Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XC0130(02)

    Notifika ta' bidu ta' rieżami ta' skadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    ĠU C 27, 30.1.2014, p. 15–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.1.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 27/15


    Notifika ta' bidu ta' rieżami ta' skadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    (2014/C 27/11)

    Wara l-pubblikazzjoni ta’ notifika ta’ skadenza imminenti (1) tal-miżuri antidumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).

    1.   Talba għal rieżami

    It-talba tressqet fl-1 ta' Ottubru 2013 mill-European Industrial Fasteners Institute (“l-applikant”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar.

    2.   Prodott taħt rieżami

    Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar, għajr dawk magħmula minn azzar inossidabbli, jiġifieri, viti għall-injam (minbarra l-coach screws - viti b’ras eżagonali biex jiddawru bi spanner), viti li jaqbdu kamin waħedhom (self-tapping), viti u boltijiet oħrajn bir-ras (sew jekk bl-iskorfini u l-woxers tagħhom u sew jekk le, iżda li ma jinkludux il-viti mdawrin minn biċċiet, vireg, profili jew wajer, ta' qatgħa solida, bil-parti dritta mhux eħxen minn 6 mm, u li ma jinkludux il-viti u l-boltijiet biex jitwaħħal materjal tal-kostruzzjoni ta' linji ferrovjarji), kif ukoll woxers, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, (“il-prodott li qed jiġi rieżaminat”).

    3.   Miżuri eżistenti

    Il-miżuri li hemm fis-seħħ attwalment jikkonsistu f'dazju tal-antidumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009 (3), kif ġie emendat l-aħħar permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 924/2012 (4), u estiż għall-importazzjonijiet ikkonsenjati mill-Malasja, sew jekk ikunu ddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u sew jekk le, mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 723/2011 (5), kif ġie emendat l-aħħar permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 693/2012 (6).

    4.   Raġunijiet għar-rieżami

    It-talba hija bbażata fuq ir-raġunijiet li l-iskadenza tal-miżuri aktarx twassal għal rikorrenza ta’ dumping u għal rikorrenza ta' ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

    4.1.    Allegazzjoni ta' probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping

    Billi, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina titqies bħala pajjiż li l-ekonomija tiegħu mhijiex waħda tas-suq, l-applikant stabbilixxa valur normali għall-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina abbażi tal-prezzijiet imħallsa jew li jistgħu jitħallsu f’pajjiżi terzi b’ekonomija tas-suq, li f'dan il-każ huma l-Indja u l-Istati Uniti tal-Amerika. L-applikant jallega li l-volum tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkunsidrat, ġej direttament mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-Unjoni, huwa limitat u ma jidhirx li kien l-oġġett ta’ dumping, minħabba konċentrazzjoni evidenti ta' esportazzjonijiet lejn l-Unjoni fuq tipi ta’ prodotti ta’ valur għoli u minħabba l-inkonsistenzi bejn il-prezzijiet offruti u l-prezzijiet li fil-fatt jintużaw. Għalhekk, l-applikant jibbaża t-talba tiegħu fuq l-allegazzjoni tal-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping. L-allegazzjoni tal-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping hija bbażata fuq paragun tal-valur normali stabbilit b’dan il-mod, mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell tal-ħruġ tax-xogħol mill-fabbrika) tal-prodott li qed jiġi rieżaminat meta jkun mibjugħ għall-esportazzjoni lill-Istati Uniti tal-Amerika, u l-prezz offrut għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni meta l-prodott li qed jiġi rieżaminat ikun trasbordat minn pajjiżi terzi.

    Abbażi tal-paraguni ta' hawn fuq, li juru l-preżenza ta' dumping, l-applikant jallega li x'aktarx hemm rikorrenza ta' dumping min-naħa tal-pajjiż ikkonċernat.

    4.2.    Allegazzjoni ta’ probabbiltà ta' rikorrenza ta’ ħsara

    L-applikant jallega l-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ ħsara. F'dan ir-rigward, l-applikant ippreżenta biżżejjed provi prima facie li, f'każ li l-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell attwali tal-importazzjoni tal-prodott li qed jiġi rieżaminat mill-pajjiż ikkonċernat għall-Unjoni, aktarx jiżdied b'livelli ta' prezzijiet dannużi. Dan minħabba, l-ewwel nett, il-potenzjal tal-faċilitajiet ta’ manifattura tal-produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. It-tieni nett, is-suq tal-Unjoni huwa attraenti f’termini ta’ volum, u pajjiżi terzi oħra għandhom miżuri ta’ difiża tal-kummerċ kontra l-prodott li qed jiġi rieżaminat, u dan iżid il-possibbiltà li l-produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina jimmiraw lejn is-suq tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, il-livell attwali tal-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-prodott li qed jiġi rieżaminat mill-pajjiż ikkonċernat lejn swieq ta’ pajjiżi terzi oħra huwa sinifikattivament inqas mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni.

    Finalment, l-applikant jallega li t-tneħħija tal-ħsara seħħet l-aktar minħabba l-eżistenza tal-miżuri u li jekk dawn jitħallew jiskadu, kull rikorrenza ta' importazzjonijiet sostanzjali bi prezzijiet ta' dumping mill-pajjiż ikkonċernat x'aktarx twassal għal rikorrenza ta' ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

    5.   Proċedura

    Hekk kif iddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed provi biex jiġi ġustifikat il-bidu ta' rieżami ta' skadenza, il-Kummissjoni tagħti bidu, permezz ta' din in-notifika, għal rieżami f'konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

    Ir-rieżami ta' skadenza se jiddetermina jekk l-iskadenza tal-miżuri tistax twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping tal-prodott li qed jiġi rieżaminat li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat, kif ukoll għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

    5.1.    Proċedura biex tiġi ddeterminata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta' rikorrenza ta’ dumping

    Il-produtturi esportaturi (7) tal-prodott li qed jiġi rieżaminat mill-pajjiż ikkonċernat, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni(jiet) li wasslet/wasslu għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    5.1.1.   Investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

    5.1.1.1.   Proċedura għall-għażla tal-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    (a)   Kampjunar

    Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li huma involuti f’dan ir-rieżami ta' skadenza, u sabiex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li għandhom jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir f'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, qegħdin b'dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/kumpaniji tagħhom, kif mitlub fl-Anness I ta’ din in-notifika.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u għandha mnejn tikkuntattja lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi esportaturi.

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Jekk ikun hemm bżonn ta' kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta' esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien għad-dispożizzjoni. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet ta' produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat, jekk dan ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħżula għall-kampjun, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

    Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex ikunu parti mill-kampjun, kull assoċjazzjoni ta' produtturi esportaturi magħrufa u l-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina se jkollhom jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-kwestjonarju se jitlob informazzjoni dwar, fost l-oħrajn, l-istruttura tal-kumpanija/kumpaniji tal-produttur esportatur, l-attivitajiet tal-kumpanija/kumpaniji b'rabta mal-prodott li qed jiġi rieżaminat, il-kost tal-produzzjoni, il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi rieżaminat fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi rieżaminat lill-Unjoni.

    Bla ħsara għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw (“il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun”).

    5.1.2.   Proċedura addizzjonali marbuta mal-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma għandux ekonomija tas-suq

    5.1.2.1.   L-għażla ta’ pajjiż terz b’ekonomija tas-suq

    F'konformità mal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta' importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-valur normali se jiġi ddeterminat abbażi tal-prezz jew tal-valur mibni f'pajjiż terz b’ekonomija tas-suq.

    Fl-investigazzjoni preċedenti, l-Indja ntużat bħala pajjiż terz b'ekonomija tas-suq bil-għan li jiġi stabbilit il-valur normali fir-rigward tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Għall-fini ta’ din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni tippjana li terġa' tuża l-Indja. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkummentaw dwar l-adegwatezza ta' din l-għażla fi żmien għaxart ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    5.1.3.   Investigazzjoni ta' importaturi mhux relatati  (8)  (9)

    L-importaturi mhux relatati tal-prodott li qed jiġi rieżaminat, esportat mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina lejn l-Unjoni, huma mistiedna jieħdu sehem f'din l-investigazzjoni.

    Minħabba l-għadd potenzjalment kbir ta' importaturi mhux relatati involuti f'dan ir-rieżami ta' skadenza u sabiex tlesti l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista' tillimita għal għadd raġonevoli l-importaturi mhux relatati li se jkunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir f'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, l-importaturi mhux relatati kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, qegħdin b'dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/kumpaniji tagħhom, kif mitlub fl-Anness II ta’ din in-notifika.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta' importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista' tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta' importaturi.

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Jekk ikun hemm bżonn ta' kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta' bejgħ tal-prodott li qed jiġi rieżaminat fl-Unjoni li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien għad-dispożizzjoni. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet ta' importaturi kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-kwestjonarju se jitlob informazzjoni dwar, fost l-oħrajn, l-istruttura tal-kumpanija/kumpaniji tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija/kumpaniji b'rabta mal-prodott li qed jiġi rieżaminat, u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi rieżaminat.

    5.2.    Proċedura biex tiġi ddeterminata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta' rikorrenza ta’ ħsara

    Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qed jiġi rieżaminat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    5.2.1.   Investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

    Minħabba li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f'dan ir-rieżami ta' skadenza, u sabiex ittemm l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita għal għadd raġonevoli l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar jitwettaq f'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    Il-Kummissjoni għażlet proviżorjament kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl li huwa għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b'dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (biex jagħmlu dan iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni billi jużaw id-dettalji ta' kuntatt mogħtija fit-taqsima 5.6 hawn taħt). Produtturi oħrajn tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi l-produtturi tal-Unjoni li ma kkooperawx fl-investigazzjoni(jiet) li wasslu għall-miżuri fis-seħħ, li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn għandhom ikunu inklużi fil-kampjun iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-produtturi tal-Unjoni u/jew l-assoċjazzjonijiet ta' produtturi tal-Unjoni kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar liema kumpaniji jkunu finalment intgħażlu biex jiġu inklużi fil-kampjun.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-kwestjonarju se jitlob informazzjoni dwar, fost l-oħrajn, l-istruttura tal-kumpanija/kumpaniji tagħhom u l-qagħda finanzjarja u ekonomika tal-kumpanija/kumpaniji.

    5.3.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

    Jekk tiġi kkonfermata l-probabbiltà ta' tkomplija jew ta' rikorrenza ta’ dumping u ħsara, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma ta’ miżuri antidumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi jridu juru, fl-istess limitu ta' żmien, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi rieżaminat.

    Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom qabel il-limitu ta' żmien ta' hawn fuq jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista' tingħata jew f'format ħieles jew billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 21 se titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b'evidenza fattwali.

    5.4.    Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

    Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-notifika, il-partijiet interessati kollha huma b'dan mistiedna jesprimu l-opinjoni tagħhom, jippreżentaw informazzjoni u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta' sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    5.5.    Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

    Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta' smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limiti ta' żmien speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

    5.6.    Struzzjonijiet dwar kif għandhom isiru s-sottomissjonijiet bil-miktub u kif għandhom jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

    Is-sottomissjonijiet bil-miktub kollha, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali jkunu mmarkati “Ristretti” (10).

    Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Ristretta” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li se jiġu mmarkati bil-kliem “Għall-konsultazzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji jridu jkunu dettaljati biżżejjed sabiex is-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali tinftiehem b'mod raġonevoli. Jekk parti interessata li tippreżenta informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u tal-kwalità mitluba, din l-informazzjoni tista’ tiġi injorata.

    Jeħtieġ li l-partijiet interessati jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha f’format elettroniku (sottomissjonijiet mhux kunfidenzjali permezz tal-email, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u jridu jindikaw isimhom kif ukoll l-indirizz, l-indirizz elettroniku u n-numri tat-telefown u tal-faks tagħhom. Madankollu, kull prokura, kull ċertifikazzjoni ffirmata, u kwalunkwe aġġornament tagħhom, li jakkumpanjaw it-tweġibiet tal-kwestjonarju iridu jitressqu f'għamla ta' dokument, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta' hawn taħt. Għal aktar informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna web rilevanti fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/degucht/contact/hearing-officer/

    L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

    European Commission

    Directorate-General for Trade

    Directorate H

    Uffiċċju: N105 08/020

    1049 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    Posta elettronika: TRADE-FASTENERS-DUMPING@ec.europa.eu

    6.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

    F'każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fil-limiti ta' żmien stipulati, jew tfixkel b'mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet, sew jekk pożittivi sew jekk negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    Jekk jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista' tiġi injorata, u jista' jagħti l-każ li jintużaw il-fatti disponibbli. Jekk xi parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u għalhekk is-sejbiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

    In-nuqqas li tingħata tweġiba kompjuterizzata ma jitqiesx bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, bil-kundizzjoni li l-parti interessata tindika li jekk tippreżenta t-tweġiba kif mitlub jinħoloq piż żejjed mhux raġonevoli jew kostijiet żejda mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tikkuntattja lill-Kummissjoni minnufih.

    7.   Uffiċjal tas-Seduta

    Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jaġixxi ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina mill-ġdid it-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim li jirrigwarda l-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti ta' żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jiġu eżerċitati b’mod sħiħ.

    It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet tat-talba. Għal seduti ta' smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limiti ta' żmien speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

    L-Uffiċjal tas-Seduta se jipprovdi wkoll il-possibbiltà li jsir smigħ li jinvolvi lill-partijiet bil-għan li jippermettilhom jippreżentaw fehmiet differenti u li jressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost l-oħrajn, il-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew ta' rikorrenza ta' dumping u ħsara, ir-rabta każwali u l-interess tal-Unjoni.

    Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/degucht/contact/hearing-officer/

    8.   Skeda tal-investigazzjoni

    L-investigazzjoni se tintemm, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    9.   Possibbiltà li jintalab rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku

    Billi dan ir-rieżami ta' skadenza jingħata bidu f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet tiegħu mhux se jwasslu biex il-miżuri eżistenti jiġu emendati iżda biex dawn il-miżuri jitħassru jew jinżammu skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.

    Jekk xi parti interessata tqis li jkun iġġustifikat li jsir rieżami tal-miżuri, sabiex ikun possibbli li l-miżuri jiġu emendati, din il-parti tista’ titlob li jsir rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

    Il-partijiet li jixtiequ jitolbu għal rieżami ta' dan it-tip, li jsir indipendentement mir-rieżami ta' skadenza msemmi f'din in-notifika, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.

    10.   Ipproċessar ta’ dejta personali

    Kwalunkwe dejta personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (11).


    (1)  ĠU C 148, 28.5.2013, p. 8.

    (2)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (3)  ĠU L 29, 31.1.2009, p. 1.

    (4)  ĠU L 275, 10.10.2012, p. 1.

    (5)  ĠU L 194, 26.7.2011, p. 6.

    (6)  ĠU L 203, 31.7.2012, p. 23.

    (7)  Produttur esportatur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, kemm direttament jew permezz ta' parti terza, inkluża kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat.

    (8)  Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness 1 tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. Għad-definizzjoni ta’ parti relatata ara n-nota 5 fl-anness.

    (9)  Id-dejta mogħtija minn importaturi mhux relatati tista' tintuża wkoll biex jiġu eżaminati aspetti oħra ta' din l-investigazzjoni, apparti d-determinazzjoni tad-dumping.

    (10)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Antidumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

    (11)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


    ANNESS I

    Image

    Image


    ANNESS II

    Image

    Image


    Top