Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XG1206(02)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sikurezza tal-pazjenti u l-kwalità tal-kura, inklużi l-prevenzjoni u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa u r-reżistenza antimikrobika

    ĠU C 438, 6.12.2014, p. 7–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.12.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 438/7


    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sikurezza tal-pazjenti u l-kwalità tal-kura, inklużi l-prevenzjoni u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa u r-reżistenza antimikrobika

    (2014/C 438/05)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

    1.

    IFAKKAR li skont l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni, li l-azzjoni tal-Unjoni, li għandha tikkomplementa l-politiki nazzjonali, għandha tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, li l-Unjoni għandha tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tas-saħħa pubblika u, jekk meħtieġ, tagħti appoġġ lill-azzjoni tagħhom, u tirrispetta b’mod sħiħ ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għall-organizzazzjoni u l-għoti ta’ servizzi tas-saħħa u kura medika;

    2.

    IFAKKAR fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-valuri u l-prinċipji komuni fis-Sistemi tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea adottati fit-2 ta’ Ġunju 2006 (1), u b’mod partikolari l-valuri komprensivi tal-universalità, l-aċċess għall-kura ta’ kwalità tajba, l-ekwità u s-solidarjetà;

    3.

    IFAKKAR li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2014 jenfasizza l-ħtieġa għall-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ inklużjoni attiva, li jinkludu aċċess wiesa’ għal servizzi tas-saħħa għall-but ta’ kulħadd u ta’ kwalità għolja, anke fir-rigward tal-kisba tal-objettivi ta’ Ewropa 2020;

    4.

    IFAKKAR fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2009/C 151/01 tad-9 ta’ Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-prevenzjoni minn u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa (2);

    5.

    IFAKKAR fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2002/77/KE tal-15 ta’ Novembru 2001 dwar l-użu prudenti tal-aġenti antimikrobiċi fil-mediċina tal-bniedem (3) u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni kontra t-theddid li qed jiżdied ta’ reżistenza antimikrobika (4);

    6.

    IFAKKAR fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2012 dwar l-impatt tar-reżistenza antimikrobika fis-settur tas-saħħa tal-bniedem u fis-settur veterinarju — perspettiva ta’ “Saħħa Waħda” (5);

    7.

    IFAKKAR li r-reżistenza antimikrobika u l-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa huma soġġetti għal sorveljanza epidemjoloġika skont l-Artikoli 2.1(a)(ii) u 2.2 tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (6);

    8.

    IFAKKAR fir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa WHA67.25 dwar ir-Reżistenza għall-Antimikrobiċi adottata fl-24 ta’ Mejju 2014;

    9.

    IFAKKAR li r-Rakkomandazzjoni 2009/C 151/01 u d-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (7) jitolbu li l-pazjenti jirċievu kura tas-saħħa skont standards u linji gwida ta’ sikurezza u ta’ kwalità u jiċċaraw id-dritt li jirċievu informazzjoni, b’mod ċar u trasparenti, fir-rigward tal-miżuri tas-sikurezza u l-kwalità fis-seħħ u proċeduri ta’ ilment u mekkaniżmi ta’ rimedju;

    10.

    JINNOTA li l-proċessi tat-tfassil tal-politika u tat-teħid ta’ deċiżjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq l-evidenza, u appoġġati minn ġbir sistematiku ta’ data li juża għodod adatti tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) relatati mas-saħħa;

    11.

    JINNOTA li t-tendenza attwali li l-kura qed tiġi ttrasferita mill-isptarijiet għal kura barra mill-isptarijiet (outpatient), inkluż il-kura primarja u l-kura fid-djar, tista’ tirriżulta f’ammont ikbar ta’ kura pprovduta minn ħaddiema tal-kura tas-saħħa mhux tal-isptar, assistenti soċjali u dawk li jipprovdu kura, inkluż dawk li jagħtu l-kura b’mod informali;

    12.

    JIRRIKONOXXI li l-edukazzjoni u t-taħriġ dwar is-sikurezza tal-pazjenti u l-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet għandhom jiġu integrati f’taħriġ għall-professjonisti tas-saħħa u ta’ dawk li jagħtu l-kura u jiġu inklużi fi żvilupp professjonali kontinwu;

    13.

    JIRRIKONOXXI li sistemi ta’ rappurtar u ta’ tagħlim ġusti u li ma jagħtux tort irriżulta li huma għodod eċċellenti biex tiżdied il-kultura ta’ sikurezza tal-pazjenti;

    14.

    JIEĦU NOTA tal-konklużjonijiet taż-żewġ rapporti (8) tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 2009/C 151/01;

    15.

    JIRRIKONOXXI li l-implimentazzjoni ta’ miżuri effettivi għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa fil-livell reġjonali u nazzjonali hija kruċjali biex jitrażżan it-tixrid ulterjuri u ż-żieda tar-reżistenza antimikrobika u li l-indirizzar ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa hija waħda mis-sisien tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-theddid li qed jiżdied mir-reżistenza antimikrobika, adottata fl-2011 (9);

    16.

    IFAKKAR li huwa stmat li madwar 3,2 miljun pazjent (10) jieħdu infezzjoni assoċjata mal-kura tas-saħħa fl-UE kull sena, li 20-30 % minnhom tqiesu bħala li setgħu ġew evitati (11), u li perċentwal bejn il-5 % u l-10 % tal-eventi avversi huma mistennija li jseħħu, bi kważi nofs minnhom jistgħu potenzjalment jiġu evitati (12);

    17.

    JIEĦU NOTA tal-fatt li, skont l-istħarriġ speċjali tl-Ewrobarometru “Is-sikurezza tal-pazjenti u l-kwalità tal-kura tas-saħħa” (13) ftit aktar minn nofs (53 %) taċ-ċittadini kollha tal-UE jaħsbu li l-pazjenti tista’ ssirilhom ħsara mill-kura fi sptar f’pajjiżhom, filwaqt li nofs dawk li wieġbu jaħsbu li tista’ tiġrilhom ħsara minn kura tas-saħħa mhux fl-isptar u li dawn il-perċentwali ma naqsux b’mod sinifikanti mill-2009;

    18.

    JINNOTA BI TĦASSIB li skont l-aktar data reċenti ppubblikata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) (14), l-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa ikkawżati minn mikrorganiżmi reżistenti għal ħafna mediċini qegħdin jiżdiedu;

    19.

    JIEĦU NOTA tal-ħidma tad-WHO u tal-OECD dwar is-sikurezza tal-pazjenti u l-kwalità tal-kura, li hija appoġġata wkoll mill-UE;

    20.

    JILQA’ l-progress li sar mill-Istati Membri mill-2009 s’issa fl-inklużjoni tas-sikurezza tal-pazjent fil-politiki tas-saħħa pubblika kif speċifikat fir-Rakkomandazzjoni 2009/C 151/01;

    21.

    JILQA’ l-ħidma tal-Grupp ta’ Ħidma dwar is-Sikurezza tal-Pazjenti u l-Kwalità tal-Kura tas-Saħħa dwar linji gwida prattiċi dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ u dwar sistemi ta’ rappurtar u ta’ tagħlim;

    22.

    JINNOTA li l-għoti tas-setgħa lill-pazjent u l-involviment tiegħu huma rikonoxxuti bħala parti essenzjali tal-kwalità tajba u s-sikurezza tal-kura u jeħtieġu sforz mill-Istati Membri għall-iskambju ta’ għarfien u għodod effettivi bejn il-pajjiżi;

    23.

    JILQA’ l-ħidma tan-Netwerk Ewropew għas-Sikurezza tal-Pazjenti u l-Kwalità tal-Kura (Azzjoni Konġunta PaSQ) dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 2009/C 151/01 fir-rigward tal-iskambju u l-implimentazzjoni tal-prattiki tajba fl-Istati Membri;

    24.

    JIRRIKONOXXI l-ħtieġa għal kollaborazzjoni kontinwa u sostenibbli fil-livell tal-UE dwar is-sikurezza tal-pazjenti u l-kwalità tal-kura;

    25.

    JINNOTA li l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar is-sikurezza ġenerali tal-pazjenti tar-Rakkomandazzjoni 2009/C 151/01 tagħti kontribut pożittiv għas-saħħa tal-popolazzjoni u l-ekonomija tas-sistemi tas-saħħa, u li dan jeħtieġ attenzjoni kontinwa;

    26.

    IFAKKAR li l-ħsara assoċjata mal-eventi avversi tirrappreżenta spiża addizzjonali għas-sistemi tas-saħħa;

    27.

    JIKKUNSIDRA li l-valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-sistemi tas-saħħa tista’ tikkontribwixxi għall-kisba ta’ progress fis-sikurezza tal-pazjenti u l-kwalità tal-kura;

    28.   JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI SABIEX:

    (a)

    Jintensifikaw l-isforzi tagħhom fl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 2009/C 151/01, filwaqt li jieħdu kont tal-oqsma ta’ prijorità identifikati fil-konklużjonijiet taż-żewġ rapporti ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni u r-rapporti dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ u dwar sistemi ta’ rappurtar u ta’ tagħlim li saru mill-Grupp ta’ Ħidma dwar is-Sikurezza tal-Pazjent u l-Kwalità tal-Kura;

    (b)

    Jidentifikaw, jekk dan ma sarx diġà, l-awtoritajiet inkarigati mill-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ strateġiji integrati dwar is-sikurezza tal-pazjenti, inkluż il-prevenzjoni, is-sorveljanza u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa;

    (c)

    Jikkunsidraw l-implimentazzjoni ta’ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u prattiki tajbin dwar is-sikurezza tal-pazjenti, il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa u r-reżistenza antimikrobika, u l-użu ta’ tassonomija tad-WHO dwar is-sikurezza tal-pazjenti biex jgħin fit-titjib tal-prestazzjoni klinika u organizzattiva;

    (d)

    Jippromwovu l-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ impjegati tal-kura tas-saħħa dwar is-sikurezza tal-pazjenti u l-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa, filwaqt li jieħdu kont tal-ħidma rilevanti tal-ECDC, inkluż id-dokument tekniku tal-ECDC “Core competencies on infection control and hospital hygiene professionals in the European Union” (15), kif ukoll rakkomandazzjonijiet rilevanti tad-WHO, bil-ħsieb li tiġi promossa d-disponibbiltà ta’ persunal imħarreġ b’mod adatt, inklużi impjegati speċjalizzati fil-kontroll tal-infezzjonijiet, f’ambjenti tal-kura tas-saħħa;

    (e)

    Jinkoraġġixxu lill-organizzazzjonijiet tal-professjonisti tas-saħħa biex tinbena kultura interprofessjonali ta’ sikurezza tal-pazjenti li tippermetti proċessi integrati u ta’ kwalità għolja ta’ kura;

    (f)

    Jiżviluppaw miżuri li jippermettu rappurtar ġust u li ma jagħtix tort minn professjonisti tas-saħħa jew minn pazjenti u jappoġġaw trattament mingħajr ma jingħata tort ta’ żbalji u ta’ eventi avversi kif ukoll li jsir tagħlim minnhom;

    (g)

    Jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni u l-għoti tas-setgħa lill-pazjenti, il-familji u dawk li jagħtu l-kura b’mod informali, kif ukoll l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti, permezz tal-għoti ta’ informazzjoni u l-edukazzjoni bbażati fuq l-evidenza u imparzjali, u jippromwovu l-parteċipazzjoni tal-pazjenti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-proċess tal-kura tas-saħħa sabiex jikkontribwixxu għall-prevenzjoni ta’ eventi avversi;

    (h)

    Jikkunsidraw l-opportunità li tiġi żviluppata evalwazzjoni kosteffettiva tal-programmi dwar is-sikurezza tal-pazjenti, ukoll abbażi tar-riżultati tal-“Programm għal Azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (2014-2020)”;

    (i)

    Isaħħu l-programmi u l-pjanijiet għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet matul il-proċess tal-kura u l-fejqan, inklużi programmi mfassla speċifikament għad-djar tal-kura u l-faċilitajiet tal-kura fit-tul;

    (j)

    Iżidu l-prevenzjoni, id-dijanjosi, il-monitoraġġ u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa, anke permezz tal-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ linji gwida professjonali fil-livell nazzjonali, fejn adatt f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ECDC;

    (k)

    Jaqsmu l-esperjenza dwar strateġiji biex jiżguraw is-sikurezza tal-pazjent u l-kwalità tal-kura bejn u fl-istabbilimenti kollha fejn tingħata l-kura;

    (l)

    Jiżviluppaw linji gwida professjonali dwar l-użu prudenti tal-antibijotiċi, inkluż il-monitoraġġ tal-preskrizzjonijiet;

    (m)

    Ikomplu jiddedikaw attenzjoni speċjali lir-reżistenza antimikrobika kif iddikjarat fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2012, kif ukoll jimmonitorjaw il-konsum ta’ aġenti antimikrobiċi u jimplimentaw is-sorveljanza tar-reżistenza antimikrobika, inkluż il-parteċipazzjoni f’netwerks ta’ sorveljanza tal-UE dwar dawn il-kwistjonijiet kif ikkoordinati miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini;

    29.   JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI BIEX:

    (a)

    Jippromwovu kultura ta’ sikurezza tal-pazjent, li tinkludi rappurtar ġust u mingħajr li ma jagħtix tort dwar eventi avversi fil-livell tal-istabbilimenti li jipprovdu l-kura tas-saħħa u jaħdmu favur il-kejl u t-titjib tal-kultura ta’ sikurezza tal-pazjenti;

    (b)

    Jirrevedu regolarment il-linji gwida prattiċi dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ professjonisti tas-saħħa u dwar sistemi ta’ rappurtar u ta’ tagħlim;

    (c)

    Jippromwovu l-ġbir ta’ informazzjoni dwar eventi avversi;

    (d)

    Jippromwovu l-adozzjoni ta’ linji gwida u politika bbażata fuq l-evidenza permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tar-reżistenza antimikrobika;

    (e)

    Jiżviluppaw gwida tal-UE għall-involviment tal-pazjenti/taċ-ċittadini fi strateġiji għas-sikurezza tal-pazjent, b’kont meħud tal-ħidma tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa;

    (f)

    Jiżviluppaw linji gwida volontarji dwar kif għandhom jiġu stabbiliti standards u linji gwida dwar is-sikurezza tal-pazjenti, b’kont meħud tal-metodoloġiji eżistenti rigward l-iffissar ta’ standards u linji gwida użati kemm mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kif ukoll mill-assoċjazzjonijiet professjonali u xjentifiċi tas-saħħa;

    (g)

    Jiżviluppaw aktar ħidma dwar id-dimensjonijiet tal-kwalità fil-kura tas-saħħa, b’kont meħud tal-għarfien eżistenti, inkluż il-ħidma tal-“Azzjoni Konġunta dwar is-sikurezza tal-pazjenti u l-kwalità tal-kura” (PaSQ);

    (h)

    Jiffinalizzaw sa Diċembru 2016 qafas għal kollaborazzjoni sostenibbli tal-UE dwar is-sikurezza tal-pazjenti u l-kwalità tal-kura, anke b’kont meħud tar-riżultati tal-“Azzjoni Konġunta dwar is-sikurezza tal-pazjenti u l-kwalità tal-kura” (PaSQ);

    (i)

    Jieħdu kont tar-riżultati tar-riċerka filwaqt li jiżviluppaw politiki u programmi u jippromwovu aktar riċerka dwar is-sikurezza tal-pazjenti u l-kwalità tal-kura;

    (j)

    Jaħdmu lejn fehim aħjar tal-kosteffettività tal-politiki dwar is-sikurezza tal-pazjenti skont il-prinċipji tal-effikaċja, l-effiċjenza, l-adegwatezza, is-sikurezza u l-kwalità tal-kura;

    (k)

    Isaħħu aktar il-kooperazzjoni bejn is-settur tas-saħħa tal-bniedem u s-settur veterinarju bil-għan li jiġi indirizzat it-theddid li qed jiżdied mir-reżistenza antimikrobika;

    (l)

    Isaħħu u jikkoordinaw l-isforzi tar-riċerka u l-innovazzjoni biex tiġi indirizzata r-reżistenza antimikrobika, b’mod partikolari permezz tal-għoti ta’ appoġġ lill-Inizjattiva ta’ Programmar Konġunt dwar ir-Reżistenza Antimikrobika.

    (m)

    Itejbu l-istrateġiji għas-sikurezza tal-pazjenti abbażi tal-eżiti tal-Azzjoni msejħa “Studju dwar l-ispejjeż ta’ servizzi riskjużi tas-saħħa u l-kosteffettività tal-programmi dwar is-sikurezza tal-pazjenti” imnedija mill-Kummissjoni f’kollaborazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar is-Sikurezza tal-Pazjenti u l-Kwalità tal-Kura;

    30.   JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI BIEX:

    (a)

    Tkompli tappoġġa lill-Istati Membri fit-titjib tal-istrateġiji u l-programmi għas-sikurezza tal-pazjenti fl-istabbilimenti tal-kura kollha abbażi tas-sejbiet taż-żewġ rapporti ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni tar-Rakkomandazzjoni 2009/C 151/01;

    (b)

    Tiżgura l-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-UE dwar is-sikurezza tal-pazjenti u l-kwalità tal-kura, inkluż l-iżbalji tat-trattament u infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa u r-reżistenza antimikrobika bl-appoġġ xjentifiku tal-aġenziji rilevanti tal-UE, u b’kont meħud tal-ħidma ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħad-WHO u l-OECD;

    (c)

    Tkompli ssegwi l-iżviluppi fis-sikurezza tal-pazjenti u l-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE u tirrapporta s-sejbiet tagħha dwar ix-xejriet tal-politiki dwar is-sikurezza tal-pazjenti, il-kawżi prinċipali ta’ eventi avversi u l-oqsma li jeħtieġu azzjonijiet ulterjuri;

    (d)

    Tesplora l-possibbiltà li tippreżenta proposta għal Rakkomandazzjoni dwar l-għoti ta’ informazzjoni lill-pazjenti dwar is-sikurezza tal-pazjent b’segwitu għar-Rakkomandazzjoni 2009/C 151/01, u ssegwi aktar ħidma ta’ tħejjija mal-Istati Membri dwar id-dimensjonijiet tal-kwalità tal-kura tas-saħħa;

    (e)

    Tissorvelja l-implimentazzjoni d-definizzjonijiet tal-każijiet tal-UE tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa u l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fis-sorveljanza tal-UE tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa kif ikkoordinata mill-ECDC;

    (f)

    Tiżgura kontinwazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar ir-Reżistenza Antimikrobika wara l-2017, inkluża enfasi fuq il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa.


    (1)  ĠU C 146, 22.6.2006, p. 1.

    (2)  ĠU C 151, 3.7.2009, p. 1.

    (3)  ĠU L 34, 5.2.2002, p. 13.

    (4)  16939/11 (COM(2011) 748).

    (5)  ĠU C 211, 18.7.2012, p. 2.

    (6)  ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1.

    (7)  ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45.

    (8)  17982/12 (COM(2012) 658 final) u 11266/14 (COM(2014) 371 final).

    (9)  http://ec.europa.eu/dgs/health_consumer/docs/communication_amr_2011_748_en.pdf

    (10)  Point prevalence survey of healthcare-associated infections and antimicrobial use in European acute care hospitals 2011-2012, ECDC, 2013.

    http://www.ecdc.europa.eu/en/publications/Publications/healthcare-associated-infections-antimicrobial-use-PPS.pdf

    (11)  Harbarth S, Sax H, Gastmeier P. The preventable proportion of nosocomial infections: an overview of published reports. J Hosp Infect 2003:54;258-266.

    (12)  De Vries EN et al. The incidence and nature of in-hospital adverse events: a systematic review Qual Saf Health Care 2008;17:216-223.

    (13)  http://ec.europa.eu/health/patient_safety/eurobarometers/ebs_411_mt.htm

    (14)  Antimicrobial resistance surveillance in Europe 2012. Annual Report of the European Antimicrobial Resistance Surveillance Network (EARS-Net). ECDC, 2013.

    http://www.ecdc.europa.eu/en/publications/Publications/antimicrobial-resistance-surveillance-europe-2012.pdf

    (15)  Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard. Core competencies for infection control and hospital hygiene professionals in the European Union. Stockholm: ECDC; 2013

    http://www.ecdc.europa.eu/en/publications/Publications/infection-control-core-competencies.pdf


    Top