Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XG0710(01)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kriżi ekonomika u l-kura tas-saħħa

ĠU C 217, 10.7.2014, p. 2–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 217/2


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kriżi ekonomika u l-kura tas-saħħa

(2014/C 217/02)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

1.

IFAKKAR li taħt l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni, kif ukoll li l-azzjoni tal-Unjoni li għandha tikkomplementa l-politiki nazzjonali għandha tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika u għandha wkoll tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tas-saħħa pubblika u, jekk meħtieġ, tagħti appoġġ lill-azzjoni tagħhom, u tirrispetta b’mod sħiħ ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għall-organizzazzjoni u l-għoti tas-servizzi tas-saħħa u l-kura medika;

2.

IFAKKAR fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-valuri u l-prinċipji komuni fis-Sistemi tas-Saħħa tal-UE adottati fit-2 ta’ Ġunju 2006 (1), u b’mod partikolari l-valuri komprensivi tal-universalità, l-aċċess għall-kura ta’ kwalità tajba, l-ekwità u s-solidarjetà;

3.

IFAKKAR fl-objettivi maqbula fil-qafas tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni għall-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali fil-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2006 biex jiġu żgurati kura tas-saħħa u kura fit-tul aċċessibbli, ta’ kwalità għolja u sostenibbli (2);

4.

IFAKKAR fil-Karta ta’ Tallinn dwar is-Sistema tas-Saħħa għas-Saħħa u l-Ġid, iffirmata fis-27 ta’ Ġunju 2008 taħt l-awspiċi tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (3);

5.

IFAKKAR fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Ekwità u Saħħa fil-Linji ta’ Politika kollha: Solidarjetà fis-Saħħa, 8 ta’ Ġunju 2010 (4);

6.

IFAKKAR fid-Direttiva 2011/24 tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (5), inkluż il-Kapitolu IV dwar il-kooperazzjoni dwar il-kura tas-saħħa;

7.

IFAKKAR fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar sistemi tas-saħħa moderni, reattivi u sostenibbli, adottati fis-6 ta’ Ġunju 2011 (6);

8.

IFAKKAR fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-“Proċess ta’ riflessjoni dwar sistemi tas-saħħa moderni, reattivi u sostenibbli” adottati fl-10 ta’ Diċembru 2013 (7);

9.

JIEĦU NOTA tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020”, u b’mod partikolari d-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjah “Ninvestu fis-saħħa”, adottata fl-20 ta’ Frar 2013, li tenfasizza l-modi differenti li bihom l-investiment fis-saħħa jista’ jgħin biex jiġi indirizzati l-isfidi attwali u futuri li jiffaċċjaw is-sistemi tas-saħħa u fil-qasam soċjali b’mod ġenerali (8);

10.

JIEĦU NOTA li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2014 (9) jissottolinja l-ħtieġa li tittejjeb l-effiċjenza u s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistemi tal-kura tas-saħħa, filwaqt li jissaħħu l-effettività u l-kapaċità tagħhom li jissodisfaw il-ħtiġijiet soċjali u jiżguraw sistemi ta’ protezzjoni soċjali essenzjali. Is-SAT 2014 jenfasizza wkoll li għandhom jiġu żviluppati strateġiji ta’ inklużjoni attiva, inkluż aċċess ġenerali għal servizzi tas-saħħa ta’ kwalità għolja bi prezzijiet aċċessibbli;

11.

JAGĦRAF li s-saħħa hija valur fih innifsu u prerekwiżit għat-tkabbir ekonomiku, u li l-investiment fis-saħħa jikkontribwixxi għal saħħa aħjar, prosperità ekonomika u koeżjoni soċjali;

12.

JIKKUNSIDRA li s-sistemi tas-saħħa huma parti ċentrali mil-livelli għolja ta’ protezzjoni soċjali tal-Ewropa u jagħtu kontribut kbir għall-koeżjoni soċjali, il-ġustizzja soċjali u t-tkabbir ekonomiku;

13.

JIRRIKONOXXI li l-isfidi għas-sistemi tas-saħħa bħal popolazzjoni li qed tixjiħ assoċjata maż-żieda tal-mard kroniku u l-multimorbożità, id-diffużjoni rapida tat-teknoloġija, in-nuqqas fil-provvista u d-distribuzzjoni irregolari tal-professjonisti tas-saħħa, l-aspettattivi dejjem jiżdiedu taċ-ċittadini u l-ispiża dejjem tikber għall-kura tas-saħħa fil-kuntest tar-restrizzjonijiet baġitarji b’mod partikolari minħabba l-kriżi ekonomika jeħtieġu l-implimentazzjoni ta’ politiki u miżuri mmirati lejn it-titjib tal-kost-effettività u t-titjib tal-limitazzjoni tal-ispejjeż filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-kura tas-saħħa, is-sikurezza tal-pazjenti u l-aċċess ekwu għall-kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja;

14.

JIEĦU NOTA li t-tixjiħ tal-popolazzjoni, iż-żieda fl-użu tal-kura, u l-ispejjeż li qed jogħlew fil-kuntest tar-restrizzjonijiet baġitarji għandhom impatt fuq id-domanda u l-provvista tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, u għalhekk l-ippjanar effettiv tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa huwa element importanti ta’ sistema tas-saħħa sostenibbli.

15.

JAGĦRAF li l-aċċess universali għall-kura tas-saħħa huwa tal-akbar importanza biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa;

16.

IQIS li l-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard huma fatturi ewlenin għal saħħa aħjar u JIRRIKONOXXI l-importanza li jsir investiment fil-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard fit-titjib tas-saħħa tal-popolazzjoni;

17.

JIRRIKONOXXI li mudelli integrati ta’ kura bejn kura primarja, dik sekondarja u kura fl-isptar u bejn il-kura tas-saħħa u l-kura soċjali, flimkien mal-implimentazzjoni ta’ innovazzjonijiet fl-ICT u s-soluzzjonijiet tas-Saħħa elettronika jistgħu jtejbu r-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa, filwaqt li titqies is-sikurezza tal-pazjenti u l-kwalità għolja tal-kura tas-saħħa;

18.

JINNOTA BI TĦASSIB li l-kriżi finanzjarja u r-restrizzjonijiet baġitarji għandhom impatt kbir fuq l-indikaturi ekonomiċi prinċipali bħad-dħul u l-qgħad, li huma determinanti soċjali tas-saħħa, u li tnaqqis estensiv fil-provvista tal-kura tas-saħħa jista’ jaffettwa l-aċċess għall-kura u jista’ jkollu konsegwenzi fit-tul fuq is-saħħa kif ukoll konsegwenzi ekonomiċi, b’mod partikolari għall-gruppi l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà;

19.

JINNOTA BI TĦASSIB li n-nefqa soċjali naqset f’xi Stati Membri, u li n-numru ta’ persuni li jinsabu fir-riskju ta’ faqar u persuni li jgħixu f’familji mingħajr dħul jew bi dħul baxx żdied, u dan jikkontribwixxi għaż-żieda fl-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa u jipperikola l-koeżjoni soċjali;

20.

JINNOTA BI TĦASSIB li sa mill-2009 n-nefqa għas-saħħa pubblika tnaqqset f’ħafna Stati Membri, u JFAKKAR li l-investimenti fil-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard, b’enfasi partikolari fuq il-gruppi żvantaġġati, għandhom jinżammu, speċjalment fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika, peress li jagħtu kontribut pożittiv fuq żmien qasir u fit-tul biex titjieb is-saħħa tal-popolazzjoni u jitnaqqsu l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa;

21.

JINNOTA BI TĦASSIB li l-prezzijiet ta’ ħafna mediċini innovattivi ġodda huma ferm għoljin meta meqjusa fid-dawl tal-kapaċitajiet ta’ nfiq għas-saħħa pubblika tal-maġġoranza tal-Istati Membri, u li din is-sitwazzjoni tal-prezzijiet tista’ tiddestabilizza s-sistemi tas-saħħa fl-Istati Membri li diġà huma mdgħajfin mill-kriżi finanzjarja.

22.

JINNOTA BI TĦASSIB li għalkemm il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għandhom kopertura universali, fil-prattika bosta persuni għandhom problemi biex jiksbu aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa meta jkollhom bżonnhom (10) u li l-proporzjon ta’ persuni li jirrappurtaw li l-bżonnijiet tagħhom marbutin mas-saħħa ma ġewx indirizzati minħabba l-ispiża, id-distanza għall-kura tas-saħħa jew l-għadd ta’ nies jistennew il-kura żdied f’diversi Stati Membri waqt il-kriżi ekonomika (11).

23.

JIRRIKONOXXI li l-kriżijiet ekonomiċi jkollhom impatt fuq l-istat tas-saħħa tal-popolazzjoni partikolarment fir-rigward tas-saħħa mentali u

24.

JINNOTA li l-iskala sħiħa ta’ effetti fuq is-saħħa tal-kriżi ekonomika u t-tnaqqis fin-nefqa għas-saħħa pubblika jistgħu jitfaċċaw biss fis-snin ta’ wara;

25.

JILQA’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, adottata fl-4 ta’ April 2014, dwar sistemi tas-saħħa effettivi, aċċessibbli u reżiljenti (12);

26.

IFAKKAR fid-diskussjonijiet fil-Laqgħa Informali tal-Ministri tas-Saħħa li saret f’Ateni fit-28-29 ta’ April 2014 dwar “Il-Kriżi Ekonomika u l-Kura tas-Saħħa” li enfasizzaw l-importanza tar-riformi tas-saħħa biex tintgħeleb il-kriżi u tal-iskambju tal-aħjar prassi u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri f’oqsma ta’ interess komuni inkluż l-ispiża għall-kura tas-saħħa, l-għażla ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa, il-prodotti farmaċewtiċi, il-valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-sistemi tas-saħħa u l-investiment fil-prevenzjoni sabiex tkun żgurata r-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa; kien hemm kunsens ġenerali biex jittejjeb l-aċċess ulterjuri għall-kura tas-saħħa b’mod partikolari għall-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli, filwaqt li tqajmet ukoll il-kwistjoni tal-involviment tal-Ministri tas-Saħħa fil-proċess tas-Semestru Ewropew;

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI SABIEX:

27.

Ikomplu jtejbu aktar l-aċċess għal kulħadd għal servizzi ta’ kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-gruppi l-aktar vulnerabbli;

28.

Isaħħu aktar il-politiki għall-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard u l-istrateġiji li jimmiraw lejn it-titjib tas-saħħa tal-persuni u b’hekk jitnaqqas il-bżonn għat-trattament mediku;

29.

Jikkunsidraw modi innovattivi ta’ integrazzjoni bejn il-kura primarja u dik fl-isptar, kif ukoll bejn il-kura tas-saħħa u dik soċjali;

30.

Jippromwovu l-implimentazzjoni ta’ innovazzjonijiet tal-ICT u s-soluzzjonijiet tas-Saħħa elettronika biex jiżguraw il-kwalità tal-kura u l-għarfien dwar is-saħħa, u jtejbu l-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi tas-saħħa u l-kontroll tal-infiq;

31.

Jużaw aħjar il-Valutazzjoni tal-Prestazzjoni tas-Sistemi tas-Saħħa (HSPA) għal tfassil tal-politika, u t-titjib tat-trasparenza u tar-responsabilità fil-livell nazzjonali;

32.

Jikkooperaw aktar rigward il-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar strateġiji għall-ġestjoni effettiva tal-infiq għall-prodotti farmaċewtiċi u t-tagħmir mediku, filwaqt li jiżguraw aċċess ekwu għal mediċini effettivi fi ħdan sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa sostenibbli u, bl-użu tal-gruppi eżistenti fejn rilevanti, ikomplu d-diskussjonijiet dwar kwistjonijiet marbuta mal-ipprezzar aċċessibbli, l-użu ta’ mediċini ġeneriċi, il-mediċini orfni, it-tagħmir mediku u s-swieq iż-żgħar.

33.

Jitgħallmu mill-kriżi u jippromwovu aċċess universali għall-kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja filwaqt li jitqiesu l-komponenti differenti tagħha, sabiex ikunu jistgħu jsiru r-riformi tas-saħħa meħtieġa mingħajr ma jiġi kompromess il-funzjonament tas-sistemi tas-saħħa bħala parti mis-sistema ta’ protezzjoni soċjali;

34.

Jiskambjaw informazzjoni dwar is-servizzi tal-kura tas-saħħa koperti mis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri, fost l-oħrajn fil-kuntest tal-Grupp ta’ Ħidma dwar is-Saħħa Pubblika f’Livell Għoli;

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI BIEX:

35.

Jappoġġaw l-implimentazzjoni effettiva tal-objettiv tal-UE li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-linji politiċi u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni;

36.

Ikomplu d-djalogu mmirat biex itejjeb l-użu effettiv tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment (ESIF) għal investimenti fil-qasam tas-saħħa f’reġjuni eliġibbli tal-Istati Membri; u jagħmlu aktar sforzi biex jippromwovu l-użu tal-Istrumenti Finanzjarji tal-Unjoni, inkluż l-ESIF biex isir investiment fis-saħħa sabiex jinkisbu b’mod partikolari l-objettivi ta’ dawn il-konklużjonijiet.

37.

Jevalwaw l-informazzjoni eżistenti biex jivvalutaw ir-rwol li l-benefiċċji tal-kura tas-saħħa għandhom fit-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa u r-riskju li l-popolazzjoni tiftaqar;

38.

Jimmiraw biex jilħqu ftehim komuni dwar il-fatturi ta’ reżiljenza l-aktar effettivi, inklużi dawk proposti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni reċenti tagħha dwar sistemi tas-saħħa effettivi, aċċessibbli u reżiljenti, u jitolbu lill-Grupp ta’ Ħidma dwar is-Saħħa Pubblika f’Livell Għoli sabiex juri l-aħjar prassi dwar kif għandhom jiġu implimentati fis-sistemi tas-saħħa differenti;

39.

Isaħħu l-kooperazzjoni fl-oqsma li ġejjin maqbula fid-Direttiva dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali: kooperazzjoni transkonfinali fil-livell reġjonali, netwerks Ewropej ta’ referenza, Saħħa elettronika, u Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa (HTA);

40.

Filwaqt li jibnu fuq l-eżiti tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa tal-UE u b’attenzjoni partikolari għar-rakkomandazzjonijiet mill-Azzjoni Konġunta dwar l-ippjanar u t-tbassir tal-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa, biex jikkooperaw aktar fuq modi kif jissaħħu l-politiki marbuta mal-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa fl-Istati Membri biex jgħinuhom jiżguraw forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa sostenibbli bil-ħiliet meħtieġa sabiex jiggarantixxu l-aċċessibbiltà, is-sikurezza u l-kwalità tal-kura;

41.

Ikomplu jssaħħu l-effettività tas-sistemi tas-saħħa permezz tal-identifikazzjoni ta’ għodod u metodoloġiji għall-Valutazzjoni tal-Prestazzjoni tas-Sistemi tas-Saħħa (HSPA), l-iskambju tal-aħjar prassi u użu aħjar tad-data eżistenti bħall-istatistika tal-Eurostat u tal-OECD;

42.

Isaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni aħjar bejn il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (KPS) u l-Grupp ta’ Ħidma dwar is-Saħħa Pubblika f’Livell Għoli (WPPHSL) sabiex il-Ministeri tas-Saħħa jkunu jistgħu jikkontribwixxu b’mod attiv fil-qafas tas-Semestru Ewropew;

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:

43.

Tippromwovi l-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prassi fil-qasam tal-aċċessibbiltà b’kont meħud tal-komponenti differenti tiegħu u tappoġġa proġetti li jippromwovu u jiżviluppaw il-ġbir perjodiku ta’ informazzjoni u li jipproduċu evidenza xjentifika dwar l-aċċess ekwu għall-kura bil-għan li jiġu indirizzati l-problemi fil-kisba ta’ aċċess universali u ekwu;

44.

Tappoġġa, kif xieraq, l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar il-politiki relatati ma’ prodotti farmaċewtiċi u tagħmir mediku, b’attenzjoni partikolari mogħtija lis-swieq iż-żgħar;

45.

Tħeġġeġ il-kooperazzjoni sabiex titjieb il-komplementarjetà tas-servizzi tas-saħħa għal dawk li jgħixu qrib il-fruntieri tal-Istati Membri li jistgħu jeħtieġu aċċess għall-kura tas-saħħa transkonfinali;

46.

Tipprovdi informazzjoni dwar is-servizzi għall-kura tas-saħħa koperti mis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri, billi tuża l-informazzjoni pprovduta mill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali imwaqqfa skont id-Direttiva dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali.


(1)  ĠU C 146, 22.6.2006, p. 1.

(2)  Opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali/Kumitat tal-Politika Ekonomika dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Naħdmu flimkien, naħdmu aħjar: proposti għal qafas ġdid għall-koordinazzjoni miftuħa tal-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni” approvata mill-EPSCO fl-10 ta’ Marzu 2006.

(3)  http://www.euro.who.int/data/assets/pdf_file/0008/88613/E91438.pdf

(4)  dok. 9663/10.

(5)  Id-Direttiva 2011/24/UE, ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45

(6)  ĠU C 202, 8.7.2011, p. 10

(7)  ĠU C 376, 21.12.2013, p. 3

(8)  COM(2013) 83 final

(9)  COM(2013) 800

(10)  Eurofound (2013) Impacts of the crisis on access to healthcare services in the EU, Dublin.

(11)  http://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/show.do?dataset=hlth_silc_03&lang=en

(12)  COM(2014) 215


Top