Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XC1231(01)

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    ĠU C 468, 31.12.2014, p. 2–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.12.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 468/2


    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    (2014/C 468/02)

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew tal-Kunsill (1).

    APPLIKAZZJONI GĦAL EMEND

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

    APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 9

    “CHEVROTIN”

    Nru tal-KE: FR-PDO-0105-0970-23.2.2012

    IĠP ( ) DPO ( X )

    1.   Intestatura fl-Ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda

        Isem il-prodott

        Deskrizzjoni tal-prodott

        Żona ġeografika

        Prova tal-oriġini

        Metodu ta’ produzzjoni

        Rabta

        Tikkettar

        Rekwiżiti nazzjonali

        Oħrajn: ippakkjar

    2.   Tip ta’ emenda/i

        Emenda għad-Dokument Uniku jew għas-Sommarju

        Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DPO jew IĠP irreġistrata li għaliha jkun ġie rreġistrat l-ebda Dokument Uniku

        Emenda għall-Ispeċifikazzjoni li ma teħtieġ l-ebda emenda tad-Dokument Uniku ppubblikat (l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

        Emenda temporanja għall-Ispeċifikazzjoni li tirriżulta mill-impożizzjoni ta’ miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi (l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    3.   Emenda/i

    3.1.   Deskrizzjoni tal-prodott

    Id-deskrizzjoni tal-ġobon ippressat ġiet ippreċiżata biex tispjega aħjar il-karatteristiċi tal-prodott.

    Tnaqqas il-kontenut ta’ materja grassa fil-materja niexfa: 40 % flok 45 %. Dan it-tnaqqis sar minħabba l-varjazzjonijiet osservati fil-perċentwal ta’ materja grassa tal-ħalib skont il-kundizzjonijiet ta’ ragħa tal-mogħoż. Billi l-ħalib jintuża kuljum, il-kontenut tal-ġobon jaf ivarja b’mod konsiderevoli. Dan il-fattur ma kienx tqies sew fil-passat.

    3.2.   Żona ġeografika

    Parti mit-territorju tal-muniċipalità ta’ Annecy le Vieux tiddaħħal fiż-żona ġeografika ddefinita. Wara talba mingħand operatur biex tali parti mit-territorju tiġi inkluża fiż-żona, ġew applikati l-kriterji ta’ delimitazzjoni stabbiliti għad-definizzjoni inizjali taż-żona ġeografika. Il-kummissjoni ta’ esperti responsabbli għall-istudju tad-delimitazzjoni approvat l-inklużjoni ta’ tali parti mit-territorju tal-muniċipalità ta’ Annecy le Vieux.

    Id-deskrizzjoni tal-karatteristiċi taż-żona ġeografika nkitbet mill-ġdid u saret parti mill-kapitlu “Elementi li jiġġustifikaw ir-rabta maż-żona ġeografika”.

    3.3.   Prova tal-oriġini

    Ġew ippreċiżati l-obbligi tal-operaturi f’dak li jirrigwarda d-dikjarazzjonijiet. Dawn l-emendi huma marbuta mar-riforma tas-sistema ta’ kontroll tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini introdotta bid-Digriet Nru 2006-1547 tas-7 ta’ Diċembru 2006 dwar il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli, tal-foresti jew tal-ikel u l-prodotti tal-baħar. B’mod speċifiku, ġiet prevista l-identifikazzjoni tal-operaturi sabiex tiġi rikonoxxuta l-kapaċità tagħhom li jilħqu r-rekwiżiti tal-Ispeċifikazzjoni, kif talbu l-operaturi stess, u ġew previsti d-dikjarazzjonijiet meħtieġa għal tali rikonoxximent, kif ukoll is-segwitu tal-prodotti maħsubin għat-tqegħid fis-suq b’denominazzjoni ta’ oriġini, u d-dikjarazzjonijiet marbutin mal-għalf tal-annimali.

    Żdiedet dispożizzjoni dwar il-kontroll tal-prodotti biex tiġi vverifikata l-kwalità fi tmiem il-katina tal-produzzjoni.

    Ġie ppreċiżat li t-tikketta ta’ identifikazzjoni mwaħħla fuq il-ġobniet hija ta’ forma tonda.

    3.4.   Metodu ta’ produzzjoni

    Il-produzzjoni tal-ħalib

    Ġiet ippreċiżata d-definizzjoni tal-merħla skont it-test nazzjonali korrispondenti għall-Ispeċifikazzjoni preċedenti rreġistrata: “Għall-għanijiet ta’ din l-Ispeċifikazzjoni, ‘merħla’ għandha tinftiehem bħala grupp kollu tal-mogħoż, inklużi l-mogħoż li qed ireddgħu, il-mogħoż xotti, il-gidjien nisa u l-bdabad.”

    Ġie kkoreġut żball fit-traskrizzjoni tat-test nazzjonali, il-proporzjon ta’ 80 % tal-annimali li huma tar-razza Alpina, perċentwal li jirreferi għall-merħla u mhux biss għall-mogħoż femminili.

    Saret preċiżazzjoni fir-rigward tar-razza tal-mogħoż utilizzati. Fil-fatt, billi r-razza Alpina hija magħmula minn għadd ta’ fenotipi li jvarjaw mill-kamoxxa għal tas-suf iswed b’tikek bojod (“pie noir”) jew iswed għalkollox, l-emenda tippreċiża għall-operaturi l-fenotipi li jistgħu jintużaw. Fit-taħdit ta’ kuljum, dawk il-fenotipi differenti mill-kamoxxa jiġu identifikati bħala “Chèvres des Savoie” (mogħoż tas-Savoja).

    Biex jiġi ffaċilitat il-kontroll, il-kalkolu tal-limitu tal-produzzjoni medja għal kull mogħża tredda’ huwa ppreċiżat abbażi tat-test nazzjonali marbut mal-Ispeċifikazzjoni preċedenti rreġistrata.

    F’dak li jirrigwarda l-għalf

    Tfasslet lista tal-foraġġi awtorizzati u tal-materja prima u l-addittivi li jistgħu jintużaw fil-kompożizzjoni tal-għalf supplimentari, bil-għan li tiġi rregolata n-natura tal-għalf u jiġi ffaċilitat il-kontroll.

    B’mod partikulari, saret preċiżazzjoni fir-rigward tal-għalf li jaqa’ fil-kategorija tal-foraġġi, fejn żdiedu l-foraġġi deżidratati. B’hekk ġew iddefiniti aħjar it-tipi ta’ għalf mogħtija lill-mogħoż.

    Ġew ippreċiżati wkoll il-livelli massimi ta’ għalf supplimentari u ta’ foraġġi deżidratati, sabiex jiġi evitat li dawn jieħdu post il-ħaxix fl-alimentazzjoni tal-mogħoż. B’hekk il-livell ta’ għalf supplimentari għall-mogħoż ireddgħu ġie limitat għal 300 gramma għal kull litru ta’ ħalib prodott, filwaqt li l-livell ta’ foraġġi deżidratati ġie limitat għal 500 gramma għal kull litru ta’ ħalib prodott.

    Ġiet ippreċiżata l-possibbiltà li l-foraġġi deżidratati jkunu joriġinaw minn barra ż-żona ġeografika ddefinita, sabiex jiġi ffaċilitat il-kontroll tal-oriġini tat-totalità tal-għalf.

    Iddaħħlu xi dispożizzjonijiet li jipprojbixxu l-użu ta’ għalf ġenetikament immodifikat u t-tħawwil ta’ wċuħ tar-raba tranżġeniċi fil-mergħat, sabiex tinżamm ir-rabta mat-territorju.

    Biex jiġi ggarantit għalf ta’ kwalità għolja għall-mogħoż, ġie ppreċiżat li l-għalf kollu jinħażen f’kundizzjonijiet li jirrispettaw l-integrità tiegħu.

    Ġew ippreċiżati l-istandards għat-tifrix ta’ fertilizzanti fl-għelieqi maħsubin biex jipproduċu l-għalf tal-mogħoż, billi l-kontributi organiċi jistgħu jimmodifikaw il-kompożizzjoni tal-flora tal-mergħat; b’hekk tinżamm flora naturali ddiversifikata, u tibqa’ sħiħa r-rabta maż-żona ġeografika ddefinita.

    “L-uniċi fertilizzanti organiċi awtorizzati, li għandhom joriġinaw miż-żona tad-denominazzjoni ta’ oriġini tax-‘Chevrotin’, huma l-kompost, id-demel solidu u d-demel likwidu (ta’ oriġini agrikola), kif ukoll il-fertilizzanti organiċi ta’ oriġini mhux agrikola, bħall-ħama tad-dranaġġ (jew prodotti sekondarji ta’ dan) u l-iskart aħdar.

    Kull tifrix ta’ fertilizzant mhux organiku għandu jkun akkumpanjat mis-segwitu analitiku ta’ kull lott (trakk, ċisterna, eċċ.) biex jiġu kkontrollati l-livelli tal-mikrobi patoġeni, il-metalli tqal u l-komponenti ta’ traċċi organiċi indikati fir-regolamentazzjonii.

    It-tifrix ta’ fertilizzanti organiċi ta’ oriġini mhux agrikola huwa awtorizzat fir-raba’ tal-azjenda agrikola, iżda bi dfin immedjat, u skont ir-regolamenti fis-seħħ fir-rigward tal-limitazzjonijiet partikulari (dati, perimetri protetti, eċċ.), u tal-kwantitajiet, eċċ.”

    Produzzjoni

    Ġew ippreċiżati l-operati li għandhom isiru fl-azjenda agrikola (il-produttur tal-ħalib), u d-deskrizzjoni tmexxiet taħt il-punt “Produzzjoni” tal-kapitlu “Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni” fl-Ispeċifikazzjoni.

    Id-dispożizzjoni fir-rigward tal-kamra tal-produzzjoni tax-“Chevrotin” ġiet immodifikata biex tiċċara l-funzjonament tal-kmamar ta’ produzzjoni li jużaw, għall-produzzjoni ta’ prodotti oħra, il-ħalib ta’ speċijiet oħra ta’ annimali.

    Tħassret is-sentenza “Dan it-tkessiħ sempliċi tal-ħalib jiffavorixxi wkoll il-fermenti naturali u jevita l-iżvilupp ta’ flora psikotropika”, billi huwa punt ta’ informazzjoni mhux soġġett għal spezzjoni.

    Biex tiġi ffaċilitata l-ispezzjoni, ġie ppreċiżat li l-azjenda agrikola fejn il-ħalib kollu jew parti minnu huwa maħsub għall-produzzjoni tax-“Chevrotin”, għandha tirrispetta l-kundizzjonijiet tal-produzzjoni tal-ħalib iddefiniti fl-Ispeċifikazzjoni.

    Ġie kkoreġut żball preċedenti ta’ traskrizzjoni tat-test nazzjonali, abbażi tat-test nazzjonali korrispondenti għall-Ispeċifikazzjoni preċedenti rreġistrata:

    ġiet immodifikata l-firxa tat-temperaturi għaż-żieda tat-tames (minn 30 sa 38 °C flok minn 32 sa 36 °C fil-mument taż-żieda tat-tames, kif ukoll tul il-perjodu kollu ta’ koagulazzjoni).

    Ġiet indikata l-kompożizzjoni tal-fermenti lattiċi sabiex jiġi żgurat li l-kulturi magħżula ta’ fermenti lattiċi jirrispettaw il-flora speċifika u jippermettu l-ħruġ tal-karatteristiċi tipiċi tax-“Chevrotin”.

    Ġiet immodifikata d-definizzjoni tad-drapp għall-iffurmar tal-ġobniet. Dan id-drapp jista’ jkun tal-qoton, u mhux biss tal-kittien. Il-kliem inizjali, li jirreferi biss għall-kittien, ġie kkompletat, billi l-użu tal-qoton ukoll huwa mifrux ħafna f’dan it-tip ta’ proċedura.

    Maturazzjoni

    Il-materjal għall-maturazzjoni tal-ġobon m’għadux limitat sempliċement għall-pjanċi tal-abit. Fil-fatt, il-grupp ta’ produtturi osserva li jistgħu jintużaw materjali differenti mill-injam ladarba tkun intemmet il-fażi tat-tnixxif, li għandu jsir bilfors fil-pjanċi tal-abit. Huwa proprju matul din il-fażi li l-injam jiżvolġi r-rwol tiegħu ta’ regolatur tal-kontenut tal-ilma, kif ukoll ta’ bażi għall-flora ta’ maturazzjoni. Il-prattika wriet li tipi oħra ta’ bażi, ta’ użu iktar sempliċi, ma jaffettwawx il-karatteristiċi tal-ġobon meta jintużaw f’din il-fażi. L-esperimenti mwettqa minn operaturi differenti fuq sapports oħrajn (bħal trejs) juru li l-kwalità tibqa’ ma tinbidilx (l-ebda problema ta’ eċċess tal-ilma jew ta’ implantazzjoni ta’ flora). Dawn is-sapports iktar inerti jirriżultaw utli fil-ġestjoni tal-mikrobi mhux mixtieqa għall-kmamar ta’ maturazzjoni kollettivi, minħabba l-fatt li jitnaddfu faċilment.

    3.5.   Tikkettar

    Tħassar l-obbligu li jiġi inkluż fuq it-tikketta l-kliem “Denominazzjoni Protetta ta’ Oriġini”, u ġie ssostitwit bl-obbligu li jitpoġġa s-simbolu tal-Unjoni Ewropea li jindika d-denominazzjoni protetta ta’ oriġini, sabiex it-tikketta tkun tista’ tinqara faċilment u tinħoloq sinerġija fil-komunikazzjoni tal-prodotti rreġistrati bħala DPO. Il-kliem “Denominazzjoni Protetta ta’ Oriġini” jista’ jidher ukoll fuq it-tikketta.

    Tneħħa l-obbligu li jiġi inkluż il-logo tal-INAO, minħabba l-evoluzzjoni tar-regolamentazzjonii nazzjonali.

    3.6.   Rekwiżiti nazzjonali

    B’mod konformi mar-riforma nazzjonali tas-sistema ta’ kontroll tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini msemmija iktar ‘il fuq, ġiet miżjuda tabella li tippreżenta l-punti prinċipali li għandhom jiġu kkontrollati u l-metodu ta’ kif jiġu evalwati.

    3.7.   Modifiki oħra

    Ippakkjar

    Ma ġewx immodifikati l-modalitajiet tal-ippakkjar (ġobna sħiħa ppakkjata f’kontenitur individwali li jinkludi speċifikament sfond falz tal-abit). L-emenda tikkonċerna l-mument li fih jista’ jsir l-ippakkjar tal-ġobniet (mill-15-il ġurnata tal-maturazzjoni ‘l quddiem, u mhux “fi tmiem il-maturazzjoni” kif speċifikat fil-kapitolu 2 tal-Ispeċifikazzjoni rreġistrata).

    Din il-prattika tippermetti li tiġi ggarantita l-integrità tal-prodott fi tmiem il-maturazzjoni. Fil-fatt, l-influwenza tagħha fuq il-konsistenza tal-ġobon hija pożittiva, billi l-kontenitur jaġixxi ta’ “mini-kantina” u b’hekk jikkontribwixxi għall-ksib ta’ konsistenza iktar ratba, b’mod li l-ġobniet ma jitnixxfux filwaqt li tiġi ffaċilitata l-proteoliżi. Din il-prattika tippermetti wkoll li jiġu kkontrollati l-kxif ta’ difetti (eż. il-preżenza ta’ tbajja’ suwed li jistgħu jitfaċċaw fi tmiem il-maturazzjoni f’ġobniet imqiegħda bla għatu fuq pjanċa tal-injam jew trej) jew id-degradazzjoni tal-qoxra (xquq, deformazzjoni, eċċ.)

    DOKUMENT UNIK

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (3)

    “CHEVROTIN”

    Nru tal-KE: FR-PDO-0105-0970-23.2.2012

    IĠP ( ) DPO ( X )

    1.   Isem

    “Chevrotin”

    2.   Stat membru jew pajjiż terz

    Franza

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    3.1.   Tip ta’ prodott

    Klassi 1.3. Ġobnijiet

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

    Il-ġobon “Chevrotin” jiġi prodott esklussivament mill-ħalib tal-mogħża nej u sħiħ. Huwa ta’ forma ċilindrika, b’dijametru ta’ bejn 9 u 12 ċentimetru, b’għoli ta’ bejn 3 u 4,5 ċentimetru, u b’piż ta’ bejn 250 u 300 gramma.

    Huwa ġobon ippressat u mhux imsajjar, bil-qoxra maħsula u miksija, bis-sħiħ jew parzjalment wara l-maturazzjoni, b’moffa rqiqa bajda magħmula l-iktar mill-Geotrichum. Il-ġobon fih tal-anqas 40 gramma materja grassa għal kull 100 gramma wara t-tnixxif totali, u l-materja niexfa ma għandhiex tkun ta’ inqas minn 45 gramma għal kull 100 gramma ġobon.

    Ix-“Chevrotin” jiġi ppakkjat f’kontenitur individwali li jinkludi speċifikament sfond falz tal-abit maqtugħ.

    Ix-“Chevrotin” jiġi ppakkjat bħala ġobna sħiħa.

    Għandu konsistenza ratba u tindilek, u jista’ jkollu qalba iktar iebsa u fetħiet ċkejknin. Huwa ta’ kulur krema, u kemxejn mielaħ b’togħma tipikament kaprina.

    3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

    Il-ħalib użat għall-produzzjoni tax-“Chevrotin” ġej minn merħliet magħmula minn tal-anqas 80 % annimali tar-razza Alpina, inklużi l-annimali tal-popolazzjoni magħrufa bħala “Chèvres des Savoie” (mogħoż tas-Savoja), elenkati mill-Institut de l’élevage fil-qafas tal-programm tar-razez kaprini protetti.

    3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

    L-għalf abbażi ta’ foraġġi huwa ggarantit mill-ħaxix tal-mergħat u mill-ħuxlief.

    Dan l-għalf bil-foraġġi huwa msejjes, għal tal-anqas ħames xhur, fuq il-veġetazzjoni estratta mill-mergħatfejn jirgħu l-mogħoż fiż-żona ta’ produzzjoni.

    Il-bidwi jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu superfiċje minima ta’ 1 000 metru kwadru ta’ mergħa għal kull mogħża.

    Għall-għalf tal-merħla kollha, huma awtorizzati biss it-tipi ta’ għalf li ġejjin:

    l-uniku foraġġ oħxon awtorizzat huwa l-veġetazzjoni tal-mergħat u l-ħuxlief minn bwar naturali u bwar artifiċjali ta’ ħaxix u legumi, ippreżervat f’kundizzjoni tajba;

    il-foraġġi deżidratati: il-polpi tal-pitravi deżidratati u l-alfalfa deżidratata;

    il-materja prima li ġejja, użata fil-kompożizzjoni ta’ għalf supplimentari: iċ-ċereali kollha u d-derivati tagħhom, il-ġulepp bħala element li jgħaqqad, iż-żrieragħ sħaħ jew mitħuna tal-piżelli, tal-ful, tal-lupina u tas-sojja, il-ftajjar taż-żerriegħa tal-ġirasol, il-kopra, il-kittien, il-qalba tal-palm, il-kolza, is-sojja, il-qoton u l-patata, il-materja grassa ta’ oriġini veġetali, il-minerali kollha, il-makroelementi, ix-xorrox tal-azjenda ppreżervat f’kundizzjoni tajba biex jiġi evitat it-tniġġis mill-mikrobi patoġeniċi. L-uniċi addittivi awtorizzati huma l-oligoelementi u l-vitamini.

    L-għalf prodott fiż-żona jirrappreżenta tal-anqas 70 % mill-ikel totali magħmul mill-ħaxix tal-merħla, espress f’materja niexfa. Il-kontribut tal-għalf supplimentari għall-mogħoż li jreddgħu huwa limitat għal 300 gramma kull litru ta’ ħalib prodott.

    F’każ ta’ kontribut ta’ għalf deżidratat, il-kontribut tal-għalf supplimentari u ta’ ħaxix deżidratat huwa limitat għal 500 gramma kull litru ta’ ħalib prodott.

    Għall-għalf tal-annimali huma awtorizzati biss il-ħxejjex, il-prodotti sekondarji u l-għalf supplimentari minn prodotti mhux tranżġeniċi.

    Iż-żrigħ ta’ wċuħ tar-raba’ tranżġeniċi huwa pprojbit fiż-żoni kollha ta’ azjenda li tipproduċi l-ħalib għall-ipproċessar f’ġobon tad-denominazzjoni ta’ oriġini “Chevrotin”. Din il-projbizzjoni tinkludi kull speċi ta’ veġetazzjoni li x’aktarx tista’ tingħata bħala għalf lill-annimali tal-azjenda, u kull kultivazzjoni li x’aktarx tista’ tikkontaminahom. Il-livell massimu ttollerat huwa konformi mar-regolamenti fis-seħħ, u jgħodd għal kull komponent tal-għalf.

    3.5.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

    Il-produzzjoni tal-ħalib, il-produzzjoni u l-maturazzjoni tal-ġobniet isiru fiż-żona ġeografika ddefinita.

    3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

    Sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-ġobon u sabiex jiġu ppreżervati l-kwalitajiet essenzjali tiegħu f’dak li għandu x’jaqsam mal-qoxra, il-konsistenza tal-ġobon ippressat u l-intensità tar-riħa, ix-“Chevrotin” jiġi ppakkjat bħala ġobna sħiħa. Dan l-ippakkjar f’kontenitur adattat jinkludi sfond falz tal-injam tal-abit fuq tal-anqas wiċċ wieħed tal-ġobna. L-ippakkjar isir fiż-żona ġeografika ddefinita.

    3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

    Kull ġobon bid-denominazzjoni ta’ oriġini “Chevrotin” jitqiegħed fis-suq b’tikketta individwali li turi isem id-denominazzjoni ta’ oriġini.

    Isem id-denominazzjoni ta’ oriġini jinkiteb f’ittri b’daqs ta’ mill-inqas 120 % tad-daqs ta’ kull test ieħor li jidher fuq it-tikketta.

    Boll tal-kaseina, tond u trasparenti juri isem id-denominazzjoni ta’ oriġini u n-numru ta’ identifikazzjoni tal-produttur. Dan il-boll jinhemeż fuq wiċċ il-ġobon fil-fażi tal-produzzjoni.

    It-tikketta għandha tinkludi s-simbolu DPO tal-Unjoni Ewropea. Tista’ tinkludi wkoll il-frażi “appellation d’origine protégée” (denominazzjoni protetta ta’ oriġini).

    4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

    Id-Département ta’ Haute-Savoie

    Il-muniċipalitajiet sħaħ li jinsabu fiż-żona:

    Abondance, Alex, Allèves, Arâches, Aviernoz, Bellevaux, Bernex, Boëge, Bogève, Bluffy, Bonnevaux, Brizon, Burdignin, Chamonix-Mont-Blanc, Châtel, Chevenoz, Chevaline, Combloux, Cons-Sainte-Colombe, Cordon, Demi-Quartier, Dingy-Saint-Clair, Domancy, Doussard, Entremont, Entrevernes, Essert-Romand, Faverges, Giez, Habère-Lullin, Habère-Poche, La Balme-de-Thuy, La Baume, La Chapelle-d’Abondance, La Chapelle-Saint-Maurice, La Clusaz, La Côte-d’Arbroz, La Forclaz, La Rivière-Enverse, La Tour, La Vernaz, Lathuile, Le Biot, Le Bouchet, Le Grand-Bornand, Le Petit-Bornand-les-Glières, Le Reposoir, Les Clefs, Les Contamines-Montjoie, Les Gets, Les Houches, Les Villards-sur-Thônes, Leschaux, Lullin, Magland, Manigod, Marlens, Megève, Mégevette, Mieussy, Montmin, Montriond, Mont-Saxonnex, Morillon, Morzine, Nancy-sur-Cluses, Nâves-Parmelan, Novel, Onnion, Passy, Praz-sur-Arly, Reyvroz, Sallanches, Samoëns, Saxel, Serraval, Servoz, Seythenex, Seytroux, Sixt-Fer-à-Cheval, Saint-André-de-Boëge, Saint-Eustache, Saint-Ferréol, Saint-Gervais-les-Bains, Saint-Jean-d’Aulps, Saint-Jean-de-Sixt, Saint-Jean-de-Tholomé, Saint-Jeoire, Saint-Laurent, Saint-Sigismond, Saint-Sixt, Talloires, Taninges, Thollon-les-Mémises, Thônes, Thorens-Glières, Vacheresse, Vailly, Vallorcine, Verchaix, Villard-sur-Boëge, Villaz, Ville-en-Sallaz, Viuz-en-Sallaz.

    Parti mill-muniċipalitajiet li jinsabu fiż-żona:

    Annecy-le-Vieux, Ayze, Duingt, Gruffy, La Roche-sur-Foron, Lugrin, Marignier, Marnaz, Perrignier, Scionzier, Saint-Jorioz, Viuz-la-Chiésaz.

    Id-Département ta’ Savoie

    Il-muniċipalitajiet sħaħ li jinsabu fiż-żona:

    Aillon-le-Jeune, Aillon-le-Vieux, Allondaz, Arith, Bellecombe-en-Bauges, Cléry, Cohennoz, Crest-Volland, Doucy-en-Bauges, Ecole-en-Bauges, Flumet, Jarsy, La Compôte, La Giettaz, La Motte-en-Bauges, La Thuile, Le Châtelard, Le Noyer, Les Déserts, Lescheraines, Notre-Dame-de-Bellecombe, Puygros, Saint-François-de-Sales, Saint-Nicolas-la-Chapelle, Sainte-Reine, Thoiry, Ugine.

    Parti mill-muniċipalitajiet li jinsabu fiż-żona:

    Hauteluce, Le Montcel, Marthod, Mercury, Montailleur, Plancherine, Saint-Jean-d’Arvey, Saint-Jean-de-la-Porte, Saint-Offenge-Dessus, Thénésol, Verrens-Arvey, Villard-sur-Doron.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika

    5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

    Fatturi naturali

    It-territorju taż-żona ġeografika jkopri l-parti muntanjuża tad-département ta’ Haute-Savoie, magħmula mit-tliet ktajjen tal-muntanji Chablais, Mont Blanc u Aravis, kif ukoll il-katina ta’ Bauges fid-département ta’ Savoie. Dan it-territorju huwa kkaratterizzat minn:

    klima kiesħa u umda (b’xita annwali ta’ aktar minn 1 200 millimetru, u b’xita sajfija ta’ aktar minn 60 millimetru);

    livell ta’ altitudni muntanjuż fiż-żona kollha;

    il-preżenza tal-kalċju iebes fil-pajsaġġ, li jirriżultaw f’ħamrija kalkarija fil-mergħat;

    veġetazzjoni ta’ mergħa ddominata minn speċijiet adattati għall-karatteristiċi ta’ din l-laltitudni muntanjuża.

    Iż-żona ġeografika tad-denominazzjoni hija partikolari minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi selettivi tagħha u minħabba d-diversità tal-bijotopi. B’hekk il-flora u l-veġetazzjoni huma oriġinali u diversifikati.

    L-oriġinalità tal-flora hija kkaratterizzata minn proporzjon għoli (f’livell baxx ta’ altitudni, qabel is-saff muntanjuż) u mbagħad mill-prezenza dominanti (mill-1 500 m ‘il fuq) ta’ speċijiet partikolari (fost il-ħxejjex l-iktar frekwenti ta’ mergħa: il-Poa alpina u l-Festuca violacea), jew ta’ ġeneri u familji ftit li xejn rappreżentati fil-bwar ġirien (eż. il-Gentianaceae).

    Il-mergħat tal-muntanji li jinsabu fiż-żona ta’ produzzjoni tax-“Chevrotin” huma kkaratterizzati, f’dak li għandu x’jaqsam mal-veġetazzjoni florali, mill-iskarsezza ta’ ċerti ħxejjex dominanti fil-bwar f’kundizzjonijiet intensivi, speċifikament il-Lolium perenne (minħabba l-altitudni) u mit-tixrid korrispondenti ta’ ċerti dikotiledoni speċifiċi, fosthom il-Geranium silvaticum u l-Chaerophyllium hirsutum.

    L-ikbar diversità tista’ tiġi osservata fil-mergħat għoljin, speċifikament minħabba l-kuntrasti fil-kopertura tal-art. Minn dejl għall-ieħor tal-istess muntanja, il-ħamrija tvarja skont kemm iddum il-borra, skont il-blat ewlieni lokali, skont in-nixxigħat u skont il-gradjent tal-blat.

    B’konsegwenza ta’ dan, spiss il-merħliet isibu fl-istess roqgħa ta’ mergħa, firxa sħiħa ta’ tipi u gruppi ta’ veġetazzjoni, minn dawk alkalini sa dawk aċidużi, u minn dawk li jgħixu bi ftit ilma sa dawk friski.

    Fatturi umani

    Il-klima flimkien mal-ambjent ġeoloġiku jagħtu lil din iż-żona potenzjal kbir għall-għalf, fenomenu li sawwar l-ekonomija reġjonali, imsejsa essenzjalment fuq sistemi agrikoli ddedikati għall-isfruttament tal-ħaxix, għat-trobbija u fuq kollox għall-produzzjoni tal-ħalib.

    Tul is-sekli, il-bniedem ħoloq sistema agropastorali msejsa fuq perjodu ta’ ragħa ta’ mill-inqas 5 xhur, b’parti minn dak il-perjodu ssir fil-għoli, u fuq perjodu xitwi fejn l-annimali jingħalfu l-aktar bil-ħuxlief.

    Dan l-ambjent muntanjuż huwa l-post ippreferut tar-razza Alpina, partikularment il-popolazzjoni magħrufa bħala “chèvres des Savoie” li, bis-saħħa tal-karattru rustiku tagħhom u l-kwalitajiet tagħhom għall-ħlib, huma adattati tajjeb għall-ambjent diffiċli ta’ din iż-żona u għall-ipproċessar tal- tal-ġobon.

    F’dan il-kuntest, it-trobbija tal-mogħoż ilha żmien twil dħul importanti għall-familji tar-reġjun, flimkien mat-trobbija tal-baqar. Il-prodotti li kienu jsiru mill-mogħoż (il-ħalib, il-ġobon, il-laħam) kienu jkunu ddestinati għall-konsum fil-familja.

    Sa mis-seklu 18, ċerti dokumenti jsemmu l-eżistenza fir-reġjun tal-ġobon misjub bħala “Chevrotin”.

    Ix-xhud l-iktar rilevanti jibqgħu l-kuntratti ta’ qbiela li skonthom il-bidwi (jew “alpagiste”) spiss kellu jħallas kera fil-forma ta’ ġobniet, fosthom partikularment ix-“Chevrotin”.

    L-għarfien prattiku tal-produzzjoni tal-ġobon intiret minn ġenerazzjoni għall-oħra: l-użu ta’ ħalib sħun minnufih wara t-taħlib, jew wara stennija massima ta’ 14-il siegħa u b’temperatura minima ta’ 10 °C, ftit tisħin mill-ġdid fir-reċipjent, maturazzjoni preliminari u ħasil).

    5.2.   Speċifiċità tal-prodott

    Fil-familja tal-ġobnijiet tal-mogħża, ix-“Chevrotin” juri bħala karatteristika partikolari l-fatt li huwa r-riżultat ta’ teknoloġija ta’ koagulazzjoni rapida u bil-qoxra maħsula.

    Ix-“Chevrotin” huwa ġobon ippressat u mhux imsajjar, bil-qoxra maħsula, prodott mill-ħalib tal-mogħża sħiħ u nej, permezz ta’ proċess esklussivament artiġjan.

    Il-qoxra tax-“Chevrotin” hija rqiqa ħafna, kemxejn roża, u miksija kollha kemm hi jew parzjalment b’moffa bajda fina. Għandu konsistenza ratba u tindilek, u jista’ jkollu qalba iktar iebsa u fetħiet ċkejknin. Huwa ta’ kulur krema, u kemxejn mielaħ b’togħma tipikaament kaprina.

    5.3.   Rabta każwali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għal IĠP)

    Iż-żona ġeografika tinsab fil-medda kalkarja ta’ qabel fl-Alpi tat-tramuntana, u tirċievi preċipitazzjoni abbondanti minħabba li hi direttament esposta għall-irjieħ tal-punent. Din l-umdità, flimkien ma’ altitudni relattivament moderata, tiffavorixxi l-iżvilupp ta’ mergħat u ta’ boskijiet.

    Il-metodi tat-trobbija tal-merħliet kaprini, maħsuba għall-isfruttament estensiv tar-riżorsi naturali, jiffavorixxu d-diversità tal-flora alpina, u din id-diversità ssib l-espressjoni tagħha fil-karatteristiċi aromatiċi tal-ġobon.

    Il-qrubija taż-żewġ tipi ta’ trobbija (tal-baqar u tal-mogħoż) fiż-żona ġeografika forsi tispjega l-fatt li t-teknoloġija użata għall-produzzjoni tax-“Chevrotin” hija simili għal dik użata għall-produzzjoni tal-ġobnijiet mill-ħalib tal-baqra tar-reġjun.

    Il-produzzjoni tal-ġobon “Chevrotin”, li ssir esklussivament b’mod artiġjanali, mill-ħalib nej u mingħajr l-ebda modifika qabel iż-żieda tat-tames, tippermetti l-preżervazzjoni tal-flora indiġena tal-ħalib, speċifikament il-flora lattika u l-flora tal-wiċċ.

    L-għarfien espert ta’ kull produttur f’kull fażi ewlenija tal-produzzjoni (produzzjoni mill-ħalib sħun minnufih wara t-taħlib, jew wara stennija massima ta’ 14-il siegħa u b’temperatura minima ta’ 10 °C, ftit tisħin mill-ġdid fir-reċipjent, maturazzjoni preliminari u ħasil), jikkontribwixxi biex jinħarġu l-karatteristiċi fiżikokimiċi tal-ħalib (bilanċ minerali, preżervazzjoni tal-materja grassa) kif ukoll tal-flora lattika preżenti fil-ħalib.

    Il-mikroflora, u b’mod partikulari l-Geotrichum candidum, tagħti lix-“Chevrotin” mhux biss id-dehra speċifika tiegħu, iżda wkoll il-konsistenza tal-ġobon ippressat. Għaldaqstant, il-mikroflora għandha influwenza qawwija fil-kwalità tal-ġobon, kemm fejn tidħol id-dehra esterna tiegħu u kemm għall-konsistenza tiegħu (ratba u li tista’ tindilek), kif ukoll għat-togħma tiegħu. Hija l-unika flora permanenti fuq wiċċ ix-“Chevrotin”, u hija responsabbli għall-moffa (“fleur”) bajda rqiqa li tikkaratterizzah. Il-piż ħafif u d-daqs żgħir tal-ġobon jissarrfu f’maturazzjoni qasira u f’qoxra rqiqa.

    Ġenerazzjoni wara l-oħra, il-produtturi għarfu jagħżlu, kultant b’mod empiriku, mikroflora speċifika adattata kemm għall-kundizzjonijiet mikroklimatiċi tal-ambjent naturali u kemm għat-teknoloġija tal-produzzjoni tal-ġobon.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni

    (L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (4))

    https://www.inao.gouv.fr/fichier/CDCChevrotin.pdf


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

    (2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (3)  Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (4)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 3.


    Top