Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014TA1210(07)

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposta tal-Uffiċċju

ĠU C 442, 10.12.2014, p. 61–66 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 442/61


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposta tal-Uffiċċju

(2014/C 442/07)

INTRODUZZJONI

1.

L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (L-Uffiċċju tal-Komunità għall-Varjetajiet ta’ Pjanti) (minn hawn ’il quddiem “l-Uffiċċju” magħruf ukoll bħala s-“CPVO”), li jinsab f’Angers, inħoloq bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 (1). Il-kompitu prinċipali tiegħu huwa li jirreġistra u jeżamina applikazzjonijiet għall-għoti ta’ drittijiet ta’ proprjetà industrijali tal-Unjoni għal varjetajiet ta’ pjanti u li jiżgura li l-eżamijiet tekniċi meħtieġa jsiru mill-uffiċċji kompetenti fl-Istati Membri (2).

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

2.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll tal-Uffiċċju. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

(a)

il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2013, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-maniġment

4.

Il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Uffiċċju u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (5):

(a)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Uffiċċju jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Il-President japprova l-kontijiet annwali tal-Uffiċċju wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tiegħu jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fiha huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Uffiċċju fl-aspetti materjali kollha.

(b)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi superviżjoni adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

Ir-responsabbiltà tal-awditur

5.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

6.

L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

7.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

8.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tiegħu fil-31 ta’ Diċembru 2013 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tiegħu u l-flussi tal-flus tiegħu għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tiegħu u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

9.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2013 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

10.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA

11.

Ir-rata ta' eżekuzzjoni tal-baġit għall-2013 hija baxxa f'livell ta' 86 % (EUR 1 2 7 55  144) b'rata għolja korrispondenti ta' kanċellamenti. Dan jitfisser parzjalment mill-fatt li d-dħul u n-nefqa operazzjonali relatata (Titolu III) jiddependu ħafna mill-għadd ta' applikazzjonijet għar-reġistrazzjoni ta' drittijiet tal-varjetajiet ta' pjanti, li huwa diffiċli li jiġi previst bi preċiżjoni. Madankollu, hemm lok għal titjib ulterjuri fl-ippjanar u l-monitoraġġ tal-baġit, partikolarment fir-rigward tan-nefqa amministrattiva (Titolu II).

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

12.

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-snin preċedenti tingħata fl-Anness I.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Milan Martin CVIKL, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-1 ta’ Lulju 2014.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 227, 1.9.1994, p. 1.

(2)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Uffiċċju. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

(5)  L-Artikoli 38 sa 42 tar-Regolament Finanzjarju tal-Uffiċċju.

(6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni huma dderivati mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

(7)  L-Artikoli 87 sa 92 tar-Regolament Finanzjarju tal-Uffiċċju.


ANNESS I

Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

Sena

Kumment tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

2011

L-Uffiċċju ma adottax ir-Regoli ta’ Implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward tal-ingaġġ u l-użu ta’ persunal kuntrattwali u l-okkupazzjoni temporanja ta’ pożizzjonijiet maniġerjali.

Għadha għaddejja

2012

Is-CPVO wettaq verifikazzjoni fiżika tal-assi tiegħu f’Diċembru 2012. Madankollu, ebda rapport ta’ verifikazzjoni fiżika ma ġie prodott. Għalhekk mhuwiex possibbli li tiġi vverifikata l-preċiżjoni tar-rekords kontabilistiċi korrispondenti.

Ikkompletata

2012

Il-proċeduri ta’ reklutaġġ urew nuqqasijiet sinifikanti li jaffettwaw it-trasparenza u t-trattament indaqs tal-kandidati: il-ponderazzjonijiet u l-limiti stabbiliti mhux dejjem ġew applikati, ma ntuża ebda metodu ta’ evalwazzjoni konsistenti matul id-diversi proċeduri ta’ reklutaġġ u l-possibbiltà ta’ appell ma kinitx imsemmija fl-avviż ta’ postijiet battala.

Għadha għaddejja


ANNESS II

L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (Angers)

Kompetenzi u Attivitajiet

Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni li jidderivaw mit-Trattat

(Silta mill-Artikolu 36 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

Moviment liberu tal-merkanzija

Madankollu dawn il-projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet [il-protezzjoni ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali] ma għandhomx jikkostitwixxu la mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri.

Kompetenzi tal-Uffiċċju

(Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 u l-Pjan Strateġiku 2010-2015)

Objettivi

Li japplika s-sistema ta’ drittijiet tal-Unjoni Ewropea tal-varjetajiet ta’ pjanti bħala l-forma unika u esklussiva ta’ drittijiet tal-Unjoni Ewropea ta’ proprjetà industrijali għall-varjetajiet ta’ pjanti.

Li jrawwem l-innovazzjoni fil-varjetajiet ta’ pjanti permezz ta’ pproċessar ta’ kwalità għolja ta’ applikazzjonijiet għal drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti bi prezzijiet raġonevoli filwaqt li jipprovdi gwida u assistenza ta’ politika fl-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet għall-benefiċċju tal-partijiet interessati.

Kompiti

li jiddeċiedi jekk jirrifjutax jew jagħtix applikazzjonijiet għal drittijiet tal-Unjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti,

li jiddeċiedi dwar oġġezzjonijiet,

li jiddeċiedi dwar appelli,

li jiddeċiedi dwar ir-revoka jew il-kanċellament ta’ dritt tal-Unjoni Ewropea tal-varjetajiet ta’ pjanti.

Governanza

Il-President

Imexxi l-Uffiċċju. Huwa maħtur mill-Kunsill minn lista ta’ kandidati proposti mill-Kummissjoni wara li tkun kisbet l-opinjoni tal-Kunsill Amministrattiv.

Il-Kunsill Amministrattiv

Jissorvelja l-programm ta’ ħidma tal-Uffiċċju u jfassal ir-regoli li jirregolaw il-metodi ta’ ħidma tal-Uffiċċju. Huwa magħmul minn rappreżentant wieħed ta’ kull Stat Membru u rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni u s-supplenti tagħhom.

Deċiżjonijiet rigward l-għoti ta’ drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti jiġu adottati minn Kumitati magħmula minn tliet membri tal-persunal tal-Uffiċċju u mill-Bord tal-Appell fi proċedimenti tal-appell.

Kontroll tal-legalità tal-atti tal-Uffiċċju

L-eżaminar mill-Kummissjoni tal-legalità tal-atti tal-President tal-Uffiċċju li fir-rigward tagħhom il-liġi tal-Unjoni Ewropea ma tipprevedix kontroll fuq il-legalità minn xi korp ieħor, u tal-atti tal-Kunsill Amministrattiv relatati mal-baġit tal-Uffiċċju.

Awditu estern

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Awtorità ta' kwittanza

Il-Kunsill Amministrattiv.

Riżorsi disponibbli għall-Uffiċċju fl-2013 (2012)

Baġit finali

EUR 14,8(14,3) miljun

Persunal fil-31 ta' Diċembru 2013

Għadd ta’ postijiet fit-tabella tal-persunal: 48 (46)

Postijiet okkupati: 45 (45)

Total tal-persunal: 45 (45), assenjati għall-kompiti li ġejjin:

operazzjonali: 28,5(17,5)

amministrattivi: 16,5(21,5)

Prodotti u servizzi 2013 (2012)

Applikazzjonijiet riċevuti: 3  297(2  868)

Drittijiet mogħtija: 2  706(2  640)

Drittijiet tal-Unjoni Ewropea fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2013: 21  576(20  362)

Kooperazzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Varjetajiet ta’ Pjanti

Kontribut għall-infurzar ta’ drittijiet tal-varjetajiet ta’ pjanti.

Kuntatti u kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet li ġejjin: Il-Kummissjoni Ewropea (DĠ SANCO, Kumitati Permanenti), UPOV (1), CIOPORA (2), ESA (3), OAPI (4), OECD (5), MAFF (6) (il-Ġappun).


(1)  Union pour la Protection des Obtentions végétales (Unjoni għall-Protezzjoni ta’ Varjetajiet Ġodda tal-Pjanti).

(2)  International Community of Breeders of Asexually Reproduced Ornamental and Fruit Plants (Komunità Internazzjonali ta’ Dawk li Jrabbu Pjanti Ornamentali u tal-Frott Riprodotti b’Mod Asesswali).

(3)  European Seed Association (Assoċjazzjoni Ewropea taż-Żerriegħa).

(4)  Organisation africaine de la Propriété intellectuelle (Organizzazzjoni Afrikana tal-Proprjetà Intellettwali).

(5)  Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi.

(6)  Ministeru tal-Agrikoltura, tal-Ikel u tas-Sajd (JP).

Sors: Anness ipprovdut mill-Uffiċċju.


IR-RISPOSTA TAL-UFFIĊĊJU

11:

Is-CPVO ħa nota tal-kummenti tal-Qorti rigward il-livelli ta’ eżekuzzjoni. Minbarra t-talba għal fluttwazzjonijiet esterni, in-nonriżoluzzjoni tal-każ miftuħ tal-qorti dwar il-livelli tas-salarji kkontribwiet għal livelli baxxi ta’ eżekuzzjoni fl-2013. Dawn l-avvenimenti ma kinux f’idejn is-CPVO. Is-CPVO jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kanċellamenti għal Titolu II jammontaw għal 2 % tal-baġit totali tal-Aġenzija u jirriflettu nfiq prudenti.


Top