This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014XC1204(03)
Notice of initiation of an anti-dumping proceeding concerning imports of tartaric acid originating in the People’s Republic of China, limited to one Chinese exporting producer, Hangzhou Bioking Biochemical Engineering Co. Ltd
Notifika tat-tnedija ta’ proċediment antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, limitat għal produttur esportatur Ċiniż wieħed, Hangzhou Bioking Biochemical Engineering Co. Ltd
Notifika tat-tnedija ta’ proċediment antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, limitat għal produttur esportatur Ċiniż wieħed, Hangzhou Bioking Biochemical Engineering Co. Ltd
ĠU C 434, 4.12.2014, p. 9–15
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
4.12.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 434/9 |
Notifika tat-tnedija ta’ proċediment antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, limitat għal produttur esportatur Ċiniż wieħed, Hangzhou Bioking Biochemical Engineering Co. Ltd
(2014/C 434/07)
Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet tal-aċidu tartariku, li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u prodott minn Hangzhou Bioking Biochemical Engineering Co., Ltd. (“Hangzhou Bioking” jew “il-produttur esportatur ikkonċernat”) huma l-oġġett ta’ dumping u għalhekk qegħdin joħolqu ħsara materjali għall-industrija tal-Unjoni.
1. Ilment
L-ilment tressaq fil-21 ta’ Ottubru 2014 minn Distillerie Bonollo S.r.l., Caviro Distillerie S.r.l., Industria Chimica Valenzana S.p.a. u Distilleries Mazzari S.p.a. (“l-ilmentaturi”), li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali ta’ aċidu tartariku fl-Unjoni.
2. Il-prodott investigat
Il-prodott suġġett ta’ din l-investigazzjoni huwa l-aċidu tartariku, eskluż l-aċidu tartariku D-(-)- b’rotazzjoni ottika negattiva ta’ mill-anqas 12,0 gradi, imkejjel f’soluzzjoni ta’ ilma skont il-metodu deskritt fil-Farmakopea Ewropea (“il-prodott li qed jiġi investigat”).
3. L-allegazzjoni ta’ dumping
Il-prodott li allegatament qed ikun oġġett ta’ dumping huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”), u prodott minn Hangzhou Bioking u li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 2918 12 00. Dan il-kodiċi NM qed jingħata biss għall-informazzjoni.
L-ilmenti stabbilixxew valur normali għall-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku abbażi tal-prezz f’pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq, jiġifieri l-Arġentina. L-allegazzjoni ta’ dumping hija bbażata fuq tqabbil tal-valur normali stabbilit b’dan il-mod mal-prezzijiet ta’ esportazzjoni (fil-livell ta’ prezz tal-esportazzjoni) tal-prodott li qed jiġi investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Fuq din il-bażi, il-marġni ta’ dumping li ġie kkalkulat huwa sinifikanti.
4. L-allegazzjoni tal-ħsara u l-kawżalità
L-ilmentaturi pprovdew evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat u prodott mill-produttur esportatur ikkonċernat żdiedu b’mod ġenerali f’termini assoluti u f’termini tas-sehem tas-suq.
L-ilmentaturi pprovdew evidenza prima facie li turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa u fuq is-sehem fis-suq miżmum mill-industrija tal-Unjoni, li rriżultaw f’effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali u l-qagħda finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.
5. Proċedura
Wara li ddeterminat, b’konsultazzjoni mal-Istati Membri, li l-ilment tressaq mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ proċediment, il-Kummissjoni b’dan qiegħda tagħti bidu għal investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.
L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott li qiegħed jiġi investigat li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat u li hu prodott mill-produttur esportatur ikkonċernat hux qiegħed ikun oġġett ta’ dumping u jekk dawn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping ikkawżawx jew ikkontribwewx għall-ħsara lill-industrija tal-Unjoni. Jekk il-konklużjonijiet ikunu affermattivi, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.
5.1. Il-proċedura għad-determinazzjoni tad-dumping
Il-produttur esportatur (2) ikkonċernat huwa mistieden jipparteċipa fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
5.1.1. L-investigazzjoni tal-produttur esportatur ikkonċernat
Biex tikseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarjużi lill-produttur esportatur ikkonċernat u lill-awtoritajiet tar-Repubblika Poplari taċ-Ċina.
5.1.1.1.
Soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5.1.1.2 hawn taħt, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-valur normali se jkun stabbilit fuq il-bażi tal-prezz jew il-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq. Għal dan il-għan il-Kummissjoni se tagħżel pajjiż terz b’ekonomija tas-suq adattat. Il-Kummissjoni għażlet provviżorjament l-Arġentina minħabba li din kienet intgħażlet f’investigazzjonijiet preċedenti dwar l-istess prodott u l-istess pajjiż. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkummentaw dwar kemm hi xierqa din l-għażla fi żmien 10 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Skont l-informazzjoni disponibbli lill-Kummissjoni, fornituri oħrajn tal-Unjoni b’ekonomija tas-suq huma, inter alia, l-Awstralja, il-Brażil u ċ-Ċili. Bil-għan li finalment tagħżel pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni se teżamina jekk hemmx produzzjoni u bejgħ tal-prodott investigat f’dawk il-pajjiżi terzi b’ekonomija tas-suq li hemm indikazzjonijiet dwarhom li l-produzzjoni tal-prodott investigat qed isseħħ.
5.1.1.2.
B’konformità mal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, jekk l-esportatur produttur ikkonċernat iqis li fir-rigward tal-manifattura jew il-bejgħ tal-prodott li qiegħed jiġi investigat, għalih jgħoddu l-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq, dan jista’ jressaq talba sostanzjata kif xieraq għal dan l-għan (“talba għal TES”). It-TES jingħata jekk il-valutazzjoni tat-talba għal TES turi li l-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament (3) bażiku jkunu ssodisfati. Il-marġni ta’ dumping tal-produttur esportatur ikkonċernat, jekk se jiġi kkalkulat it-TES li ngħata, safejn hu possibbli u bla ħsara għall-użu ta’ fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, billi jintuża l-valur normali u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni tagħhom stess skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku.
Il-Kummissjoni se tibgħat formola tat-talba għal TES lill-produttur esportatur ikkonċernat kif ukoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Fil-każ li l-produttur esportatur ikkonċernat jiddeċiedi li jitlolb għal TES, għandu jressaq il-formola għat-talba għal TES fi żmien 21-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
5.1.2. L-investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati (4) (5)
L-importaturi mhux relatati tal-prodott li qed jiġi investigat, esportat mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina lejn l-Unjoni, prodott mill-produttur esportatur ikkonċernat, huma mistiedna jieħdu sehem f’din l-investigazzjoni.
Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ importaturi li mhumiex relatati, li huma involuti f’dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-importaturi li mhumiex investigati u li jridu jiġu investigati, għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “il-kampjunar”). Il-kampjunar se jsir b’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b’dan jintalbu li jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/kumpaniji tagħhom, kif mitlub fl-Anness II ta’ din in-Notifika.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.
Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li qed jiġi rieżaminat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien għad-dispożizzjoni. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet ta’ importaturi kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula għall-kampjun.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hi meħtieġa fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
5.2. Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-ħsara u l-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni
Id-determinazzjoni tal-ħsara tissejjes fuq evidenza pożittiva u tinvolvi eżaminazzjoni oġġettiva tal-volum tal-importazzjonijiet li jkunu oġġett ta’ dumping, l-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u konsegwentement l-impatt ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex tiġi stabbilita l-qagħda tal-industrija tal-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “il-kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Il-Kummissjoni għażlet provviżorjament kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl li huwa għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (sabiex jagħmlu dan jeħtiġilhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni bid-dettalji tal-kuntatt mogħtija fit-taqsima 5.6 hawn taħt). Produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn għandhom jiġu inklużi fil-kampjun, għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-produtturi tal-Unjoni u/jew l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar liema kumpaniji jkunu finalment intgħażlu biex jiġu inklużi fil-kampjun.
Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
5.3. Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni
Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping u ta’ ħsara kkawżata minnu, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri tal-antidumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur iridu juru, fil-limitu tal-istess skadenza, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.
Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom qabel il-limitu ta’ żmien ta’ hawn fuq jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata jew f’format ħieles inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. F’kull każ, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 21 se titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali.
5.4. Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub
Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna biex juru fehmiethom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
5.5. Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni
Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għaliex tkun qiegħda ssir. Għas-seduti dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni t-talba għandha tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikażzzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, sabiex tinstema’ t-talba trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.
5.6. Istruzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza.
L-informazzjoni sottomessa lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ huma ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jissottomettu lill-Kummissjoni l-informazzjoni u/jew id-dejta li hija soġġetta għad-drittijiet tal-awtur ta’ partijiet terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu (a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-dejta għall-iskop ta’ dan il-proċediment ta’ difiża ta’ kummerċ u (b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-dejta lill-partijiet interessati għal din l-investigazzjoni f’forma li tippermettilhom li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.
Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali jkunu mmarkati bħala “Ristretti” (6).
Il-partijiet interessati li jagħtu informazzjoni “Ristretta” huma mitluba jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali tiegħu skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li se jkunu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tippreżenta informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u tal-kwalità mitluba, din l-informazzjoni tista’ tiġi injorata.
Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz tal-posta elettronika inklużi dokumenti ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni skennjati, bl-eċċezzjoni ta ’ tweġibiet voluminużi li jiġu ppreżentati fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz ta’ ittra rreġistrata. Permezz ta’ ittra elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” ippubblikat fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz tal-posta elettronika validu u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tan-negozju uffiċjali li jaħdem u li jiġi kkonsultat kuljum. Ladarba d-dettalji ta’ kuntatt ikunu stabbiliti, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, sakemm ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma jkunx jeħtieġ l-użu ta’ posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.
L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:
European Commission |
Directorate-General for Trade |
Directorate H |
Uffiċċju: CHAR 04/039 |
1040 Bruxelles/Brussel |
BELGIQUE/BELGIË |
Posta elettronika |
: |
TRADE-AD614-TARTARIC-DUMPING@ec.europa.eu TRADE-AD614-TARTARIC-INJURY@ec.europa.eu |
6. In-nuqqas ta’ kooperazzjoni
F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fil-limiti ta’ żmien stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet, sew jekk pożittivi sew jekk negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.
Jekk jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata, u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.
Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss, u r-riżultati huma għalhekk imsejsa fuq fatti disponibbli konformi mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.
Nuqqas li tingħata risposta komputerizzata m’għandhiex titqies li tikkostitwixxi non-koperazzjoni, sakemm dik il-parti nteressata turi li meta tagħti r-risposta kif mitlub dan jirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew spiża addizzjonali mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tagħmel kuntatt mal-Kummissjoni immedjatament.
7. L-Uffiċjal tas-Seduta
Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċeduri kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jaġixxi bħala medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu kompletament.
It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet tat-talba. Għas-seduti dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni t-talba għandha tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikażzzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limiti ta’ żmien speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.
L-Uffiċjal tas-Seduta se jipprovdi wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost affarijiet oħra, id-dumping, il-ħsara, ir-rabta ta’ kawżalità u l-interess tal-Unjoni. Seduta bħal din, bħala regola, issir mhux aktar tard minn tmiem ir-raba’ ġimgħa wara d-divulgazzjoni tal-konklużjonijiet.
Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni elettroniċi tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit elettroniku tad-DĠ Kummerċ:
http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/#_hearing-officer
8. Skeda tal-investigazzjoni
L-investigazzjoni se tintemm, skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. B’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri provviżorji jistgħu jiġu imposti mhux aktar tard minn disa’ xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
9. Trattament tad-dejta personali:
Kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ din id-dejta (7).
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.
(2) Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, jew direttament inkella permezz ta’ parti terza, inkluża kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat.
(3) Il-produtturi esportaturi għandhom juru b’mod partikolari li: (i) id-deċiżjonijiet u l-ispejjeż tan-negozju jsiru b’reazzjoni għall-kundizzjonijiet tas-suq u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat; (ii) l-intrapriża/i għandha/hom sett ċar ta’ rekords ta’ kontabilità bażika li jiġu awditjati b’mod indipendenti skont standards internazzjonali ta’ kontabilità, u li dawn jiġu applikati gћall-gћanijiet kollha; (iii) ma hemm l-ebda distorsjoni sinifikanti li ntirtet mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq; (iv) il-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà jiggarantixxu ċ-ċertezza u l-istabbiltà ġuridika u (v) il-konverżjonijiet tar-rati tal-kambju jsiru skont ir-rati tas-suq.
(4) Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produttur esportatur. L-importaturi li huma relatati mal-produttur esportatur iridu jimlew il-kwestjonarju fl-Anness għal dan il-produttur esportatur. B’konformità mal-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni jitqiesu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozji ta’ xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala soċji fin-negozju; (c) ikunu min jimpjega u impjegat; (d) kull persuna li direttament jew indirettament hija s-sid, tikkontrolla jew ikollha fil-pussess tagħha 5 % jew aktar tal-istokk jew ishma maħruġa bid-dritt tal-vot tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom, direttament jew indirettament, tikkontrolla lill-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien, direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna; jew (h) huma membri tal-istess familja. Persuni jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja fil-każ biss li jkollhom waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk ulied tal-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur u wlied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.
(5) Id-dejta mogħtija minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll biex jiġu eżaminati aspetti ta’ din l-investigazzjoni, apparti d-determinazzjoni tad-dumping.
(6) Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Antidumping). Dan huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
ANNESS