Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014TA1210(04)

    Rapport dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposti taċ-Ċentru

    ĠU C 442, 10.12.2014, p. 35–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.12.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 442/35


    RAPPORT

    dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposti taċ-Ċentru

    (2014/C 442/04)

    INTRODUZZJONI

    1.

    Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Entitajiet tal-Unjoni Ewropea) (minn hawn ’il quddiem “iċ-Ċentru”, magħruf ukoll bħala s-“CDT”), li jinsab fil-Lussemburgu, inħoloq bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2965/94 (1). Il-kompitu taċ-Ċentru huwa li jipprovdi lil kwalunkwe istituzzjoni u korp tal-Unjoni Ewropea li jitolbu s-servizzi tiegħu bis-servizzi ta’ traduzzjoni neċessarji għall-attivitajiet tagħhom (2).

    INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    2.

    L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll taċ-Ċentru. Dan huwa supplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

    DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    3.

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

    (a)

    il-kontijiet annwali taċ-Ċentru, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2013, u

    (b)

    il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

    Ir-responsabbiltà tal-maniġment

    4.

    Il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali taċ-Ċentru u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (5):

    (a)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali taċ-Ċentru jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur tapprova l-kontijiet annwali taċ-Ċentru wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tiegħu jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fiha huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja taċ-Ċentru fl-aspetti materjali kollha.

    (b)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi superviżjoni adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

    Ir-responsabbiltà tal-awditur

    5.

    Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali taċ-Ċentru jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

    6.

    L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi, u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

    7.

    Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

    Opinjoni dwar l-affidabiltà tal-kontijiet

    8.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali taċ-Ċentru jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tiegħu fil-31 ta’ Diċembru 2013 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tiegħu u l-flussi tal-flus tiegħu għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tiegħu u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

    Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    9.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2013 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

    10.

    Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

    KUMMENTI DWAR IL-LEGALITÀ U R-REGOLARITÀ TAT-TRANŻAZZJONIJIET

    11.

    Fl-2008 ċ-Ċentru kkonkluda 472 kuntratt qafas ma' fornituri tas-servizzi ta’ traduzzjoni għal perjodu massimu ta' 4 snin. Sabiex jinkisbu kundizzjonijiet aħjar għall-kuntratti qafas il-ġodda li kellhom ikunu ffirmati fl-2012, iċ-Ċentru ried jipparteċipa fil-proċedura ta' akkwist tal-Kummissjoni għal servizzi ta' traduzzjoni, li kienet għaddejja. Madankollu, ma setax jintlaħaq ftehim mal-Kummissjoni dwar it-termini tal-kuntratt. Minflok, iċ-Ċentru estenda l-kuntratti qafas eżistenti tiegħu għal sena oħra. Għalkemm ibbażata fuq deroga approvata kif dovut mid-Direttur taċ-Ċentru, tali estensjoni mhijiex konformi mar-regoli ta' implimentazzjoni għar-regolament finanzjarju taċ-Ċentru, li jipprevedu perjodu massimu ta' erba' snin għal kuntratti qafas.

    KUMMENTI DWAR IL-KONTROLLI INTERNI

    12.

    Delegazzjonijiet formali (sottodelegazzjonijiet) minn uffiċjali awtorizzanti (uffiċjali awtorizzanti b'delega) mhux dejjem huma konsistenti mad-drittijiet ta' awtorizzazzjoni għal tranżazzjonijiet fis-sistema kontabilistika ABAC.

    KUMMENTI OĦRA

    13.

    Flus kontanti miżmuma miċ-Ċentru komplew jiżdiedu minn EUR 35 miljun fi tmiem l-2012 għal EUR 40 miljun fi tmiem l-2013 (il-bilanċ pożittiv tal-baġit u r-riżervi żdiedu minn EUR 30,9 miljun għal EUR 37,5 miljun). Dan jindika lok għal tnaqqis fil-prezzijiet.

    14.

    Iċ-Ċentru sar operazzjonali fl-1994 u sal-lum ħadem fuq il-bażi ta' korrispondenza u skambji mal-Istat Membru ospitanti. Madankollu, ma hemm ebda ftehim komprensiv tal-kwartieri ġenerali bejn iċ-Ċentru u l-Istat Membru. Tali ftehim ikun jippromwovi aktar it-trasparenza fir-rigward tal-kundizzjonijiet li taħthom iċ-Ċentru u l-persunal tiegħu joperaw.

    SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SENA PREĊEDENTI

    15.

    Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-sena preċedenti tingħata fl-Anness I.

    Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Pietro RUSSO, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-16 ta’ Settembru 2014.

    Għall-Qorti tal-Awdituri

    Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

    President


    (1)  ĠU L 314, 7.12.1994, p. 1.

    (2)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet taċ-Ċentru. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta' informazzjoni.

    (3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

    (4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

    (5)  L-Artikoli 39 u 50 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

    (6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni huma dderivati mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

    (7)  L-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) Nru 1271/2013.


    ANNESS I

    Segwitu għall-kummenti mis-sena preċedenti

    Sena

    Kumment tal-Qorti

    Status tal-azzjoni korrettiva

    (Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

    2012

    Fi tmiem l-2012, iċ-Ċentru kellu depożiti fi flus kontanti u depożiti għal terminu qasir li kienu jammontaw għal EUR 35 miljun (bilanċ pożittiv tal-baġit u riżervi li kienu jammontaw għal EUR 30,9 miljun). Iċ-Ċentru ma jistax jaġġusta l-prezzijiet matul is-sena sabiex jibbilanċja d-dħul u l-infiq għalkemm xi kultant huwa rrimborża lill-klijenti tiegħu sabiex inaqqas iI-bilanċ pożittiv.

    Għadha għaddejja

    2012

    Ir-Regolament Fundatur ta’ 20 aġenzija regolatorja awditjati mill-Qorti fl-2012 jeħtieġ li dawn jużaw iċ-Ċentru għall-ħtiġijiet tat-traduzzjoni kollha tagħhom (ir-Regolament Fundatur taċ-Ċentru jistipula l-istess ħaġa għal 4 aġenziji oħra). Aġenziji oħra mhumiex obbligati jużaw iċ-Ċentru. Għal dokumenti li mhumiex tekniċi l-aġenziji jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż tagħhom billi jużaw servizzi lokali. Fl-opinjoni tal-Qorti l-leġiżlatur għandu jikkunsidra li jippermetti lill-aġenziji kollha jagħmlu dan.

    Għadha għaddejja


    ANNESS II

    Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (il-Lussemburgu)

    Kompetenzi u Attivitajiet

    Oqsma ta' kompetenza tal-Unjoni li jidderivaw mit-Trattat

    Ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri adottaw, permezz ta’ ftehim reċiproku, dikjarazzjoni dwar il-ħolqien, taħt l-awspiċi tad-dipartimenti tat-traduzzjoni tal-Kummissjoni fil-Lussemburgu, ta’ Ċentru tat-Traduzzjoni għall-korpi tal-Unjoni, li jkun jipprovdi s-servizzi ta’ traduzzjoni neċessarji għall-ħidma tal-korpi u tas-servizzi li s-sede tagħhom kien stabbilit bid-Deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 1993.

    Kompetenzi taċ-Ċentru

    (Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2965/94 kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1645/2003)

    Objettivi

    Li jipprovdi s-servizzi ta' traduzzjoni neċessarji għall-operazzjoni tal-korpi li ġejjin:

    l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent;

    il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ;

    iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga;

    l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini;

    l-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol;

    l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji);

    l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) u l-Unità Drogi tal-Europol.

    Il-korpi mwaqqfa mill-Kunsill, barra dawk imsemmija hawn fuq jistgħu jużaw is-servizzi taċ-Ċentru. L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea li diġà għandhom is-servizzi ta' traduzzjoni proprji tagħhom jistgħu, jekk ikun meħtieġ, jitolbu għas-servizzi taċ-Ċentru fuq bażi volontarja.

    Iċ-Ċentru jieħu sehem bis-sħiħ fix-xogħol tal-Kumitat Interistituzzjonali tat-Traduzzjoni.

    Kompiti

    Li jagħmel arranġamenti għall-koperazzjoni mal-korpi u l-istituzzjonijiet;

    li jipparteċipa fix-xogħol tal-Kumitat Interistituzzjonali tat-Traduzzjoni.

    Governanza

    Bord tal-Maniġment

    Kompożizzjoni

    rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru;

    żewg rappreżentanti mill-Kummissjoni;

    rappreżentant wieħed minn kull korp jew istituzzjoni li titlob għas-servizzi taċ-Ċentru.

    Kompiti

    Li jadotta l-baġit annwali u l-programm tax-xogħol (programm ta’ ħidma), it-tabella tal-persunal u r-rapporti annwali taċ-Ċentru.

    Direttur

    Maħtur mill-Bord tal-Maniġment fuq proposta mill-Kummissjoni.

    Awditu estern

    Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

    Awditu intern

    Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni Ewropea (IAS).

    Awtorità ta' kwittanza

    Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

    Riżorsi disponibbli għaċ-Ċentru fl-2013 (2012)

    Baġit Finali:

    EUR 52,194(48,293) miljun

    Persunal:

    206 (225) postijiet fit-tabella tal-persunal, li minnhom 193 (199) kienu okkupati.

    + 23 (17-il) persunal kuntrattwali

    Total tal-persunal: 216 (216), inkarigati mill-kompiti li ġejjin:

    operazzjonali: 118 (114)

    amministrattivi: 98 (102)

    Prodotti u servizzi 2013 (2012)

    Għadd ta’ paġni tradotti:

    8 04  986(7 35  007)

    Għadd ta’ paġni skont il-lingwa:

    lingwi uffiċjali: 8 00  221(7 22  505)

    lingwi oħrajn: 4  765(12  502)

    Għadd ta' paġni għal kull klijent:

    korpi: 7 80  310(7 07  888)

    istituzzjonijiet: 24  676(27  119)

    Għadd ta’ paġni tradotti minn ħaddiema freelance:

    5 12  524(4 80  695)

    Sors: Anness ipprovdut miċ-Ċentru.


    IR-RISPOSTI TAL-AĠENZIJA

    Para 11:

    Iċ-Ċentru kien ingħaqad mas-sejħa għall-offerti tal-Kummissjoni għal dawn it-tipi ta’ servizzi ta’ traduzzjoni fil-passat. Fir-rigward tas-sejħa għall-offerti msemmija, il-Kummissjoni bdiet ix-xogħol preparatorju tagħha fi stadju kemxejn tard u bidlet il-kundizzjonijiet applikabbli għaċ-Ċentru sabiex dawn ikunu differenti mis-sejħa għall-offerti organizzata erba’ snin ilu. Sfortunatament, iċ-Ċentru ma setax jilħaq ftehim mal-Kummissjoni dwar il-kundizzjonijiet. Barra minn hekk, id-data tal-bidu għall-kuntratti l-ġodda ma kinitx tikkoinċidi mad-data tal-għeluq tal-kuntratti stabbiliti u dan irriżulta fi problemi prattiċi għaċ-Ċentru.

    Għaldaqstant, iċ-Ċentru ddeċieda li jorganizza s-sejħa għall-offerti tiegħu stess għal dawn it-tipi ta’ servizzi speċifiċi ta’ traduzzjoni u li jestendi kuntratti eżistenti b’sena sabiex ikun imħejji sew għal din is-sejħa tal-offerti estensiva. Meta wieħed iqis l-impatt fuq iċ-Ċentru f’każ li l-ebda kuntratt ma jiġi stabbilit fid-data tal-għeluq tal-kuntratti eżistenti, kien ġie meqjus bħala ġġustifikat li tittawwal l-iskadenza tal-kuntratti eżistenti.

    Para 12:

    Iċ-Ċentru aġġorna d-delegazzjoni formali biex din tkun konformi mad-drittijiet fl-ABAC. Il-proċedura interna stabbilita biex iżżomm id-delegazzjonijiet fl-ABAC aġġornati ġiet kemxejn modifikata biex tiġi evitata kwalunkwe diskrepanza bejn id-drittijiet fl-ABAC u d-delegazzjonijiet formali.

    Para 13:

    Iċ-Ċentru huwa konxju għal kollox li ġġenera bilanċ ekonomiku pożittiv għat-tieni sena konsekuttiva, iżda għandu jiġi nnotat li l-bilanċ pożittiv fl-2013 kien seħħ minħabba fatturi esterni li kienu lil hinn mill-kontroll taċ-Ċentru; speċjalment bħala riżultat ta’ volum ogħla ta' paġni fatturati milli kien previst, iż-żieda fis-salarji li ġiet ikkanċellata u l-kontribuzzjoni tal-pensjoni li ġiet rimborżata liċ-Ċentru.

    Il-baġit taċ-Ċentru tal-2013 tħejja fl-2012 fid-dawl tat-telf ekonomiku ta’ EUR 1 miljun fl-2011 u meta wieħed iqis li d-dħul minn marki kummerċjali Komunitarji kien partikolarment inċert. Kien biss f’Diċembru 2012, fl-abbozz preliminari tal-baġit għall-2014, meta’ ċ-Ċentru seta’ jirreaġixxi għar-riżultati finanzjarji billi ppropona bilanċ negattiv tal-baġit għall-2014 ta’ EUR 1 0 92  890, iffinanzjat mir-riżerva tal-istabbiltà tal-prezzijiet li kienet inħolqot qabel. Skont l-analiżi tal-ispejjeż tal-2012 u l-analiżi tal-ewwel nofs tal-2013, iċ-Ċentru naqqas b’mod konsiderevoli l-prezzijiet tal-2014 biex jirrifletti mhux biss il-bidliet fil-prezz tal-prodotti, iżda biex juża wkoll parti mill-bilanċ pożittiv. Għaldaqstant, il-baġit tal-2014 kien maħdum bħala bilanċ negattiv mill-bidu nett; id-defiċit ta’ EUR 4 1 06  650 huwa bbilanċjat mir-riżerva għall-istabbiltà tal-prezzijiet li nħolqot fis-snin ta’ qabel.

    Il-baġit tal-2015 se jerġa’ jitħejja bħala bilanċ negattiv biex juża parti mill-bilanċ pożittiv tas-snin ta’ qabel. Skont l-analiżi tal-prezzijiet ta’ nofs is-sena tal-2014 u s-simulazzjonijiet u l-volumi previsti għall-2015, se jiġu proposti aktar modifiki tal-prezzijiet għall-2015. Bħala miżura addizzjonali, iċ-Ċentru, għall-ewwel darba fl-istorja tiegħu, ippropona li l-Bord tal-Maniġment ikompli jnaqqas il-prezzijiet tal-2014 f’nofs l-2014 biex ikun jista’ jirreaġixxi aktar malajr u jagħti lura r-riżiltati finanzjarji pożittivi tal-2013 lill-klijenti tiegħu.

    Para 14:

    Ix-xogħlijiet dwar il-ftehim dwar il-kwartieri ġenerali waslu fil-fażi finali tagħhom. L-abbozz ta’ ftehim ġie ppreżentat lil Conseil de Gouvernement tal-Lussemburgu u ġie diskuss u approvat matul il-laqgħa tiegħu fl-aħħar ta’ April. Iċ-Ċentru qed jistenna konferma ta’ data għall-iffirmar tal-ftehim mill-awtoritajiet Lussemburgiżi.


    Top