Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014TA1210(18)

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposti tal-Awtorità

ĠU C 442, 10.12.2014, p. 160–166 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 442/160


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposti tal-Awtorità

(2014/C 442/18)

INTRODUZZJONI

1.

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn ’il quddiem “l-Awtorità”, magħrufa wkoll bħala l-“EFSA”), li tinstab f’Parma, ġiet stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Ix-xogħlijiet prinċipali tal-Awtorità huma li tipprovdi t-tagħrif xjentifiku meħtieġ biex tiġi mfassla leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-ikel u s-sigurtà tal-ikel, li tiġbor u tanalizza d-data biex tippermetti l-identifikazzjoni u l-immonitorjar tar-riskji u li tipprovdi tagħrif indipendenti dwar dawn ir-riskji (2).

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

2.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll tal-Awtorità. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

(a)

il-kontijiet annwali tal-Awtorità, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2013, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-maniġment

4.

II-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Awtorità u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (5):

(a)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Awtorità jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur Eżekuttiv japprova l-kontijiet annwali tal-Awtorità wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fiha huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Awtorità fl-aspetti materjali kollha.

(b)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi superviżjoni adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

Ir-responsabbiltà tal-awditur

5.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsil (7)l b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Awtorità jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

6.

L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

7.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

8.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Awtorità jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2013 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

9.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2013 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

10.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-KONTROLLI INTERNI

11.

Skont l-awtovalutazzjoni mill-Awtorità tas-sistema ta' kontroll intern tagħha, li twettqet fl-2012 u fl-2013, il-maġġoranza tal-istandards ta' kontroll intern (ICS) intlaħqu. Dan għadu mhuwiex il-każ għall-ICS 4 (Evalwazzjoni u żvilupp tal-persunal) u l-ICS 11 (Ġestjoni dokumentarja), li għalihom kienet għadha għaddejja azzjoni korrettiva fiż-żmien tal-awditu.

12.

Il-Programmi ta' Ħidma Annwali tal-Awtorità ma fihomx biżżejjed dettalji dwar akkwisti u għotjiet ippjanati biex isostnu deċiżjonijiet ta' finanzjament fis-sens tal-Artikolu 64 tar-Regoli ta' Implimentazzjoni għar-Regolament Finanzjarju tagħha. L-inklużjoni ta' dettalji ta' dan it-tip fil-Programm ta' Ħidma Annwali tkun tippermetti monitoraġġ aktar effettiv tal-akkwisti u l-għotjiet.

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

13.

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-sena preċedenti tingħata fl-Anness I.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Pietro RUSSO, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-16 ta’ Settembru 2014.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Awtorità. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

(5)  L-Artikoli 39 u 50 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

(6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni huma dderivati mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

(7)  L-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) Nru 1271/2013.


ANNESS I

Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

Sena

Kumment tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

2011

Dan l-għadd għoli ta’ trasferimenti fil-baġit jindika dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit u jmur kontra l-prinċipju tal-ispeċifikazzjoni.

Ikkompletata

2011

L-Awtorità xtrat bini ġdid għall-kwartieri ġenerali f’Diċembru 2011 għal EUR 36,8 miljun li se jitħallsu bin-nifs kull tliet xhur fuq 25 sena, li jfisser li l-pagamenti tal-imgħax jammontaw għal EUR 18,5 miljun. Il-Qorti tistaqsi jekk setgħetx tinstab alternattiva iktar ekonomika mill-awtoritajiet baġitarji skont il-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba u li tiżgura rispett sħiħ tar-Regolament Finanzjarju.

M/A (Il-Kummissjoni ma qablitx li tipprovdi fondi addizzjonali biex jitħallas lura s-self kollu).

2011

Hemm lok għal titjib fit-trasparenza tal-proċedura tar-reklutaġġ. Il-mistoqsijiet għat-testijiet bil-kitba u għall-intervisti ġew stabbiliti wara li l-applikazzjoniijet kienu ġew eżaminati mill-bord tal-għażla u d-dikjarazzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità u n-nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess ġew iffirmati biss mill-membri tal-bord tal-għażla, matul u mhux qabel l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-kandidati.

Ikkompletata

2012

Il-validazzjoni tas-sistemi kontabilistiċi mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Awtorità tkopri s-sistemi ċentrali tal-ABAC u tas-SAP, iżda mhux is-sistemi lokali u l-affidabbiltà ta’ skambji tad-data bejn sistemi ċentrali u lokali. Dan jirrappreżenta riskju fir-rigward tal-affidabbiltà tad-data tal-kontabbiltà.

Ikkompletata

2012

Wara li twettqu valutazzjonijiet tar-riskji ta’ livell għoli minn konsultazzjoni esterna fl-2012 u mis-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni fi Frar 2013, ġie identifikat għadd ta’ riskji kritiċi potenzjali fl-operat tal-kontrolli interni tal-Awtorità, b’mod partikolari fl-oqsma tal-ġestjoni tad-data, tal-kontinwità tan-negozju u tas-sigurtà tal-IT. L-Awtorità bdiet awtovalutazzjoni komprensiva tas-sistema ta’ kontroll intern tagħha fl-2012. Il-proċess għadu għaddej u l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet korrettivi hija ppjanata għall-2013.

Għadha għaddejja

2012

Il-livell kumplessiv ta’ approprjazzjonijiet impenjati kien ta’ 99 %. Madankollu, il-livell ta’ approprjazzjonijiet impenjati riportati għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) kien għoli f’livell ta’ EUR 2,3 miljun (22 % tal-approprjazzjonijiet tat-Titolu II) u għat-Titolu III (nefqa operazzjonali) f’livell ta’ EUR 5,6 miljun (30 % tal-approprjazzjonijiet tat-Titolu III). Għat-Titolu II, riporti li jammontaw għal EUR 1,1 miljun saru f’konformità mal-pjan ta’ ġestjoni tal-EFSA jew kienu relatati ma’ pagamenti sospiżi għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-Awtorità. Fil-każ tat-Titolu III, riporti ta’ EUR 2,1 miljun saru b’konformità mal-pjan ta’ ġestjoni tal-EFSA u ammont ta’ EUR 0,83 miljun ġie riportat għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-Awtorità.

M/A


ANNESS II

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (Parma)

Kompetenzi u attivitajiet

Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni li jidderivaw mit-Trattat

Ġbir ta’ informazzjoni

Il-politika agrikola komuni (L-Artikolu 38 TFUE).

L-Operazzjoni tas-Suq Intern (L-Artikolu 114 TFUE).

Is-saħħa pubblika (L-Artikolu 168 TFUE)

Il-politika kummerċjali komuni (L-Artikolu 206 TFUE).

Kompetenzi tal-Awtorità

(Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)

Għanijiet

Li tipprovdi opinjonijiet xjentifiċi u appoġġ xjentifiku u tekniku għal-leġiżlazzjoni u l-politika li għandhom impatt dirett jew indirett fuq is-sigurtà tal-ikel u l-għalf;

li tipprovdi tagħrif indipendenti dwar ir-riskji relatati mas-sigurtà tal-ikel;

li tikkontribwixxi għall-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħajja umana u tas-saħħa;

li tiġbor u tanalizza d-data meħtieġa biex tippermetti l-karatterizzazzjoni u l-immonitorjar tar-riskji.

Xogħlijiet

Li toħroġ opinjonijiet u studji xjentifiċi;

li tippromwovi metodoloġiji uniformi tal-istima tar-riskju;

li tgħin lill-Kummissjoni;

li tfittex, tanalizza, u tqassar id-data xjentifika u teknika meħtieġa;

li tidentifika u tikkaratterizza riskji li joħorġu;

li tistabbilixxi netwerk ta’ organizzazzjonijiet li jaħdmu f’oqsma simili;

li tipprovdi għajnuna xjentifika u teknika fl-immaniġġjar ta’ kriżi;

li ttejjeb il-kooperazzjoni internazzjonali;

li tipprovdi lill-pubbliku u lill-partijiet interessati b’tagħrif oġġettiv, ta' min jorbot fuqu u li jiftiehem faċilment;

li tieħu sehem fis-sistema ta’ twissija bikrija tal-Kummissjoni.

Governanza

Bord ta' Ġestjoni (Bord tal-Amministrazzjoni)

Kompożizzjoni

14-il membru maħtur mill-Kunsill (f’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni) u rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni.

Xogħol

Li jadotta l-programm ta' ħidma u l-baġit u jiżgura li jiġu implimentati.

Direttur Eżekuttiv

Maħtur mill-Bord ta' Ġestjoni abbażi ta’ lista ta’ kandidati proposti mill-Kummissjoni, wara seduta quddiem il-Parlament Ewropew.

Forum ta’ Konsulenza

Kompożizzjoni

Rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru.

Xogħol

Li jagħti konsulenza lid-Direttur Eżekuttiv.

Kumitat Xjentifiku u bordijiet xjentifiċi

Li jħejju l-opinjonijiet xjentifiċi tal-Awtorità.

Awditu estern

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Awditu intern

L-Unità tal-Awditjar Intern tal-EFSA.

Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni Ewropea (IAS).

Awtorità ta’ kwittanza

Il-Parlament Ewropew li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

Riżorsi disponibbli għall-Awtorità fl-2013 (2012)

Baġit

EUR 78,1 (78,3) miljun li minnhom 100 % (100 %) huma sussidju mill-Unjoni Ewropea.

Persunal fil-31 ta' Diċembru 2013

Postijiet fit-tabella tal-persunal: 351 (355), li minnhom okkupati:

persunal (persunal temporanju u uffiċjali): 328 (342)

persunal ieħor (kuntrattwali, esperti nazzjonali sekondati): 120 (124).

Total tal-persunal (inklużi tliet ittri ta’ offerta li għadhom qed jistennew aċċettazzjoni fil-31.12.2013): 448 (466), li minnhom għal:

dmirijiet operazzjonali: 332 (345)  (1)

dmirijiet amministrattivi: 116 (121)

Prodotti u servizzi pprovduti fl-2013 (2012)

Outputs xjentifiċi u pubblikazzjonijiet ta’ sostenn 2013

Attività 1: Għoti ta’ opinjonijiet xjentifiċi u konsulenza u approċċi għall-analiżi tar-riskju

Gwida tal-Kumitat Xjentifiku/Bord Xjentifiku: 2 (4)

Opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku/Bord Xjentifiku: 44 (46)

Rapport Xjentifiku tal-EFSA: 12 (9)

Dikjarazzjoni tal-EFSA: 2 (2)

Dikjarazzjoni tal-Kumitat Xjentifiku/Bord Xjentifiku: 2 (4)

Total tal-outputs xjentifiċi għall-attività 1 = 62 (65)

Attività 2: Evalwazzjoni ta’ prodotti, sustanzi u klejms soġġetti għal awtorizzazzjoni

Konklużjoni dwar l-Evalwazzjoni tal-Pestiċidi bejn il-Pari: 45 (60)

Gwida tal-EFSA: 2 (0)

Gwida tal-Kumitat Xjentifiku/Bord Xjentifiku: 3 (7)

Opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku/Bord Xjentifiku: 203 (241)

Rapport Xjentifiku tal-EFSA: 0 (1)

Dikjarazzjoni tal-Kumitat Xjentifiku/Bord Xjentifiku: 8 (7)

Dikjarazzjoni tal-EFSA: 6 (4)

Total tal-outputs xjentifiċi għall-attività 2 = 267 (320)

Attività 3: Ġbir ta’ Data, kooperazzjoni xjentifika u netwerking

Gwida tal-EFSA: 2 (1)

Dikjarazzjoni tal-EFSA: 0 (4)

Opinjoni Motivata: 113 (114)

Rapport Xjentifiku tal-EFSA: 7 (12)

Total tal-outputs xjentifiċi għall-attività 3 = 122 (131)

Pubblikazzjonijiet ta’ Sostenn

Rapport dwar avvenimenti: 11 (11)

Rapport Xjentifiku Estern: 74 (74)

Rapport tekniku: 70 (77)

Total tal-Pubblikazzjonijiet ta’ Sostenn = 155 (162)

Total tal-outputs = 606 (678)

Outputs xjentifiċi sostnuti minn attivitajiet ta' komunikazzjoni: 7 % (9,5 %)

Konsultazzjonijiet pubbliċi: 56 (39)

Żjarat fuq il-websajt: 4,7(4,4) miljun

Abbonati għar-rivista Highlights: 31  912(30  309)

Kopertura mill-midja: 11  820(9  194)

Mistoqsijiet mill-midja: 625 (893)

Stqarrijiet għall-istampa: 16 (25)

Artikli tal-aħbarijiet fuq l-Internet: 54 (60)

Intervisti: 95 (111)


(1)  L-allokazzjoni għall-ekwivalenti ta’ ingaġġ full-time (FTE) 2013 inħadmet skont il-metodoloġija tal-KE; għal skopijiet ta' tqabbil, id-data tal-2012 ġiet ikkalkulata mill-ġdid.

Sors: Anness ipprovdut mill-Awtorità.


IT-TWEĠIBA TAL-AWTORITÀ

11.

Skont l-awtovalutazzjoni li l-EFSA wettqet fir-rigward tas-sistema ta' kontroll intern tagħha fl-2012 u l-2013, il-maġġoranza tal-istandards ta' kontroll intern qed jintlaħqu. Dan għadu mhuwiex il-każ għal ICS 4 (l-evalwazzjoni u l-iżvilupp tal-persunal) u ICS 11 (Il-ġestjoni tad-dokumenti), li fir-rigward tagħhom kienet għadha għaddejja azzjoni korrettiva.

12.

L-EFSA tilqa’ b’sodisfazzjon is-sejba tal-ECA li tirrifletti l-evoluzzjoni li qed tiġi implimentata bħala parti miċ-ċiklu tal-baġit għall-2014. Fil-Programm ta’ Ħidma tagħha, l-EFSA diġà ppubblikat informazzjoni aktar iddettaljata dwar l-akkwisti u l-għotjiet fil-qasam tax-xjenza, kif ukoll dwar l-akkwisti l-oħra kollha, bħal dawk li jaqgħu taħt il-programm ta' komunikazzjoni jew appoġġ operattiv. Ninsabu fiduċjużi li din l-evoluzzjoni mill-prattiki tal-2013 li l-Qorti kkummentat dwarhom hawn fuq, tmur lil hinn mir-rekwiżiti previsti, b’konformità mal-isforz tal-EFSA biex tkompli ttejjeb it-trasparenza tal-informazzjoni pprovduta.


Top