EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014TA1210(39)

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposti tal-Uffiċċju

ĠU C 442, 10.12.2014, p. 332–339 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 442/332


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposti tal-Uffiċċju

(2014/C 442/39)

INTRODUZZJONI

1.

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (minn hawn ’il quddiem “l-Uffiċċju”, magħruf ukoll bħala l-“OHIM”), li jinsab f’Alicante, ġie stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (1), li tħassar u ġie sostitwit bir-Regolament (KE) Nru 207/2009 (2). Il-kompitu tal-Uffiċċju huwa li jimplimenta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-trademarks u d-disinji, biex jagħti l-istess livell ta’ protezzjoni lill-impriżi fl-Unjoni Ewropea kollha (3).

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

2.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll tal-Uffiċċju. Dan huwa supplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

(a)

il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (4) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (5) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2013, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-maniġment

4.

Il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Uffiċċju u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (6):

(a)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Uffiċċju jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (7); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Il-President japprova l-kontijiet annwali tal-Uffiċċju wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tiegħu jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fiha huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Uffiċċju fl-aspetti materjali kollha.

(b)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi superviżjoni adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

Ir-responsabbiltà tal-awditur

5.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Kumitat tal-Baġit tal-Uffiċċju b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (8). Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

6.

L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

7.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

8.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tiegħu fil-31 ta’ Diċembru 2013 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tiegħu u l-flussi tal-flus tiegħu għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tiegħu u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

9.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2013 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

10.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA

11.

L-ammont ta' riporti mis-snin preċedenti li ġew ikkanċellati żdied minn EUR 4,2 miljun (13 %) fl-2012 għal EUR 6,0 miljun (16 %) fl-2013. F'dawn is-sentejn dan kien prinċipalment dovut għal spejjeż aktar baxxi milli stmat li kellhom jiġu rimborżati taħt ftehimiet ta' kooperazzjoni mal-Uffiċċji Nazzjonali tal-Istati Membri (EUR 1,9 miljun fl-2012 u EUR 3,8 miljun fl-2013), li jindika l-ħtieġa li tinkiseb informazzjoni aktar preċiża mill-Uffiċċji Nazzjonali fi tmiem is-sena dwar l-ispiża li fil-fatt tkun iġġarrbet.

12.

Il-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati fl-2013 għat-titoli differenti kien ivarja bejn 98 % u 89 % tal-approprjazzjonijiet totali, li jindika li l-impenji legali twettqu fil-ħin. Il-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati li ġew riportati għall-2014 kien għoli għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) b'ammont ta' EUR 23,9 miljun (28 %) u t-Titolu III b'ammont ta' EUR 13,3 miljun (38 %). Għat-Titolu II dan irriżulta minn kuntratti pluriennali li kienu prinċipalment relatati mal-kostruzzjoni tal-bini l-ġdid u żviluppi tal-IT u servizzi/provvisti ordnati, kif ippjanat, fi tmiem l-2013, li l-pagament tagħhom kien dovut biss fl-2014. Għat-Titolu III, dan kien prinċipalment relatat ma' ftehimiet ta' kooperazzjoni mal-Uffiċċji Nazzjonali li għalihom il-klejms tal-ispejjeż ma kinux dovuti li jiġu ppreżentati mill-Uffiċċji Nazzjonali qabel l-2014, u l-ordni tas-soltu ta' servizzi ta' traduzzjoni fl-aħħar xhur tal-2013, li l-pagament tagħhom kien dovut biss fl-2014.

KUMMENTI OĦRA

13.

L-Uffiċċju għandu stabbilit Pjan għall-Kontinwità tan-Negozju u l-Maniġġar ta' Kriżijiet li jistipula li madwar 25 rwol għandhom ikunu koperti b'mod permanenti minn impjegati fuq xogħol stand-by. Għalkemm l-approprjazzjonijiet mill-baġit għall-benefiċċji ta' xogħol stand-by jiġu approvati kull sena mill-Kumitat tal-Baġit tal-Uffiċċju, l-ammont imħallas fl-2013 (EUR 4 02  458) huwa konsiderevolment ogħla minn allowances ta' dan it-tip li jitħallsu minn aġenziji oħra li jeħtieġilhom jiżguraw servizz permanenti.

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

14.

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-snin preċedenti tingħata fl-Anness I.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Milan Martin CVIKL, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-8 ta’ Lulju 2014.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 11, 14.1.1994, p. 1.

(2)  ĠU L 78, 24.3.2009, p. 1.

(3)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Uffiċċju. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(4)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(5)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

(6)  L-Artikoli 38 u 43 tar-Regolament Nru CB-3-09 tal-Kumitat tal-Baġit tal-Uffiċċju għall-armonizzazzjoni fis-suq intern.

(7)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni huma dderivati mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

(8)  L-Artikoli 91 sa 95 tar-Regolament Nru CB-3-09 tal-Kumitat tal-Baġit tal-Uffiċċju għall-armonizzazzjoni fis-suq intern.


ANNESS I

Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

Sena

Kumment tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

2011

Il-Qorti identifikat bosta nuqqasijiet fir-rigward tal-ftehim tal-2011 dwar il-livell ta' servizz bejn l-Uffiċċju u ċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-UE (CDT). Il-ftehim kien ffirmat mill-Uffiċċju fl-20 ta’ Ġunju 2011 u skont l-Artikolu 10, ġie applikat mill-1 ta’ Jannar 2011. L-eżekuzzjoni tal-kuntratt bdiet qabel l-iffirmar tal-kuntratt. Fuq talba tas-CDT, l-Uffiċċju għamel pagament ta’ EUR 1,8 miljun f’kumpens (1). Barra minn hekk, dan il-pagament kien awtorizzat mingħajr impenn baġitarju u mingħajr approprjazzjonijiet disponibbli (2).

M/A

2011

Hemm ħtieġa li titjieb il-ġestjoni tal-assi fissi tal-Uffiċċju. Għal assi intanġibbli żviluppati mill-Uffiċċju, il-proċeduri kontabilistiċi u l-informazzjoni dwar l-ispejjeż ma kinux affidabbli.

Ikkompletata

2011

Il-likwidità miżmuma mill-Uffiċċju fil-31 ta’ Diċembru 2011 ammontat għal total ta’ EUR 520 miljun (EUR 495 miljun fl-2010). Wara l-politika tat-teżor li ġiet approvata mill-Kumitat tal-baġit fl-2010 l-likwidità kienet miżmuma f’disa’ banek f’ħames Stati Membri.

Ikkompletata

Madankollu l-Qorti tinnota li l-livell ta’ likwidità għadu għoli.

2012

Mill-EUR 31,9 miljun ta’ approprjazzjonijiet impenjati riportati mill-2011 għall-2012, EUR 4,16 miljun (13 %) ġew ikkanċellati fl-2012. Minn dan l-ammont, EUR 1,93 miljun kienu relatati ma’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-Istati Membri li ma assorbewx l-ammonti sħaħ allokati lilhom.

M/A

2012

Fl-2012 il-livell ġenerali ta’ approprjazzjonijiet impenjati kien ta’ 93 %, li jindika li l-impenji twettqu fil-ħin. Madankollu, il-livell ta’ approprjazzjonijiet impenjati riportati għall-2013 kien għoli f’livell ta’ EUR 36,7 miljun (19 % tal-approprjazzjonijiet impenjati totali), li minnhom EUR 21,7 miljun kienu relatati mat-Titolu II (nefqa amministrattiva) u EUR 14,1 miljun kienu relatati mat-Titolu III (nefqa operattiva). Ir-raġuni prinċipali għal-livell għoli ta’ ammonti riportati kienet il-wasla tardiva ta’ fatturi għall-prodotti u s-servizzi mogħtija fl-2012. B’mod aktar speċifiku, għat-Titolu II, il-livell għoli tal-ammonti riportati rriżulta wkoll minn għadd ta’ kuntratti pluriennali relatati mal-kostruzzjoni tal-bini l-ġdid tal-Uffiċċju (EUR 6,09 miljun) u l-akkwist ta’ żviluppi tal-IT (EUR 7,67 miljun). Għat-Titolu III, l-ammonti riportati huma fil-parti l-kbira relatati ma’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni ffirmati mill-Istati Membri li għalihom il-klejms tal-ispejjeż kienu dovuti li jiġu ppreżentati biss fl-2013 (EUR 8,13 miljun). Barra minn hekk, ġew ordnati servizzi ta’ traduzzjoni fl-aħħar xhur tal-2012 (EUR 5,43 miljun) li l-pagament tagħhom kien dovut biss fl-2013.

M/A


(1)  Il-valur minimu ġie stabbilit fil-ftehim għal EUR 16,3 miljun. Is-servizzi pprovduti fl-2011 ammontaw għal total ta’ EUR 14,5 miljun.

(2)  Dan il-pagament sar mill-baġit 2012.


ANNESS II

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Alicante)

Kompetenzi u attivitajiet

Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni li jidderivaw mit-Trattat

(L-Artikoli 36 u 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

Moviment liberu tal-merkanzija

[...] projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet [...] ġustifikati abbażi ta’ [...] il-protezzjoni ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali [m'għandhomx] jikkostitwixxu la mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri.

[...] restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu provduti servizzi fl-Unjoni għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat Membru li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi. [...]

Kompetenzi tal-Uffiċċju

(Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009)

(Ir-Regolament UE Nru 386/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)

Objettivi

Li jimplimenta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-trademarks u d-disinji, biex jagħti l-istess livell ta’ protezzjoni lill-impriżi fl-Unjoni Ewropea kollha.

Li jippromwovi diskussjoni, riċerka, taħriġ, komunikazzjoni, il-ħolqien ta’ għodod avvanzati għall-appoġġ għall-IT u l-firxa tal-aħjar prattika rigward kwistjonijiet tal-IP.

Kompiti

Li jirċievi u jdaħħal applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni,

li jeżamina l-kundizzjonijiet għad-dħul fir-Reġistru u l-kompatibilità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni,

li jfittex fl-uffiċċji ta’ proprjetà industrijali tal-Istati Membri kwalunkwe trade mark nazzjonali li kienet diġà teżisti,

li jippubblika l-applikazzjonijiet,

li jeżamina kwalunkwe oppożizzjoni minn partijiet terzi,

li jirreġistra jew jirrifjuta applikazzjonijiet,

li jeżamina applikazzjonijiet għar-revoka jew invalidità,

li jittratta appelli kontra deċiżjonijiet,

li jtejjeb il-fehim dwar il-valur tal-proprjetà intellettwali,

li jtejjeb il-fehim dwar l-ambitu u l-impatt ta’ ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali,

li jsaħħaħ l-għarfien dwar l-aqwa prattika fis-settur pubbliku u dak privat għall-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali,

li jgħin biex iżid l-għarfien taċ-ċittadini dwar l-impatt tal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali,

li jsaħħaħ l-għarfien espert ta’ persuni involuti fl-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali,

li jsaħħaħ l-għarfien dwar għodod tekniċi għall-prevenzjoni u l-indirizzar ta’ ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inklużi sistemi ta’ osservazzjoni u traċċar li jgħinu fid-distinzjoni bejn prodotti ġenwini u dawk foloz,

li jipprovdi mekkaniżmi li jgħinu fit-titjib tal-iskambju elettroniku, bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, tal-informazzjoni relatata mal-infurzar ta’ dawn id-drittijiet, u li jrawwem kooperazzjoni ma’ u bejn dawk l-awtoritajiet,

li jaħdem bil-konsultazzjoni tal-Istati Membri, biex irawwem il-kooperazzjoni internazzjonali ma’ uffiċċji tal-proprjetà intellettwali f’pajjiżi terzi sabiex jibni strateġiji u jiġu żviluppati tekniki, ħiliet u għodod għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

Governanza

Bord Amministrattiv

Kompożizzjoni

Rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u rappreżentant wieħed mill-Kummissjoni, u s-supplenti tagħhom.

Kompitu

Li jagħti parir lill-President dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju.

Li jħejji listi ta’ kandidati (l-Artikolu 125) għall-President, il-Viċi Presidenti u l-presidenti u l-membri tal-Bords tal-Appell.

President tal-Uffiċċju

Maħtur mill-Kunsill minn lista ta’ mhux aktar minn tliet kandidati li tkun tħejjiet mill-Bord Amministrattiv.

Kumitat tal-Baġit

Kompożizzjoni

Rappreżentant wieħed ta’ kull Stat Membru u rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni u s-supplenti tagħhom.

Kompitu

Li jadotta l-baġit u r-regolament finanzjarju, jagħti kwittanza lill-President u jiddetermina l-ispejjeż tar-rapporti tat-tfittxija.

Deċiżjonijiet relatati mal-applikazzjonijiet

Id-deċiżjonijiet jittieħdu:

(a)

mill-Eżaminaturi;

(b)

mid-Diviżjonijiet tal-Oppożizzjoni;

(c)

mill-Diviżjoni Legali u tal-Amministrazzjoni tat-Trade Marks;

(d)

mid-Diviżjonijiet tal-Kanċellazzjoni;

(e)

mill-Bords tal-Appell.

Awditu estern

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Awtorità ta' kwittanza

Il-Kumitat tal-Baġit tal-Uffiċċju.

Riżorsi disponibbli għall-Uffiċċju fl-2013 (2012)

Baġit

EUR 418 (429) miljun.

Persunal fil-31 ta’ Diċembru 2013

861 (775) post fit-tabella tal-persunal; postijiet okkupati: 731 (680) + 171 (138) membru ieħor tal-persunal (kuntratti awżiljarji, esperti nazzjonali sekondati, persunal lokali u tal-aġenzija tal-impjieg, konsulenti speċjali)

Total tal-persunal: 902 (818)

Prodotti u servizzi pprovduti 2013 (2012)

Trade marks

Għadd ta’ applikazzjonijiet: 1 14  421(1 07  924)

Għadd ta’ registrazzjonijiet: 98  092(95  645)

Każijiet ta’ oppożizzjoni: 17  006(16  634)

Appelli lill-Bords tal-Appell: 2  602(2  339)

Appelli pendenti: 2  361(2  352)

Disinji

Disinji riċevuti: 95  429(92  175)

Disinji rreġistrati: 84  056(78  658)

Sors: Anness ipprovdut mill-Uffiċċju.


IR-RISPOSTI TAL-UFFIĊĊJU

11.

Fil-preżent l-Uffiċċju qiegħed jistabbilixxi miżuri, flimkien mal-Uffiċċji Nazzjonali, sabiex inaqqas ir-rata għolja ta’ kanċellazzjoni ta’ riporti. Twaqqaf rapport pilota dwar l-eżekuzzjoni interim kull 6 xhur. L-idea hija li dawn il-proġetti pilota jiġu estiżi għall-proġetti importanti li l-Uffiċċju għandu mal-Uffiċċji Nazzjonali, ġaladarba l-partiċipazzjoni f'dan il-proġett pilota titwessa'. Fl-aħħar nett, l-Uffiċċju se janalizza wkoll aġġustamenti possibbli tal-kuntratti (għall-2015) flimkien mal-Uffiċċji Nazzjonali sabiex jimminimizza riporti li mhumiex neċessarji.

12.

Apparti mill-miżuri msemmija hawn fuq, li jnaqqsu l-livell għoli ta’ riporti speċjalment fit-Titolu III, iżda wkoll fit-Titolu II, bħalissa l-Uffiċċju qiegħed jistabbilixxi Sistema mas-CDT sabiex inaqqas il-volum tar-riporti fi tmiem is-sena. Barra minn hekk, kif imsemmi mill-Qorti, l-estensjoni tal-uffiċċji ġenerali tal-Uffiċċju u l-iżviluppi fl-IT jiġġustifikaw il-livell għoli ta' riporti fit-Titolu II.

L-Uffiċċju qiegħed jistabbilixxi miżuri sabiex jikkontrolla aħjar l-ammonti riportati kull sena.

13.

B’konformità mar-rekwiżiti tal-istandards internazzjonali tal-kwalità (ISO 27001) u l-istandards ta’ kontroll intern (ICS 10) adottati mill-Kumitat tal-Baġit tal-Uffiċċju, l-Uffiċċju waqqaf Pjan tal-Kontinwità tan-Negozju (BCP). Dan issa huwa previst ukoll fir-Regolament Finanzjarju Qafas tal-2013.

F’Novembru 2006, il-bords ta’ tmexxija tal-Uffiċċju – il-Bord Amministrattiv u l-Kumitat tal-Baġit – ġew informati dwar l-istrateġija tal-UASI bbażata fuq xenarju ta’ tliet livelli u appoġġawha (Livell 0: Tim tal-immaniġġar ta’ kriżi; Livell 1: timijiet tal-IT u tal-loġistika, tim ta’ koordinazzjoni għall-irkupru, u tim ta’ komunikazzjoni globali; Livell 2: timijiet li jaħdmu għall-irkupru). Pagament għall-persunal involut fid-dmirijiet stand-in huwa preskritt mir-Regolament dwar il-Persunal. L-impatt baġitarju ta’ dan il-pagament huwa inkluż f'linja baġitarja speċifika, aġġornata (skont il-bżonnijiet tal-organizzazzjoni) u adottata fil-baġit kull sena.

Il-BCP ġie stabbilit wara li saret analizi eżawrjenti tal-impatt, bl-għajnuna ta’ konsulenti esterni u jkopri l-attivitajiet KOLLHA tal-Uffiċċju.

L-Uffiċċju għandu 25 rwol li huma fuq stand-by b’mod permanenti u l-pagamenti fl-2013 ammontaw għal € 4 02  458. Ir-raġunijiet li għalihom l-BCP implimenta struttura robusta huma dawn li ġejjin:

L-Uffiċċju għandu esponiment u viżibbiltà qawwija lejn il-partijiet ikkonċernati tiegħu u għandu jiżgura servizz kummerċjali elettroniku li jkun operattiv 24/7 u rispons immedjat għall-utenti tiegħu. In-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ sistema tal-IT jkollu impatt serju fuq il-kontinwità tan-negozju. Fl-Uffiċċju kollu kemm hu, il-kontinwità kummerċjali hija għaldaqstant essenzjali u d-dipartimenti kollha huma involuti (viżibbiltà tal-attivitajiet bħall-attivitajiet ta' kooperazzjoni mal-Istati Membri u fil-mandat tal-Osservatorju, interazzjoni mal-uffiċċju ta’ Brussell, appoġġ lil persunal li jaħdem mid-dar, l-iżgurar ta' tħaddim tajjeb tal-ġbir ta' tariffi – sistema tal-IT awtomatizzata li tintuża mill-Uffiċċju kollu – u finalment l-involviment tal-persunal tal-Akkwist Pubbliku peress li għandu rwol ċentralizzat definit ta' intervent – l-immaniġġar tal-fajls ekonomiċi kollha – f'każ ta' diżastru). Minħabba d-daqs u l-isfond internazzjonali tal-fornituri tagħna, il-kwantità ta' dokumentazzjoni formali hija għolja ħafna u tiddependi estremament mill-IT.

Dawn ir-raġunijiet jiġġustifikaw, fil-fehma tagħna, id-differenzi minn aġenziji oħrajn.

L-Uffiċċju diġà għamel darbtejn użu mix-xifts stand-by kemm ilu li twaqqaf, l-aħħar darba fir-rigward tal-introduzzjoni tal-websajt il-ġdida tiegħu.

Il-livell ta’ xogħol stand-by imħallas fl-2013 jirrappreżenta inqas minn 0,5 % tan-nefqa totali tat-Titolu I. Dawn l-ispejjeż jirrappreżentaw ukoll inqas minn ġurnata ta’ negozju ta’ dħul mis-servizzi onlajn tal-Uffiċċju.

L-Uffiċċju se jikkunsidra l-osservazzjoni li saret mill-Qorti tal-Awdituri fir-reviżjoni ta’ kull sena tal-proċessi, proċeduri u skemi tiegħu bil-għan li jkompli jitjieb.

14.

L-Uffiċċju jieħu nota li l-Qorti tal-Awdituri kkunsidrat is-sejbiet tas-sena preċedenti bħala kompluti jew mhux applikabbli.


Top