Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XC0627(05)

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    ĠU C 198, 27.6.2014, p. 39–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.6.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 198/39


    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    (2014/C 198/07)

    Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għall-oġġezzjoni għall-applikazzjoni, skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

    DOKUMENT UNIKU

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

    “PEMENTO DE MOUGÁN”

    Nru tal-KE: ES-PGI-0005-01133 — 26.07.2013

    IĠP ( X ) DPO ( )

    1.   Isem

    “Pemento de Mougán”

    2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

    Spanja

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    3.1.   Tip ta’ prodott

    Klassi 1.6: Frott, ħxejjex u ċereali friski jew ipproċessati

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1

    Il-“Pemento de Mougán” huwa l-frott tal-ispeċi Capsicum annuum L., tal-ekotip lokali magħruf bħala Pemento de Mougán. Dan huwa frott semikartilaġinuż li jkollu lewn ħadrani qabel ma jimmatura u jsir aħmar meta jimmatura. Il-frott għandu għamla kwadra (A4, skont Pochard, 1966), u jiġi klassifikat skont il-forma tiegħu (eż. bħala CMV3L — cuadrado morro de vaca tres lóbulos — kwadru, tat-tip “morro de vaca”, bi tliet lobi), u jinqata’ meta jkun għadu aħdar (ferm qabel jimmatura) u jitqiegħed fis-suq fi stat frisk.

    Dawn huma l-karatteristiċi tal-frott maħsub biex jitqiegħed fis-suq

    —   Forma: sezzjoni lonġitudinali kwadra u sezzjoni trasversali kemxejn immewwġa, u t-tarf ta’ fuq tiegħu jkollu tliet jew erba’ ponot.

    —   Piż: bejn 6 u 15 g kull unità.

    —   Tul tal-frott: bejn 3 u 6,5 cm.

    —   Wisa’: bejn 2,5 u 4 cm.

    —   Il-pedunkulu: bejn 2 u 5 cm, u dejjem iqsar mit-tul tal-frott. Dan ikun iebes u mibrum.

    —   Qoxra: ta’ lewn aħdar skur u tleqq.

    —   Ħxuna tal-qoxra jew laħam: irqiqa, bejn wieħed u ieħor 1,5 mm.

    —   Togħma: laħam b’konsistenza fina u mmerrqa, benna ħelwa, kemxejn erbaċea u xi kultant pikkanti, u b’aroma ta’ intensità moderata.

    3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

    3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

    3.5.   Stadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita

    L-istadji tal-kultivazzjoni għandhom isiru kollha fiż-żona ġeografika ddefinita; żona li fiha jseħħu l-aħjar kundizzjonijiet naturali għall-iżvilupp ta’ dan l-ekotip lokali ta’ bżar.

    Jistgħu jintużaw biss żrieragħ li jkunu tat-tipi magħżulin; dawn jiżguraw li jinkiseb prodott tal-aqwa kwalità.

    Il-preparazzjoni tal-mixtla u taż-żrigħ issir bejn ix-xhur ta’ Diċembru u Jannar. Wara li tinbet, u meta x-xitla tilħaq tul ta’ madwar 5 cm, din tinqala’ minn postha u titħawwel f’tilari b’ħofor żgħar. Jista’ jintuża wkoll il-metodu tradizzjonali taż-żrigħ fl-art, segwit bil-proċess tal-qlugħ tax-xitla biex titħawwel xi mkien ieħor.

    Il-kultivazzjoni tista’ ssir fl-apert jew f’post mgħotti. Fl-ewwel każ, it-tħawwil isir minn April sa Ġunju, b’densitajiet ta’ bejn tliet u sitt xtieli kull metru kwadru. Fil-każ ta’ kultivazzjoni f’post mgħotti, it-tħawwil isir f’Marzu jew f’April, b’densitajiet ta’ bejn żewġ u erba’ xtieli kull metru kwadru.

    Il-ħsad isir bl-idejn għal diversi drabi; kemm ikun meħtieġ sabiex jinkiseb frott ta’ kwalità. Jintużaw il-mezzi materjali (għodod, kaxex jew kontenituri, eċċ.) u umani meħtieġa biex ma ssirx ħsara lill-prodott. Il-ġarr tal-prodott lejn il-maħżen fejn ikun se jiġi pproċessat il-bżar għandu jsir kemm jista’ jkun malajr, f’kaxex jew f’xi tip ieħor ta’ reċipjenti riġidi biex il-prodott ma jitgħaffiġx. Il-ħatt isir b’tali mod li jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-effetti ta’ meta l-prodott jitħalla jaqa’.

    Inġenerali, il-perjodu tal-ħsad u tat-tqegħid fis-suq tal-prodott jibda fl-1 ta’ Ġunju u jintemm fil-15 ta’ Novembru, u l-produzzjoni massima permessa hija ta’ 6 kg kull metru kwadru għall-frott imkabbar fl-apert u ta’ 8 kg kull metru kwadru għall-kultivazzjoni f’post mgħotti, iżda dawn il-parametri jistgħu jiġu mmodifikati skont il-kundizzjonijiet meteoroloġiċi ta’ kull staġun.

    3.6.   Regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.

    L-ippakkjar tal-prodott għandu jsir fiż-żona ġeografika ddefinita (Ayuntamiento de Guntín), sabiex tinkiseb il-protezzjoni effikaċi tal-karatteristiċi partikulari u tal-kwalità tal-“Pementos de Mougán”. Dan huwa ġġustifikat mill-fatt li, peress li dan huwa prodott delikat li jista’ jitħassar malajr u li jitqiegħed fis-suq fi stat frisk, trid tingħata l-akbar attenzjoni waqt l-ipproċessar, l-għażla preliminarja tal-ippakkjar u l-ippakkjar innifsu. Normalment, l-ippakkjar isir fl-ewwel 24 siegħa ta’ wara l-ħsad tal-prodott. L-għażla tal-prodott, li ssir kemm fl-għelieqi kif ukoll waqt l-ippakkjar, ma ssirx biss biex jintgħażel il-prodott li jkollu l-karatteristiċi morfoloġiċi deskritti kollha, iżda ssir wkoll biex jiġi eliminat dak il-frott li jista’ jkollu togħma pikkanti wisq; din il-karatteristika titqawwa mad-daqs tal-bżaru, mal-irregolarità tal-forma tiegħu u mal-ebusija tal-laħam tiegħu. Bis-saħħa tal-esperjenza tagħhom, il-bdiewa taż-żona jagħrfu dawn il-karatteristiċi kważi mad-daqqa t’għajn.

    Il-bżar tal-IĠP “Pemento de Mougán” jitqiegħed fis-suq f’boroż tal-polietilen trasparenti li l-kapaċità tagħhom tista’ tvarja bejn 200 u 400 gramma ta’ prodott. Jistgħu jiġu awtorizzati daqsijiet oħra, kif ukoll materjali tal-ippakkjar oħra, fil-limiti ta’ dawk permessi mil-leġiżlazzjoni alimentari.

    3.7.   Regoli speċifiċi għat-tikkettar

    Il-bżar imqiegħed fis-suq kopert mill-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Pemento de Mougán” għandu jkollu t-tikketta kummerċjali li tikkorrispondi ma’ kull produttur/azjenda tal-ippakkjar, u tikketta tal-IĠP (kontratikketta), b’kodiċi alfanumeriku li jintuża taħt is-superviżjoni tal-organu ta’ spezzjoni, u bil-logo uffiċjali tad-Indikazzjoni Ġeografika Protetta li tidher hawn taħt:

    Image

    4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

    Iż-żona ġeografika tal-IĠP “Pemento de Mougán” hija magħmula mit-territorju kollu tal-Ayuntamiento de Guntín, li jinsab fil-Comarca ta’ Lugo, fil-Galizja.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika

    5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

    Iż-żona ddefinita tifforma territorju omoġenju mill-aspett klimatiku u dak pedoloġiku. Din hija żona protetta minn muntanji li jdawru l-widien tal-produzzjoni, u dawn joħolqu karatteristiċi klimatiċi partikulari, li jwasslu għall-aħjar tip ta’ art għall-kultivazzjoni ta’ dan il-prodott. Il-formazzjonijiet litoloġiċi l-aktar komuni huma ta’ blat ignew (granit) u metamorfiku (lavanja, skistu u xi partijiet ta’ kwarz). Fir-rigward tal-konsistenza tal-ħamrija, din hija kkaratterizzata minn kontenut għoli ta’ ramel, u l-aktar tip komuni ta’ ħamrija hija dik ikklassifikata bħala franka-ramlija b’kontenut għoli ta’ materjal organiku u b’pH baxx.

    Din hija żona li fiha ma tagħmilx ħafna xita –madwar 1 000 mm- meta mqabbel mal-bqija tal-Galizja, peress li hija protetta mill-irjieħ tal-Punent. Dan kollu joħloq ċertu “dell” pluvjometriku, b’madwar 130 ġurnata ta’ preċipitazzjoni ta’ 1 mm jew aktar.

    Fir-rigward tat-temperaturi, fis-sajf it-temperatura medja tkun 17,2 °C, fil-ħarifa tkun 12,5 °C, fix-xitwa tkun 6,7 °C u fir-rebbiegħa tkun 10,5 °C. It-temperatura medja tat-temperaturi massimi, fis-sajf tkun 23,4 °C, fil-ħarifa tkun 17,2 °C, fix-xitwa tkun 9,9 °C u fir-rebbiegħa tkun 15,3 °C. It-temperatura medja tat-temperaturi minimi, fis-sajf tkun 11,1 °C, fil-ħarifa tkun 7,8 °C, fix-xitwa tkun 3,5 °C u fir-rebbiegħa tkun 5,6 °C.

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ispeċifiċità territorjali, wieħed għandu jenfasizza l-fattur uman. Il-prassi tradizzjonali li jsegwu l-bdiewa lokali, fejn iżommu u jagħżlu l-aħjar xtieli u mixtliet, filwaqt li jadattaw it-tekniki ta’ produzzjoni għall-kundizzjonijiet tat-territorju, huma kruċjali biex jinkiseb dan il-prodott. Il-proċess ta’ għażla segwit lokalment, kif ukoll il-prekawzjonijiet li jittieħdu biex jiġu evitati l-ibridazzjonijiet mhux mixtieqa, kien fattur deċiżiv biex jinkiseb prodott ta’ bżar omoġenju.

    5.2.   Speċifiċità tal-prodott

    Dan huwa ekotip lokali adattat għall-kundizzjonijiet taż-żona ta’ produzzjoni. Fost dawn il-karatteristiċi speċifikiċi jispikkaw il-morfoloġija tiegħu (li hija ta’ bżaru ta’ daqs żgħir li jittiekel fi stat frisk), il-qoxra rqiqa u l-karatteristiċi kulinarji tiegħu, li fosthom jispikkaw l-aktar il-konsistenza tiegħu, fina u mmerqa, u t-togħma ħelwa, kemxejn erbaċea u xi kultant pikkanti.

    5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għall-IĠP)

    Il-“Pemento de Mougán” huwa ekotip lokali li ilu jiġi kkultivat mill-bdiewa ta’ Guntín sa minn żmien twil ilu. Minħabba l-produzzjoni limitata tiegħu, u peress li d-distribuzzjoni tiegħu baqgħet baxxa tul iż-żmien, il-kultivazzjoni ta’ dan il-prodott qatt ma ħarġet miż-żona ġeografika msemmija, għalkemm teżisti evidenza li kien hemm emigranti li ħadu magħhom xtieli biex jipproduċu dan il-bżar f’żoni oħra ta’ Spanja, iżda dawn ftit li xejn irnexxielhom; dan kollu jixhed l-importanza tal-ekosistema ta’ produzzjoni biex il-prodott jikseb il-kwalitajiet tipiċi tiegħu.

    L-isem tad-DPO, “Mougán”, huwa isem ġeografiku li jikkorrispondi għall-parroċċa tal-Ayuntamiento de Guntín li minnha jitlaq il-bżar, permezz tat-trasport pubbliku, lejn id-destinazzjoni tiegħu fis-suq tal-belt. Din il-parroċċa tmiss ma’ dik ta’ Mosteiro, fejn jinsab il-monasteru tradizzjonalment assoċjat mal-bidu tal-għażla u l-kultivazzjoni ta’ dan it-tip ta’ bżar.

    Fiż-żona ddefinita jeżistu l-kundizzjonijiet idonei għall-kultivazzjoni tal-“Pemento de Mougán”, li fil-qosor huma: umdità relattiva għolja, temperaturi moderati, varjazzjoni termika baxxa, ħamrija kemxejn aċiduża, u ċirkulazzjoni tal-arja suffiċjenti li tgħin biex il-polline jiġi ttrasferit minn xitla għal oħra. Din il-klima umda, bi sjuf moderati u varjazzjonijiet termiċi baxxi, hija element kruċjali biex jinkisbu l-karatteristiċi proprji tal-“Pemento de Mougán”, speċjalment fir-rigward tal-ħxuna u l-konsistenza tal-laħam tal-bżar. Ma’ dan wieħed irid iżid l-esperjenza tal-bdiewa lokali, li matul iż-żmien dejjem għażlu l-aktar xtieli adattati għal dawn il-kundizzjonijiet u li jipproduċu l-bżar bl-aqwa kwalitajiet, sakemm kisbu dan l-ekotip lokali, tipiku ta’ dan it-territorju.

    L-oriġini tal-“Pemento de Mougán” imorru lura sas-seklu XVIII u huma assoċjati mal-Monasterio de Ferreira de Pallares, li minnu kien jiddependi l-monasteru li kien jinsab fil-parroċċa ta’ Mosteiro, li tmiss ma’ dik ta’ Mougán. Skont l-istorja, kienu l-patrijiet li introduċew iż-żerriegħa tal-bżaru f’din il-comarca.

    Tradizzjonalment, it-tqegħid fis-suq ta’ dan il-bżar kien isir fis-swieq agrikoli ta’ Lousada, Portomarín u Grolos, u l-aktar, fis-suq ta’ Plaza de Abastos f’Lugo, li hija l-belt kapitali tal-provinċja.

    Fil-“Mapas nacionales de abastecimientos del ministerio de industria y comercio de la provincia de Lugo” insibu referenza li nkitbet fis-snin 1943-1946 dwar din il-kultivazzjoni fl-Ayuntamiento de Guntín. Insibu referenzi oħra għal din il-kultivazzjoni fiċ-Ċensiment agrarju tal-1962.

    Fir-rigward tal-festeġġament u tal-promozzjoni ta’ dan il-prodott, għandha tissemma l-“Pementada de Mougán” li ilha tiġi ċċelebrata mill-1997 u li taħbat fl-ewwel Ġimgħa tax-xahar ta’ Awwissu. Sa mill-1999, fil-parroċċa ta’ Grolos, fil-jum tal-14 ta’ Awwissu tiġi ċċelebrata wkoll il-festa tal-promozzjoni ta’ dan il-bżar. Barra minn hekk, fil-belt kapitali muniċipali tiġi ċċelebrata l-“Festa do Pemento de Mougán” li taħbat fl-aħħar Sibt tax-xahar ta’ Awwissu.

    Fil-qosor, ir-reġistrazzjoni tal-prodott bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta hija bbażata fuq il-karatteristiċi speċifiċi tiegħu, li huma marbuta mat-territorju, peress li huwa ekotip ta’ bżar adattat għall-kundizzjonijiet ta’ din iż-żona ġeografika, b’konsegwenza tal-għażla li saret tul is-sekli mill-bdiewa lokali.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet

    (L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (3))

    Diario Oficial de Galicia no 101, tad-29 ta’ Mejju 2013.

    http://www.xunta.es/dog/Publicados/2013/20130529/AnuncioG0165-210513-0008_es.pdf


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

    (2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (3)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 2.


    Top