Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014TA1210(23)

    Rapport dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposti taċ-Ċentru

    ĠU C 442, 10.12.2014, p. 201–209 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.12.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 442/201


    RAPPORT

    dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposti taċ-Ċentru

    (2014/C 442/23)

    INTRODUZZJONI

    1.

    Iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (minn hawn ’il quddiem “iċ-Ċentru”, magħruf ukoll bħala l-“EMCDDA”), li jinsab f’Lisbona, ġie stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 302/93 (1). Id-dmir prinċipali tiegħu huwa li jiġbor, janalizza u jxerred informazzjoni dwar id-droga u d-dipendenza fuq id-droga sabiex iħejji u jippubblika informazzjoni fil-livell Ewropew li hija oġġettiva, ta’ min joqgħod fuqha u kumparabbli. L-informazzjoni hija maħsuba biex tipprovdi bażi għall-analiżi tad-domanda għad-droga u l-modi kif din titnaqqas, kif ukoll, b’mod ġenerali, fenomeni assoċjati mas-suq tad-droga (2).

    INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    2.

    L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll taċ-Ċentru. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

    DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    3.

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

    (a)

    il-kontijiet annwali taċ-Ċentru, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2013, u

    (b)

    il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

    Ir-responsabbiltà tal-maniġment

    4.

    Il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali taċ-Ċentru u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (5):

    (a)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali taċ-Ċentru jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali taċ-Ċentru wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tiegħu jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fiha huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja taċ-Ċentru fl-aspetti materjali kollha.

    (b)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi superviżjoni adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

    Ir-responsabbiltà tal-awditur

    5.

    Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali taċ-Ċentru jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

    6.

    L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

    7.

    Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

    Opinjoni dwar l-affidabiltà tal-kontijiet

    8.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali taċ-Ċentru jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tiegħu fil-31 ta’ Diċembru 2013 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tiegħu u l-flussi tal-flus tiegħu għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tiegħu u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

    Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    9.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2013 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

    10.

    Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

    KUMMENTI DWAR IL-LEGALITÀ U R-REGOLARITÀ TAT-TRANŻAZZJONIJIET

    11.

    Iċ-Ċentru nieda proċedura ta' akkwist għall-kiri ta' magni tal-fotokopjar fuq perjodu ta' erba' snin għal ammont massimu ta' EUR 1 60  000. Ir-rekwiżiti tekniċi kienu suġġetti għal modifika sinifikanti matul il-proċedura. Wara din il-modifika, ġie ppubblikat avviż emendat dwar kuntratt li kien jestendi l-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-offerti, iżda ma kien hemm l-ebda indikazzjoni ċara tal-bidliet fir-rekwiżiti tekniċi. Dawn tal-aħħar reġgħu ġew aġġustati għall-konklużjoni tal-kuntratt, skont il-possibbiltà mħabbra fl-ispeċifikazzjonijiet ippubblikati, li wassal għal tnaqqis ta' 35 % fil-valur tal-kuntratt. L-informazzjoni ppubblikata dwar l-istruttura tal-prezzijiet tal-kuntratt ma kinitx ċara biżżejjed u dan wassal għal interpretazzjoni żbaljata minn offerent, li għaldaqstant kellu probabbiltà aktar baxxa li jirbaħ il-proċedura. Barra minn hekk, il-kriterji ta' evalwazzjoni ma kinux speċifiċi biżżejjed biex jiżguraw trasparenza u trattament ugwali tal-offerenti. Id-dgħufijiet imsemmijin hawn fuq affettwaw l-effiċjenza u l-effettività ta' din il-proċedura ta' akkwist u ħolqu r-riskju li l-kompetizzjoni tixxekkel.

    SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

    12.

    Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-snin preċedenti tingħata fl-Anness I.

    Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Milan Martin CVIKL, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-22 ta' Lulju 2014.

    Għall-Qorti tal-Awdituri

    Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

    President


    (1)  ĠU L 36, 12.2.1993, p. 1. Dan ir-Regolament u l-emendi tiegħu kienu mħassra bir-Regolament (KE) Nru 1920/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 1).

    (2)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet taċ-Ċentru. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

    (3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

    (4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

    (5)  L-Artikoli 39 u 50 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

    (6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni huma dderivati mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

    (7)  L-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) Nru 1271/2013.


    ANNESS I

    Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

    Sena

    Kumment tal-Qorti

    Status tal-azzjoni korretetiva

    (Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

    2011

    Bħalissa ċ-Ċentru għandu l-ispiża annwali ta’ madwar EUR 2 75  000 għal spazju tal-uffiċċji mhux użat fil-bini preċedenti tiegħu u fil-Kwartieri Ġenerali l-ġodda. F’kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u mal-Awtoritajiet Nazzjonali, iċ-Ċentru għandu jkompli jfittex soluzzjonijiet adegwati għall-ispazju tal-uffiċċji mhux użat.

    Għadha għaddejja

    2011

    Il-fajls ta' akkwist taċ-Ċentru ma kinux dejjem kompluti u organizzati b’mod adegwat.

    Ikkompletata

    2012

    Fl-2012, iċ-Ċentru ta għotjiet liċ-ċentri nazzjonali tal-Istati Membri għall-monitoraġġ tad-droga (il-benefiċjarji) sabiex jappoġġa kooperazzjoni taħt in-netwerk REITOX (1). In-nefqa totali f’għotjiet fl-2012 kienet EUR 2,6 miljun, li tirrappreżenta 16 % tan-nefqa operazzjonali totali. Il-verifikazzjonijiet ex ante taċ-Ċentru qabel ir-rimborż tal-ispejjeż ikklejmjati mill-benefiċjarji jikkonsistu minn analiżi fl-uffiċċju tal-klejms tal-ispejjeż u taċ-ċertifikati tal-awditjar maħruġa minn awdituri esterni kkuntrattati mill-benefiċjarji. Normalment iċ-Ċentru ma jikseb ebda dokument mill-benefiċjarji biex jissustanzja l-eliġibbiltà u l-preċiżjoni tal-ispejjeż ikklejmjati. Verifikazzjonijiet ex post fuq il-post tal-ispejjeż fil-livell tal-benefiċjarji huma rari (2). Kontrolli eżistenti għalhekk jipprovdu biss aċċertament limitat lill-maniġment taċ-Ċentru fir-rigward tal-eliġibbiltà u l-preċiżjoni tal-ispejjeż ikklejmjati mill-benefiċjarji. Għat-tranżazzjonijiet awditjati mill-Qorti, inkisbet dokumentazzjoni ta’ sostenn miċ-Ċentru f’isem il-Qorti u din ipprovdiet aċċertament raġonevoli fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tagħha. Verifikazzjoni aleatorja tad-dokumenti ta’ sostenn u kopertura ogħla tal-benefiċjarji permezz ta’ verifikazzjonijiet fuq il-post tista’ żżid l-aċċertament b’mod konsiderevoli.

    Għadha għaddejja

    2012

    Ma twettqet ebda verifikazzjoni ex post għal kwalunkwe tranżazzjoni magħmula wara l-2008, ħlief għall-għotjiet.

    Għadha għaddejja

    2012

    Iċ-Ċentru kien għadu ma adottax Pjanijiet tal-Kontinwità tan-Negozju jew Pjanijiet ta’ Rkupru minn Diżastru.

    Ikkompletata

    2012

    Attwalment iċ-Ċentru għandu l-ispiża annwali ta’ madwar EUR 2 00  000 għal spazju tal-uffiċċji mhux użat fil-bini preċedenti tiegħu u fil-Kwartieri Ġenerali l-ġodda. F’kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u mal-Awtoritajiet Nazzjonali, iċ-Ċentru għandu jkompli jfittex soluzzjonijiet adegwati għal dan l-ispazju tal-uffiċċji mhux użat.

    Għadha għaddejja


    (1)  Taħt in-Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni dwar id-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (REITOX), iċ-Ċentru jiġbor data tal-pajjiżi dwar id-droga miċ-ċentri nazzjonali għall-monitoraġġ tad-droga.

    (2)  Fl-2011, twettqu żewġ verifikazzjonijiet ex post f'żewġ Stati Membri. Ma saret ebda verifikazzjoni ta' dan it-tip fl-2012.


    ANNESS II

    Iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (Lisbona)

    Kompetenzi u attivitajiet

    Oqsma ta' kompetenza tal-Unjoni li jidderivaw mit-Trattat

    (L-Artikoli 168 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

    L-Unjoni għandha tikkomplementa l-azzjonijiet tal-Istati Membri fit-tnaqqis ta' ħsara għas-saħħa li tkun marbuta mad-droga, inkluża l-informazzjoni u l-prevenzjoni.

    Kompetenzi taċ-Ċentru

    (Ir-Regolament (KE) Nru 1920/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)

    Objettivi

    Li jipprovdi lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha b’informazzjoni fattwali, oġġettiva, ta’ min joqgħod fuqha u kumparabbli fil-livell tal-Unjoni rigward id-droga, id-dipendenza fuq id-droga u l-konsegwenzi tagħhom.

    Iċ-Ċentru għall-Monitoraġġ irid jiffoka fuq l-oqsma ta’ prijorità li ġejjin:

    (1)

    monitoraġġ tal-istat tal-problema tad-droga u xejriet li qed jiżviluppaw, b’mod partikolari dawk li jinvolvu l-użu ta’ drogi differenti flimkien;

    (2)

    monitoraġġ tas-soluzzjonijiet u l-provvediment ta’ informazzjoni dwar l-aħjar prattiki;

    (3)

    valutazzjoni tar-riskji ta’ sustanzi psikoattivi ġodda u ż-żamma ta’ sistema ta’ informazzjoni rapida;

    (4)

    żvilupp ta’ għodod u strumenti biex jgħin lill-Istati Membri fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki nazzjonali tagħhom u lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki tal-Unjoni.

    Kompiti

    Li jiġbor u janalizza d-data;

    li jtejjeb il-metodi ta’ kumparabbiltà tad-data;

    li jxerred id-data;

    li jikkoopera ma’ korpi u organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali u ma’ pajjiżi barra l-Unjoni;

    li jidentifika żviluppi ġodda u xejriet li qed jinbidlu.

    Governanza

    Bord ta' Ġestjoni

    Jinkludi rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru, żewġ rappreżentanti mill-Kummissjoni u żewġ esperti indipendenti, nominati mill-Parlament Ewropew, li jkunu partikolarment infurmati fil-qasam tad-droga.

    Il-Bord ta' Ġestjoni jadotta l-programm ta' ħidma, ir-rapport ġenerali tal-attivitajiet u l-baġit, u jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali.

    Kumitat Eżekuttiv

    Kompożizzjoni

    President tal-Bord ta’ Ġestjoni

    Viċi President tal-Bord ta’ Ġestjoni

    Żewġ membri oħra eletti mill-Bord ta' Ġestjoni li jirrappreżentaw l-Istati Membri

    Żewg rappreżentanti mill-Kummissjoni

    Direttur

    Maħtur mill-Bord ta’ Ġestjoni fuq proposta mill-Kummissjoni.

    Kumitat Xjentifiku

    Jagħti opinjonijiet. Huwa jikkonsisti minn, mhux iżjed minn 15-il xjentist magħruf sew maħtura minħabba l-eċċellenza tagħhom mill-Bord ta’ Ġestjoni wara sejħa għall-espressjoni ta’ interess. Il-Bord ta’ Ġestjoni jista’ jaħtar ukoll panel ta’ esperti għall-Kumitat Xjentifiku estiż għall-valutazzjoni tar-riskju ta’ sustanzi psikoattivi ġodda.

    Awditu estern

    Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

    Awditu intern

    Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni Ewropea (IAS).

    Awtorità ta’ kwittanza

    Il-Parlament Ewropew li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

    Riżorsi disponibbli għaċ-Ċentru fl-2013 (2012)

    Baġit

    EUR 16,31 (16,32) miljun Sussidju tal-Unjoni: 95,4 % (95,3 %)

    Persunal fil-31 ta' Diċembru 2013

    Għadd ta’ postijiet fit-tabella tal-persunal: 84 (84)

    Postijiet okkupati: 76 (79) + 24 (25) membru tal-persunal ieħor (esperti nazzjonali sekondati, persunal kuntrattwali u sostituzzjonijiet temporanji)

    Total tal-persunal: 100 (104)

    Allokati għall-kompiti li ġejjin:

    operazzjonali: 61 (64,5)

    appoġġ amministrattiv u tal-IT: 28,5(29)

    imħallta: 10,5(10,5)

    Prodotti u servizzi 2013 (2012)

    Netwerk

    Iċ-Ċentru jmexxi netwerk kompjuterizzat għall-ġbir u l-iskambju ta’ informazzjoni, imsejjaħ in-“Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni dwar id-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga’” (Reitox); dan in-netwerk jikkonnettja n-netwerks nazzjonali ta’ informazzjoni dwar id-droga, ċentri speċjalizzati fl-Istati Membri u s-sistemi ta’ informazzjoni ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali li jaħdmu maċ-Ċentru.

    Pubblikazzjonijiet

    L-2013 kienet l-ewwel sena tal-istrateġija u tal-programm ta' ħidma tal-EMCDDA għall-2013-15 u l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-istrateġija l-ġdida ta' komunikazzjoni adottata mill-Bord ta’ Ġestjoni f’Lulju 2012, flimkien mal-programm ta’ ħidma ta’ tliet snin. F’konformità ma’ din l-istrateġija, xi linji ta’ prodotti kienu ssimplifikati u oħrajn tfasslu mill-ġdid. Għalhekk ma hemm ebda korrispondenza stretta bejn il-prodotti tal-2013 u dawk tal-2012.

    European Drug Report – Trends and developments (Rapport Ewropew dwar id-Droga – Xejriet u żviluppi) (23 verżjoni lingwistika) pubblikazzjoni u websajt interattiva (Rapport annwali dwar l-istat tal-problema tad-droga fl-Ewropa; 22 verżjoni lingwistika, pubblikazzjoni u websajt interattiva)

    Perspectives on drugs (Perspettivi dwar id-droga) (PODs) – 11 (0), EN, websajt interattiva

    Kwistjonijiet magħżula – 0 (2), EN

    Bullettin tal-istatistika u websajt interattiva li fiha ’l fuq minn 350 (350) tabella u 100 (100) graff

    Rapport ġenerali tal-attivitajiet – annwali, EN

    Il-bullettin Drugnet Europe – erba' ħarġiet, EN (4)

    Drugs in Focus (Fokus fuq id-Droga) (informazzjoni dwar il-politika) – 0 (1)

    Centre Scientific Monograph (Monografija Xjentifika taċ-Ċentru) – 0 (0), EN

    Centre Insights (Għarfien Approfondit miċ-Ċentru) – 1 (3), EN

    Manwali – 1 (2), EN

    Centre thematic papers (dokumenti tematiċi taċ-Ċentru) – 2 (8)

    Dokumenti EMCDDA – 4 (0), EN

    Profili ta’ politika – 1 (0), EN

    Pubblikazzjonijiet konġunti – 1 (2): MT

    Outputs marbuta mal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar sustanzi psikoattivi ġodda (2005/387/JHA) – 2 (2), EN

    Profili tad-droga – 0 ġodda (0) u 0 aġġornati (0)

    Studji tekniċi u xjentifiċi, inklużi artikli u sommarji xjentifiċi 28 (23)

    Pubblikazzjonijiet ad-hoc – 1 (3), EN

    Fuljetti – 1 (1), EN

    Programmi ta' ħidma u strateġiji – 3 (2), EN

    Sistema ta’ ġbir, validazzjoni, ħżin u rkupru ta' data (Fonte)

    Websajts oħrajn

    Riorganizzazzjoni/aġġornament/żvilupp tal-kontenut tal-websajt pubblika taċ-Ċentru, inklużi:

    Ħarsa ġenerali lejn il-pajjiżi

    Ħarsa ġenerali lejn il-kura għad-droga, profili ta' risponsi soċjali u dwar is-saħħa, profili ta’ prevenzjoni

    Database legali Ewropea dwar id-droga

    Bank tal-istrumenti ta’ evalwazzjoni

    Portal għall-aħjar prattika (skambju dwar l-azzjoni għat-tnaqqis tad-domanda għad-droga, tnaqqis tal-ħsara u moduli ta’ trattament)

    Paġni dwar temi

    Database tal-pubblikazzjonijiet

    Materjal promozzjonali

    Materjali għall-konferenzi: 4 EN (2)

    Prodotti tal-midja: 12 (13)-il stqarrija tal-aħbarijiet u 13-il (10) skeda informattiva, EN

    Parteċipazzjoni f’konferenzi internazzjonali, kif ukoll f’laqgħat tekniċi u xjentifiċi: 285 (266).

    Sors: Anness ipprovdut miċ-Ċentru.


    IR-RISPOSTI TAĊ-ĊENTRU

    11.

    Il-modifika tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li saret referenza għaliha kienet maħsuba biex taġġorna l-kapaċità/veloċità taċ-Ċentru fl-ikkoppjar/istampar. L-avviż ta’ kuntratt rilevanti kien ġie ppubblikat kif xieraq permezz tas-sistema ta’ informazzjoni dwar l-akkwist pubbliku (SIMAP) Ewropew. Din is-sistema timponi xi restrizzjonijiet fuq l-informazzjoni li tista’ tiġi ppubblikata f’dak li jirrigwarda t-termini u l-kontenut tal-bidliet fil-pubblikazzjoni inizjali.

    L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ppubblikati, flimkien mal-abbozz ta’ kuntratt mehmuż ma’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet, ipprovdew, b’mod espliċitu, l-opzjoni li jiġu aġġustati l-għadd u l-kombinazzjoni tat-tagħmir li għandu jiġi pprovdut mill-offerent/kuntrattur rebbieħ, skont il-bżonnijiet li l-EMCDDA jkollu dak iż-żmien. Dan l-aġġustament irriżulta minn reviżjoni tal-użu tal-apparat tal-EMCDDA għall-istampar u l-ikkupjar li twettaq fl-2013 bil-għan li jippromwovi l-effiċjenza.

    L-offerenti kollha ġew ittrattati b’mod ugwali u evalwati skont il-metodu u l-kriterji tal-għoti stabbiliti u ppubblikati, li ddeterminaw min hu l-offerent li jipprovdi l-aħjar valur għall-flus.

    L-EMCDDA se jkompli bl-isforzi tiegħu biex itejjeb il-proċessi tiegħu tal-akkwist, jiġifieri biex ikompli jitnaqqas il-bżonn li jiġu aġġustati l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u jiġi żgurat il-provvediment ta’ informazzjoni aktar effettiva lill-offerenti dwar tali aġġustamenti.


    Top