Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XC1101(03)

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    ĠU C 387, 1.11.2014, p. 17–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.11.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 387/17


    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    (2014/C 387/09)

    Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

    APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA

    IR-REGOLAMENT (KE) Nru 510/2006 TAL-KUNSILL

    dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-prodotti agrikolu u l-oġġetti tal-ikel  (2)

    APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 9

    “REBLOCHON”/“REBLOCHON DE SAVOIE”

    Nru tal-KE: FR-PDO-0217-01003-11.6.2012

    IĠP ( ) AOP ( X )

    1.   Intestatura tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda

        Isem il-prodott

        Deskrizzjoni tal-prodott

        Żona ġeografika

        Prova tal-oriġini

        Metodu ta’ produzzjoni

        Rabta maż-żona ġeografika

        Tikkettar

        Rekwiżiti nazzjonali

        Oħrajn: imballaġġ, referenzi tal-istrutturi ta’ kontroll, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, dettalji u kompożizzjoni tal-grupp

    2.   Tip ta’ emenda/i

        Emenda tad-Dokument Uniku jew tas-sommarju

        Emenda tal-ispeċifikazzjoni tad-DPO jew tal-IĠP irreġistrata, li għaliha la d-dokument uniku u lanqas is-sommarju ma ġew ippubblikati

        Emenda tal-ispeċifikazzjoni li ma għandhiex bżonn emendi tad-dokument uniku ppubblikat [l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006]

        Emenda temporanja tal-ispeċifikazzjoni li tirriżulta minn miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji imposti mill-awtoritajiet pubbliċi [l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006]

    3.   Emenda (emendi)

    Deskrizzjoni tal-prodott: il-punt 2 tal-ispeċifikazzjoni

    Żdiedu xi dettalji fid-deskrizzjoni tal-qoxra u tal-qalba li jispjegaw aktar l-elementi li jidhru fil-fajl oriġinali.

    Il-medda ta’ piż tar-“Reblochon”/“Reblochon de Savoie” żdiedet kemxejn (bejn 230 u 280 gramma minflok 240 sa 280 gramma).

    Iddaħħlet il-preżentazzjoni tal-ġobon fl-għamla ta’ porzjonijiet. Għall-grupp ta’ produtturi dan jippermetti li l-operaturi jkunu jistgħu jadattaw għal żviluppi fil-mod ta’ konsum individwali tal-prodotti.

    Il-kwalità tal-materjal tal-imballaġġ kif ukoll it-tekniki ta’ tqattigħ jgħinu biex tinżamm il-kwalità tal-prodott waqt dawn l-operazzjonijiet.

    L-indikazzjoni tal-preżenza tal-qiegħ falz tirreferi għar-regoli tal-ippakkjar fil-punt 5.7 tal-ispeċifikazzjoni.

    Żona ġeografika: l-operazzjonijiet li jsiru fiż-żona: punt 3 tal-ispeċifikazzjoni

    L-operazzjonijiet li jsiru fiż-żona ġeografika huma speċifikati.

    Iddaħħal il-kunċett ta’ taħlib fiż-żona biex tkun iċċarata l-funzjoni tal-azjendi li jinsabu fil-limiti taż-żona. Ġie speċifikat ukoll li l-ippakkjar, li diġà huwa previst fl-ispeċifikazzjoni irreġistrata, huwa l-ewwel ippakkjar, biex jirrifletti l-operazzjonijiet ta’ imballaġġ minn qabel li jistgħu jsiru fuq il-prodott aktar 'il quddiem fil-katina ta’ produzzjoni.

    Id-dispożizzjoni temporanja dwar il-possibbiltà li l-maturazzjoni issir f’żewġ muniċipalitajiet mal-konfini taż-żona ġeografika tneħħiet peress li l-impriżi kkonċernati reġgħu daħlu fiż-żona ġeografika.

    Żdiedet muniċipalità li nħolqot mill-firda ta’ muniċipalitajiet antiki li sa dak iż-żmien kienu magħquda (ma kien hemm l-ebda tibdil fil-perimetru taż-żona ġeografika).

    Prova tal-oriġini (traċċabilità): il-punt 4 tal-ispeċifikazzjoni

    L-emendi huma marbuta mar-riforma tas-sistema ta’ kontroll tad-denominazzjonijiet protetti ta’ oriġini introdotta minħabba żviluppi fir-regolamenti nazzjonali. Din tinkludi dikjarazzjoni ta’ identifikazzjoni, qabel ma l-operaturi jingħataw ċertifikat li jirrikonoxxi l-kapaċità tagħhom li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni tal-marka li minnha qegħdin igawdu.

    Jingħataw ukoll dettalji dwar il-kontenut u l-metodi ta’ kif għandhom jintbagħtu d-dikjarazzjonijiet meħtieġa għall-għarfien u l-monitoraġġ tal-prodotti.

    Id-dokumenti u r-reġistrazzjonijiet meħtieġa għall-monitoraġġ tat-traċċabilità u l-kontroll tal-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni huma speċifikati, kif ukoll il-metodi ta’ kontroll tal-karatteristiċi tal-prodott.

    Rigward l-elementi ta’ mmarkar tal-ġobnijiet, ġew speċifikati l-metodi ta’ tqassim u ta’ ġbir tal-pjanċi ta’ identifikazzjoni.

    Ir-razez ta’ baqar tal-ħalib: il-punt 5.1 tal-ispeċifikazzjoni

    Id-definizzjoni tal-merħla ta’ baqar tal-ħalib, li tinkludi l-baqar kollha tal-ħalib li jkunu qegħdin ireddgħu, il-baqar bla ħalib u erħiet ta’ aktar minn sitt xhur tal-azjenda agrikola tgħin sabiex tispeċifika t-tipi ta’ annimali li għalihom japplikaw il-kontrolli.

    Jingħataw ukoll dettalji dwar l-appartenenza tal-annimali għar-razez awtorizzati, li jikkorrispondu għall-kodiċijiet 12, 46, 31, sabiex jissaħħaħ il-kontroll.

    Ċerti produtturi jistgħu jrabbu l-annimali għal skopijiet oħrajn minbarra l-produzzjoni tal-ħalib maħsub għall-manifattura tar-“Reblochon”/“Reblochon de Savoie”; din il-possibbiltà hija offruta u rregolata.

    L-għalf tal-baqar tal-ħalib: il-punt 5.2 tal-ispeċifikazzjoni

    (a)   Ir-razzjon bażiku u l-ikel komplementari

    Id-dispożizzjonijiet il-ġodda għandhom it-tendenza li jikkonfermaw is-sistema ta’ għalf ibbażata fuq il-foraġġ (ħaxix u ħuxlief) biex tissaħħaħ ir-rabta mat-territorju tad-DPO u tinżamm manifattura tal-ġobon li tuża teknoloġija ta’ ħalib mhux ippasturizzat (l-ikel iffermentat huwa eskluż).

    Biex jintlaħaq dan l-għan, iddaħħlet densità għal kull ettaru ta’ art agrikola użata, li ġiet iffissata għal 1,5 Unità ta’ Bhejjem. Fis-sajf, il-baqar tat-treddigħ għandhom jirgħu għal perjodu minimu ta’ 150 jum.

    Biex wieħed jikkunsidra d-differenzi fil-funzjonijiet osservati fost l-azjendi fiż-żona ġeografika, l-użu ta’ għalf li jkun ġej minn barra ż-żona huwa approvat għall-għalf tal-baqar tal-ħalib li jkunu qegħdin ireddgħu. Biex jintlaħaq dan l-għan, iddaħħlet densità għal kull ettaru ta’ art agrikola użata, li ġiet iffissata għal 1,5 Unità ta’ Bhejjem.

    L-għalf li jinxtara minn barra ż-żona ġeografika jista’ jkun biss ħuxlief.

    L-għalf ta’ ħaxix aħdar huwa awtorizzat iżda limitat għal ikla kuljum matul il-perjodu ta’ ragħa ta’ 150 ġurnata. Madankollu, barra l-perjodu ta’ ragħa, żewġ ikliet kuljum ta’ ħaxix aħdar huma awtorizzati iżda bilfors f’żewġ porzjonijiet u żewġ tqassimiet. Biex tiġi evitata kwalunkwe problema ta’ kontaminazzjoni minn mikrobi mhux mixtieqa, l-għalf aħdar għandu jitqassam fl-istat frisk tiegħu u l-imxatar għandhom jitnaddfu minn kull fdal qabel ma jitqassam il-porzjon li jkun imiss.

    Dejjem bl-għan li tinżamm ir-rabta mat-territorju imma wkoll minħabba li l-fibri qosra mgħandhomx l-istess konsegwenzi fuq l-ixtarr bħall-ħuxlief tal-ħaxix jew tan-nifel, it-tqassim tan-nifel deidrat f’qatgħet żgħar huwa limitat bħala ikel addizzjonali.

    Id-definizzjoni ta’ lista pożittiva ta’ konċentrati tgħin biex jiġu ffaċilitati l-kontrolli u evitati l-innovazzjonijiet teknoloġiċi mhux stabbiliti fil-qasam. Biex tinżamm ir-rabta bejn il-prodott u t-territorju tiegħu, iż-żieda ta’ għalf addizzjonali fir-razzjon hija limitata għal 1 800 kilo għal kull baqra li tagħmel il-ħalib u għal 500 kilo għal kull erħa fis-sena.

    Fl-aħħar nett, huwa ddikjarat li x-xorrox prodott fl-azjenda huwa awtorizzat biss fit-tisqija tal-bhejjem u sa mhux aktar tard minn 24 siegħa.

    (b)   Metodi ta’ tqassim tal-għalf.

    Biex ikunu evitati l-problemi tas-saħħa u dawk teknoloġiċi, ikun aħjar jekk it-tqassim tal-għalf niexef isir fix-xitwa. Biex ikun iffaċilitat ukoll l-ixtarr, huwa obbligatorju li jitqassam għalf integrali. Dawn il-fatturi wasslu biex jiġi pprojbit l-użu ta’ magni li jħalltu l-ikel fit-tqassim tar-razzjon.

    (c)   Ikel iffermentat

    Id-dispożizzjonijiet attwali jipprojbixxu l-użu ta’ ikel iffermentat fl-għalf tal-baqar tal-ħalib. Madankollu, il-possibbiltà li wieħed jagħlef merħla oħra, li tinżamm separata, b’dan it-tip ta’ ikel, hija kkunsidrata u soġġetta għal kondizzjonijiet partikolari ta’ produzzjoni, ħażna u użu.

    Is-sistema tal-biedja: il-punti 5.3 u 5.4 tal-ispeċifikazzjoni

    (a)   Il-projbizzjoni ta’ OĠM (għelejjel u ikel)

    Din il-projbizzjoni ta’ OĠM fl-ispeċifikazzjoni ssaħħaħ in-natura tradizzjonali tal-ikel.

    (b)   Iż-żieda ta’ fertilizzanti minerali awtorizzati

    Sabiex ikunu ffaċilitati r-ragħa, il-bijodiversità u l-flora naturali u sabiex jitħares l-ambjent, iż-żieda ta’ fertilizzanti minerali hija ristretta. Iddaħħlet distinzjoni bejn il-muniċipalitajiet skont is-sitwazzjoni topografika tagħhom ibbażata fuq id-diviżjoni msejħa “żoni żvantaġġati” użata mill-amministrazzjoni. Il-limiti msemmija fl-ispeċifikazzjoni għandhom jinftiehmu bħala medja fuq il-plottijiet ta’ kull azjenda.

    (c)   Iż-żieda ta’ fertilizzanti organiċi

    Ġew imfissra l-kundizzjonijiet tat-tifrix tal-fertilizzanti organiċi biex l-għalf tal-baqar ikun protett minn kwalunkwe riskju ta’ kontaminazzjoni minn sustanzi li jniġġsu.

    Il-ġeneralizzazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tat-tifrix tal-fertilizzanti għandha tgħin sabiex il-kontrolli jkunu aktar ekwi u faċli.

    Il-kundizzjonijiet tal-ħlib: il-punt 5.5 tal-ispeċifikazzjoni

    Il-kundizzjonijiet tal-ħlib huma speċifikati sabiex tekniki ġodda ta’ ħlib li jintużaw ikunu jirrispettaw il-kundizzjonijiet kollha marbuta mal-ġestjoni tal-merħla kif ukoll maż-żamma tal-karatteristiċi tal-ħalib prodott.

    Il-verifika tal-apparat tal-ħlib hija obbligatorja sabiex tiġi ppreżervata l-kwalità tal-ħalib prodott.

    It-temperatura tat-tkessiħ fil-maħżen tal-ġobon:

    It-temperatura li fiha għandu jinżamm il-ħalib fir-razzett jew fil-maħżen tal-ġobon ittellgħet għal 10 °C minflok 8 °C biex tgħin lill-flora teknoloġika utli tal-ħalib.

    Il-manifattura: il-punt 5.6 tal-ispeċifikazzjoni

    Il-punt 5.6.1 Dispożizzjonijiet ġenerali

    Il-ħalib prodott, l-għajnuniet tal-manifattura u l-addittivi

    Sabiex jinżammu l-karatteristiċi tal-materja prima maħduma fil-ħalib mhux ippasturizzat, it-trattamenti pprojbiti huma elenkati.

    Il-paragrafu dwar l-użu tas-supplimenti tal-manifattura u ta’ addittivi ġie komplut sabiex jissaħħu l-prattiki attwali tal-użu ta’ trattamenti u addittivi fil-manifattura tal-ġobon u b’hekk jiġi evitat li l-prattiki futuri mhux issorveljati jaffettwaw il-karatteristiċi tal-ġobon.

    L-istadji tal-manifattura

    Ġew introdotti l-karatteristiċi tat-tankijiet tal-manifattura: dawn għandhom ikunu miftuħa u l-kapaċità massima tagħhom mgħandhiex taqbeż is-6 000 litru.

    Fil-fatt, l-osservazzjoni tal-iżvilupp tal-baqta fit-tank billi wieħed iħares u jmiss il-prodott tibqa’ element importanti tal-manifattura mill-ħalib mhux ippasturizzat, li jinġabar kuljum u li ma jkunx ġie ttrattat qabel il-manifattura.

    Il-kontroll tal-manifattura jissaħħaħ ukoll jekk il-volum użat ma jtawwalx b’mod sinifikanti l-fażi tal-iffurmar tal-ġobon. Jekk il-ġobon jinżamm fil-forma għal tul ta’ żmien żejjed il-karatteristiċi tiegħu jkunu wisq varjabbli.

    Ġew inklużi xi dettalji dwar id-deskrizzjoni tal-fażijiet mill-ħidma fit-tank sat-tmelliħ tal-ġobon minħabba xi aġġustamenti: id-daqs tal-forom, il-massa tal-piżijiet użati għall-ippressar tal-forom iż-żgħar, id-densità tas-salmura mnaqqsa għal 1 130 minflok 1 140.

    Il-proċess tat-tmelliħ jista’ jsir biss fit-tank tal-manifattura.

    Ġie speċifikat li t-tul ta’ żmien totali tal-manifattura, ta’ qabel il-maturazzjoni u l-maturazzjoni għandu jkun ta’ mill-inqas 15-il jum mid-data taż-żieda tax-xorrox. B’hekk il-ġobon mgħandux jinħareġ mill-post tal-manifattura jew tal-maturazzjoni qabel ma jgħaddu mill-inqas 16-il jum.

    Qabel il-maturazzjoni u l-maturazzjoni

    Saru xi kjarifiki fil-kitba tad-deskrizzjoni tal-fażi ta’ qabel il-maturazzjoni sabiex jitqies b’mod aktar preċiż l-għarfien tal-manifatturi tal-ġobon u biex tiġi mħarsal-kwalità tal-ġobon.

    Mal-metodi ta’ maturazzjoni żdiedet il-possibbiltà li l-ġobon jitgeżwer mit-12-il jum ta’ maturazzjoni u din titkompla f’temperatura aktar baxxa, għal aktar żmien.

    Dan qed isir biex wieħed jadatta għall-maturazzjoni aktar mgħaġġla tal-qoxra tal-ġobon, li d-dehra tagħha fil-kantina tkun fl-aqwa tagħha mat-12-il jum imbagħad tibda tmur lura, u għalhekk jista’ jkollha xi difetti meta l-ġobon jiġi ppreżentat għall-bejgħ.

    Żdiedu dawn id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

    L-ewwel stadju fil-kantina li jdum ta’ mill-inqas 12-il jum mid-data tal-manifattura huwa obbligatorju,

    Matul dan il-perjodu t-temperatura tal-kantina għandha tkun bejn 10 u 15 °C u l-umdità għandha tkun ogħla minn 90 %,

    Mit-tnax-il jum, il-ġobon jista’ jitgeżwer individwalment u jitħalla jimmatura sa mill-inqas it-18-il jum f’temperatura minima ta’ 6 °C,

    F’każ li l-ġobon ma jitġeżwirx, il-maturazzjoni tkompli fil-kantina sa mill-inqas is-16-il jum f’temperatura ta’ bejn 10 u 15 °C u f’umdità ta’ aktar minn 90 %.

    Huwa ddikjarat li jistgħu jintużaw jew ma jintużawx twavel tal-injam inċanati biex jgħinu l-maturazzjoni tal-ġobon. Din id-dikjarazzjoni tqis l-importanza teknoloġika tal-iżvilupp tal-flora tal-wiċċ permezz tal-preżenza ta’ riti organiċi pożittivi fuq it-twavel.

    Il-punt 5.6.2 Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-manifattura fl-azjendi tal-ħalib

    Il-ħin meta għandha tintemm iż-żieda tax-xorrox huwa speċifikat biex it-tul ta’ żmien ta’ din il-fażi jkun magħruf tajjeb.

    Id-doża ta’ fermenti lattiċi hija speċifikata wkoll.

    Huwa indikat li jistgħu jintużaw forom ta’ aċidifikazzjoni. Dawn il-forom jgħinu t-tiswir tal-prodott u jissostitwixxu d-drapp tal-qanneb mingħajr ma jibdlu l-karatteristiċi intrinsiċi tal-prodott. Joffru wkoll żmien iqsar meta mqabbel ma’ dak tat-tgeżwir fid-drapp tal-qanneb imsejħa “toilage”, kontroll aqwa tat-tqattir, ġobniet b’forma aktar regolari u effetti ta’ benefiċċju għall-qoxra tal-prodott.

    Huwa ddikjarat li l-volum ta’ ħalib li jifdal wara l-manifattura jista’ jerġa’ jintuża biex jiġi evitat li l-manifattur ikun obbligat iħaddem tank mhux mimli għal kollox, u hekk ix-xogħol fit-tank ikun aktar faċli u kkontrollat aħjar.

    Il-punt 5.6.3 Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-manifattura fl-azjendi tal-ħalib

    Mal-kundizzjonijiet ta’ manifattura fir-razzett qegħdin jiżdiedu dawn id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

    karatteristiċi tal-ġobon maħdum fir-razzett f’dak li jirrigwarda t-togħma, peress li din l-inċirata tirriżulta li hija riżerva ta’ flora teknoloġika.

    Biex il-ġobon tal-irziezet iżomm teknoloġija ta’ manifattura bil-mod li toħloq togħma aktar speċifika, id-doża ta’ fermenti lattiċi użati hija limitata għal 0,5 % (0,5 litri ta’ fermenti ta’ ħmira kbira (1) għal kull 100 litru ta’ ħalib) tal-kwantità totali ta’ ħalib użat għall-produzzjoni tar-“Reblochon”/“Reblochon de Savoie” tal-irziezet.

    Mhux permess l-użu ta’ forom ta’ aċidifikazzjoni kif ukoll ta’ kwalunkwe forma oħra jew xibka li fiha jinżamm il-ġobon tul il-fażi ta’ tnixxif sabiex jinżamm l-użu tad-drapp tal-qanneb, li huwa tradizzjonali fil-manifattura tal-ġobon fl-irziezet. Iż-żmien kemm idum imgeżwer fid-drapp huwa ta’ sitt sigħat minn meta l-ġobon jitqiegħed fil-forom.

    Jingħataw xi dettalji wkoll dwar il-metodi ta’ ppressar, tal-qlib tal-ġobon, tal-fażi ta’ qabel il-maturazzjoni, tal-ħasil u tal-kundizzjonijiet ta’ umdità meta l-ġobon jiddaħħal fil-kantina biex jimmatura.

    Dawn id-dispożizzjonijiet iwasslu sabiex il-prattiki jiġu standardizzati u sabiex tissaħħaħ l-ispeċifiċità tal-ġobon tal-irziezet.

    Biex ir-raffinaturi jkunu jistgħu, jekk jixtiequ, jagħtu trattamenti speċifiċi aktar kmieni lill-ġobon, dan għandu jdum sitt ijiem fir-razzett minflok għaxart ijiem kif kien ippjanat qabel.

    Ġew miżjuda l-kundizzjonijiet tal-manifattura, tal-maturazzjoni u ta’ qabel il-maturazzjoni tar-“Reblochon”/“Reblochon de Savoie” iż-żgħir li jsir fir-razzett u dawn jiċċaraw aktar ċerti dispożizzjonijiet b’konformità mal-prattiki użati.

    L-elementi li jiġġustifikaw ir-rabta mal-ambjent ġeografiku: il-punt 6 tal-ispeċifikazzjoni

    Il-kitba ta’ din it-taqsima tinkludi s-subintestaturi li ġejjin: “L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika: fatturi naturali u umani”, “L-ispeċifiċità tal-prodott”, “Ir-rabta kawżali”.

    Il-kitba ġiet organizzata mill-ġdid u tinkludi wkoll titjib fl-ispjegazzjoni u dettalji fejn kienu meħtieġa.

    Elementi speċifiċi tat-tikkettar: il-punt 8 tal-ispeċifikazzjoni

    L-elementi tal-immarkar tal-ġobon tqiegħdu fit-taqsima 4: Prova tal-oriġini.

    L-obbligu li jitqiegħed il-logo “INAO” ġie sostitwit mill-obbligu li jitqiegħed is-simbolu “AOP” (DPO) tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa speċifikat li irrispettivament mill-kliem regolamentari applikabbli għall-ġobon kollu u l-kelma “petit” (żgħir), l-użu ta’ kwalunkwe deskrizzjoni jew avviż ieħor miżjud mad-denominazzjoni protetta ta’ oriġini huwa pprojbit fuq it-tikketta, fir-reklamar, fil-kontijiet u l-karti kummerċjali, ħlief għal marki kummerċjali u marki ta’ produzzjoni partikolari.

    Rekwiżiti nazzjonali: il-punt 9 tal-ispeċifikazzjoni

    Iddaħħlet tabella li turi l-punti ewlenin tal-ispeċifikazzjoni li wieħed għandu jikkontrolla; magħhom żdiedu l-valuri miri tagħhom u l-metodi ta’ valutazzjoni tagħhom.

    Emendi oħrajn

    (1)   L-ippakkjar: il-punt 5.7 tal-ispeċifikazzjoni

    Il-ġobon huwa ppakkjat sħiħ, f’nofsijiet jew f’porzjonijiet.

    Biex tiġi protetta l-kwalità tal-qoxra, il-ġobon ma jinxifx u ma tiżviluppax moffa mhux mixtieqa, il-ġobon għandu joħroġ miż-żona ġeografika f’imballaġġ adattat. Dan l-imballaġġ għandu jibqa’ jintuża sakemm il-prodott jiġi ppreżentat lill-konsumatur aħħari iżda dan ma jfissirx li ma jistax jerġa’ jiġi ppakkjat.

    Dan l-ippakkjar għandu jinkludi qiegħ tal-injam ta’ dijametru speċifiku. Dan il-qiegħ għandu jintuża anki waqt it-tqattigħ tal-ġobon.

    Dawn id-dispożizzjonijiet kollha jgħinu biex tinżamm il-kwalità tal-qoxra, il-konsistenza tal-qalba tal-ġobon u l-intensità tar-riħa tal-ġobon. Barra minn hekk, jekk wieħed jikkunsidra kemm huwa delikat ir-“Reblochon”/“Reblochon de Savoie” f’dak li jirrigwarda l-formazzjoni tal-qoxra u t-tnixxif, il-qiegħ tal-injam u l-materjal tal-ippakkjar għandhom ir-rwol li jirregolaw l-umdità. L-imballaġġ użat jirrispetta l-flora tal-fungi speċifika tal-qoxra tar-“Reblochon”/“Reblochon de Savoie”.

    Madankollu fil-każ ta’ dak il-ġobon li jkun maħsub għall-industrija tas-settur tal-ikel fejn isiru attivitajiet ta’ pproċessar tal-ikel, l-ippakkjar individwali ta’ dan il-ġobon mhuwiex obbligatorju. F’dan il-każ, m’hemmx lok għall-qiegħ tal-injam.

    (2)   L-uffiċċju kompetenti tal-Istat Membru: tibdil fl-indirizz tal-Institut national de l’origine et de la qualité (l-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u tal-Kwalità);

    (3)   Il-kompożizzjoni tal-grupp li ressaq l-applikazzjoni: ingħataw xi dettalji dwar il-kompożizzjoni ta’ dan il-grupp;

    Id-dettalji ta’ kuntatt tal-istrutturi ta’ kontroll: id-dettalji ta’ kuntatt tal-istrutturi ta’ kontroll ġew aġġornati.

    DOKUMENT UNIKU

    IR-REGOLAMENT (KE) Nru 510/2006 TAL-KUNSILL

    dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-prodotti agrikolu u l-oġġetti tal-ikel  (3)

    “REBLOCHON”/“REBLOCHON DE SAVOIE”

    Nru tal-KE: FR-PDO-0217-01003-11.6.2012

    IĠP ( ) AOP ( X )

    1.   Isem

    “Reblochon”/“Reblochon de Savoie”

    2.   Stat membru jew pajjiż terz

    Franza

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    3.1.   Tip ta’ prodott

    Klassi 1.3. Ġobon

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 1

    Ir-“Reblochon”/“Reblochon de Savoie” huwa ġobon tal-ħalib tal-baqra sħiħ u mhux ippasturizzat li joriġina mill-bhejjem tar-razza Abondance, Montbéliarde u Tarentaise, b’qalba ppressata mhux imsajra f’għamla ta’ ċilindru ċatt, kemmxejn ittundjat, b’dijametru ta’ madwar 14-il ċentimetru, b’għoli ta’ madwar 3,5 ċentimetri u b’piż ta’ bejn 450 u 550 gramma.

    Fih minimu ta’ 45 gramma ta’ xaħam għal kull 100 gramma wara li jkun tnixxef għal kollox u l-kontenut f’materja niexfa mgħandux ikun inqas minn 45 gramma għal kull 100 gramma ta’ ġobon.

    Il-qoxra tiegħu, li tinħasel waqt il-maturazzjoni, hija pjuttost irqiqa, regolari u uniformi. Din tkun ta’ lewn safrani sa safrani fl-oranġjo u parti minnha jew kollha kemm hi tkun miksija b’moffa bajda, ħafifa u baxxa.

    Il-qalba tal-ġobon hija ratba, omoġenea, flessibbli u lixxa. Din tkun lewn il-krema jew l-avorju, xi ftit mielħa u xi drabi jkollha xi toqob żgħar.

    Il-ġobon ta’ daqs iżgħar, li għandu l-istess karatteristiċi organolettiċi iżda li huwa ta’ dijametru ta’ madwar 9 ċentimetri, għoli ta’ madwar 3 ċentimetri u piż ta’ bejn 230 u 280 gramma, ukoll igawdi mid-DPO.

    Ir-“Reblochon”/“Reblochon de Savoie” jista’ jinbiegħ sħiħ jew f’porzjonijiet.

    3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

    Il-ħalib użat għall-manifattura tal-ġobon “Reblochon”/“Reblochon de Savoie” għandu jkun ġej biss mill-merħliet ta’ baqar tal-ħalib tar-razez tal-ħalib Abondance, Montbéliarde, Tarentaise (li tissejjaħ ukoll Tarine).

    3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

    Biex tinżamm ir-rabta mat-territorju, l-għalf tal-merħla għandu jkun magħmul l-aktar minn għalf li ġej miż-żona ġeografika tad-denominazzjoni. Ir-razzjon bażiku huwa magħmul minn għalf li jikkonsisti:

    f’mill-inqas 50 % ħaxix li jkun ittiekel fil-mergħa matul is-sajf u minn ħuxlief imqassam kuljum tul ix-xitwa,

    għalf frisk: qamħ aħdar, ħaxix imqassam frisk, pitravi għall-għalf. Il-ħuxlief jista’ jitqassam fir-razzjon bażiku tal-erħiet biss.

    Matul is-sajf, il-bhejjem għandhom jirgħu għal mill-inqas 150 jum.

    L-għalf li jkun ġej miż-żona għandu jkopri 100 % espressi f’materja niexfa tar-razzjon bażiku tal-baqar li jkunu qegħdin ireddgħu. Fil-każ tal-azjendi li jinsabu f’għoli ta’ aktar minn 600 metru u l-irziezet alpini fejn il-baqar tal-ħalib jirgħu f’għoli ta’ aktar minn 600 metru, l-għalf li jkun ġej miż-żona għandu jkopri mill-inqas 75 % tar-razzjon bażiku espressi f’materja niexfa tal-baqar li jkunu qegħdin ireddgħu. Jista’ jinxtara biss ħuxlief barra miż-żona tad-denominazzjoni.

    Minbarra r-razzjon bażiku, jista’ jitqassam ikel addizzjonali. Dan jinkludi ikel ikkonċentrat kif ukoll għalf deidrat. Jistgħu jitqassmu biss sa 1 800 kilo minn dan l-ikel addizzjonali fis-sena, lil kull baqra li tkun qed tredda’.

    Mhuwiex permess l-użu fl-għalf tal-merħla tal-ħalib ta’ prodotti maħżuna fis-sajlos, ikel iffermentat, balal ippakkjati kif ukoll ikel ieħor li jista’ jaffettwa ħażin ir-riħa, it-togħma tal-ħalib jew tal-ġobon, jew li jistgħu joħolqu kontaminazzjoni ta’ batterji.

    3.5.   Stadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika indikata

    Il-produzzjoni tal-ħalib, il-ħlib, il-manifattura u l-maturazzjoni tal-ġobon iridu jsiru fiż-żona ġeografika.

    3.6.   Regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.

    L-ewwel ippakkjar tal-ġobon isir fiż-żona ġeografika qabel ma dan jitlaq mill-post ta’ maturazzjoni li hija l-aħħar stadju tal-produzzjoni tar-“Reblochon/Reblochon de Savoie”. Din id-dispożizzjoni tgħin sabiex tinżamm il-kwalità tal-qoxra tal-prodott u jiġi evitat li jinxef jew li tiżviluppa moffa mhux mixtieqa. Dan l-ewwel ippakkjar ma jeskludix li l-prodott ikompli jiġi ppakkjat wara, f’post ieħor.

    Dan l-ippakkjar, li jsir f’imballaġġ apposta, jinkludi qiegħ tal-injam tal-prinjoli li jkun imiss ma’ mill-inqas wieħed mill-uċuħ tal-ġobon li jiġi ppreżentat bħala ġobna sħiħa jew nofs ġobna. Il-porzjonijiet għandu jkollhom tliet naħat bil-qoxra.

    Il-prodotti maħsuba għall-industrija tas-settur tal-ikel jistgħu ma jiġux ippakkjati meta jitilqu miż-żona ġeografika.

    3.7.   Regoli speċifiċi għat-tikkettar

    It-tikketta għandha tinkludi l-isem tad-denominazzjoni tal-oriġini “Reblochon” jew “Reblochon de Savoie” miktub f’ittri ta’ daqs mhux inqas minn żewġ terzi tal-akbar ittri li jidhru fuq it-tikketta. Barra minn hekk, it-tikketta tista’ tinkludi l-isem tad-denominazzjoni tal-oriġini akkumpanjat mill-kelma “petit” (żgħir), fil-każ tal-ġobon iż-żgħir deskritt fil-punt 3.2.

    Irrispettivament mill-kliem regolamentari applikabbli għall-ġobon kollu u mill-kelma msemmija hawn fuq, l-użu ta’ kwalunkwe deskrizzjoni jew avviż ieħor miżjuda mad-denominazzjoni protetta ta’ oriġini huwa pprojbit fuq it-tikketta, fir-reklamar, fil-kontijiet u l-karti kummerċjali, ħlief għal marki kummerċjali u marki ta’ produzzjoni partikolari.

    It-tikketta għandha tinkludi s-simbolu DPO tal-Unjoni Ewropea. Tista’ wkoll tinkludi l-frażi “appellation d’origine protégée” (denominazzjoni protetta ta’ oriġini).

    4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

    Iż-żona ġeografika tinkludi żewġ terzi tad-dipartiment ta’ Haute-Savoie (il-parti kollha fil-Lvant ta’ Annecy li tinsab f’għoli ta’ aktar minn 500 metru) kif ukoll xi muniċipalitajiet jew sezzjonijiet tad-dipartiment ta’ Savoie.

    Id-dipartiment ta’ Haute-Savoie.

    Abondance, Alex, Allinges, Amancy, Andilly, Annecy-le-Vieux, Arâches-Ia-Frasse, Arbusigny, Arenthon, Armoy, Arthaz-Pont-Notre-Dame, Aviernoz, Ayse, Ballaison, Beaumont, Bellevaux, Bernex, Bluffy, Boëge, Bogève, Bonne, Bonnevaux, Bonneville, Bons-en-Chablais, Brenthonne, Brizon, Burdignin, Cervens, Chamonix-Mont-Blanc, Charvonnex, Châtel, Châtillon-sur-Cluses, Chevaline, Chevenoz, Cluses, Collonges-sous-Salève, Combloux, Cons-Sainte-Colombe, Contamine-sur-Arve, Copponex, Cordon, Cornier, Cranves-Sales, Cruseilles, Demi-Quartier, Dingy-Saint-Clair, Domancy, Doussard, Draillant, Duingt, Entremont, Entrevernes, Essert-Romand, Etaux, Evires, Faucigny, Faverges, Fessy, Féternes, Fillinges, Giez, Groisy, Habère-Lullin, Habère-Poche, Juvigny, La Balme-de-Thuy, La Baume, La Chapelle-d’Abondance, La Chapelle-Rambaud, La Chapelle-Saint-Maurice, La Clusaz, La Côte-d’Arbroz, La Forclaz, La Muraz, La Rivière-Enverse, La Roche-sur-Foron, Lathuile, La Tour, La Vernaz, Le Biot, Le Bouchet, Le Lyaud, Le Grand-Bornand, Le Petit-Bornand-Les-Glières, Le Reposoir, Le Sappey, Leschaux, Les Clefs, Les Contamines-Montjoie, Les Gets, Les Houches, Les Ollières, Les Villards-sur- Thônes, Lucinges, Lullin, Lully, Manigod, Marcellaz-en-Faucigny, Marlens, Machilly, Magland, Margencel, Marignier, Marnaz, Megève, Mégevette, Menthonnex-en-Bornes, Menthon-Saint-Bernard, Mieussy, Monnetier-Mornex, Montmin, Montriond, Mont-Saxonnex, Morillon, Morzine, Nancy-sur-Cluses, Nangy, Nâves-Parmelan, Novel, Onnion, Orcier, Passy, Peillonnex, Perrignier, Pers-Jussy, Praz-sur-Arly, Présilly, Quintal, Reignier, Reyvroz, Saint-André-de-Boëge, Saint-Blaise, Saint-Cergues, Saint-Eustache, Saint-Férréol, Saint-Gervais-les-Bains, Saint-Jean-d’Aulps, Saint-Jean-de-Sixt, Saint-Jean-de-Tholome, Saint-Jeoire, Saint-Jorioz, Saint-Laurent, Saint-Martin-Bellevue, Saint-Pierre-en-Faucigny, Saint-Sigismond, Saint-Sixt, Sallanches, Samoëns, Saxel, Scientrier, Scionzier, Serraval, Servoz, Sevrier, Seythenex, Seytroux, Sixt-Fer-A-Cheval, Talloires, Taninges, Thônes, Thorens-Glières, Thyez, Vailly, Vacheresse, Vallorcine, Verchaix, Vétraz-Monthoux, Veyrier-du-Lac, Villard, Villaz, Ville-en-Sallaz, Villy-Ie-Bouveret, Villy-Ie-Pelloux, Vinzier, Viuz-en-Sallaz, Vougy, Vovray-en-Bornes.

    Id-dipartiment ta’ Savoie.

    Cohennoz, Crest-Voland, Flumet, La Giettaz, Mercury (Is-sezzjoni G1 u G2), Notre-Dame-de-Bellecombe, Plancherine (Is-sezzjoni A1, A2, A3), Saint-Nicolas-La-Chapelle, Ugine.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika

    5.1.   L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika

    Il-fatturi naturali

    Iż-żona ġeografika tinsab fl-Alpi tat-Tramuntana u tinkludi r-reġjuni muntanjużi ta’ bejn il- Lac Léman u l-muntanja Mont-Blanc. Il-limitu tagħha fil-Lvant huwa l-fruntiera mal-Isvizzera u fil-Punent testendi sal-muntanji li jinsabu l-aktar fil-Punent tal-Alpi. Fin-Nofsinhar, iż-żoni teskludi l-muntanja ta’ Beaufortain u tinkludi l-parti tat-Tramuntana tal-muntanja ta’ Bauges.

    L-art hija partikolarment muntanjuża, b’muntanji li jkomplu jogħlew mill-Punent għal-Lvant (1 000 metru għall-għoljiet tal-Punent, aktar minn 2 000 metru għall-muntanji tal-franka, u aktar minn 4 000 metru fil-każ tal-muntanja Mont-Blanc), u maqsuma minn widien kbar li l-għoli tagħhom huwa ta’ aktar minn 500 metru (Dranse, Giffre, Arve, Arly).

    Iż-żona ġeografika tinkludi reġjuni differenti ħafna mill-aspett tas-substrat ġeoloġiku. Iż-żona mill-Grigal għal-Lbiċ hija maqsuma minn muntanji ffurmati l-aktar mill-ġebla tal-franka. Ċerti livelli partikolarment reżistenti jiffurmaw muntanji ppuntati ħafna bħall-katina ta’ Aravis. Fil-Punent, il-promontorju huwa magħmul minn substrat ta’ molassa tat-tafal u l-franka fejn jispuntaw muntanji tal-franka definiti ħafna (Salève). Fil-Lvant, il-muntanji kristallini ta’ Mont-Blanc u tal-Aiguilles il-ħomor huma l-ogħla punti tar-reġjun. Il-blat hawnhekk huwa aċiduż (granit, gneiss, majka). Fit-Tramuntana, il-muntanja ta’ Chablais hija magħmula minn blat aċiduz jew kalkarju mħallat.

    Il-klima hija dik tipika tal-muntanji, esposta direttament għall-flussi mill-Punent. Hija kkaratterizzata minn abbundanza ta’ xita (aktar minn 900 millimetru fis-sena) u nuqqas ta’ nixfa fis-sajf. Fil-qalba tal-muntanji, ix-xita spiss taqbeż l-1 500 sa 2 000 millimetru fis-sena. Minħabba l-ambjent muntanjuż, ix-xitwa tkun kiesħa u jinżel ammont kbir ta’ borra. Il-muntanji u l-altitudni jaffettwaw ferm il-kundizzjonijiet tal-klima lokali.

    Il-parti l-kbira tal-art agrikola tintuża bħala mergħa. Ir-reġjun huwa kkaratterizzat minn żvilupp partikolarment kbir ta’ mergħat permanenti fil-muntanji, jew mergħat alpini. Dawn jikkonsistu f’varjetà kbira ta’ veġetazzjoni marbuta mill-varjetà ta’ kondizzjonijiet tal-ambjent (ħamrija, ilma, espożizzjoni, altitudni …) u tal-użu (il-prattika tal-mergħa). 90 % tal-uċuħ miksija ħaxix huma mergħat permanenti ddominati mill-“orchardgrass”, meqjus bħala ħaxixa tajba ħafna għall-għalf, kif ukoll silla bajda u silla ħamra. Wieħed isib ukoll mergħat għall-qtugħ rikki bl-agretta selvaġġa, mergħat għall-qtugħ medji bil-Pimpinella u l-mergħat għall-qtugħ b’ħaxix baxx jew xott bis-salvja tal-għelieqi u l-origanu. L-għelieqi li jintużaw bħala mergħat huma mtarrġa mill-qiegħ tal-widien sal-muntanji f’għoli ta’ aktar minn 2 500 metru.

    Il-fatturi umani

    Waħda mill-karatteristiċi tal-azjendi tal-ħalib fiż-żona ġeografika hija l-użu tal-mergħat alpini fis-sajf. Il-ħajja tal-merħliet hija ferm affettwata mill-istaġuni: dawn jinħarġu mill-istalel fil-bidu ta’ Mejju, jibdew jirgħu fl-għelieqi fil-baxx, imbagħad jittellgħu lejn il-muntanji fil-bidu ta’ Ġunju fejn jibqgħu sal-bidu tax-xahar ta’ Ottubru. Imbagħad tiġi xitwa twila b’ħafna xhur ta’ borra u maltemp. Għaldaqstant tul is-sajf il-bidwi jkollu jaħżen il-ħaxix li jkun ser jagħti lill-merħla minn Novembru sa April (dan jammonta għal madwar 2 000 kilogramma ta’ ħuxlief għal kull baqra għal xitwa sħiħa).

    Biex ilaħħqu ma’ dawn il-kundizzjonijiet ta’ għajxien, il-produtturi tal-ħalib jużaw razez ta’ baqar tal-ħalib li ġejjin mir-reġjuni muntanjużi, adattati għar-restrizzjonijiet fiżiċi u klimatiċi tal-post (morfoloġija adatta għall-mergħa f’għelieqi mżerżqa; tolleranza għas-sħana; kapaċità ta’ użu tar-ragħa fis-sajf u tal-għalf xott fix-xitwa), filwaqt li jipproduċu b’mod regolari ħalib ta’ kwalità.

    L-ikel tal-baqar tal-ħalib huwa magħmul l-aktar minn ħaxix tal-mergħat fis-sajf u minn għalf xott tul ix-xitwa. L-ikel addizzjonali huwa limitat fil-kwantità, biex tinżamm ġestjoni ftit li xejn intensiva tal-bhejjem. Dan l-għalf ma fihx ikel iffermentat li jista’ jaffettwa ħażin ir-riħa u t-togħma tal-ħalib u allura tal-ġobon.

    L-isem “Reblochon de Savoie” ġej mill-kelma “Reblâche” li tfisser “taħleb darb’oħra”. Din il-prattika kienet komuni mis-Seklu Tlettax: il-bidwi li kien jikri mergħa kien ikollu jħallas taxxa lis-sid. Il-baqra ma kinitx tinħaleb kompletament l-ewwel darba imma t-tieni taħliba kienet tipproduċi ammont żgħir ta’ ħalib iżda magħqud ħafna peress li l-aħħar ħalba tipproduċi ħalib mimli xaħam. B’dan l-ammont żgħir ta’ ħalib pjuttost xaħmi, il-produtturi tal-ġobon kienu jagħmlu ġobon kremuż u ta’ daqs żgħir. Għalkemm dan il-ġobon għall-bidu kien klandestin, ir-Reblochon, li mbagħad beda jintuża bħala mezz ta’ ħlas, ħareġ fil-miftuħ fis-Seklu Tmintax u kont issibu fuq l-imwejjed tal-borgeżija, tal-kleru u tan-nobbli.

    Ix-xogħol tal-produttur tal-ġobon, ibbażat fuq l-għarfien tal-antenati, għandu rwol essenzjali fir-rivelazzjoni tal-potenzjal aromatiku tar-“Reblochon”/“Reblochon de Savoie”. Il-ħidma tal-ħalib mhux ippasturizzat u mhux ipproċessat qabel, f’temperatura baxxa jgħin biex dan il-potenzjal joħroġ l-aqwa tiegħu. It-taħlib darbtejn kuljum jeżiġi użu mgħaġġel u eżatt tal-ħalib. It-tħaddim tal-ħalib mhux ippasturizzat jimplika li wieħed irid jaħdem f’tankijiet miftuħa biex il-manifattur ikun jista’ jara u jħoss kwalunkwe bidla fil-ħalib.

    Fil-bidu l-maturazzjoni kienet issir fir-razzett alpin. Wara nxterdet fil-wied fejn il-fatt li hawnhekk kien relattivament aktar aċċessibbli għen sabiex titfaċċa s-sengħa tar-raffinatur. Ir-raffinatur ikollu diversi kompiti, fosthom, li jissorvelja t-temperatura ta’ maturazzjoni peress li din għandha rwol importanti għall-flora fungali (li tagħti lill-qoxra d-dehra karatteristika tagħha). Diversi batterji jiżviluppaw flimkien u wara xulxin fuq wiċċ il-ġobon. Din is-suċċessjoni sseħħ l-aktar minħabba l-iżvilupp tal-pH u l-kontenut ta’ melħ fil-qoxra. Din il-mikroflora, u b’mod partikolari l-Geotrichum candidum, tagħti lir-“Reblochon”/“Reblochon de Savoie” il-“fjoritura” karatteristika, bajda u fina tagħha, iżda tgħin ukoll fl-iżvilupp tal-konsistenza u t-togħma tal-qalba tal-ġobon.

    Il-bejgħ tar-“Reblochon” kiber fis-Seklu Dsatax u ħoloq attività kummerċjali speċifika, megħjuna mill-iżvilupp tal-mezzi ta’ komunikazzjoni. Fl-ewwel nofs tas-Seklu Għoxrin, il-produzzjoni tar-“Reblochon” saħansitra ħarġet lil hinn miċ-ċentru oriġinali tagħha u dan wassal sabiex sa mill-1953, il-produtturi bdew iħarsu l-prodott tagħhom u jistabbilixxu kundizzjonijiet speċifiċi ta’ produzzjoni.

    5.2.   L-ispeċifiċità tal-prodott

    Ir-“Reblochon”/“Reblochon de Savoie” huwa ġobon b’qalba ppressata u mhux imsajra li ġej mill-ħalib tal-baqra sħiħ u mhux ippasturizzat, li ma jiġix ipproċessat qabel il-manifattura.

    Huwa ta’ daqs u piż żgħar u jista’ jinstab ukoll f’verżjoni iżgħar. Għandu forma ta’ ċilindru ċatt, kemmxejn għat-tond.

    Huwa ġobon kremuż li għandu qalba ratba u flessibbli lewn l-avorju u b’togħma ftit mielħa b’aromi lattiċi u nkaljati. Il-qoxra rqiqa u maħsula tiegħu, ta’ lewn safrani hija miksija minn saff fin ta’ moffa bajda (flora fungali).

    5.3.   Rabta każwali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP)

    L-ambjent niedi tal-muntanji li jifforma ż-żona ġeografika kollha jgħin biex il-ħaxix jikber ħafna fir-rebbiegħa u fis-sajf. Il-varjazzjoni fil-kundizzjonijiet tal-ambjent bħall-altitudni u l-espożizzjoni, il-mergħat alpini, it-tip ta’ blat, hija kkaratterizzata minn varjetà kbira botanika tal-mergħat, b’kull ambjent jiżvela varjetà oriġinali ta’ fjuri.

    Diversi speċijiet fosthom għandhom valuri aromatiċi qawwija li jgħinu fil-karatteristiċi tipiċi tar-“Reblochon”/“Reblochon de Savoie”. Il-ħjiel ta’ togħmiet karatteristiċi differenti jistgħu jkunu assoċjati man-natura differenti tal-ħuxlief u l-ħxejjex li wieħed isib fiż-żona ġeografika.

    Dan l-ambjent aħrax huwa restrittiv ħafna għall-merħliet, u r-razez tal-muntanji biss huma kapaċi jadattaw għal stil ta’ ħajja li jikkonsisti f’nuqqas ta’ attività fix-xitwa ġewwa l-istalel fil-wied u ċ-ċaqliq kbir ta’ kuljum fil-mergħat alpini fl-istaġun tas-sajf, li jista’ jkun ta’ diversi mijiet ta’ metri u li jinvolvi tlugħ kontinwu fl-għoli.

    F’dawn il-kundizzjonijiet dawn ir-razez huma kapaċi jipproduċu ħalib mimli proteini u ideali biex jissawwar f’ġobon: il-ġel miksub wara li jiżdied ix-xorrox huwa sod u jagħti rendiment għoli ta’ ġobon.

    Oriġinarjament derivat minn produzzjoni li ġejja minn kwantitajiet żgħar ta’ ħalib mimli xaħam, il-ġobon “Reblochon”/“Reblochon de Savoie” huwa r-riżultat tal-implimentazzjoni ta’ teknoloġija sempliċi (ftit tisħin, koltivazzjoni mgħaġġla, xejn tnixxif fit-tank) li twassal għal żmien ta’ maturazzjoni iqsar.

    B’hekk, il-karatteristiċi organolettiċi tar-“Reblochon”/“Reblochon de Savoie”, huma marbuta sew mal-ikel li jieħdu l-baqar tal-ħalib (ragħa, għalf), magħmul minn flora adattata għall-kundizzjonijiet ambjentali deskritti aktar 'il fuq u maż-żamma tal-għarfien tal-manifatturi tal-ġobon u tar-raffinaturi.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

    (L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (4))

    https://www.inao.gouv.fr/fichier/CDCReblochon.pdf


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

    (2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Mibdul bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (3)  Mibdul bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (4)  Ara n-nota tal-qiegħ 3.


    Top