Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XC0710(02)

    Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri kumpensatorji applikabbli għall-importazzjoni ta’ bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika

    ĠU C 217, 10.7.2014, p. 25–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.7.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 217/25


    Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri kumpensatorji applikabbli għall-importazzjoni ta’ bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika

    (2014/C 217/11)

    Wara l-pubblikazzjoni ta’ notifika ta’ skadenza imminenti (1) tal-miżuri kumpensatorji fis-seħħ dwar l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma sussidjati minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).

    1.   Talba għal rieżami

    It-talba tressqet fid-9 ta’ April 2014 mill-European Biodiesel Board (“l-applikant”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 %, tal-produzzjoni totali tal-bijodiżil tal-Unjoni.

    2.   Il-prodott rieżaminat

    Il-prodott li huwa soġġett għal dan ir-rieżami huwa esteri monoalkiliċi tal-aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili, spiss magħruf bħala “bijodiżil”, f’forma pura jew f’taħlita li fiha skont il-piż iktar minn 20 % ta’ esteri monoalkiliċi ta’ aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili, li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika (“il-prodott li qed jiġi rieżaminat”), li bħalissa huwa kklassifikat fil-kodiċi NM ex 1516 20 98, ex 1518 00 91, ex 1518 00 99, ex 2710 19 43, ex 2710 19 46, ex 2710 19 47, ex 2710 20 11, ex 2710 20 15, ex 2710 20 17, ex 3824 90 97, ex 3826 00 10 u ex 3826 00 90.

    3.   Miżuri eżistenti

    Il-miżuri fis-seħħ bħalissa huma dazju kumpensatorju definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 598/2009 (3), u estiż għall-importazzjonijiet ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kanada kif ukoll jekk le, u għall-importazzjonijiet ta’ bijodiżil f’taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 443/2011 (4).

    4.   Raġunijiet għar-rieżami

    It-talba hija bbażata fuq ir-raġunijiet li l-iskadenza tal-miżuri aktarx twassal għal rikorrenza ta’ sussidji u għal rikorrenza ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

    4.1.    Allegazzjoni ta’ probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ sussidjar

    L-applikant ipprovda biżżejjed evidenza li turi li l-produtturi tal-prodott li qed jiġi rieżaminat fl-Istati Uniti tal-Amerika ibbenefikaw u x’aktarx li se jkomplu jibbenefikaw minn għadd ta’ sussidji mogħtija mill-Gvern Federali tal-Istati Uniti tal-Amerika u għadd ta’ sussidji mill-Istat mogħtija mill-Gvernijiet ta’ diversi Stati tal-Istati Uniti tal-Amerika.

    Is-sussidji jikkonsistu, inter alia, minn dħul tal-gvern mhux miġbur, pereżempju krediti tat-taxxa jew rifużjonijiet ta’ taxxa għall-produzzjoni tal-bijodiesel, u trasferiment ta’ fondi diretti u trasferiment dirett potenzjali ta’ fondi, pereżempju għotjiet, self preferenzjali u garanziji ta’ self. Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tinvestiga prattiki ta’ sussidji oħrajn li jistgħu jiġu żvelati matul l-investigazzjoni.

    L-applikanti jallegaw li l-iskemi ta’ hawn fuq huma sussidji billi jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern Federali tal-Istati Uniti tal-Amerika jew Gvernijiet Statali oħrajn u jikkonferixxu benefiċċju lill-produtturi esportaturi tal-bijodiżil. Huwa allegat li dawn huma limitati għal kumpaniji speċifiċi u għalhekk speċifiċi u kumpensatorji.

    4.2.    Allegazzjoni ta’ probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ ħsara

    L-applikant jallega l-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ ħsara. F’dan ir-rigward, l-applikant ippreżenta biżżejjed provi prima facie li, f’każ li l-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell attwali tal-importazzjoni tal-prodott li qed jiġi rieżaminat mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni, aktarx jiżdied b’livelli ta’ prezzijiet dannużi. Dan jiġri minħabba l-eżistenza ta’ kapaċità mhux użata u l-potenzjal tal-faċilitajiet ta’ manifattura tal-produtturi esportaturi fl-Istati Uniti tal-Amerika. Barra minn hekk, is-suq tal-Unjoni huwa attraenti f’termini ta’ volum, minħabba li l-UE hija l-utent globali ewlieni tal-bijodiżil u pajjiżi terzi oħra għandhom miżuri ta’ difiża tal-kummerċ kontra l-prodott li qed jiġi rieżaminat, u dan iżid il-possibbiltà li l-produtturi esportaturi fl-Istati Uniti tal-Amerika jimmiraw is-suq tal-Unjoni.

    Finalment, l-applikant jallega li t-tneħħija tal-ħsara seħħet l-aktar minħabba l-eżistenza tal-miżuri u li jekk dawn jitħallew jiskadu, kull rikorrenza ta’ importazzjonijiet sostanzjali bi prezzijiet sussidjati mill-pajjiż ikkonċernat x’aktarx twassal għal rikorrenza ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

    5.   Proċeduri

    Wara li kkonsultat il-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ddeterminat li teżisti biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza, u għalhekk tagħti bidu għal rieżami skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    Ir-rieżami ta’ skadenza se jiddetermina jekk l-iskadenza tal-miżuri tistax twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ sussidji tal-prodott li qed jiġi rieżaminat li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat, kif ukoll għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

    5.1.    Proċedura biex tiġi ddeterminata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ sussidji

    Il-produtturi esportaturi (5) tal-prodott li qed jiġi rieżaminat mill-pajjiż konċernat, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    5.1.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

    5.1.1.1.   Il-proċedura biex jintgħażlu produtturi esportaturi li għandhom jiġu investigati fl-Istati Uniti tal-Amerika - Teħid tal-kampjuni

    Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fl-Istati Uniti tal-Amerika li huma involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex titlesta l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li għandhom jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjuni”). Il-kampjunar se jsir skont l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

    Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/kumpaniji tagħhom, kif mitlub fl-Anness I ta’ din in-notifika.

    Biex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika u tista’ tikkuntattja lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien għad-dispożizzjoni. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiż kkonċernat u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż kkonċernat jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li teħtieġ għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħżula għall-kampjun, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika.

    Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex ikunu parti mill-kampjun, kull assoċjazzjoni ta’ produtturi esportaturi magħrufa u l-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika se jkollhom jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw (“il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun”).

    5.1.2.   L-investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati  (6)  (7)

    Importaturi tal-prodott li qed jiġi investigat mill-Istati Uniti tal-Amerika, li mhumiex relatati, huma mistiedna jieħdu sehem f’din l-investigazzjoni.

    Minħabba l-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza u sabiex titlesta l-investigazzjoni fit-termini perentorji statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-importaturi mhux relatati li se jkunu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir skont l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

    Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, l-importaturi mhux relatati kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/kumpaniji tagħhom, kif mitlub fl-Anness II ta’ din in-notifika.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ fl-Unjoni tal-prodott li qed jiġi rieżaminat, li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien għad-dispożizzjoni. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet ta’ importaturi kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula li se jkunu fil-kampjun.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    5.2.    Proċedura biex tiġi ddeterminata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ ħsara

    Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qed jiġi rieżaminat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    5.2.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni — Teħid ta’ kampjuni

    Minħabba li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex ittemm l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita għal għadd raġonevoli l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). It-teħid tal-kampjuni jsir f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

    Il-Kummissjoni għażlet proviżorjament kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl li huwa għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (biex jagħmlu dan iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni billi jużaw id-dettalji ta’ kuntatt mogħtija fit-taqsima 5.6 hawn taħt). Produtturi oħrajn tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi l-produtturi tal-Unjoni li ma kkooperawx fl-investigazzjoni(jiet) li wasslu għall-miżuri fis-seħħ, li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn għandhom ikunu inklużi fil-kampjun iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-produtturi tal-Unjoni u/jew l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar liema kumpaniji jkunu finalment intgħażlu biex jiġu inklużi fil-kampjun.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    5.3.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

    Jekk tiġi kkonfermata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ sussidji u ħsara, tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku, dwar jekk il-fatt li jinżammu l-miżuri kumpensatorji imurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi jridu juru, fl-istess limitu ta’ żmien, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi rieżaminat.

    Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom qabel il-limitu ta’ żmien ta’ hawn fuq jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata jew f’format ħieles jew billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. F’kull każ, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 31 se titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali.

    5.4.    Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

    Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna biex juru fehmiethom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    5.5.    Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

    Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

    5.6.    Istruzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza.

    Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’dan l-avviż, il-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali jkunu mmarkati bħala “Ristretti (8).

    Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Ristretta” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament bażiku, li se jiġu mmarkati bil-kliem “Għall-konsultazzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji jridu jkunu dettaljati biżżejjed sabiex is-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli. Jekk parti interessata li tippreżenta informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u tal-kwalità mitluba, din l-informazzjoni tista’ tiġi injorata.

    Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz tal-posta elettronika inklużi dokumenti skennjati ta’ prokuri u dokumenti ta’ ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet voluminużi li għandhom jiġu sottomessi fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz ta’ ittra reġistrata. Permezz ta’ ittra elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDANCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” ippubblikat fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz tal-posta elettronika validu u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut huwa indirizz elettroniku tax-xogħol uffiċjali li jaħdem u li jiġi kkonsultat kuljum. Ladarba d-dettalji ta’ kuntatt huma stabbiliti, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, sakemm ma jkunx hemm talba li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni għandhom jintbagħtu permezz ta’ mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma jkunx jeħtieġ l-użu ta’ posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

    L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

    European Commission

    Directorate-General for Trade

    Directorate H

    Office: N105 08/020

    Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    Posta Elettronika

    :

    trade-biodiesel-USA-subsidy@ec.europa.eu

    trade-biodiesel-USA-injury@ec.europa.eu

    6.   In-nuqqas ta’ kooperazzjoni

    F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fil-limiti ta’ żmien stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet, kemm jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

    Jekk jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata, u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

    Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss, u r-riżultati huma għalhekk imsejsa fuq fatti disponibbli konformi mal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.

    In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma jitqiesx bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, bil-kundizzjoni li l-parti interessata tindika li jekk tippreżenta t-tweġiba kif mitlub jinħoloq piż żejjed mhux raġonevoli jew kostijiet żejda mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tikkuntattja lill-Kummissjoni minnufih.

    7.   L-Uffiċjal tas-Seduta

    Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jaġixxi ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina mill-ġdid it-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim li jirrigwarda l-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti ta’ żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jiġu eżerċitati b’mod sħiħ.

    It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limiti ta’ żmien speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

    L-Uffiċjal tas-Seduta se jipprovdi wkoll il-possibbiltà li jsir smigħ li jinvolvi lill-partijiet bl-għan li jippermettilhom jippreżentaw fehmiet differenti u li jressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost l-oħrajn, il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ sussidju u ħsara, ir-rabta każwali u l-interess tal-Unjoni.

    Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni elettroniċi tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit elettroniku tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/degucht/contact/hearing-officer/.

    8.   Skeda tal-investigazzjoni

    L-investigazzjoni tintemm, skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    9.   Il-possibbiltà li titlob għal reviżjoni skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku

    Billi dan ir-rieżami ta’ skadenza jingħata bidu f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, is-sejbiet tiegħu mhux se jwasslu biex il-miżuri eżistenti jiġu emendati iżda biex dawn il-miżuri jitħassru jew jinżammu skont l-Artikolu 22(3) tar-Regolament bażiku.

    Jekk xi parti interessata tqis li jkun iġġustifikat li jsir rieżami tal-miżuri, sabiex ikun possibbli li l-miżuri jiġu emendati, din il-parti tista’ titlob li jsir rieżami skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku.

    Il-partijiet li jixtiequ jitolbu għal rieżami ta’ dan it-tip, li jsir indipendentement mir-rieżami ta’ skadenza msemmi f’din in-notifika, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.

    10.   Trattament tad-dejta personali

    Kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (9).


    (1)  Notifika tal-iskadenza imminenti ta’ ċerti miżuri kumpensatorji (ĠU C 289, 4.10.2013, p. 11).

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 598/2009 tas-7 ta’ Lulju 2009 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv u jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 179, 10.7.2009, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 443/2011 tal-5 ta’ Mejju 2011 li jestendi d-dazju kompensatorju definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 598/2009 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika għall-importazzjonijiet tal-bijodiżil ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kanada, kif ukoll jekk le, u li jestendi d-dazju kompensatorju definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 598/2009 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil f’taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika, u li jwaqqaf l-investigazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet ikkunsinnati minn Singapor (ĠU L 122, 11.5.2011, p. 1).

    (5)  Produttur esportatur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, jew direttament jew inkella permezz ta’ parti terza, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat.

    (6)  Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. Għad-definizzjoni ta’ parti relatata ara n-nota 5 fl-Anness 1 jew in-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 fl-Anness II.

    (7)  Id-dejta mogħtija minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll biex jiġu eżaminati aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni, apparti d-determinazzjoni tas-sussidju.

    (8)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 29 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93) u l-Artikolu 12 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji. Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

    (9)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


    ANNESS I

    Image Image

    ANNESS II

    Image Image

    Top