This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014XC0916(02)
Publication of an amendment application pursuant to Article 50(2)(a) of Regulation (EU) No 1151/2012 of the European Parliament and of the Council on quality schemes for agricultural products and foodstuffs
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ modifika skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ modifika skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
ĠU C 316, 16.9.2014, p. 6–12
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
16.9.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 316/6 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ modifika skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
2014/C 316/06
Din il-pubblikazzjoni tagħti dritt ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).
TALBA GĦAL MODIFIKA
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006
dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (2)
TALBA GĦAL MODIFIKA SKONT L-ARTIKOLU 9
“BROCCIU CORSE”/“BROCCIU”
Nru CE: FR-PDO-0217-01164 — 18.10.2013
IĠP ( ) DPO ( X )
1. Intestatura tal-ispeċifikazzjonijiet li huma soġġetti għall-modifika
—
—
—
—
—
—
—
—
—
2. Tip ta’ modifika(i)
—
—
—
—
3. Modifika(i)
Deskrizzjoni tal-prodott
L-elementi ta’ deskrizzjoni jiddaħħlu b’mod li l-prodott jiġi kkaratterizzat b’mod aktar preċiż:
— |
huwa speċifikat li l-“Brocciu corse”/“Brocciu” huwa “esklussivament” miksub mix-xorrox frisk u mill-ħalib frisk sħiħ tan-nagħaġ u/jew tal-mogħoż użat fl-istat nej; |
— |
huwa speċifikat li l-istat immaturat jikkorrispondi għat-tip “passu”; |
— |
huwa speċifikat li l-kontenut ta’ xaħam ta’ 40 g għal kull 100 g “ta’ ġobon” wara d-dessikazzjoni totali jikkonċerna l-“Brocciu corse”/“Brocciu” tat-tip “frisk”. |
Prova tal-oriġini
Fir-rigward tal-evoluzzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari nazzjonali, it-taqsima “Elementi li jagħtu prova li l-prodott joriġina miż-żona ġeografika” hija kompluta u tiġbor b’mod partikolari l-obbligi dikjarattivi u ż-żamma tar-reġistri relatati mat-traċċabbiltà tal-prodott u mal-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni.
B’mod partikolari hija prevista awtorizzazzjoni tal-operaturi li tirrikonoxxi l-kapaċità tagħhom li jissodisfaw l-eżiġenzi tal-ispeċifikazzjonijiet tal-marka li minnha jieħdu l-benefiċċji.
Metodu ta’ kisba
Sabiex jiġu ċċarati ċerti dispożizzjonijiet tal-metodu ta’ kisba, jiddaħħlu xi preċiżjonijiet:
— |
dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-ikel u s-supplimenti, b’mod partikolari l-oriġini ġeografika tagħhom, jiżdiedu b’mod li tiġi ggarantita r-rabta bejn iż-żona ġeografika u l-prodott:
|
— |
sabiex tiġi kkaratterizzata aħjar il-materja prima użata għall-manifattura tal-“Brocciu corse”/“Brocciu”, għandhom jiżdiedu dispożizzjonijiet rigward il-ħalib użat għall-produzzjoni tal-baqta, ix-xorrox u l-ħalib miżjud:
|
— |
sabiex jiġu deskritti aħjar l-istadji differenti tal-produzzjoni u biex tiġi garantita ż-żamma tal-għarfien espert, huma speċifikati jew miżjuda xi dispożizzjonijiet:
|
— |
kriterji tad-daqs tal-forma huma definiti sabiex ikun hemm definizzjoni aħjar tal-formati differenti: — għall-ġobnijiet ta’ 3 kg: id-dijametru ta’ fuq għandu jkun 200 mm, id-dijametru t’isfel 145 mm u l-għoli 180 mm, — għall-ġobnijiet ta’ 1 kg: id-dijametru ta’ fuq għandu jkun bejn 155 u 160 mm, id-dijametru t’isfel bejn 90 u 120 mm u l-għoli bejn 85 u 120 mm; — għall-ġobnijiet ta’ 500 g: id-dijametru ta’ fuq għandu jkun bejn 110 u 115 mm, id-dijametru t’isfel bejn 90 u 92 mm u l-għoli bejn 80 u 82 mm; — għall-ġobnijiet ta’ 250 g: id-dijametru ta’ fuq għandu jkun bejn 90 u 110 mm, id-dijametru t’isfel bejn 75 u 85 mm u l-għoli 65 mm; |
— |
il-kundizzjonijiet tat-tmelliħ tal-“Brocciu corse”/“Brocciu” tat-tip “passu” huma speċifikati sabiex jiġu rregolati l-prattiki: dan jista’ jsir “f’darba jew aktar minn darba” u l-ewwel tmelliħ għandu jsir fi żmien 24 siegħa wara t-tpoġġija fil-forma. |
Tikkettar
Din it-taqsima hija aġġornata wkoll sabiex ikun hemm identifikazzjoni aħjar tal-prodott:
— |
huwa speċifikat li l-ġobnijiet tax-xorrox li jibbenefikaw mid-denominazzjoni tal-oriġini kontrollata “Brocciu corse”/“Brocciu” għandhom jiġu kkummerċjalizzati b’tikketta individwali, |
— |
it-terminu “Denominazzjoni tal-Oriġini Kontrollata” u l-abbrevjazzjoni “DOK” jitneħħew u jiġu sostiwiti mis-simbolu DPO tal-Unjoni Ewropea, |
— |
huwa indikat li d-dispożizzjonijiet differenti jikkonċernaw ukoll il-kaxex u imballaġġi oħrajn li jkun fihom il-“Brocciu corse”/“Brocciu”. |
Eżiġenzi nazzjonali
Fir-rigward tal-evoluzzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari nazzjonali, it-taqsima “Eżiġenzi nazzjonali” hija ppreżentata fil-forma ta’ tabella tal-punti ewlenin li għandhom jiġu vverifikati, il-valuri ta’ referenza u l-metodi ta’ evalwazzjoni tagħhom.
Oħrajn
— Id-dettalji ta’ kuntatt tal-grupp:
Id-dettalji ta’ kuntatt tal-grupp ġew aġġornati.
— Verifika:
Id-dettalji ta’ kuntatt tal-istrutturi ta’ verifika ġew aġġornati.
Fir-rigward tal-verifika tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DPO “Brocciu corse”/“Brocciu”, huwa speċifikat li din hija organizzata minn pjan ta’ verifika elaborat minn organizzazzjoni ta’ verifika.
— Imballaġġ:
Fir-rigward tal-imballaġġ, l-arranġamenti tal-ippakkjar u tal-preservazzjoni huma miżjuda sabiex jiġu konservati l-kwalitajiet tal-prodott: “It-tekniki ta’ imballaġġ tal-‘Brocciu corse’/‘Brocciu’ għandhom jippermettu li jinżammu l-kwalitajiet fiżikokimiċi u organolettiċi tal-prodott tul il-preżentazzjoni u l-konsum previsti fuq it-tikketta minn min jippakkja. Iż-żieda ta’ kwalunkwe prodott estern fil-produzzjoni tal-‘Brocciu corse’/‘Brocciu’, għajr il-gassijiet tal-imballaġġ awtorizzati mir-regolamentazzjoni dwar l-addittivi li jistgħu jintużaw fil-produzzjoni tal-oġġetti tal-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem, hija pprojbita”.
DOKUMENT UNIKU
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006
dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (3)
“BROCCIU CORSE”/“BROCCIU”
Nru CE: FR-PDO-0217-01164 — 18.10.2013
IĠP ( ) DPO ( X )
1. Denominazzjoni
“Brocciu corse”/“Brocciu”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
Franza
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.3. Ġobon
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għandu d-denominazzjoni msemmija fil-punt 1
Il-“Brocciu corse”/“Brocciu” huwa ġobon tax-xorrox li għandu forma ta’ kon maqtugħ minn fuq.
Il-piż tiegħu huwa bejn 250 g u 3 kg, skont erba’ tipi ta’ forom definiti ta’ 3 kg, 1 kg, 500 g u 250 g.
Jinkiseb esklussivament mix-xorrox frisk tal-mogħoż u/jew tan-nagħaġ li miegħu jiżdiedu l-ħalib frisk sħiħ tan-nagħaġ u/jew tal-mogħoż użat fl-istat mhux ipproċessat u l-melħ.
Huwa kkummerċjalizzat fl-istat frisk jew immaturat (tip “passu”).
Għandu minimu ta’ 40 g ta’ xaħam għal kull 100 g ta’ ġobon wara d-dessikazzjoni totali, u l-kontenut tiegħu ta’ materja niexfa ma jistax ikun taħt 20 g għal kull 100 g ta’ prodott għall-ġobon tad-denominazzjoni tat-tip “frisk”.
It-tip “passu” fih minimu ta’ 35 g ta’ materja niexfa għal kull 100 g ta’ ġobon.
3.3. Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
Ir-razza ovina ta’ Korsika u r-razza kaprina ta’ Korsika biss huma awtorizzati.
Ix-xorrox użat għandu jiġi mill-produzzjoni ta’ baqta friska tal-mogħoż u/jew tan-nagħaġ bin-natura ta’ “kimożina”.
Il-ħalib sħiħ għall-produzzjoni tal-baqta jista’ jintuża għal perjodu massimu ta’ 40 siegħa wara l-eqdem ħelba.
Il-koagulazzjoni tal-ħalib tinkiseb permezz tal-kimożina tradizzjonali jew kummerċjali, b’esklużjoni ta’ kull enzima koagulanti oħra, b’mod partikolari li toriġina mill-fungi jew mill-mikrobi.
It-tneħħija tal-lattożju huwa pprojbit.
Ix-xorrox frisk miġbur, li ma jsirlu l-ebda tibdil, jintuża fi żmien massimu ta’ sagħtejn wara l-produzzjoni tal-ġobon.
Il-pH tax-xorrox miġbur għandu jkun aktar minn jew ugwali għal 6,20.
Il-ħalib miżjud huwa ħalib frisk sħiħ tan-nagħaġ jew tal-mogħoż li jintuża fl-istat nej, fi żmien mhux aktar minn 24 siegħa wara t-tiħlib.
3.4. Ikel għall-annimali (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)
L-ikel ibbażat fuq il-bwar huwa preponderanti.
Suppliment ta’ foraġġ u ta’ konċentrati fuq il-bażi ta’ ċereali prodotti fiż-żona huwa awtorizzat.
Madankollu, kontenut ta’ foraġġ u ta’ konċentrati li ġejjin minn barra ż-żona ta’ produzzjoni huwa aċċettat fil-limitu ta’ 20 % tas-supplimenti.
L-użu tat-tipi kollha ta’ foraġġ iffermentat huwa projbit.
3.5. Stadji speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika delimitata
Il-produzzjoni tal-ħalib u tax-xorrox, il-manifattura u l-maturazzjoni tal-ġobon tax-xorrox għandhom isiru fiż-żona ġeografika.
3.6. Regoli speċifiċi applikabbli għat-tfettit, il-ħakk, l-imballaġġ, eċċ.
It-tekniki ta’ imballaġġ tal-“Brocciu corse”/“Brocciu” għandhom jippermettu li jinżammu l-kwalitajiet fiżikokimiċi u organolettiċi tal-prodott tul il-preżentazzjoni u l-konsum previsti fuq it-tikketta minn min jippakkja.
Iż-żieda ta’ kwalunkwe prodott estern fil-produzzjoni tal-“Brocciu corse”/“Brocciu”, għajr il-gassijiet tal-imballaġġ awtorizzati mir-regolamentazzjoni dwar l-addittivi li jistgħu jintużaw fil-produzzjoni tal-oġġetti tal-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem, hija pprojbita.
3.7. Regoli speċifiċi tat-tikkettar
Il-ġobnijiet tax-xorrox li jibbenefikaw mid-denominazzjoni tal-oriġini kontrollata “Brocciu corse”/“Brocciu” għandhom jiġu kkummerċjalizzati b’tikketta individwali li, minbarra t-termini regolamentari applikabbli għall-ġobnijiet kollha tax-xorrox u għall-oġġetti tal-ikel ippakkjati minn qabel, ikollha l-isem tad-denominazzjoni tal-oriġini u s-simbolu DPO tal-Unjoni Ewropea, it-tnejn miktuba f’tipi ta’ daqs mill-inqas ugwali għal żewġ terzi ta’ dak tal-aktar tipi kbar li jidhru fuq it-tikketta. Id-deskrizzjonijiet “frisk” jew “passu” jidhru b’mod obbligatorju fuq it-tikketta. Id-data ta’ produzzjoni għandha b’mod obbligatorju titniżżel fuq it-tikketta tal-ġobnijiet mibjugħa bid-deskrizzjoni “frisk”.
Dawn l-indikazzjonijiet jitniżżlu wkoll fuq il-kaxex u imballaġġi oħrajn li jkun fihom dawn il-ġobnijiet tax-xorrox.
4. Deskrizzjoni fil-qosor tad-delimitazzjoni taż-żona ġeografika
Iż-żona ġeografika hija magħmula mid-dipartimenti Haute-Corse u Corse-du-Sud.
5. Rabta maż-żona ġeografika
5.1. Speċifiċità taż-żona ġeografika
Il-gżira ta’ Korsika hija kkaratterizzata mill-oriġinalità tal-ambjent naturali tagħha. Tidher bħal muntanja fil-baħar, l-ilma ta’ madwarha jipprovdilha l-preċipitazzjonijiet li l-għoljiet tagħha jwaqqfu. Barra minn hekk, mill-perspettiva tal-klima, il-karatteristiċi Mediterranji tagħha jisparixxu minn ċertu altitudni.
Korsika tibbenefika minn temperaturi moderati u minn ħafna xita iżda b’mod irregolari. Il-preċipitazzjonijiet medji annwali huma sostanzjali relattivament u kwantitattivament. Din is-sistema ta’ preċipitazzjonijiet staġonali u irregolari fil-gżira kollha, tat-tip Mediterranju hija kkaratterizzata minn nixfa kbira fis-sajf.
Ir-razez lokali ta’ nagħaġ u mogħoż adattaw ruħhom b’mod perfett għall-ispeċifitajiet tal-gżira, għall-klima tagħha, għall-artijiet tagħha bil-muntanji u ħorox u għall-veġetazzjoni tagħha, makkja kostitwita minn tapit veġetali kompatt ħafna u b’ħafna flora tfuħ.
In-nagħaġ u l-mogħoż tar-razez ta’ Korsika jagħtu ħafna ħalib meta jitqiesu l-piż u t-trobbija tagħhom.
Waħda mill-bażijiet tal-patrimonju tal-ġobon tal-gżira żgur hija l-oriġinalità tas-sistema tal-produzzjoni tal-ħalib. Ir-riżorsi tal-foraġġ li jikber lokalment b’mod selvaġġ huma sfruttati permezz tal-użu ta’ dawn ir-ruminanti żgħar.
Ir-ragħaj għadu jaħdem b’mod tradizzjonali: trobbija barra, tranżumanza fis-sajf fil-muntanji għoljin u fix-xitwa fil-pjanuri.
Ir-rgħajja ta’ Korsika jipproduċu, skont għarfien li ġej mill-antenati, “Brocciu corse”/“Brocciu” mix-xorrox li jiġi mill-produzzjoni tal-ġobnijiet li jistgħu jkunu differenti skont il-mikroreġjuni tal-gżira (ġobon tan-nagħaġ u/jew tal-mogħoż artab jew ippressat). Il-“Brocciu corse”/“Brocciu” għalhekk huwa s-segwitu loġiku ta’ din il-produzzjoni tradizzjonali ta’ ġobon li timplika l-użu ta’ ħalib frisk mingħajr maturazzjoni minn qabel u l-kisba ta’ baqta ftit aċida b’natura ta’ kimożina. Is-sera miksuba, għalhekk huma sera ħelwin li jintużaw għall-produzzjoni tal-“Brocciu corse”/“Brocciu”.
Dan ix-xorrox frisk jissaħħan f’borma kbira. Wieħed mis-sigrieti tas-suċċess huwa fit-twettiq tat-tisħin li għandu jkun bil-mod u progressiv, biex jippermetti l-koagulazzjoni termali tal-lattoproteini solubbli tax-xorrox frisk u tal-ħalib miżjud tal-mogħoż u/jew tan-nagħaġ, bil-melħ bħala katalizzatur.
5.2. Speċifiċità tal-prodott
Il-“Brocciu corse”/“Brocciu”, li l-kulur tiegħu jista’ jvarja minn abjad pur sal-kulur krema, huwa kkaratterizzat minn għamla iebsa, żejtnija fil-ħalq b’togħma ħafifa u pjaċevoli, ftit immellħa. Aktar ma jkun frisk il-“Brocciu corse”/“Brocciu”, aktar ikun tari u artab.
L-elaborazzjoni tal-“Brocciu corse”/“Brocciu” tippreżenta ċerti partikolaritajiet li jagħtu lill-prodott il-karatteristiċi speċifiċi ta’ finezza, tal-għamla u tat-togħma, b’mod partikolari minħabba l-fatt li jiżdiedu l-melħ u l-ħalib nej sħiħ matul il-produzzjoni.
Minbarra l-konsum tiegħu fl-istat frisk jew maturat, il-“Brocciu corse”/“Brocciu” jintuża wkoll fit-tisjir ta’ speċjalitajiet tipiċi tal-ikel ta’ Korsika bħal pereżempju l-froġa bin-nagħniegħ selvaġġ, l-Imbrucciata (torta) u ċ-Ciaccia (downats).
5.3. Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO), jew kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott (għall-IĠP)
Korsika għandha vokazzjoni storika għat-trobbija tal-ovini u l-kaprini imposta mill-kundizzjonijiet klimatiċi u ġeografiċi tal-ambjent.
Ir-razez lokali ovini u kaprini adattaw ruħhom perfettament għal dan l-ambjent ġeografiku, u dawn jagħtu ħalib b’ħafna materji utli li joffru rendiment sinifikanti ta’ ġobon. Fil-fatt, anki jekk il-kwalità fiżikokimika tal-ħalib tista’ tvarja skont l-istaġuni, meta jitqiesu l-perjodi ta’ transumanza meta l-annimali jimxu ħafna, il-kontenut ta’ xaħam u ta’ proteini tal-ħalib xorta jkun għoli.
Barra minn hekk, il-ġestjoni tar-riżorsi naturali u l-prattika tat-trobbija estensiva jippermettu li jkun hemm kwantità ta’ ħalib relattivament regolari tul il-kampanja tat-tiħlib.
Din ir-rikkezza tal-ħalib tan-nagħaġ u tal-mogħoż ta’ Korsika tippermetti l-produzzjoni tal-“Brocciu corse”/“Brocciu”. Fil-fatt, din il-produzzjoni, li ssegwi l-produzzjoni tradizzjonali tal-ġobon ta’ Korsika, hija l-valorizzazzjoni tal-proteini tas-serum u tax-xaħam fix-xorrox.
Minbarra l-kwalitajiet tal-ħalib, il-metodu tal-produzzjoni tal-ġobon tradizzjonali jispejga wkoll din il-produzzjoni sekondarja. Fil-fatt, il-produzzjoni tal-baqta li ssir bil-kimożina hija rapida u l-baqta li tiġi prodotta hija kkalċifikata ħafna, u dan jippermetti l-qtugħ irqiq ħafna b’effett li tiġi liberata kwantità kbira ta’ proteini solubbli u xaħam fix-xorrox li mbagħad jintuża għall-produzzjoni tal-“Brocciu corse”/“Brocciu”.
Hija din ir-rikkezza tal-ħalib ta’ Korsika li tagħti l-oriġinalità lill-“Brocciu corse”/“Brocciu” minħabba li l-ħalib jiżdied pur u fl-istat nej (“u puricciu”) matul il-produzzjoni, u dan jagħti lill-prodott din l-għamla tarija ħafna u din it-togħma karatteristika li ma teżisti fl-ebda ġobon ieħor tax-xorrox.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet
[Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (4)]
http://agriculture.gouv.fr/IMG/pdf/Cdc-Brocciu_BO_cle8279f6.pdf
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.
(2) ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit mir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.
(3) Sostitwit mir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.
(4) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.