EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014SC0281

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar ir-rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni ta’ kombustjoni interna għall-makkinarju mobbli mhux maħsub biex jintuża fit-triq

/* SWD/2014/0281 final */

52014SC0281

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar ir-rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni ta’ kombustjoni interna għall-makkinarju mobbli mhux maħsub biex jintuża fit-triq /* SWD/2014/0281 final */


DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar ir-rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni ta’ kombustjoni interna għall-makkinarju mobbli mhux maħsub biex jintuża fit-triq

Dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà: Dan is-sommarju eżekuttiv jikkommetti biss lis-servizzi tal-Kummissjoni involuti fit-tħejjija tiegħu u ma jippreġudikax il-forma finali ta’ kwalunkwe deċiżjoni li għandha tittieħed mill-Kummissjoni.

1.           Definizzjoni tal-Problema

It-tniġġis tal-arja

Il-magni ta’ kombustjoni installati fl-NRMM huma sors sinifikanti ta’ tniġġis tal-arja u din hija l-problema prinċipali li d-Direttiva nnifisha u r-reviżjoni attwali għandhom l-għan li jindirizzaw. Fil-preżent, ħafna Stati Membri tal-UE qegħdin jagħmlu ħilithom sabiex jilħqu l-għanijiet tagħhom fir-rigward tal-kwalità tal-arja u tnaqqis ulterjuri tal-emissjonijiet minn magni ta’ kombustjoni huwa kwistjoni importanti f’dan il-kuntest. Minkejja l-limiti stabbiliti mid-Direttiva NRMM u l-emendi sussegwenti tagħha, is-settur tal-NRMM sar sors dejjem aktar importanti tat-tniġġis tal-arja f’termini relattivi, b’mod partikolari tal-ossidi tan-nitroġenu (NOx) u l-materja partikulata (PM). Is-settur tal-NRMM jikkostitwixxi madwar 15% tal-emissjonijiet totali tal-NOx u 5% tal-emissjonijiet totali tal-PM fl-UE. Filwaqt li s-sehem tal-PM mistenni jonqos, is-sehem tal-NOx mistenni jiżdied sa kważi 20% fl-2020.

Ir-rekwiżiti l-aktar stretti fir-rigward tal-emissjonijiet tal-istadju IV, previsti fil-leġiżlazzjoni attwali sejrin jidħlu fis-seħħ fl-2014. Issa jidher li jeħtieġ li jiġi żgurat li s-settur tal-NRMM jitpoġġa fuq trajettorja ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet fit-tul li hija allinjata mal-politika ġenerali tal-UE dwar il-kwalità tal-arja u r-rekwiżiti regolatorji f’setturi assoċjati.

Minħabba l-orjentazzjoni b’saħħitha lejn l-esportazzjoni min-naħa tal-manifatturi tal-magni u tal-makkinarju bbażati fl-UE, huwa wkoll importanti ħafna li r-rekwiżiti tal-emissjonijiet, fejn rilevanti, jiġu żviluppati b’ħarsa lejn ir-rekwiżiti korrispondenti fis-swieq ewlenin ta’ pajjiżi terzi bħall-Istati Uniti.

Il-provvista ta’ gwida dwar ir-rekwiżiti tal-emissjonijiet aktar fit-tul milli huwa l-każ bħalissa tagħti wkoll aktar ċertezza fl-ippjanar għall-industrija u tagħti ċ-ċans lis-settur jippjana l-investimenti meħtieġa fir-riċerka u l-iżvilupp.

Nuqqasijiet regolatorji

Minkejja l-isforzi tal-passat, il-leġiżlazzjoni fil-forma attwali tagħha għandha ċerti nuqqasijiet speċifiċi. Mhux il-kategoriji kollha tal-magni NRMM huma koperti. Il-fatt li dawn il-magni bħalissa mhumiex regolati jfisser li qegħdin jintilfu benefiċċji ambjentali importanti.

Hemm ukoll riskju ta’ distorsjoni tas-suq għal ċertu makkinarju, fejn il-produttur ikollu l-għażla jekk jinstallax magna koperta mid-Direttiva inkella waħda li bħalissa mhijiex regolata. B’mod partikolari, bidla minn magni CI għal magni SI tista’ tiġi inkoraġġita mis-sitwazzjoni regolatorja preżenti skont iċ-ċirkostanzi u d-disponibbiltà tal-fjuwil. Dawn is-sejbiet ġew ikkonfermati mill-kummenti mogħtija mill-partijiet involuti matul il-konsultazzjoni pubblika miftuħa.

L-istadji l-ġodda tal-emissjonijiet kienu introdotti l-aħħar meta d-Direttiva ġiet emendata fl-2004. Dan ifisser li r-rekwiżiti tal-emissjonijiet għal ċerti kategoriji ta’ magni qegħdin jiskadu meta mqabbla mat-teknoloġija l-aktar avvanzata u l-iżviluppi riċenti fis-settur tat-triq.

Barra minn hekk, sadanittant saret disponibbli evidenza konklużiva dwar l-effetti negattivi tal-emissjonijiet tal-egżost tad-diżil fuq is-saħħa u, b’mod partikolari, dwar il-materja partikulata (jiġifieri n-nugrufun tad-diżil). Waħda mis-sejbiet ewlenin hija li d-daqs tal-partikuli huwa fattur kruċjali wara l-effetti tas-saħħa osservati u dan jista’ jiġi indirizzat biss permezz tal-valuri tal-limitu bbażati fuq l-għadd tan-numru ta’ partikuli (jiġifieri l-limitu PN). L-esperti kkonkludew li anki l-aktar livelli ambizzjużi definiti mill-Istadju IV jonqsu milli jiggarantixxu protezzjoni adegwata minn inkwinanti bħal dawn. Għaldaqstant, f’konformità mal-iżviluppi fis-settur tat-triq, jeħtieġ li tiġi kkunsidrata l-introduzzjoni ta’ stadju ġdid għall-emissjonijiet (Stadju V) li jimmira għal limiti fin-numru ta’ partikuli minbarra l-limiti fil-massa tal-partikuli, għall-aktar kategoriji ta’ magni rilevanti.

Barra minn hekk, hemm nuqqas ta’ qbil bejn ċerti kategoriji ta’ magni rigward l-istrettezza tal-limiti tal-emissjonijiet li huma applikabbli bħalissa. B’mod partikolari, il-limiti tal-emissjonijiet għall-magni installati fil-bastimenti li jivvjaġġaw fuq passaġġi tal-ilma interni jidhru li mhumiex ambizzjużi biżżejjed u li jeħtieġu valutazzjoni mill-ġdid. Hija tittratta wkoll l-emissjonijiet tal-egżost minn magni b’veloċità kostanti, li jirrappreżentaw parti kbira mill-magni mhux intenzjonati biex jintużaw fit-triq: il-limiti tal-emissjonijiet għal dawn il-magni huma inqas stretti minn dawk għall-magni b’veloċità varjabbli, li jistgħu jinkoraġġixxu lill-manifatturi sabiex jagħżlu l-magni b’veloċità kostanti bi standards ambjentali aktar baxxi fuq il-magni b’veloċità varjabbli. Jeħtieġ li din is-sitwazzjoni tiġi riveduta minħabba li ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni teknika għall-assenjazzjoni ta’ valuri tal-limitu inqas stretti għall-magni b’veloċità kostanti.

Bħalissa, il-limiti tal-emissjonijiet għall-NRMM qegħdin jiġu ttestjati f’kundizzjonijiet tal-laboratorju meta l-magna jkollha t-tip approvat. Filwaqt li d-Direttiva ma tirrikjedix li s-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tiffunzjona b’mod korrett f’kundizzjonijiet tad-dinja reali, hija ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni li tivverifika li s-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet miżmuma sewwa qiegħda tabilħaqq tiffunzjona tajjeb meta tkun qed titħaddem. Jista’ jkun utli li jiġu pprovduti miżuri u li jiġi vverifikat jekk l-emissjonijiet waqt it-tħaddim tal-magna (“in-service”) humiex jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva tul il-ħajja utli preskritta tal-magna, billi dan diġà huwa l-każ għall-vetturi “heavy-duty” li jintużaw fit-triq.

2.           Analiżi tas-sussidjarjetà

Il-bażi legali tad-Direttiva 97/68/KE dwar l-NRMM hija l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Minħabba li dan jikkonċerna l-emendi fil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, hija biss l-UE li tista’ tindirizza l-kwistjonijiet b’mod effettiv. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa rrispettat, minħabba li l-għanijiet ta’ politika ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-azzjonijiet tal-Istati Membri. L-azzjoni tal-Unjoni Ewropea hija meħtieġa minħabba l-ħtieġa li jiġi evitat li jinfirxu l-ostakli għas-suq uniku, b’mod partikolari fil-qasam tal-magni NRMM, u minħabba n-natura tranżnazzjonali tat-tniġġis tal-arja. Anki jekk l-effetti tas-sustanzi ewlenin li jniġġsu l-arja huma aktar severi qrib is-sors, l-effetti fuq il-kwalità tal-arja mhumiex limitati għal-livell lokali u t-tniġġis transfruntier huwa problema ambjentali serja li tista’ tirriżulta f’soluzzjonijiet nazzjonali ineffettivi. Sabiex tissolva l-problema tat-tniġġis tal-arja, hija meħtieġa azzjoni miftiehma fuq skala tal-UE.

It-twaqqif tal-limiti tal-emissjonijiet u l-proċeduri tal-approvazzjoni tat-tip fil-livell nazzjonali potenzjalment jirriżulta f’taħlita ta’ 28 sistema differenti li jkunu jirrappreżentaw ostaklu serju għall-kummerċ intra-Unjoni. Barra minn hekk, dan jista’ jimponi piż amministrattiv u finanzjarju sinifikanti fuq il-manifatturi li huma attivi f’aktar minn suq wieħed. Għalhekk, l-għanijiet tal-inizjattiva li qed tiġi kkunsidrata ma jistgħux jintlaħqu mingħajr ma tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE.

Fl-aħħar nett, metodu armonizzat fil-livell tal-UE huwa mistenni li jirrappreżenta l-aktar metodu kosteffiċjenti għall-manifatturi u għall-utenti finali sabiex jinkiseb tnaqqis tal-emissjonijiet.

3.           Għanijiet

L-għan primarju tad-Direttiva dwar l-NRMM huwa li titnaqqas l-emissjoni ta’ emissjonijiet gassużi u partikulati (NOx, HC, PM, CO) mill-magni inkorporati fil-makkinarju mobbli li ma jintużax fit-triq. Dan huwa wkoll l-għan ċentrali tal-proċess ta’ reviżjoni.

L-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra (GHG) bħalissa mhumiex inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-NRMM. Dan huwa dovut primarjament għall-fatt li d-Direttiva timmira għar-rendiment tal-emissjonijiet tal-magni minflok tal-makkinarju fejn huma installati l-magni. Madankollu, minħabba li r-rendiment tal-emissjonijiet tal-GHG huma influwenzati l-aktar mill-makkinarju (pereżempju; il-piż, id-disinn, ...) kif ukoll mit-tħaddim proprju tiegħu, għad irid jinstab il-mod leġiżlattiv l-aktar xieraq ta’ kif l-aħjar jiġu indirizzati l-emissjonijiet tal-GHG.   Għalhekk, għall-kunsiderazzjonijiet tal-proċess tar-reviżjoni attwali, l-emissjonijiet tal-GHG jibqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni.

L-għanijiet speċifiċi segwiti huma dawn li ġejjin:

Is-saħħa u l-ambjent:

· Li jiġu mħarsa s-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent permezz ta’ tnaqqis ulterjuri tal-emissjonijiet ta’ sustanzi tossiċi li jniġġsu l-arja (NOx, HC, PM, CO) minn magni NRMM, f’konformità mal-politika tal-UE dwar il-kwalità tal-arja;

· Li jiġi żgurat li l-limiti tal-emissjonijiet tal-NRMM u r-rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip ikunu jirriflettu l-progress tekniku u jindirizzaw in-nuqqasijiet regolatorji li ġew identifikati.

Il-kompetittività:

· Li jiġi żgurat funzjonament tajjeb tas-suq intern, b’mod partikolari billi jitnaqqsu l-ostakli għall-kummerċ intern u estern.

· Li tiġi pprovduta perspettiva regolatorja affidabbli fit-tul għas-setturi ekonomiċi rilevanti.

· Li tiġi evitata l-frammentazzjoni regolatorja billi titnaqqas il-pressjoni fuq l-Istati Membri u fuq awtoritajiet pubbliċi oħrajn biex jimponu restrizzjonijiet fuq l-użu tal-NRMM.

· Li jiġi promoss il-progress tekniku billi tingħata gwida fit-tul dwar il-limiti tal-emissjonijiet.

· Li jiżdied l-allinjament mar-regolamenti stabbiliti barra mis-suq tal-UE, b’mod partikolari fl-Istati Uniti.

Il-konformità:

· Li jingħata appoġġ lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-politika tal-UE dwar il-kwalità tal-arja billi jiġu pprovduti b’ambjent regolatorju ta’ sostenn;

· Li jingħata appoġġ lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-ibliet fl-indirizzar tal-problemi ta’ konformità fl-hekk imsejħa “hotspots” urbani, fejn il-problemi relatati mal-kwalità tal-arja wrew li huma aktar diffiċli biex jiġu indirizzati.

4.           Għażliet ta’ Politika

L-alternattivi li ġejjin ġew ikkunsidrati u studjati f’aktar dettall fuq il-bażi ta’ analiżi tal-kostijiet imqabbla mal-benefiċċji:

Għażla 1: Żamma tal-istatus quo (kollox jibqa’ kif inhu) – l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti (Xenarju ta’ referenza)

Id-Direttiva dwar l-NRMM sejra tkompli tapplika fil-forma attwali tagħha u l-ebda stadju ġdid tal-emissjonijiet ma huwa ser isegwi l-Istadju IV, li jidħol fis-seħħ mill-2014 ’il quddiem. It-tipi ta’ magni barra mill-kamp ta’ applikazzjoni attwali mistennija jkomplu jiffunzjonaw bla ma jkunu regolati, sakemm l-Istati Membri ma jiddeċidux li jieħdu azzjoni huma stess.

Għażla 2: Allinjament mal-istandards tal-Istati Uniti fil-kamp ta’ applikazzjoni u l-valuri tal-limitu

Ir-reviżjoni tfittex li tilħaq l-allinjament mal-istandards US-EPA, fejn ikun fattibbli. Billi l-istandards US-EPA tal-lum huma ġeneralment aktar stretti mill-istandards attwali tal-UE, dan l-approċċ ikollu l-effett kemm li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-magni regolati kif ukoll li jintroduċi valuri tal-limitu aktar stretti tal-emissjonijiet. Għall-kategoriji tal-magni fejn ma tistax tiġi stabbilita korrispondenza sinifikanti bejn l-UE u l-Istati Uniti, jew fejn japplikaw standards inqas stretti fl-Istati Uniti milli fl-UE, b’mod partikolari għall-vaguni li ma jeżistux bħala kategorija distinta fl-Istati Uniti, ma għandu jiġi mfittex l-ebda allinjament. Minflok, għandu jiġi applikat livell ta’ ambizzjoni xieraq bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konsistenza fost il-kategoriji tal-magni. Huwa importanti wkoll li wieħed jinnota li din l-għażla timmira għal-limiti tal-massa tal-partikuli aktar milli għal-limiti tal-għadd ta’ partikuli.

Għażla 3: Pass lejn livelli ta’ ambizzjoni fis-settur tat-triq, għall-aktar sorsi tal-emissjonijiet rilevanti

L-istandard tal-emissjonijiet Euro VI għall-vetturi “heavy-duty” (jiġifieri trakkijiet u karozzi tal-linja) għandu jintuża bħala l-punt ewlieni ta’ orjentazzjoni. Dan ikun jinkludi, b’mod partikolari, il-kwistjoni tal-limitu tal-għadd ta’ materja partikulata li bħalissa ma teżistix fil-leġiżlazzjoni tal-NRMM. Madankollu, id-differenzi tekniċi u regolatorji bejn il-vetturi “heavy-duty” u l-NRMM jittieħdu f’kunsiderazzjoni meta jiġu definiti l-valuri tal-limitu. Fir-rigward tad-definizzjoni tal-valuri tal-limitu, din l-għażla hija aktar ambizzjuża mill-Għażla 2 u tfittex li tikseb tnaqqis koerenti u komparabbli fost l-aktar kategoriji ta’ magni rilevanti. Hija tippermetti għal ċertu differenzjar limitat fost il-klassijiet differenti ta’ potenza skont ir-riżultati tal-analiżi tal-kostijiet imqabbla mal-benefiċċji.

Fir-rigward tal-magni għas-settur tat-trasport IWV, qegħdin jiġu studjati żewġ għażliet: l-Għażla 3A, li hija ispirata mill-allinjament mal-istandards futuri tal-Istati Uniti dwar in-NOx u l-HC, bl-introduzzjoni tal-limiti tal-emissjonijiet tal-PN, kif ukoll l-Għażla 3B, li tistabbilixxi wkoll miri ambizzjużi ħafna għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-NOx u l-HC. B’mod simili, qegħdin jiġu studjati żewġ għażliet għall-applikazzjonijiet ferrovjarji, jiġifieri l-introduzzjoni tal-limiti tal-emissjonijiet tal-PN biss (l-Għażla 3A) jew rispettivament tal-limiti tal-emissjonijiet tal-PN flimkien ma’ limiti aktar stretti għall-NOx/HC (l-Għażla 3B).

Għażla 4: Livell ta’ ambizzjoni estiż permezz ta’ dispożizzjonijiet imtejba dwar il-monitoraġġ

Skont din l-għażla, ir-reviżjoni għandha tfittex li tgħaqqad il-limiti aktar stretti tal-emissjonijiet li jirriżultaw mill-Għażla 2 u/jew mill-Għażla 3 ma’ dispożizzjonijiet imtejba dwar il-monitoraġġ.

Dawn id-dispożizzjonijiet huma primarjament immirati lejn il-monitoraġġ tal-konformità “in service” tal-magni NRMM. Il-konformità “in service” tfisser il-konformità tal-magna mar-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip matul “il-ħajja normali” tal-prodott. Għal din ir-raġuni, ġiet żviluppata leġiżlazzjoni fis-settur tal-vetturi “heavy-duty”, li hija mmirata lejn il-monitoraġġ, permezz ta’ teħid limitat ta’ kampjuni, tar-rendiment tal-emissjonijiet tal-magni ladarba jiġu installati fil-vetturi u l-ħajja “in service”. Għandhom jiġu introdotti proċeduri simili għas-settur mhux tat-triq. Dan jista’ jservi wkoll bħala l-ewwel pass lejn il-kontroll tal-emissjonijiet fid-dinja reali (l-hekk imsejjaħ “off-cycle”).

Barra minn hekk, bil-għan li tinkiseb stampa aktar preċiża tal-emissjonijiet speċifiċi tal-gassijiet b’effett ta’ serra u l-konsum tal-fjuwil tal-magni NRMM, l-informazzjoni dwar dawn l-emissjonijiet tista’ tintuża sabiex jitwaħħlu tikketti mal-magni bil-għan li x-xerrejja u l-utenti jkunu aktar infurmati. Jekk jitqies bħala meħtieġ, fi stadju aktar tard, ir-riżultati mill-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet speċifiċi tal-gassijiet b’effett ta’ serra mill-magni jista’ possibbilment jintuża għal aktar miżuri fil-ġejjieni.

5.           Valutazzjoni tal-impatti

Minħabba d-diversità konsiderevoli tal-magni u l-applikazzjonijiet fis-settur tal-NRMM, l-għażla ppreferuta hija dik ta’ taħlita ta’ elementi trasversali komuni għall-erba’ għażliet politiċi kollha li ġew studjati. L-għażliet ippreferuti li ġew identifikati għandhom iwasslu għal tnaqqis sinifikanti ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu u li għandhom effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem. L-enfasi hija fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-partikuli tad-diżil. Barra minn hekk, sejjer jinkiseb tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet ta’ NOx u HC.

Il-benefiċċji tal-għażliet ippreferuti lkoll flimkien mistennija jilħqu ammonti ta’ bejn EUR 26,100 u EUR 33,300 miljun sal-2040.

Il-kostijiet tal-għażla ppreferuta primarjament jiġġarrbu mill-manifatturi tal-magni u tal-makkinarju (kostijiet ta’ żvilupp, disinn mill-ġdid u produzzjoni), iżda wkoll mill-utenti finali tal-makkinarju (l-ispejjeż operazzjonali għall-konsum addizzjonali tal-fjuwil, l-ispejjeż tal-manutenzjoni).

Il-kostijiet tal-għażliet ippreferuti lkoll flimkien, mistennija jilħqu ammonti ta’ bejn EUR 5,200 u EUR 5,800 miljun sal-2040.

Għalkemm l-analiżi tal-kostijiet imqabbla mal-benefiċċji tindika li hemm benefiċċji netti globali, għandu jiġi enfasizzat li l-ħtiġijiet tal-investiment jilħqu livelli sinifikanti għal uħud mill-kategoriji tal-magni u/jew setturi li jeħtieġ li jiġu vvalutati bir-reqqa bil-kapaċitajiet finanzjarji tal-parteċipanti ewlenin affettwati. Il-kostijiet ta’ investiment l-aktar sinifikanti huma identifikati għas-setturi/għall-kategoriji li jibbenifikaw mil-lum, f’termini relattivi, minn livelli aktar baxxi ta’ emissjonijiet, jiġifieri magni żgħar li jaħdmu bid-diżil (19-37 kW) u magni li jintużaw fis-settur tal-IWT.

6.           Tqabbil tal-għażliet

Jekk wieħed jassumi li l-kriterji għat-tqabbil huma mogħtija piż simili, l-Għażla 2 (l-allinjament mal-Istati Uniti) hija l-għażla ppreferuta għall-magni kollha SI u għall-iżgħar u l-akbar magni CI. L-Għażla 3 (allinjament aktar mill-qrib mal-livell ta’ ambizzjoni fis-settur tat-triq) tapplika għall-magni CI fin-nofs tal-ispettru tal-potenza, fejn jinsabu l-maġġoranza tal-magni CI. L-Għażla 3 tkun addattata wkoll għall-vaguni. Hawnhekk, l-analiżi tipponta lejn is-subgħażla 3A. L-Għażla 1 (l-ebda bidla fil-politika) twassal biss għal riżultat sodisfaċenti għall-magni tal-lokomottivi tad-diżil, segment tas-suq tal-magni NRMM li mistenni jisfaxxa fix-xejn sal-2050.

Għall-bastimenti li jivvjaġġaw fuq passaġġi tal-ilma interni (IWV), l-analiżi tiżvela l-merti u l-iżvantaġġi għall-Għażla 2 u għall-Għażliet 3A u 3B, li ma tippermettix għażla sempliċi u faċli. Madankollu, jekk wieħed iqis li l-Għażla 2 ma tindirizzax kwistjoni ta’ rilevanza kbira għall-UE (jiġifieri l-impatt negattiv fuq is-saħħa minħabba d-daqsijiet tal-partikuli), f’dan l-istadju huma biss l-Għażliet 3A u 3B li qegħdin jinżammu bħala l-għażliet ippreferuti.

Fl-aħħar nett, l-analiżi tindika li l-miżuri ta’ titjib tal-Għażla 4 għandhom jiġu applikati f’kull qasam.

Minħabba diversità konsiderevoli tal-magni u tal-applikazzjonijiet fis-settur tal-NRMM, kien diġà mistenni li l-għażla ppreferuta tkun, fil-fatt, taħlita tal-elementi trasversali komuni għall-erba’ għażliet ta’ politika kollha. Dan ir-riżultat huwa dovut ukoll għall-fatt li l-kategoriji tal-magni NRMM ivarjaw ħafna fl-importanza li mistennija jkollhom fil-ġejjieni bħala sors ta’ emissjonijiet, il-fattibbiltà teknika tat-tnaqqis ulterjuri tal-emissjonijiet u l-livell jew l-istrettezza regolatorja li diġà qiegħda tiġi applikata fuqhom. It-taħlita ppreferuta għandha tiżgura li dawn iċ-ċirkostanzi jkunu riflessi kif suppost fil-leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet tal-magni NRMM fil-ġejjieni u, fl-istess ħin, issaħħaħ l-effettività u l-koerenza tal-qafas regolatorju.

7.           Monitoraġġ u valutazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea għandha diversi għodod disponibbli sabiex timmonitorja jekk l-għanijiet tal-inizjattiva li qed tiġi kkunsidrata humiex qegħdin jintlaħqu b’mod effettiv. L-aktar waħda importanti hija s-sorveljanza tas-suq mill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri. In-nuqqas ta’ konformità se jiġi identifikat ukoll bħala riżultat tal-ilmenti indirizzati lill-Kummissjoni. Id-data dwar l-emissjonijiet iġġenerata mill-proċedura tal-approvazzjoni tat-tip tal-magna hija wkoll importanti għall-finijiet ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni. Dan japplika, b’mod partikolari, jekk tiġi stabbilita d-database deskritta fit-taqsima 6.4.3.

Fl-2008 saret reviżjoni teknika tal-leġiżlazzjoni dwar l-NRMM, li wasslet għall-iżvilupp tal-inizjattiva attwali. Tali reviżjoni tista’ tiġi ripetuta għal numru ta’ snin wara d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni riveduta dwar l-NRMM, ladarba tista’ tkun mistennija evidenza suffiċjenti dwar l-effetti tal-inizjattiva attwali. Dan jista’ jkun il-każ 5 snin wara d-dħul fis-seħħ tar-rekwiżiti l-ġodda dwar l-emissjonijiet.

Top