġgħu jiġu kklassifikati. Il-klassijiet A u B se jitħallew barra sabiex tiġi evitata l-problema ta’ saturazzjoni immedjata tal-klassijiet l-aktar għolja (6). Minbarra l-integrazzjoni u l-ikkompletar, hija mistennija wkoll l-introduzzjoni ta’ skala kromatika minn aħdar għal aħmar fuq it-tikketta biex tindika l-prodotti aktar jew anqas effiċjenti mil-lat tal-enerġija.

3.4.

Il-proposta tipprevedi perjodu tranżitorju ta’ sitt xhur li fih il-prodotti li jinsabu għall-bejgħ bħalissa jsiru disponibbli b’tikketta doppja sabiex il-proċess ta’ “aġġornament tal-iskali” jitwettaq tajjeb mingħajr ma joħloq aktar konfużjoni fost il-konsumaturi. F’dan l-istadju, ukoll, l-Istati Uniti se jkollhom jorganizzaw kampanji ad hoc biex jinfurmaw lill-konsumaturi dwar is-sistema l-ġdida ta’ tikkettar.

3.5.

Skont il-Kummissjoni, kemm l-attività ta’ kontroll kif ukoll id-definizzjoni ta’ reġim ta’ sanzjonijiet għandhom jibqgħu r-responsabbiltà tal-Istati Membri rispettivi (7).

3.6.

Lill-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati sabiex tiġi żgurata applikazzjoni adatta tal-leġislazzjoni. Din is-setgħa tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Kunsill u l-Parlament. Għal kull att delegat, il-Kummissjoni għandha tiżgura parteċipazzjoni bbilanċjata tar-rappreżentanti tal-Istati Membri u l-partijiet interessati għall-kategorija speċifika tal-prodott. L-Istati Membri u l-partijiet interessati jitlaqqgħu flimkien f’Forum konsultattiv ad hoc.

3.7.

Il-valutazzjoni li jmiss tal-qafas għat-tikkettar hija prevista fi 8 snin. It-tikketti ta’ prodotti li diġà jinsabu fuq is-suq se jiġu vverifikati kull 5 snin, filwaqt li ġiet stabbilita skeda ta’ żmien ċara għall-klassifika mill-ġdid tal-prodotti kummerċjalizzati wara l-adozzjoni tar-Regolament.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-konvinzjoni li t-tikkettar tal-enerġija għandu effetti pożittivi fuq l-ambjent, il-konsumatur, fuq in-negozji Ewropej u fil-livelli tal-impjieg (8).

4.2.

Għall-KESE, is-sistema l-ġdida ta’ tikkettar għandha rwol strateġiku importanti, minbarra dak purament tekniku, peress li tintervjeni direttament u indirettament fis-setturi tal-enerġija, il-kummerċ domestiku, l-iżvilupp teknoloġiku, l-ambjent u b’mod aktar ġenerali fil-proċessi ta’ żvilupp sostenibbli.

4.3.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-proposta għandha l-potenzjal li tindirizza l-problemi ewlenin relatati mal-leġislazzjoni attwali, għalkemm f’xi każijiet hija nieqsa mill-ambizzjoni u l-viżjoni. Il-proposta, fil-fatt, tagħmel enfasi biex issolvi problemi immedjati u li jaqgħu taħt obbligu legali mingħajr ħsieb dwar l-iżviluppi futuri possibbli tal-kummerċ u l-produzzjoni tal-enerġija.

4.4.

Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni sabiex tkompli fit-triq ta’ stardardizzazzjoni u semplifikazzjoni fil-klassijiet tal-effiċjenza enerġetika għall-kategoriji kollha tal-prodotti. Dan ser ikollu rwol importanti għat-tixrid ta’ approċċ selettiv għax-xiri mill-konsumatur, b’apprezzament akbar tal-prodotti ta’ kwalità ogħla.

4.5.

Il-KESE jappoġġja l-alternattiva li jintuża regolament minflok direttiva, bħala strument sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva u f’waqtha tal-att leġislattiv b’mod uniformi madwar l-Ewropa kollha. L-użu selettiv ta’ dan l-istrument huwa wkoll kruċjali fid-dawl ta’ proċess effettiv ta’ integrazzjoni Ewropea.

4.5.1.

Il-Kumitat jappoġġja l-proposta li tiġi stabbilita bażi tad-data tal-prodotti, bħala strument essenzjali sabiex tiġi żgurata sorveljanza effettiva fuq is-suq. Għandu jiġi nnutat, fil-fatt, kif f’ħafna Stati Ewropej l-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur ripetutament qajmu l-problema ta’ nuqqas ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/30/UE preċedenti u konsegwentament il-preżenza ta’ prodotti fis-suq mingħajr tikketti dwar il-konsum tal-enerġija. Dan għandu jsir ukoll biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tassew ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fost il-prodotti fis-suq intern.

4.6.

Madankollu, il-KESE jqis li l-iżvilupp ta’ bażi tad-data tal-prodotti huwa importanti iżda mhux deċiżiv fil-qafas ta’ sorveljanza tas-suq adatta mill-awtoritajiet, u jittama li dawn issaħħu l-kontrolli regolatorji fuq il-prodotti għall-bejgħ, sabiex jivverifikaw il-korrispondenza bejn il-karatteristiċi veri tal-prodott u dawk murija fit-tikketta.

4.7.

Fid-dawl tan-natura teknika ħafna tal-monitoraġġ u r-regolazzjoni tas-suq, il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni sabiex toħloq proċess standardizzat u komuni ta’ taħriġ għall-ħaddiema u partijiet oħra involtui fis-superviżjoni u l-kontroll tas-suq, b’linji speċifiċi ta’ finanzjament, sabiex jiġi żgurat li fl-Istati Membri kollha, ir-regolament ikun jista’ jiġi implimentat bil-ħeffa u l-effettività meħtieġa.

4.8.

Il-Kumitat jaqbel mal-għażla li mmorru lura għall-iskala tal-enerġija preċedenti minn A sa G billi tinftiehem aktar faċilment mill-konsumaturi. Huwa nnutat, bħala eżempju, kif bejn friġġ tal-klassi A+++ u waħda tal-klassi A+ hemm differenza ta’ konsum tal-enerġija ta’ 42 %, għalkemm is-sistema attwali ta’ tikkettar ma tippermettix li wieħed jifhem immedjatament id-differenza f’termini ta’ effiċjenza tal-enerġija u spejjeż. Dan ifisser li, għal ċerti kategoriji ta’ prodotti, ikun japplika l-prinċipju ta’ “min jonfoq aktar, jonfoq inqas”, li jippermetti lill-konsumatur jirkupra fi żmien qasir id-differenza fil-prezz ta’ kategorija ogħla. Madankollu, dan jeħtieġ li t-tikketti jkunu aktar ċari, jinftiehmu aħjar u aktar komparabbli.

4.9.

Il-KESE jemmen li l-għan primarju ta’ din il-proposta huwa l-applikazzjoni uniformi tagħha fil-livell Ewropew, iżda jekk wieħed jafda kwistjoni daqshekk kruċjali bħall-adozzjoni ta’ reġim ta’ sanzjonijiet f’idejn l-Istati Membri individwali, ikun qed jiffavorixxi l-applikazzjoni irregolari tal-liġi, u b’hekk l-użu ta’ regolament minflok direttiva jsir inutli.

4.10.

B’mod ġenerali, il-KESE huwa tal-fehma li s-sistema ġdida ta’ tikkettar bħal din tista’ tiggarantixxi li:

4.10.1.

Il-konsumaturi jirċievu informazzjoni aktar preċiża, rilevanti u komparabbli dwar l-effiċjenza u l-konsum tal-enerġija tal-prodotti kollha mibjugħa fl-UE, u b’hekk jitħeġġeġ xiri bil-ħsieb u ekonomiku fit-tul kif ukoll użu favur l-ambjent.

4.10.2.

Il-moviment liberu tal-prodotti jittejjeb, u b’hekk jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti. Dan isaħħaħ ukoll il-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej li jiġu inċentivati biex ikunu innovattivi, filwaqt li jkollhom il-vantaġġ li jidħlu minn tal-ewwel fis-suq meta mqabbla ma’ dawk ta’ pajjiżi terzi, bil-possibbiltà ta’ marġini ogħla ta’ profitt.

4.10.3.

Il-livelli ta’ impjieg jissaħħu sakemm l-intrapriżi Ewropej jimpenjaw ruħhom li ma jirrilokawx aktar il-produzzjoni tagħhom u b’hekk jirrappreżentaw, b’mod indirett, fattur għar-rilanċ tal-produzzjoni Ewropea u l-konsum domestiku.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

Il-Kumitat jemmen li s-sistema l-ġdida ta’ tikkettar ittejjeb fuq il-leġislazzjoni attwali iżda ma tindirizzax il-ħtiġijiet kollha ta’ informazzjoni tal-konsumaturi. Għal dan il-għan, huwa propost li fit-tikketta tiddaħħal aktar informazzjoni bħat-“tul tal-ħajja minima” (9) u “l-konsum tal-enerġija tul il-ħajja” tal-prodotti, dan ukoll b’rabta mal-marka tal-karbonju. Din l-informazzjoni tirriżulta li hija kruċjali biex il-prodotti tal-enerġija li jappartjenu għall-klassijiet differenti jkunu jistgħu jitqabblu b’mod effettiv u ekonomiku u biex tiġi miġġielda u skoraġġuta l-obsolexxenza ppjanata tal-prodotti.

5.1.1.

Informazzjoni addizzjonali siewja imma mhux indispensabbli għall-konsumaturi, bħall-ispiża tal-enerġija addizzjonali ġġenerata minn prodotti użati fl-awtomazzjoni tad-dar, tista’ tinkiseb minn sit fuq l-Internet dwar l-effiċjenza tal-enerġija tal-prodotti jew bl-użu ta’ kodiċi-QR speċjali fuq it-tikketta sabiex kull prodott ikun faċilment aċċessibbli mit-tablets jew smartphones, kif diġà sar għal skopijiet simili fil-każ ta’ prodotti kummerċjali oħrajn, bl-argument tal-introduzzjoni gradwali tal-pjan ta’ azzjoni dwar l-Internet tal-Oġġetti (10).

5.2.

Il-Kumitat jipproponi li jiġi żviluppat format grafiku ġdid għat-tikketta enerġetika bil-għan li jindirizza l-iffalsifikar u tiġi evitata l-konfużjoni fost il-konsumaturi speċjalment fil-perjodu transitorju. Għalhekk, il-KESE jissuġġerixxi li l-iskali li ma fihomx prodotti fuq is-suq jitħallew bil-griż fl-iskala kkulurita, sabiex ma jkunx hemm diżinċentiv għax-xiri mill-konsumatur. Dan għandu jsir kemm għall-klassijiet l-aktar baxxi, fejn il-prodotti tneħħew mis-suq mid-Direttiva dwar l-Ekodisinn, kif ukoll għall-klassijiet ogħla li jew għad ma fihomx prodotti fis-suq jew jirriżultaw mill-proċess ta’ riklassifika.

5.3.

Il-Kumitat ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-argumentazzjoni fl-Opinjoni TEN/516 (11) u, b’mod partikolari, il-fenomenu ta’ “faqar enerġetiku” li jaffettwa aktar minn 50 miljun ċittadin madwar l-UE kollha. Dan jimplika li l-Unjoni, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, għandha tiffaċilita kemm jista’ jkun l-aċċessibbiltà tal-prodotti b’effiċjenza tal-enerġija ogħla għall-gruppi l-aktar foqra u l-aktar żvantaġġati fis-soċjetà. Fl-istess ħin l-Unjoni Ewropea għandha tieħu azzjoni sabiex kwalunkwe spiża addizzjonali taħt is-sistema l-ġdida ta’ tikkettar ma taqax awtomatikament fuq il-bejjiegħ b-imnut jew l-utenti finali.

5.3.1.

F’ħafna Stati Ewropej diġà ġew implimentati b’suċċess prattiki tajbin fil-qasam tas-sussidjarjetà u l-aċċessibbiltà ta’ prodotti tal-enerġija. Waħda minn dawn tinkludi l-possibbiltà li fid-dikjarazzjoni tat-taxxa titnaqqas l-ispiża ta’ prodotti tal-enerġija ta’ klassi aktar għolja. Madankollu, minbarra prattiki nazzjonali tajbin li huma pjuttost utli u importanti, il-KESE jittama li l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew, b’mod partikolari, fid-dawl tal-importanza tal-isfida tal-effiċjenza tal-enerġija, iħaddmu l-prinċipju tas-sussidjarjetà u jieħdu azzjoni sabiex tinħoloq strateġija unika li tinvolvi liċ-ċittadini kollha fil-proċess ta’ “rivoluzzjoni tal-enerġija.”

5.4.

Il-KESE jemmen li jekk jitqies il-prinċipju tad-“disinn għal kulħadd”, jiġifieri li jiġu mfassla prodotti li jkunu jistgħu jintużaw minn kulħadd, allura anke t-tikketti għandhom ikunu b’mod li jinftiehmu aktar minn kulħadd, b’attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini b’diżabbiltà.

5.5.

Il-KESE jilmenta dwar in-nuqqas ta’ strateġija speċifika għall-kummerċ onlajn, li l-fatturat tiegħu qed jikber b’rata kostanti u li, sal-lum, huwa wieħed mis-setturi fejn l-komparabbiltà tal-prodotti, u speċjalment s-sorveljanza tas-suq jidhru aktar kumplessi u diffiċli. Skont kif irrapportat mill-osservatorju MarketWatch, 23 % biss tal-prodotti onlajn ikollhom tikketta korretta. Dan jirrappreżenta fattur ta’ distorsjoni tas-suq li jiġġenera dannu evidenti għall-intrapriżi u l-konsumaturi.

5.5.1.

Il-Kumitat jinnota li fil-preżent ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 518/2014 dwar it-tikkettar tal-prodotti b’rabta mal-enerġija fuq l-Internet, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2015, mhuwiex konformi meta mqabbel mal-proposta l-ġdida għal Regolament. Dan, fost l-oħrajn, jistabbilixxi li t-tikketta hija obbligatorja biss għal prodotti ġodda u mhux fuq dawk li diġà huma għal bejgħ, u li għalihom huwa previst biss tikkettar fuq bażi volontarja. Barra minn hekk, ma jindirizzax il-problema ta’ “siti bażar”, fejn ħafna drabi l-konsumatur mingħajr ma jkun jaf jixtri prodotti offruti għall-bejgħ minn entitajiet terzi u li s-siti ma jkunux responsabbli għar-reklamar qarrieqi jew żbaljat tagħhom.

5.6.

Il-KESE jinnota li la s-sistema attwali ta’ tikkettar u lanqas dik ġdida ma jindirizzaw il-kwistjoni ta’ prodotti tal-enerġija “riġenerati”. F’dan ir-rigward, jemmen li huwa adatt u neċessarju li tiġi regolata l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti bħal dawn, b’mod speċjali dawk il-prodotti mibjugħin permezz ta’ eżerċizzji kummerċjali apposta, sabiex ma jitħallewx lakuni fir-regolament u b’mod partikolari favur integrazzjoni aħjar bejn id-Direttiva dwar l-Ekodisinn u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Għal ekonomija ċirkolari” (12). Barra minn hekk, il-KESE jfakkar fil-pożizzjonijiet li diġà ttieħdu fil-passat kontra l-“obsolexxenza ppjanata”, u huwa favur il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti aktar fit-tul u reżiljenti (13).

5.7.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tagħti attenzjoni partikolari lill-prodotti importati minn pajjiżi terzi sabiex il-produzzjoni Ewropea tiġi protetta minn kompetizzjoni inġusta possibbli. B’mod partikolari, il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni tniedi kampanja qawwija kontra l-iffalsifikar tat-tikketti u għalhekk ikun diffiċli li wieħed jiffalsifikahom, filwaqt li ssaħħaħ il-kontrolli fuq il-konformità suġġettiva u oġġettiva, u meta tinstab falsifikazzjoni l-importatur jiġi ippenalizzat u l-prodott jiġi irtirat mis-suq.

5.8.

Il-KESE jenfasizza li l-edukazzjoni dwar ix-xiri u l-użu konxju ta’ prodotti huma essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet li l-Unjoni Ewropea adottat fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija. L-Istati Membri huma ġustament mitluba jaqdu rwol ewlieni b’kampanji ad hoc ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni. Il-KESE, madankollu, jittama f’involviment attiv tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew bil-għan ta’ komunikazzjoni aktar effettiva u mifruxa (14), inkluż il-bejjiegħa bl-imnut.

5.8.1.

Il-Kumitat jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li fir-riklami tiġi inkluża b’mod obligatorju t-tikketta tal-enerġija għal kull prodott jew, meta dan ma jkunx possibli, għall-inqas il-klassi tal-enerġija, bil-għan li tiżdied l-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar l-akkwist u l-użu għaqli tal-prodotti enerġetiċi (15).

5.9.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu riveduti xi aspetti tal-perjodu tranżitorju meħtieġ għall-“aġġornament tal-iskali” tal-prodotti. Ir-regolament, fil-fatt, jistabbilixxi li fi tmien dan il-perjodu ta’ 6 xhur, ġimgħa waħda tkun biżżejjed għat-tranżizzjoni minn sistema ta’ tikkettar doppju għal waħda fejn jibqa’ biss prodotti tikkettati bis-sistema l-ġdida. Hemm ċans li dan il-perjodu ikun qasir wisq u ftit realistiku, u għaldaqstant jitlob li jiġi estiż għal 30 jum, iż-żmien li normalment jingħata lill-intrapriżi biex jagħmlu inventarju tal-prodotti tagħhom.

5.10.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ aktar kawt u meqjus fil każ tal-atti delegati. B’mod partikolari jittama li d-delegi jkunu ċari u definiti, li l-kontroll tal-Parlament ikun garantit u fuq kollox li l-adozzjoni tal-atti delegati tkun dejjem soġġetta għal konsultazzjoni effettiva u koinvolviment tal-Istati Membri, tal-KESE u tal-partijiet interessati (16).

5.11.

Il KESE jappoġġja l-ħolqien ta’ Forum Konsultattiv ad hoc sabiex jitnieda djalogu strutturat bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati.

5.12.

Il-KESE jqis li l-perjodu ta’ 8 snin huwa adatt biex jiġi eżaminat mill-ġdid il-qafas għat-tikkettar, madankollu jipproponi li ssirlu valutazzjoni tal-impatt fuq perjodu ta’ żmien medju sabiex jiġi vverifikat l-impatt kumplessiv u l-istat attwali tal-implimentazzjoni. Din l-inizjattiva hija meqjusa dejjem aktar meħtieġa peress li l-proposta hija maħsuba biex ngħaddu minn direttiva għal regolament.

5.13.

Il-KESE iqis li t-twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ klassifika mill-ġdid stabbli u mhux ambigwa huwa kruċjali, sabiex sussegwentement il-klassifiki ġodda meħtieġa minħabba l-evoluzzjoni teknoloġika tas-suq ikunu ekonomiċi, preċiżi u mhux kontroversi. F’dan ir-rigward jipproponi li l-klassifika mill-ġdid issir biss f’każ ta’ bżonn ġenwin u biss meta l-prodotti tal-klassi tal-enerġija A ikunu jirrappreżentaw mill-inqas 20 % tas-suq.

Brussell, l-20 ta’ Jannar 2016

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Ref. COM(2015) 80 final.

(2)  Id-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 1).

(3)  Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10).

(4)  SWD(2015) 139.

(5)  COM(2015) 341 final, il-punt 2.3 tal-Proposta.

(6)  COM(2015) 341 final, Artikolu 7(3).

(7)  COM(2015) 341 final, Artikolu 4(5).

(8)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-ekokompatibbiltà/prodotti li jikkunsmaw l-enerġija”, (ĠU C 112, 30.4.2004, p. 25) (mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  Opinjoni tal-KESE dwar “It-tul tal-ħajja tal-prodotti industrijali u t-tiġdid tal-fiduċja permezz tal-informazzjoni tal-konsumaturi” (ĠU C 67, 6.3.2014, p. 23).

(10)  Opinjoni tal-KESE dwar “Internet tal-Oġġetti – Pjan ta’ Azzjoni għall-Ewropa” (ĠU C 255, 22.9.2010, p. 116).

(11)  Opinjoni tal-KESE dwar “Lejn azzjoni Ewropea kkoordinata għall-prevenzjoni u l-ġlieda tal-faqar fil-qasam tal-enerġija” (ĠU C 341, 21.11.2013, p. 21).

(12)  COM(2014) 398 final. Opinjoni tal-KESE dwar “L-ekonomija ċirkolari fl-UE” (ĠU C 230, 14.7.2015, p. 91).

(13)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.

(14)  Studju tal-KESE dwar ir-rwol tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar l-enerġija rinnovabbli. Koordinatur ġenerali: is-Sur Ribbe, Jannar 2015.

(15)  COM(2015) 341 final, premessa 10 u l-Artikolu 3(3a).

(16)  Opinjoni tal-KESE dwar “Atti Delegati” (ĠU C 13, 15.1.2016, p. 145).


Top