Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015AE4723

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi għall-Greċja” [COM(2015) 365 final – 2015/0160 (COD)]

    ĠU C 32, 28.1.2016, p. 20–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.1.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 32/20


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi għall-Greċja”

    [COM(2015) 365 final – 2015/0160 (COD)]

    (2016/C 032/04)

    Relatur ġenerali:

    is-Sur Carmelo CEDRONE

    Nhar is-7 ta’ Settembru 2015 u nhar it-28 ta’ Settembru., il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 177 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi ddispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi għall-Greċja”

    (COM(2015) 365 final – 2015/0160 (COD))

    Nhar il-15 ta’ Settembru 2015, il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

    Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul il-511-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-6, is-7 u t-8 ta’ Ottubru 2015 (seduta tat-8 ta’ Ottubru 2015), li jaħtar lis-Sur Cedrone bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b’99 vot favur, vot 1 kontra u 4 astensjonijiet.

    1.   Il-kuntest u l-punti ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni

    1.1.

    Is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fil-Greċja għadha tipppreżenta problemi kbar u serji minħabba li qed jippersistu rati baxxi ta’ tkabbir u nuqqas ta’ fondi pubbliċi meħtieġa biex jistimulaw it-tkabbir. Il-fatturi li ħolqu din is-sitwazzjoni huma magħrufa sew u l-KESE enfasizzahom diversi drabi f’dawn l-aħħar snin/xhur. Din il-kwistjoni għandha wkoll konsegwenzi sinifikanti fir-rigward tad-disponibbiltà tal-mezzi neċessarji għall-implimentazzjoni tal-programmi ppjanati li jsiru bl-għajnuna finanzjarja tal-Fondi Strutturali għall-perjodu 2014-2020, minbarra fondi li fadal mill-perjodu 2007-2013.

    1.2.

    Il-Kummissjoni ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta għal modifika tar-Regolament Nru 1303/2013 (li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni għall-5 Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej) fir-rigward tal-miżuri previsti għall-Greċja (1).

    1.3.

    Il-proposta tal-Kummissjoni, maħsuba biex tikkumpensa għan-nuqqas ta’ likwidità u riżorsi pubbliċi għall-investiment fil-Greċja, tipprevedi żewġ faċilitajiet finanzjarji li jikkonsistu, sostanzjalment, f’pagamenti antiċipati ta’ fondi diġà allokati lill-Greċja, u għalhekk mingħajr impatt fuq il-baġit għall-perjodu 2014-2020, u żieda tar-rati ta’ kofinanzjament.

    1.4.

    Il-proposta leġislattiva tikkonċerna kemm il-perjodu 2007-2013 kif ukoll dak tal-2014-2020.

    1.5.

    Fir-rigward tal-perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni tipproponi li jiżdied il-livell tal-prefinanzjament tal-bidu fir-rigward tal-fondi disponibbli għall-programmi ta’ politika ta’ koeżjoni taħt l-Għan ta’ Investiment għat-Tkabbir u l-Impjiegi (FEŻR, FSE u FK) u l-programmi appoġġjati mill-FEMS, b’7 punti perċentwali. B’kollox, dan jammonta għal EUR 1 biljun disponibbli fuq sentejn (EUR 500 miljun fl-2015 u EUR 500 miljun fl-2016).

    1.6.

    Fir-rigward tal-perjodu 2007-2013, il-Kummissjoni tipproponi li, fil-każ tal-kalkolu tal-pagamenti interim u l-bilanċi finali tal-programmi operazzjonali implimentati mill-Greċja, tiġi applikata rata massima ta’ kofinanzjament ta’ 100 % (applikabbli għall-ispejjeż eliġibbli), u li l-5 % tal-pagamenti tal-UE li jifdal li normalment jinżammu sal-għeluq tal-programmi jiġu rilaxxati aktar kmieni. Dan jirrappreżenta likwidità addizzjonali immedjata ta’ madwar EUR 500 miljun għall-2015 u EUR 500 miljun fl-2016.

    2.   Kummenti

    2.1.

    Il-KESE għandu l-istess tħassib tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li l-Greċja tingħata riżorsi finanzjarji addizzjonali sabiex jerġa’ jibda l-investiment favur it-tkabbir sostenibbli. Fil-fatt, il-KESE kien diġà għamel proposti fuq l-istess linja għall-pajjiżi u t-territorji kollha li kellhom diffikultajiet baġitarji, dejn jew rata għolja ta’ qgħad (2).

    2.2.

    Jemmen li l-proposta tal-Kummissjoni, li hi stess tqis bħala eċċezzjonali u issa tinsab għall-analiżi mill-Parlament Ewropew, ma tindirizzax l-għanijiet li suppost jintlaħqu. Din tikkonċena għajnuna li, kemm f’termini ta’ livell finanzjarju kif ukoll arranġamenti previsti għall-ħlas (ħlas bil-quddiem għar-riżorsi ppjanati), mhijiex biżżejjed biex taqdi l-ħtiġijiet li l-Greċja għandha f’termini ta’ investiment pubbliku, irkupru tal-livelli ta’ kompetittività u ta’ impjieg tas-sistema produttiva tagħha. Il-likwidità li tirriżulta mill-applikazzjoni tar-Regolament il-ġdid hija stmata għal madwar EUR 2 biljuni. Din hija tabilħaqq importanti iżda mhix addizzjonali u se tkun ikkumpensata bi tnaqqis ekwivalenti tar-riżorsi previsti għas-snin sussegwenti (2018 u 2020).

    2.3.

    Il-KESE, fl-opinjonijiet tiegħu, kemm-il darba stqarr li jekk il-Kummissjoni beħsiebha tgħin lill-Greċja, ir-riżorsi addizzjonali maħsuba għal pajjiż, kemm jekk bħala programmi ta’ investiment ġodda kif ukoll f’każ ta’ aktar tnaqqis tar-rata ta’ kofinanzjament nazzjonali li jintalab għall-iffinanzjar tal-programmi operazzjonali mill-Fondi Strutturali għall-perjodu 2014-2020, għandu jkollhom dimensjonijiet aktar konsistenti.

    2.4.

    Il-KESE jenfasizza t-tieni tħassib tiegħu rigward id-dewmien fit-tnedija tal-programm il-ġdid tal-Fondi Strutturali. Ir-riżorsi allokati mill-politika ta’ koeżjoni għall-Greċja għall-perjodu 2014-2020 b’kollox jammontaw għal madwar EUR 35 biljun. Is-sitwazzjoni mwiegħra mil-lat ekonomiku, iżda wkoll mil-lat politiku, li l-Greċja qed tesperjenza wasslet għal inċertezzi kbar f’termini ta’ deċiżjonijiet ta’ investiment u dewmien amministrattiv li żammewha milli tniedi l-proċeduri meħtieġa biex tikseb aċċess għar-riżorsi tal-perjodu l-ġdid ta’ programmazzjoni 2014-2020.

    2.5.

    Il-KESE huwa mħasseb li dan id-dewmien, flimkien ma’ miżuri rigorużi li l-UE talbet għall-approvazzjoni tat-tielet pjan ta’ għajnuniet bilfors se jiddevjaw ir-riżorsi pubbliċi mill-investimenti, u se jkollhom impatt ukoll fuq l-attivazzjoni ta’ programmi ta’ nfiq previsti taħt il-Fondi għas-sena d-dieħla u għall-perjodu kollu sal-2020.

    2.6.

    Il-proġetti li bħalissa qed jiġu implimentati fil-Greċja huma fil-biċċa l-kbira ffinanzjati mill-fondi tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013. L-aħħar analiżijiet dwar il-fondi għall-2007-2013 jirreferu għal ammont ta’ EUR 1,5 sa 2 miljuni li jifdal u li għandu jintbagħat lura jekk ma jkunux intużaw sa tmiem is-sena. Il-Kummissjoni setgħet inkludiet fil-proposta tagħha żieda fil-perjodi ta’ żmien għar-rappurtar tal-infiq li jkun sar (minn n+2 għal n+3), minħabba ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li l-pajjiż jinsab fihom.

    3.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    3.1.

    Biex jikkonkludi, il-KESE jaqbel u jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni, għalkemm iqis li mhijiex biżżejjed. Fil-fatt, kif propost f’ħafna mill-opinjonijiet tiegħu, iqis li l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri għandhom joħolqu programm ta’ għajnuna għall-pajjiżi fiż-żona tal-euro li jkunu f’diffikultà, ibda mill-Greċja, li jkun aktar kredibbli milli kif propost s’issa u li jintroduċi aktar flessibbiltà fl-applikazzjoni tal-governanza Ewropea l-ġdida dwar il-politika fiskali u baġitarja, iżid sew ir-riżorsi disponibbli għall-finanzjamenti permezz tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), ibda mill-pjan Juncker, u jintegra u jikkoordina b’mod aktar funzjonali r-riżorsi maħsuba biex jiffinanzjaw politiki oħrajn tal-UE.

    3.2.

    Fil-qosor, minbarra dan li ssemma, se jkunu meħtieġa: a) estensjoni tal-proposta (tneħħija tal-kofinanzjament għall-Greċja) għall-perjodu kollu 2014-2020; b) jitħaffef il-pass u jiġu antiċipati l-interventi tal-pjan Juncker għall-Greċja, sabiex permezz taż-żewġ miżuri jitħeġġu l-irkupru ekonomiku, l-iżvilupp u l-impjieg; d) semplifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet amministrattivi u MHUX bil-maqlub; e) titwaqqaf “Task Force” imħallta mill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tappoġġja u takkumpanja lill-Greċja fl-istadji varji ta’ użu tal-fondi strutturali; f) evalwazzjoni tal-opportunità ta’ estensjoni tal-istess miżuri, jew oħrajn simili, b’kontrolli adatti, għall-pajjiżi l-oħrajn li ntlaqtu u batew l-iktar mill-kriżi u li għandhom rata ta’ qgħad ogħla mill-medja Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2015.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  COM(2015) 365 final – 2015/0160 (COD)

    (2)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-ġestjoni finanzjarja, għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew huma mhedda b’diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom” (COM(2011) 482 final – 2011/0211 (COD)) (ĠU C 24 del 28.1.2012, p. 81).

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-ġestjoni finanzjarja, għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew huma mhedda b’diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom” (COM(2011) 481 final – 2011/0209 (COD)) (ĠU C 24 del 28.1.2012, p. 83).

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd, fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet marbutin mal-amministrazzjoni finanzjarja ta’ ċerti Stati Membri li għandhom jew li jinsabu mhedda b’diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom” (COM(2011) 484 final – 2011/0212 (COD)) (ĠU C 24 del 28.1.2012, p. 84).

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006” (COM(2011) 615 final – 2011/0276 (COD)) (ĠU C 191 del 29.6.2012, p. 30).

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006” (COM(2011) 612 final – 2011/0274 (COD)) (ĠU C 191 del 29.6.2012, p. 38).

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, u l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006” (COM(2011) 614 final – 2011/0275 (COD)) (ĠU C 191 del 29.6.2012, p. 44).


    Top