Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XC1115(01)

    Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 8 ta’ Mejju 2014 li tiddikkjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u t-tħaddim tal-Ftehim ŻEE (Każ M.6905 — INEOS/Solvay/JV) (notifikata bin-numru tad-dokument C(2014) 2984 finali) Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU C 407, 15.11.2014, p. 8–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.11.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 407/8


    SOMMARJU TAD-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-8 ta’ Mejju 2014

    li tiddikkjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u t-tħaddim tal-Ftehim ŻEE

    (Każ M.6905 — INEOS/Solvay/JV)

    (notifikata bin-numru tad-dokument C(2014) 2984 finali)

    (il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    2014/C 407/06

    Fit-8 ta’ Mejju 2014 il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f’każ ta’ fużjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi  (1) , u partikolarment l-Artikolu 8(2) ta’ dak ir-Regolament. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni sħiħa, li tista’ tkun verżjoni provviżorja, tista’ tinstab fil-lingwa awtentika tal-każ fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/comm/competition/index_en.html

    I.   INTRODUZZJONI

    1.

    Fis-16 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea (il-“Kummissjoni”) rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”) (2) li permezz tagħha INEOS AG (“INEOS”, l-Isvizzera) u Solvay SA (“Solvay”, il-Belġju), konġuntement imsejħa “l-Partijiet Notifikanti”, jakkwistaw fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) u 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet kontroll konġunt ta’ impriża konġunta stabbilita riċentement permezz ta’ trasferiment ta’ assi (3).

    II.   IL-PARTIJIET U L-OPERAZZJONI

    2.

    INEOS hija l-kumpanija prinċipali ta’ grupp ta’ kumpaniji li huma attivi fil-manifattura ta’ petrokimiċi, kimiċi speċjali u prodotti miż-żejt. Is-sussidjarja tagħha, INEOS ChlorVinyls, hija produttur Ewropew ta’ prodotti tal-klor-alkali u fornitur ta’ klorur tal-polivinil (“PVC”).

    3.

    Solvay hi l-kumpanija prinċipali ta’ grupp ta’ kumpaniji li huma attivi internazzjonalment fir-riċerka, l-iżvilupp, il-produzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ ta’ kimiċi u plastik. SolVin hi fornitur Ewropew ta’ raża tal-PVC, ikkontrollata minn Solvay b’75 % (nieqes sehem wieħed), filwaqt li l-25 % l-oħra (u sehem wieħed) huma kkontrollati minn BASF. Minn hawn ‘il quddiem, it-termini Solvay u SolVin huma użati biex jidentifikaw l-istess entità ta’ grupp.

    4.

    Fis-6 ta’ Mejju 2013, il-Partijiet Notifikanti ffirmaw Ittra ta’ Intenzjoni (“LoI”) bil-ħsieb li jinġabru flimkien l-attivitajiet Ewropej tal-chlorvinyls tagħhom u negozji relatati f’impriża konġunta, fejn kull waħda minnhom se jkollha sehem ta’ 50 % tal-ishma (it-“Tranżazzjoni”). Il-LoI jipprovdi mekkaniżmi ta’ ċessjoni li bihom INEOS takkwista l-interess ta’ 50 % li għandha Solvay fl-impriża konġunta: l-arranġamenti ta’ ċessjoni jkunu jridu jitħaddmu f’bejn tliet u sitt snin minn meta tiġi ffurmata l-impriża konġunta, meta mbagħad INEOS ssir is-sid uniku tan-negozju. Fi kwalunkwe każ, wara s-sitt anniversarju tal-impriża konġunta, INEOS se ssir is-sid uniku tal-impriża konġunta. It-Tranżazzjoni kienet imħabbra pubblikament fis-7 ta’ Mejju 2013.

    5.

    Il-Kummissjoni tqis li, skont it-termini tal-LoI, it-Tranżazzjoni tikkostitwixxi konċentrazzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u dan ikun ifisser impriża konġunta totalment funzjonali fit-tifsira tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

    III.   ID-DIMENSJONI TAL-UE

    6.

    L-impriżi kkonċernati flimkien kellhom fatturat dinji aggregat ta’ iktar minn EUR 5 000 miljun fl-2011. Kull wieħed minnhom għandu fatturat fl-UE ta’aktar minn EUR 250 miljun u ma jilħqux aktar minn żewġ terzi tal-fatturat aggregat tagħhom fl-UE kollha fi Stat Membru wieħed biss. It-tranżazzjoni għalhekk għandha dimensjoni tal-UE.

    IV.   IL-PROĊEDURA

    7.

    Abbażi tal-eżitu tal-investigazzjoni tas-suq fl-ewwel fażi, il-Kummissjoni qajjmet dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tat-Tranżazzjoni mas-suq intern u fil-5 ta’ Novembru 2013 adottat deċiżjoni biex tibda proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Il-Partijiet Notifikanti ssottomettew il-kummenti tagħhom bil-miktub dwar id-deċiżjoni tal-Artikolu 6(1)(c) fit-22 ta’ Novembru 2013.

    8.

    Fit-18 ta’ Novembru 2013, fuq talba tal-Partijiet Notifikanti, il-limitu ta’ żmien għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali f’dan il-każ kienet estiża b’10 ijiem ta’ xogħol.

    9.

    Fil-21 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (“DO”). Sussegwentement ingħata aċċess għall-fajl. Il-Partijiet Notifikanti wieġbu għad-DO fil-5 ta’ Frar 2014.

    10.

    Intbagħtet Ittra tal-Fatti lill-Partijiet Notifikanti fil-5 ta’ Frar 2014. Il-Partijiet Notifikanti wieġbu għall-Ittra tal-Fatti fit-12 ta’ Frar 2014.

    11.

    Fuq talba tal-Partijiet Notifikanti fil-10 ta’ Frar 2014 saret Seduta Orali.

    12.

    Fit-13 ta’ Frar 2014, bil-qbil tal-Partijiet Notifikanti, il-Kummissjoni estendiet l-iskadenza għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali b’10 ijiem ta’ xogħol.

    13.

    Fis-27 ta’ Frar 2014 (“l-Impenji tas-27 ta’ Frar 2014”), il-Partijiet Notifikanti ressqu l-ewwel sett ta’ rimedji. Dawn l-impenji ma kinux soġġetti għal test tas-suq u ġew sostitwiti b’sett rivedut ta’ impenji ppreżentat fis-7 ta’ Marzu 2014, li attiva estensjoni awtomatika tal-iskadenza għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali f’dan il-każ ta’ 15-il jum ta’ xogħol oħra. Dawn ir-rimedji ġew sussegwentement modifikati fl-10 u l-11 ta’ Marzu 2014 (l-“Impenji tal-11 ta’ Marzu 2014”).

    14.

    Fit-12 ta’ Marzu 2014 tnieda test tas-suq biex jivvaluta jekk ir-rimedji modifikati jkunux adattati biex jindirizzaw it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni.

    15.

    Fit-13 ta’ April 2014, il-Partijiet Notifikanti ressqu sett finali ta’ impenji riveduti, b’aktar titjib.

    16.

    Il-Kumitat Konsultattiv iddiskuta l-abbozz tad-Deċiżjoni fit-22 ta’ April 2014 u ħareġ opinjoni favorevoli.

    V.   VALUTAZZJONI

    17.

    Il-każ jikkonċerna għadd sostanzjali ta’ swieq b’rabta mal-produzzjoni tal-PVC (4). Il-produzzjoni tal-PVC hija katina integrata ta’ proċessi, fejn l-inputs ewlenin huma l-klorin u l-etilen, kif deskritt fid-dijagramma ta’ hawn taħt.

    Dijagramma 1

    Ħarsa ġenerali lejn Proċessi u Prodotti Intermedjarji involuti fil-Produzzjoni tal-PVC

    Image

    Sors: Formola CO

    18.

    It-Tranżazzjoni tagħti lok għal impatt orizzontali fuq dawn is-swieq: (i) PVC f’sospensjoni (“S-PVC”), (ii) ipoklorit tas-sodju, (iii) butadjen, (iv) raffinat1, (v) kloru, (vi) soda kawstika likwida, (vii) Monomer tal-Klorur tal-Vinil (“VCM”), (viii) aċidu idrokloriku, (ix) PVC f’emulsjoni (“E-PVC”), (x) klorur tal-metilin, (xi) kloroform. Din tirriżulta wkoll f’duplikazzjoni orizzontali tal-etilen, il-gażolina ta’ piroliżi, il-propilen, il-butadjen, id-diklorat tal-etilene (“EDC”), u fil-komposti tal-S-PVC.

    19.

    It-Tranżazzjoni tagħti lok ukoll għal għadd ta-swieq affettwati vertikalment: (i) propilen u allil klorid, (ii) klorin u EDC, (iii) klorin u teknoloġiji tal-produzzjoni tal-klorin, (iv) klorin u electrocoating, (v) melħ u soda kawstika, (vi) melħ u sodju ipoklorit, (vii) teknoloġiji tal-produzzjoni tal-klorin u soda kawstiku, (viii) teknoloġiji tal-produzzjoni tal-klorin u sodju ipoklorit, (ix) electrocoating u soda kawstika, (x) electrocoating u sodju ipoklorit, (xi) teknoloġiji tal-EDC u l-EDC/VCM, (xii) EDC u VCM, (xiii) teknoloġiji VCM u EDC/VCM, (xiv) katalisti tal-EDC u EDC, (xv) E-PVC u VCM, (xvi) S-PVC u teknoloġiji tal-S-PVC, (xvii) S-PVC u addittivi tal-PVC, (xviii) E-PVC u addittivi tal-PVC, (xix) S-PVC u komposti tal-S-PVC, (xx) tetraklorid tal-karbonju u perkloroetilen, (xxi) tetraklorid tal-karbonju u HFC-365mfc.

    20.

    Il-Kummissjoni tqis li t-Tranżazzjoni tagħti lok għal tħassib dwar il-kompetizzjoni fir-rigward duplikazzjoni orizzontali rigward is-swieq tal-S-PVC u tal-ipoklorit tas-sodju. Il-Kummissjoni ma qajmet l-ebda oġġezzjoni rigward il-bqija swieq affettwati. Għalhekk dawn is-swieq l-oħra mhumiex se jiġu diskussi f’dan is-sommarju (5).

    1.   Definizzjoni tas-suq tal-prodott

    21.

    L-S-PVC jintuża għal applikazzjonijiet aħħarija kemm riġidi (mhux plastiċizzati) kif ukoll flessibbli (plastiċizzati). L-applikazzjonijiet jinkludu pajpijiet, finituri ffurmati, u profili (jiġifieri frejms tat-twieqi u tal-bibien). L-applikazzjonijiet jinkludu films u folji ta’ iżolament għall-wajers u l-kejbils. L-S-PVC għandu ħafna applikazzjonijiet oħra bħall-manifattura ta’ fliexken.

    22.

    Il-Kummissjoni tikkonkludi li s-suq tal-prodott rilevanti għall-valutazzjoni tal-effetti tat-Tranżazzjoni jkun is-suq ġenerali għall-produzzjoni u l-provvista tal-S-PVC bażiku, inklużi l-valuri K kollha, esklużi l-kopolimeri b’mod ġenerali kif ukoll S-PVC Reżistenti. Madankollu jitqiesu xi fatturi li jiddifferenzjaw bejn il-gradi differenti tal-S-PVC bażiku, - fejn rilevanti - għall-iskopijiet tal-valutazzjoni kompetittiva. Barra minn hekk, minħabba l-kunsiderazzjonijiet mill-aspett tal-provvista, fil-kalkolu tal-ishma tas-suq ibbażat fuq il-kapaċità, il-Kummissjoni tikkunsidra l-kapaċità u l-inċentiv ta’ kull fornitur tal-PVC li jiskjera mill-ġdid il-kapaċità li qabel kienet tintuża għal tipi oħra ta’ S-PVC għall-produzzjoni tal-S-PVC bażiku.

    23.

    L-Ipoklorit tas-sodju jintuża b’saħħiet differenti għal diversi applikazzjonijiet. Huwa jintuża bħala diżinfettant u bħala aġent tal-ibbliċjar fl-applikazzjonijiet domestiċi u industrijali u għat-trattament tal-ilma. Il-biċċa l-kbira tal-produzzjoni ta’ ipoklorit tas-sodju fiż-ŻEE huwa prodott sekondarju inevitabbli fil-produzzjoni tal-kloru (ipoklorit tas-sodju “spontaju”). Meta d-domanda taqbeż il-volum “spontanju” prodott bħala prodott sekondarju tal-proċess ta’ produzzjoni, jista’ jiġi wkoll prodott intenzjonalment l-ipoklorit tas-sodju (ipoklorit tas-sodju “volontarju”.)

    24.

    Il-Kummissjoni tikkunsidra, b’konformità mal-preċedenti tagħha, li l-ipoklorit tas-sodju jikkostitwixxi suq ta’ prodott uniku.

    2.   Definizzjoni tas-suq ġeografiku

    25.

    Rigward is-suq għall-S PVC bażiku, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ambitu ġeografiku tas-suq huwa reġjonali u iktar ristrett miż-ŻEE kollha kemm hi. Provi kwalitattivi u kwantitattivi fil-fajl tal-Kummissjoni jindikaw il-Majjistral tal-Ewropa (North Western Europe - “NWE”), reġjun li jinkludi l-Belġju, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Isvezja, in-Norveġja u r-Renju Unit, bħala raggruppament awtonomu, fejn il-kundizzjonijiet kompetittivi huma omoġenji. Madankollu, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ma hemmx għalfejn wieħed jasal għal opinjoni definittiva dwar jekk dan is-suq reġjonali jinkludix biss in-NWE jew jestendix għal żona ġeografika aktar wiesgħa (l-hekk imsejjaħ raġġruppament “NWE +”, jiġifieri n-NWE u l-Awstrija, il-Finlandja, l-Italja u l-Isvizzera), minħabba li t-Tranżazzjoni tirriżulta f’impediment sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva taħt iż-żewġ delineazzjonijiet tas-suq.

    26.

    Fir-rigward tas-suq għall-ipoklorit tas-sodju, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet fir-reġjun tal-Benelux u n-nuqqas ta’ ostakoli sinifikanti għall-kummerċ, il-Kummissjoni tikkonkludi li s-suq ġeografiku rilevanti għall-ipoklorit tas-sodju jista’ f’dan il-każ jiġi kkunsidrat bħala reġjonali, li jinkludi r-reġjun tal-Benelux kollu.

    3.   Valutazzjoni kompetittiva

    27.

    Fir-rigward tal-S-PVC bażiku, INEOS u Solvay huma rispettivament l-akbar u t-tieni l-akbar fornituri fin-NWE. Fl-2012 is-sehem mis-suq tal-INEOS ibbażat fuq il-bejgħ u l-kapaċità kien ta’ [30-40] % filwaqt li s-sehem mis-suq ta’ Solvay fl-istess sena kien ta’ bejn wieħed u ieħor [20-30] %. Għal NWE kif ukoll għal NWE + it-Tranżazzjoni tirriżulta fil-ħolqien ta’ mexxej tas-suq mingħajr kontestazzjoni b’ishma tas-suq ta’ [50-60] % taħt kull forma ta’ kejl (tal-bejgħ u tal-kapaċitajiet).

    28.

    Il-Kummissjoni sabet ukoll provi kwalitattivi u kwantitattivi li jindikaw li l-pożizzjoni attwali ta’ INEOS fis-suq tan-NWE/NWE + tista’ tippermettilha teżerċita ċertu livell ta’ setgħa fis-suq. B’mod aktar preċiż, INEOS bħalissa għandha pożizzjoni b’saħħitha fis-suq tal-S-PVC bażiku, li parzjalment hi r-riżultat ta’ żewġ fużjonijiet preċedenti approvati mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli f’dak iż-żmien. Il-Kummissjoni sabet evidenza li l-akkwist ta’ Tessenderlo minn INEOS wasslet għal żieda fil-prezz [0 sa 10 %] fin-NWE.

    29.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet li Solvin hija l-aktar restrizzjoni kompetittiva sinifikattiva ta’ INEOS u li l-bqija tal-fornituri tal-S-PVC bażiku li jinsabu f’NWE u l-fornituri taż-ŻEE li jinsabu barra minn dan ir-reġjun ma għandhomx l-inċentiva, anki jekk jitqiesu kollettivament, biex jespandu l-produzzjoni tagħhom biżżejjed biex tikkumpensa għaż-żieda fil-prezz mill-impriża konġunta. Barra minn hekk, l-importazzjonijiet attwalment ma għandhomx rwol importanti fis-suq tal-S-PVC bażiku u x’aktarx li fil-futur qrib mhumiex se jiżdiedu sa tali punt li jillimitaw l-imġiba ta’ INEOS/Solvay bħala impriża konġunta wara t-tranżazzjoni.

    30.

    Fl-aħħar nett, abbażi ta’ analiżi ekonomika mwettqa matul il-Fażi II, il-Kummissjoni qieset li l-kosteffiċjenzi varjabbli kif iddikjarat mill-Partijiet Notifikanti ma jissodisfawx it-tliet kriterji kumulattivi stabbiliti fil-Linji Gwida dwar l-Għaqdiet Orizzontali (6).

    31.

    Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-Tranżazzjoni x’aktarx li tikkonsolida l-livell tas-setgħa fis-suq li għandha INEOS u twassal għall-impediment sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva permezz ta’ effetti mhux koordinati li jirriżultaw fil-ħolqien ta’ attur dominanti li ser ikun jista’ u x’aktarx li jkollu inċentiv biex iżid il-prezzijiet u jnaqqas il-produzzjoni fis-suq tal-S-PVC bażiku, kemm jekk dan huwa ddefinit bħala li jiġbor fih in-NWE jew in-NWE+.

    32.

    Fir-rigward tal-ipoklorit tas-sodju, it-Tranżazzjoni tgħaqqad l-ewwel u t-tieni fornituri fir-reġjun tal-Benelux u toħloq mexxej ċar fis-suq, b’sehem tas-suq kombinat ta’ [60-70] %. B’riżultat ta’ dan, kwalunkwe kompetizzjoni bejn dawn iż-żewġ atturi importanti fis-suq mhux ser tibqa’ teżisti. Jibqa’ biss attur sinifikanti wieħed, Akzo, b’[20-30] %.

    33.

    Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-Tranżazzjoni ser twassal għall-impediment sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva permezz tal-ħolqien ta’ attur dominanti li ser ikun jista’ u x’aktarx ikollu l-inċentiva biex jimponi prezzijiet ogħla u jnaqqas il-produzzjoni fis-suq tal-ipoklorit tas-sodju fil-Benelux.

    4.   Konklużjoni

    34.

    Id-deċiżjoni tal-Artikolu 8, għalhekk, tikkonkludi li t-Tranżazzjoni ser timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern bħala riżultat tal-effetti mhux koordinati orizzontali tagħha fis-swieq għall-S-PVC bażiku fin-NWE/NWE+ u fis-suq tal-ipoklorit tas-sodju fil-Benelux.

    VI.   IMPENJI

    1.   Deskrizzjoni tal-Impenji

    35.

    L-Impenji li nżammu finalment kienu dawk ppreżentati mill-Partijiet fil-11 ta’ Marzu, kif riveduti fit-13 ta’ April 2014.

    36.

    Dawn l-Impenji jikkonsistu fiċ-ċessjoni lil xerrej bil-quddiem ta’ (i) il-katina vertikalment integrata tal-PVC ta’ INEOS li tikkonsisti f’kamra ċellulari għall-elettroliżi tal-membrana, l-impjant EDC/VCM u l-assi tal-produzzjoni relatati (inklużi l-assi tal-produzzjoni tal-ipoklorit tas-sodju) operati minn INEOS f’Tessenderlo, il-Belġju (iżda jeskludu l-karma ċellulari li tinsab fuq il-post għall-elettroliżi tal-merkurju u l-assi ta’ produzzjoni assoċjati tal-klorur tal-potassju kawstiku) u l-impjanti S-PVC ta’ INEOS f’Mazingarbe (Franza) u Beek Geleen (il-Pajjiżi l-Baxxi) (il-“pakkett LVM”) kif ukoll; (ii) il-katina vertikalment integrata tal-PVC ta’ INEOS li tikkonsisti assi tal-kloru u tal-EDC f’Runcorn (ir-Renju Unit) u l-operazzjonijiet VCM/S-PVC f’Wilhelmshaven (il-Ġermanja) (il-“Pakkett Wilhelmshaven/Runcorn”).

    37.

    Dawn l-Impenji jneħħu d-duplikazzjoni kważi għal kollox f’termini ta’ kapaċità installata tal-S-PVC. Barra minn hekk, it-tliet impjanti tal-S-PVC offruti jinsabu lokalizzati tajjeb fin-NWE. L-inklużjoni ta’ assi upstream b’aċċess tajjeb għal inputs ewlenin hija konsistenti mar-riżultati tal-investigazzjoni tas-suq u t-test tas-suq li turi li l-integrazzjoni vertikali u l-forniment tal-etilen huma fundamentali biex jikkompetu b’mod effettiv fis-suq tal-S-PVC bażiku. Dawn l-Impenji ukoll ineħħu d-duplikazzjoni kollha fis-suq tal-ipoklorit tas-sodju fil-Benelux.

    38.

    Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq u b’kunsiderazzjoni għall-klawsola tax-xerrej bil-quddiem, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Impenji ppreżentati fil-11 ta’ Marzu, kif riveduti fit-13 ta’ April 2014, kienu biżżejjed biex ineħħu t-tħassib dwar il-kompetizzjoni imqajma mit-Tranżazzjoni.

    VII.   KONKLUŻJONI U PROPOSTA

    39.

    Id-deċiżjoni dwar l-Artikolu 8(2) tikkonkludi li, suġġett għall-konformità sħiħa mal-impenji tal-11 ta’ Marzu 2014, it-Tranżazzjoni mhux se xxekkel b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddikjarat li t-Tranżazzjoni hija kompatibbli mas-suq intern u l-Ftehim taż-ŻEE, skont l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim taż-ŻEE.


    (1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

    (2)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”) introduċa ċerti bidliet, bħas-sostituzzjoni tat-terminu “Komunità” bit-terminu “Unjoni” u t-terminu “suq komuni” bit-terminu “suq intern”. It-terminoloġija tat-Trattat se tintuża f’dan is-sommarju tal-abbozz ta’ Deċiżjoni.

    (3)  Pubblikazzjoni f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea Nru C 273, 21.9.2013, p. 18.

    (4)  Il-PVC huwa manifatturat f’diversi stadji li jinvolvu diversi prodotti intermedji. Barra minn hekk, il-produzzjoni tal-PVC hija marbuta mill-qrib ma’ dik tas-soda kawstika.

    (5)  Ara t-taqsimiet 7 u 9 tad-Deċiżjoni.

    (6)  Il-Partijiet Notifikanti ressqu mudell ekonomiku ta’ valutazzjoni tal-effetti tat-Tranżazzjoni li tinkludi l-effiċjenzi dikjarati. Il-Kummissjoni tinnota li, anke jekk tirrifletti d-dikjarazzjonijiet attwali tal-Partijiet Notifikanti ta’ żieda fl-effiċjenza fir-riżultati tal-immudellar, it-Tranżazzjoni xorta waħda tirriżulta f’effetti tal-prezzijiet ta’ skala sinifikanti.


    Top