Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014TA1210(11)

    Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposti tal-Aġenzija

    ĠU C 442, 10.12.2014, p. 93–101 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.12.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 442/93


    RAPPORT

    dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposti tal-Aġenzija

    (2014/C 442/11)

    INTRODUZZJONI

    1.

    L-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (Aġenzija tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ewropea) (minn hawn ’il quddiem “l-Aġenzija”, magħrufa wkoll bħala l-“EASA”), li tinsab f’Kolonja, ġiet stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1108/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). L-Aġenzija ngħatat kompiti regolatorji u eżekuttivi speċifiċi fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni (3).

    INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    2.

    L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll tal-Aġenzija. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

    DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    3.

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

    (a)

    il-kontijiet annwali tal-Aġenzija, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (4) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (5) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2013, u

    (b)

    il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

    Ir-responsabbiltà tal-maniġment

    4.

    II-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (6):

    (a)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (7); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali tal-Aġenzija wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fiha huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Aġenzija fl-aspetti materjali kollha.

    (b)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi superviżjoni adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

    Ir-responsabbiltà tal-awditur

    5.

    Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (8) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

    6.

    L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

    7.

    Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

    Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

    8.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2013 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

    Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    9.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2013 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

    10.

    Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

    KUMMENTI DWAR IL-LEGALITÀ U R-REGOLARITÀ TAT-TRANŻAZZJONIJIET

    11.

    Fl- 2012, l-EASA għażlet 14-il Awtorità Nazzjonali tal-Avjazzjoni (NAAs) u 10 “Entitajiet Kwalifikati” (QEs) permezz ta’ proċeduri ta’ akkwist biex testernalizza parti mill-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni tagħha (9). In-nefqa għall-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni esternalizzati ta' dan it-tip ammontat għal madwar EUR 22 miljun fl-2013. Il-proċess tal-allokazzjoni ta’ kompiti speċifiċi ta’ ċertifikazzjoni lill-NAAs u lill-QEs u l-kriterji li għandhom jintużaw huma deskritti f'linji gwida speċifiċi stabbiliti mill-Aġenzija (10). Madankollu, it-trasparenza tal-esternalizzazzjoni tista’ tiġi mtejba permezz ta’ dokumentazzjoni aħjar tal-proċessi ta' allokazzjoni, inklużi l-valutazzjonijiet li jsiru fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fil-linji gwida Dan huwa wkoll il-każ għall-allokazzjoni tal-bosta kuntratti oħra ta’ valur baxx lill-offerenti.

    KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA

    12.

    Il-livell kumplessiv ta’ approprjazzjonijiet impenjati kien għoli f'livell ta’ 98 %. Għalkemm l-Aġenzija naqqset aktar il-livell kumplessiv ta’ riporti ta' approprijazzjonijiet impenjati minn EUR 10,1 miljun (11 %) fl-2012 għal EUR 7,2 miljun (8 %) fl-2013, ir-riporti ta’ approprjazzjonijiet impenjati għat-Titolu III kienu għoljin f’livell ta’ EUR 3,4 miljun (42 %). Għalkemm dan huwa parzjalment iġġustifikat min-natura pluriennali tal-operazzjonijiet tal-Aġenzija u r-riporti inklużi fil-kampjun tal-Qorti kienu ġġustifikati kif xieraq, livell għoli bħal dan imur kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità.

    KUMMENTI OĦRA

    13.

    L-Aġenzija saret operazzjonali fl-2004 u sal-lum ħadmet fuq il-bażi ta' korrispondenza u skambji mal-Istat Membru ospitanti. Madankollu, ftehim komprensiv dwar il-kwartieri ġenerali bejn L-Aġenzija u l-Istat Membru ma ġiex iffirmat. Ftehim ta' dan it-tip ikun jippromwovi t-trasparenza fir-rigward tal-kundizzjonijiet li taħthom joperaw l-Aġenzija u l-persunal tagħha.

    SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

    14.

    Ħarsa ġenerali lejn l-azzjoni korrettiva li ttieħdet b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-snin preċedenti tingħata fl-Anness I.

    Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Milan Martin CVIKL, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-1 ta’ Lulju 2014.

    Għall-Qorti tal-Awdituri

    Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

    President


    (1)  ĠU L 240, 7.9.2002, p. 1.

    (2)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 51.

    (3)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Aġenzija. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

    (4)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

    (5)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

    (6)  L-Artikoli 39 u 50 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

    (7)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni huma dderivati mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

    (8)  L-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) Nru 1271/2013.

    (9)  Fi tmiem Mejju 2014, 3 kuntratti mal-QEs kienu ġew itterminati u konsegwentement kien hemm 14-il kuntratt attiv mal-NAAs u 7 mal-QEs.

    (10)  “Linji gwida għall-allokazzjoni ta’ kompiti ta’ ċertifikazzjoni lil Awtoritajiet Nazzjonali tal-Avjazzjoni u lil Entitajiet Kwalifikati”, id-Deċiżjoni 01-2011 tal-Bord Amministrattiv tal-EASA.


    ANNESS I

    Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

    Sena

    Kumment tal-Qorti

    Status tal-azzjoni korrettiva

    (Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

    2011

    Fi tmiem l-2011, l-Aġenzija kellha bilanċi bankarji ta’ EUR 55 miljun (2010: EUR 49 miljun) f’bank wieħed biss. Ma kien hemm ebda politika tat-teżor stabbilita biex dan ir-riskju jiġi limitat filwaqt li jinkisbu redditi xierqa fuq l-investiment.

    Ikkompletata

    2012

    L-Aġenzija stabbilixxiet proċedura standard għal verifikazzjonijiet ex ante. Madankollu, il-listi ta’ kontroll relatati ma kinux ikkompletati u d-dokumentazzjoni li tiġġustifika l-approvazzjoni tan-nefqa ma kinitx dejjem disponibbli (1).

    Ikkompletata

    2012

    Metodoloġija għal verifikazzjonijiet ex post ġiet approvata fl-2009. Għalkemm l-Aġenzija wettqet aktar żviluppi fl-implimentazzjoni tagħha, għad hemm lok għal titjib fl-oqsma li ġejjin: għad ma hemmx ippjanar annwali tal-verifikazzjonijiet, il-kampjun tat-tranżazzjonijiet li jridu jiġu ċċekkjati mhuwiex ibbażat fuq ir-riskju u l-metodoloġija ma tkoprix proċeduri ta’ akkwist pubbliku.

    Ikkompletata

    2012

    Il-livell kumplessiv ta' approprjazzjonijiet impenjati kien ta’ 95 %, li jvarja bejn 96 % għat-Titolu I (nefqa għall-persunal), 95 % għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) u 89 % għat-Titolu III (nefqa operazzjonali). Madankollu, ir-riporti tal-approprjazzjonijiet impenjati kienu għoljin għat-Titolu III fil-livell ta’ 46 %. Għalkemm dan huwa parzjalment iġġustifikat min-natura pluriennali tal-operazzjonijiet tal-Aġenzija u r-riporti inklużi fil-kampjun tal-Qorti kienu ġġustifikati kif xieraq, livell għoli bħal dan imur kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità.

    M/A

    2012

    F’waħda mill-proċeduri ta’ reklutaġġ awditjati, il-kandidat magħżul ma ssodisfax ir-rekwiżiti tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward ta’ lawrji universitarji jew taħriġ professjonali ekwivalenti.

    M/A


    (1)  L-iskedi ta’ ħin li jiġġustifikaw servizzi ddebitati abbażi ta’ persuni/jiem ma kinux jeżistu.


    ANNESS II

    L-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (Kolonja)

    Kompetenzi u attivitajiet

    Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni li jidderivaw mit-Trattat

    (L-Artikolu 100 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet xierqa għan-navigazzjoni (trasport) marittima u tal-ajru. Huma għandhom jaġixxu wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni.

    Kompetenzi tal-Aġenzija

    (Is-setgħat tal-Aġenzija kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-“Regolament Bażiku”))

    Objettivi

    Li żżomm livell uniformi għoli ta' sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fl-Ewropa u li tiżgura l-funzjonament tajjeb u l-iżvilupp tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili.

    Kompiti

    Li tagħti opinjonijiet u toħroġ rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni,

    li toħroġ speċifikazzjonijiet ta' ċertifikazzjoni, inklużi kodiċijiet tal-ajrunavigabbiltà u mezzi aċċettabbli ta' konformità, u kwalunkwe materjal ta' gwida għall-applikazzjoni tar-Regolament Bażiku u r-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu,

    li tieħu deċiżjonijiet dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-ajrunavigabbiltà u ambjentali, ċertifikazzjoni ta’ bdoti, ċertifikazzjoni ta' operazzjoni fl-ajru, operaturi ta’ pajjiżi terzi, spezzjonijiet ta’ Stati Membri u investigazzjoni ta’ impriżi,

    li twettaq spezzjonijiet ta' standardizzazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, Stati assoċjati u l-Istati li qabel kienu jiffurmaw parti mill-Awtoritajiet Konġunti tal-Avjazzjoni (JAA) (f’dan il-każ b’konformità mal-arranġamenti ta’ ħidma).

    Governanza

    Bord Amministrattiv

    Kompożizzjoni: jikkonsisti minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u rappreżentant wieħed mill-Kummissjoni.

    Kompiti

    Il-kompiti tal-Bord Amministrattiv huma deskritti fir-Regolament bażiku u huma, per eżempju:

    il-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv, u d-Diretturi fuq proposta tad-Direttur Eżekuttiv;

    l-adozzjoni tar-rapport annwali ġenerali dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija;

    l-adozzjoni tal-programm ta' ħidma tal-Aġenzija għas-sena ta' wara;

    il-ħatra tal-membri tal-Bord tal-Appell skont l-Artikolu 41;

    l-istabbiliment tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu;

    l-istabbiliment, jekk ikun jixtieq, ta' korpi ta' ħidma biex jassistu fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, inkluża t-tħejjija tad-deċiżjonijiet tiegħu u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom.

    Direttur Eżekuttiv

    Jamministra l-Aġenżija u huwa maħtur mill-Bord Amministrattiv fuq proposta mill-Kummissjoni.

    Bord ta' Appell

    Jiddeċiedi dwar appelli kontra d-deċiżjonijiet tal-Aġenzija skont l-Artikolu 44 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 rigward ċertu aspetti bħal ċertifikazzjoni, tariffi u imposti u investigazzjoni tal-impriżi.

    Awditu estern

    Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

    Awtorità ta’ kwittanza

    Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

    Riżorsi disponibbli għall-Aġenzija fl-2013 (2012)

    Baġit Finali

    Baġit totali: EUR 151,2(150,2) miljun, inklużi:

    dħul proprju: EUR 83,8(83,0) miljun (55,4 %)

    sussidju mill-Unjoni: EUR 34,9(34,9) miljun (23,1 %)

    kontribuzzjoni minn pajjiżi li mhumiex fl-UE: EUR 1,7(1,7) miljun (1,1 %)

    dħul assenjat minn tariffi u imposti: EUR 24,2(25,2) miljun (16,0 %)

    dħul ieħor: EUR 0,9(0,9) miljun (0,6 %)

    sussidji oħra: EUR 5,7(4,4) miljun (3,8 %)

    Persunal fil-31 ta' Diċembru 2013

    692 (634) persunal temporanju fit-tabella tal-persunal

    Postijiet okkupati: 647 (612)

    Postijiet okkupati minn persunal ieħor

    Total: 100 (74,6) li minnhom persunal kuntrattwali: 85 (63,3); esperti nazzjonali sekondati: 15 (11,3); konsulenti speċjali: 0 (0)

    Total tal-persunal temporanju: 648 (1) (613)

    Postijiet mimlija ffinanzjati mis-sussidju: 219 (2) (216)

    Postijiet mimlija ffinanzjati mit-tariffi: 429 (2) (396)

    Prodotti u servizzi fl-2013 (2012)

    Opinjonijiet

    12-il Opinjoni

    Deċiżjonijiet dwar it-Tfassil tar-Regoli

    28 Deċiżjoni relatati ma’: Speċifikazzjonijiet ta’ ċertifikazzjoni (8); Mezzi Aċċettabbli ta’ Konformità u Materjal ta’ Gwida (20)

    Riżultati addizzjonali fl-2013 (li se jwasslu għal Regoli fis-snin li ġejjin)

    32 Terminu ta’ Referenza (ToRs), 26 Notifika ta’ Emendi Proposti (NPAs), 24 Dokument ta’ Rispons għall-Kummenti (CRDs)

    Kooperazzjoni Internazzjonali

    12-il Arranġament ta' Ħidma.

    2 modifiki ta' Appendiċijiet għal Arranġament ta' Ħidma

    2 Arranġamenti ta' kooperazzjoni dwar it-tfassil tar-regoli mas-sħab bilaterali tal-EASA

    Appoġġ għan-negozjati tal-Ftehim UE – Ukraina dwar l-Ispazju Komuni għall-Avjazzjoni (il-ftehim kien inizjalat fl-2013)

    10 rakkomandazzjonijiet mogħtija f’Ittri Statali tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).

    BASA (Ftehim Bilaterali dwar is-Sikurezza tal-Avjazzjoni)

    Appoġġ għall-proċess ta' ratifika tal-BASA UE-Brażil u l-proċess għall-iżvilupp tal-istrumenti rilevanti meħtieġa għall-implimentazzjoni prattika tal-Ftehim.

    Appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Ftehim Bilaterali UE – US dwar is-Sikurezza tal-Avjazzjoni (BASA), inklużi għat-tħejjija tal-laqgħat tal-bord, u l-laqgħa annwali mal-Amministrazzjoni Federali tal-Avjazzjoni (FAA) dwar l-Istandards tal-Avjazzjoni.

    Appoġġ lill-Kummissjoni Ewropea għall-iżvilupp ta' Annessi ġodda għall-BASA UE-US (Liċenzjar ta' Ekwipaġġ tal-Avjazzjoni, Apparat ta’ Taħriġ għas-Simulazzjoni tat-Titjir, Organizzazzjonijiet ta' Taħriġ tal-Bdoti)

    Deċiżjonijiet ta’ ċertifikazzjoni fil-31 ta’ Diċembru 2013

    Ċertifikati tat-Tip/Ċertifikati Ristretti tat-Tip (TCs/RTCs): 11 (3)

    Ċertifikati Supplimentari tat-Tip (STCs): 688

    Direttivi dwar l-Ajrunavigabbiltà (ADs): 382

    Metodu Alternattiv ta’ Konformità (AMOC): 82

    Awtorizzazzjoni ta' Speċifikazzjoni Teknika Ewropea (ETSOA): 214

    Bidliet kbar/Tiswijiet kbar/Derivattivi Ġodda TC: 1  017

    Bidliet żgħar/Tiswijiet żgħar: 643

    Manwal tat-Titjir tal-Inġenji tal-Ajru (AFM): 318

    Approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir (PTF): 457

    Apparat ta’ Taħriġ għas-Simulazzjoni tat-Titjir (FSTD): 311

    Approvazzjoni ta’ Organizzazzjonijiet ta’ disinn (AP u Proċeduri Alternattivi għad-DOA (AP-DOA): 550

    Approvazzjoni ta' Organizzazzjonijiet ta' manutenzjoni (bilaterali) (4): 1  544

    Approvazzjoni ta' Organizzazzjonijiet ta' manutenzjoni (barranin) (4): 328

    Approvazzjoni ta' Organizzazzjonijiet ta' taħriġ dwar il-manutenzjoni (4): 52

    Approvazzjoni tal-Manifattura (4): 23

    Approvazzjoni ta' Organizzazzjonijiet ta' Liċenzjar ta' Ekwipaġġ tal-Avjazzjoni (4): 15

    Approvazzjoni ta' Organizzazzjonijiet ATM/ANS (4): 3

    Spezzjonijiet ta’ Standardizzazzjoni (għadd ta' spezzjonijiet skont it-tip) fil-31 ta’ Diċembru 2013

    Fil-qasam tal-Ajrunavigabbiltà (AIR): 22

    Fil-qasam tal-Operazzjonijiet (OPS): 16

    Fil-qasam tal-liċenzjar ta' ekwipaġġ tal-avjazzjoni (FCL): 16

    Fil-qasam tal-liċenzjar ta' ekwipaġġ mediku tal-avjazzjoni (MED): 12

    Fil-qasam tal-apparat ta’ taħriġ għas-simulazzjoni tat-titjir (FSTD): 9

    Fil-qasam tal-Gestjoni tat-Traffiku tal-Ajru/tas-Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru (ANS): 14

    Fil-qasam tal-Valutazzjoni tas-Sikurezza ta' Inġenji tal-Ajru Barranin (SAFA): 13


    (1)  Żewġ bdoti strutturali part-time jokkupaw post wieħed.

    (2)  Id-diviżjoni ta’ postijiet mimlija bejn dawk iffinanzjati minn tariffi u dawk iffinanzjati minn sussidji tista’ tinbidel soġġetta għar-reviżjoni li possibilment issir tal-kriterji tal-allokazzjoni għall-kontabbiltà tal-ispejjeż mill-31 ta’ Diċembru 2013.

    (3)  Dawk it-TCs/RTCs biss li nħarġu għal tip ta' disinn ġdid huma kkunsidrati. It-TCs li nħarġu b'riżultat ta’ anterjorità, trasferiment jew ħruġ mill-ġdid amministrattiv huma esklużi.

    (4)  L-attività ta’ approvazzjoni tal-organizzazzjoni hija suddiviża f’attività prinċipali ta’ sorveljanza ta’ organizzazzjonijiet diġà approvati (b’tiġdid kull sentejn jew kull tliet snin) u attività marbuta ma’ approvazzjonijiet ġodda. Id-data pprovduta tikkonċerna l-għadd totali ta’ approvazzjonijiet fil-31 ta’ Diċembru 2013.

    Sors: Anness ipprovdut mill-Aġenzija.


    IR-RISPOSTI TAL-AĠENZIJA

    11:

    Fil-qafas ta’ kontroll aħjar tal-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni esternalizzati lil Awtoritajiet Nazzjonali tal-Avjazzjoni (NAAs) u potenzjalment lil entitajiet kwalifikati (QE), id-direttorat taċ-ċertifikazzjoni (C) flimkien mad-direttorat tal-finanzi (F) fl-2014 se jimplimentaw mezz faċli biex jirreġistraw li l-għażla tal-fornitur ta’ kwalunkwe ordni ta’ xiri esternalizzata tkun saret u ġiet ottimizzata skont il-kriterji tal-anness 1 għad-deċiżjoni ED 2011/056/F.

    Fir-rigward tat-tqassir tal-lista ta’ kandidati għal kuntratti ta’ valur baxx, l-Aġenzija se tqis il-kumment tal-QEA b’mod sistematiku fl-għażla ta’ dawk mistiedna u se tiddokumentah kif xieraq u b’mod rilevanti.

    12:

    L-Aġenzija tixtieq tenfasizza l-isforzi kbar li diġà saru biex jitnaqqas il-livell ta’ riporti għat-titolu III u dan diġà ġie rifless fit-tnaqqis sinifikanti meta mqabbel mas-sena ta’ qabel: jiġifieri EUR 6,2 Miljun fl-2012 meta mqabbel ma’ EUR 3,4 Miljun fl-2013.

    Matul l-2013 kellhom jinżammu xi approprjazzjonijiet f’każ li jkun hemm aġġustamenti fis-salarji fl-2011 u reġgħu tqassmu matul is-sena lil proġetti bi prijorità għolja (it-tfassil tar-regoli u proġetti ta’ riċerka dwar is-sigurtà). Dan ostakola l-impenji fil-bidu tas-sena li rriżulta f'impatt sostanzjali fuq il-livell ta' riporti fi tmiem is-sena.

    13:

    Peress li l-EASA diġà esperjenzat xi affarijiet li ma kinux ċari li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet tagħna mal-Istat ospitanti tagħna minħabba n-nuqqas ta’ qbil dwar sede xierqa, l-EASA tirrikonoxxi r-rakkomandazzjoni u se taħdem mill-qrib mal-Kunsill tal-UE, il-Parlament u l-Kummissjoni biex tistabbilixxi qbil xieraq dwar il-kwartieri ġenerali.

    Dan il-qbil għandu – minbarra li jippromwovi t-trasparenza tar-relazzjonijiet mal-Istat Membru ospitanti – jiżgura li l-Istat ospitanti jieħu l-miżuri neċessarji kollha biex jiffaċilita l-eżerċizzju mingħajr xkiel mill-Aġenzija tal-mandat legali tagħha kif ukoll jiċċara r-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali u l-Aġenzija.


    Top