EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014SC0123

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar kumpaniji privati b'obbligazzjoni limitata b'membru uniku

/* SWD/2014/0123 final */

52014SC0123

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar kumpaniji privati b'obbligazzjoni limitata b'membru uniku /* SWD/2014/0123 final */


Definizzjoni tal-problema

Huma 2 % biss tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) li jinvestu barra l-pajjiż billi jwaqqfu kumpaniji f’pajjiżi oħra. Dan il-livell baxx ta’ investiment jista’ jiġi spjegat minn għadd ta’ fatturi, fosthom id-disparità bejn il-liġijiet nazzjonali u n-nuqqas ta’ fiduċja f’kumpaniji barranin fost klijenti potenzjali u l-imsieħba kummerċjali. Sabiex tinkiseb il-fiduċja ta’ klijenti barranin u biex ikunu eqreb għas-suq lokali li joperaw fih, l-SMEs, u kumpaniji oħra, ta’ spiss jagħżlu li jaġixxu permezz ta’ sussidjarji li huma għandhom "is-sjieda sħiħa" tagħhom.[1] Madankollu, l-istabbiliment ta' sussidjarji barra mill-pajjiż ta’ spiss huwa ta’ piż.

Differenzi lingwistiċi, amministrattivi u legali bejn l-Istati Membri jistgħu jagħmluha għalja biex wieħed jistabbilixxi u jopera sussidjarji barra minn pajjiżu. L-ewwel nett, kostijiet diretti (mġarrba minħabba rekwiżiti mandatorji għall-istabbiliment ta' kumpanija[2]) jistgħu jkunu ogħla milli fil-pajjiż ta' oriġini tal-kumpanija. It-tieni nett, id-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali[3] ta’ spiss jirriżultaw fi ħtieġa akbar għal pariri legali u b’hekk kostijiet addizzjonali. Li kieku r-rekwiżiti kienu aktar simili madwar l-UE, ma jkunx hemm tali ħtieġa għal aktar pariri. Dawn l-kostijiet kollha x’aktarx li jkunu partikolarment għoljin għal gruppi ta’ kumpaniji, minħabba li kumpanija prinċipali bħalissa għandha tissodisfa rekwiżiti differenti għal kull pajjiż li fih tixtieq li twaqqaf kumpanija sussidjarja.

Il-Kummissjoni Ewropea kellha l-għan li tindirizza l-ostakli li jħabbtu wiċċhom magħhom kumpaniji li jixtiequ joperaw b'mod transfruntier fil-proposta tagħha tal-2008 għall-Istatut ta' Kumpanija Privata Ewropea (SPE). Din il-proposta, madankollu, kienet teħtieġ qbil unanimu mill-Istati Membri sabiex tkun adottata u, minħabba n-nuqqas ta’ progress li sar matul in-negozjati, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirtiraha (deċiżjoni li saret fil-kuntest tal-eżerċizzju REFIT[4]). Kien imħabbar li l-Kummissjoni għandha minflok tipproponi miżuri alternattivi biex jiġu indirizzati xi wħud mill-problemi li jiffaċċaw l-SMEs, u kumpaniji oħra, meta jippruvaw joperaw b’mod transfruntier. Dan l-approċċ huwa konsistenti mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2012 dwar id-dritt Ewropew tal-kumpaniji u l-governanza korporattiva[5], li reġgħu affermaw l-impenn tal-Kummissjoni li tniedi inizjattivi oħra, lil hinn mill-proposta tal-SPE, sabiex ittejjeb l-opportunitajiet għall-kumpaniji biex joperaw b'mod transfruntier. Din il-Valutazzjoni tal-Impatt (Impact Assessment, IA) toqgħod f’dan il-kuntest u tiffoka b’mod speċjali fuq id-diffikultajiet li wieħed jiltaqa’ magħhom fit-twaqqif ta’ sussidjarji barra mill-pajjiż.

Il-ħtieġa għal inizjattiva tal-UE

Sal-lum, is-soluzzjonijiet adottati mill-Istati Membri sabiex jissimplifikaw il-proċess u jnaqqsu l-kostijiet biex titwaqqaf kumpanija ffukaw fuq is-sitwazzjonijiet nazzjonali rispettivi ta' pajjiżhom (jiġifieri l-liġijiet nazzjonali attwali tagħhom) u ma ġewx ikkoordinati ma’ Stati Membri oħra. Għalhekk, għad baqa’ differenzi bejn ir-regoli nazzjonali u huwa improbabbli li l-Istati Membri, waħedhom, se jfittxu li jintroduċu fis-sistemi legali nazzjonali rekwiżiti identiċi għal forma ġuridika partikolari tal-kumpaniji fil-futur qrib. Minflok, huwa probabbli li azzjonijiet individwali mill-Istati Membri jkomplu jwasslu f’sett ta’ approċċi nazzjonali diverġenti. Li wieħed jikkonforma ma' dawn is-sistemi differenti għalhekk ikompli jimponi kostijiet addizzjonali fuq l-SMEs u jiskoraġġihom milli jkunu aktar attivi barra l-pajjiż. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, l-uniku mezz possibbli biex jinegħlbu l-ostakoli li jiffaċċaw il-kumpaniji fil-preżent huwa li tali ostakoli jiġu indirizzati fuq il-livell tal-UE.

Objettivi tal-inizjattiva tal-UE

L-objettiv ġenerali tal-inizjattiva tal-UE jkun li jistimula l-attività intraprenditorjali billi jippermetti lill-intraprendituri, u b’mod partikolari l-SMEs, biex iwaqqfu kumpaniji barra minn pajjiżhom aktar faċilment, bil-għan li jiġi stimulat it-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-innovazzjoni fl-UE. L-objettiv speċifiku jkun li jitnaqqsu ċerti kostijiet tipikament assoċjati mat-twaqqif u t-tħaddim ta' sussidjarji barra mill-pajjiż. L-objettiv operazzjonali jkun li jiġu armonizzati ċerti aspetti rilevanti tal-liġijiet nazzjonali sabiex tagħmilha aktar faċli li jitwaqqfu kumpaniji barra minn pajjiżhom.

Alternattivi ta’ politika

Fid-dawl li din l-inizjattiva għandha l-għan li tindirizza l-ostakoli iffaċċati mill-kumpaniji, u b’mod partikolari mill-SMEs, simili għal dawk indirizzati mill-proposta tal-SPE tal-2008, din il-valutazzjoni tal-impatt tikkunsidra għażliet ta’ politika simili, iżda tiċħad mill-bidu dawk li jidhru li mhumiex realistiċi, li mhumiex direttament relatati mal-ħolqien ta’ sussidjarji jew li joħolqu diskriminazzjoni mhux ġustifikata bejn il-kumpaniji. Fid-dawl ta’ dan, l-għażla li jkunu stabbiliti regoli li japplikaw biss għall-SMEs kienet irrifjutata, għaliex ma jkunx prattiku li tkun implimentata u tnaqqas għalxejn l-iskop tal-inizjattiva. Minflok, l-għan ikun li jiġu stabbiliti regoli li huma partikolarment adattati għall-SMEs u gruppi ta’ kumpaniji li huma l-proprjetà ta’ SMEs, iżda ma jwaqqfux kumpaniji ikbar milli jibbenefikaw minnhom. Barra minn hekk, il-valutazzjoni tal-impatt warbet il-possibbiltà tal-istabbiliment ta’ forma ġuridika Ewropea ġdida sensu stricto jew ta’ armonizzazzjoni fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji dwar il-proċess għat-twaqqif ta’ sussidjarji kemm fil-forma ta’ kumpaniji b’obbligazzjoni limitata pubblika u kemm privata.

L-alternattivi ta’ politika kkunsidrati huma marbuta ma’ aktar kumpaniji privati b’obbligazzjoni limitata b’membru uniku, peress li din hija l-forma ta’ kumpanija l-aktar użata fit-twaqqif ta' sussidjarji. L-armonizzazzjoni proposta fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji rilevanti tkun teħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu dispożizzjonijiet fi ħdan il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom għal forma fil-liġi tal-kumpaniji nazzjonali tagħhom li tkun legalment definita bl-istess mod fl-Istati Membri kollha u jkollha abbrevjazzjoni komuni, SUP (Societas Unius Personae). L-alternattivi ta' politika l-aktra iddettaljati kienu kkunsidrati fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin:

1) reġistrazzjoni,

2) rekwiżit kapitali minimu.

Mudelli differenti tal-proċess tar-reġistrazzjoni ġew annalizzati, waqt li ġew ikkunsidrati l-alternattivi possibbli għal aspetti partikolari tal-mudell, u l-interazzjoni ta’ dawn l-aspetti, pereżempju, ir-reġistrazzjoni onlajn (reġistrazzjoni possibbli biss onlajn, jew ir-reġistrazzjoni possibbli kemm onlajn kif ukoll fuq il-karta) u l-użu ta’ mudell għall-artikoli ta’ assoċjazzjoni (obbligatorju jekk tirreġistra onlajn).

Mudelli differenti tar-rekwiżit kapitali minimi ġew riveduti wkoll, bl-istess mod b’kunsiderazzjoni mogħtija għall-interazzjoni bejn l-aspetti differenti pereżempju, ir-rekwiżit kapitali minimu (l-istabbiliment tar-rekwiżit kapitali minimu għall-ekwivalenti għall-medja tar-rekwiżit kapitali minimu ta’ pajjiżi tal-UE jew ekwivalenti għal EUR 1), u l-użu ta’ strumenti ta’ protezzjoni tal-kredituri (l-istabbiliment tar-rekwiżit kapitali minimu għal EUR 1 iżda b’rekwiżit addizzjonali li jgħaddi b'suċċess mit-test tal-karta bilanċjali u li joħroġ dikjarazzjoni ta’ solvenza).

5. L-alternattivi preferuti u l-impatti tagħhom

Reġistrazzjoni

Ix-"xenarju fejn ma tittieħed l-ebda azzjoni” ma jiksibx l-objettiv tal-inizjattiva tal-UE, peress li ma jnaqqasx il-kostijiet assoċjati ma’ kumpaniji privati b’obbligazzjoni limitata b’membru fundatur uniku. Barra minn hekk, il-bidliet potenzjali għal-liġijiet nazzjonali tal-kumpaniji mhux koordinat fil-livell tal-UE ma joħolqux konsistenza suffiċjenti jew kompatibilità bejn il-liġijiet tal-kumpaniji tal-Istati Membri.

L-alternativa li tilħaq dawn l-objettivi bl-aħjar mod tkun dik li tagħmel ir-reġistrazzjoni onlajn disponibbli b’mudell uniformi tal-artikoli ta’ assoċjazzjoni. Mill-alternattivi kollha kkunsidrati, din twassal għall-akbar tnaqqis fil-kostijiet, bl-iffrankar li jirriżulta kemm minn proċedura ta’ reġistrazzjoni onlajn diretta u l-użu ta’ mudell uniku għall-UE kollha minn kumpaniji li jagħżlu li jirreġistraw onlajn. Din l-għażla tkun konsistenti ma’ politiki oħra tal-UE.[6] Hija tiżgura d-disponibbiltà ta’ proċedura ta’ reġistrazzjoni onlajn, li għaliha jkun ipprovdut mudell użat fl-UE kollha kemm hi, mingħajr ma ġġiegħel lill-Istati Membri u lill-kumpaniji jaċċettawha bħala l-unika proċedura ta’ reġistrazzjoni għall-SUPs. Din l-alternattiva jkollha l-akbar impatt pożittiv dwar il-fundaturi ta’ kumpaniji, mingħajr ma jkun hemm impatt negattiv sinifikanti fuq partijiet interessati oħra meta mqabbla mal-alternattivi l-oħra. Sabiex jipprovdu indikazzjoni tal-kobor tal-kost iffrankant potenzjalment għall-fundaturi ta' kumpaniji privati b’obbligazzjoni limitata b'membru uniku, kienu kkalkolati xenarji bi ffrankar għoli u oħrajn bi ffrankar baxx. L-iffrankar tal-kostijiet għall-fundaturi tal-SUPs fl-UE jistgħu jvarjaw minn EUR 21 miljun f’xenarju baxx sa EUR 58 miljun f’xenarju għoli f’sena waħda.

Mill-miżuri proposti fid-diversi alternattivi, l-introduzzjoni ta’ proċedura ta’ reġistrazzjoni onlajn ikollha l-akbar impatt fuq l-Istati Membri u partijiet interessati oħra. Il-livell ta’ effett, madankollu, ivarja minn Stat Membru għal ieħor, skont il-punt sa fejn il-proċess ta’ reġistrazzjoni jkun attwalment diġitalizzat fuq livell nazzjonali, fuq ir-riżorsi umani disponibbli, u l-mod li bih l-Istat Membru jagħżel li jkun konformi mal-istandard imposti mill-inizjattiva, minħabba li l-ebda metodu partikolari jew mezzi biex jinkiseb ir-“riżultat aħħari” mixtieq ma hu se jiġi impost fuq l-Istati Membri. Huma xorta waħda jkunu kompletament responsabbli għall-kwalità tal-verifiki meħtieġa mwettqa fuq l-applikanti u l-inizjattiva ma tnaqqasx kwalunkwe standards eżistenti relatati ma' tali kontrolli. Dan għandu jtaffi t-tħassib ta’ ċerti gruppi ta’ partijiet interessati, bħan-nutara, li l-livell ta’ kontroll eżerċitat fl-Istati Membri jonqos. Kif diġà huwa l-każ f’ħafna Stati Membri, il-proċedura ta’ reġistrazzjoni tista’ xorta waħda tiġi kkontrollata b’mod effettiv mingħajr ma l-fundatur tal-kumpanija jkollu għalfejn jidher personalment quddiem in-nutar f’dawk l-Istati Membri fejn jeżisti dan ir-rekwiżit. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri se jkollhom jadattaw is-sistemi ta’ reġistrazzjoni onlajn nazzjonali attwali tagħhom aktar milli jinħolqu oħrajn ġodda, u l-unika kost assoċjat mal-mudell uniku tal-artikoli ta’ assoċjazzjoni jkun dak li jsiru disponibbli onlajn. Barra minn hekk, dawn il-kostijiet ikunu mġarrba mill-Istati Membri darba biss, waqt li l-benefiċċji għall-fundaturi ta’ kumpaniji jkomplu fil-futur. 

Rekwiżit kapitali minimu

Ix-"xenarju fejn ma tittieħed l-ebda azzjoni” ma jkunx effettiv biex jintlaħqu l-objettivi tal-inizjattiva tal-UE minħabba li l-miżuri nazzjonali jistgħu jwasslu lill-Istati Membri f’direzzjonijiet differenti, kif murija b’eżempji ta’ riformi fl-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja[7]. Barra minn hekk, dawn ir-riformi adottati fuq livell nazzjonali ġeneralment jirrigwardaw kuntest nazzjonali u ma jkunux ikkoordinati biżżejjed madwar l-UE.

L-alternattiva li tikseb bl-aħjar mod l-objettivi tkun rekwiżit kapitali minimu ta’ EUR 1, mingħajr kwalunkwe miżura addizzjonali biex jitħarsu l-kredituri. Din tnaqqas il-kostijiet assoċjati mal-ilħuq tar-rekwiżit kapitali minimu għal kumpaniji f’għadd ta’ Stati Membri mingħajr ma timponi xi kostijiet addizzjonali. Madankollu, din l-alternattiva mhix daqshekk effiċjenti fil-kisba tal-objettivi u ma toffrix l-istess livell ta’ konsistenza ma’ politiki oħra tal-UE kif tagħmel alternativa li tnaqqas ir-rekwiżit kapitali minimu, iżda li tesiġi wkoll li l-kumpaniji jgħaddu test tal-karta bilanċjali u li joħorġu dikjarazzjoni ta’ solvenza. Din l-alternattiva tal-aħħar xorta tkun ta’ benefiċċju, minkejja inqas, għal kumpaniji u fl-istess ħin taġixxi fl-interess tal-kredituri. L-impatt ta’ żewġ alternattivi fuq l-Istati Membri, f’termini tal-introduzzjoni tar-regoli l-ġodda fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom, mhux se jvarja b’mod sinifikanti. L-alternattiva preferuta (rekwiżit kapitali minimu ta' EUR 1, flimkien mar-rekwiżit li jgħaddi mit-test tal-karta bilanċjali u li joħroġ dikjarazzjoni ta' solvenza) jistgħu jiffrankaw madwar EUR 125 miljun u EUR 595 miljun f'sena waħda[8] lill-fundaturi ta' kumpaniji fl-UE (meta jitnaqqsu kwalunkwe kostijiet għall-ħruġ tad-dikjarazzjonijiet ta' solvenza fil-każ li jsiru distribuzzjonijiet), waqt li fl-istess ħin tiggarantixxi livell adegwat ta' protezzjoni għall-kredituri.

Din l-alternattiva jkollha impatt fuq dawk l-Istati Membri li bħalissa ma għandhomx rekwiżit kapitali minimu ta’ EUR 1 u/jew li ma jużawx dikjarazzjonijiet ta’ likwidità biex jirregolaw distribuzzjonijiet fil-liġijiet nazzjonali tagħhom. Għaldaqstant, dawn l-Istati Membri jistgħu ma jkunux favur din l-inizjattiva. Il-kwistjoni tar-rekwiżit kapitali minimu ta’ EUR 1 madankollu jiġi diskuss f'kuntest istituzzjonali differenti milli kienet irtirata fih il-proposta tal-SPE u ma jkunx marbut ma’ kwistjonijiet sensittivi oħra bħall-parteċipazzjoni tal-impjegati u t-trasferiment ta’ uffiċċji reġistrati tal-kumpaniji. Dan, u l-introduzzjoni ta’ protezzjoni għall-kredituri aktar b’saħħitha milli kien inkluż fil-proposta tal-SPE, għandhom itejbu ċ-ċansijiet li jintlaħaq ftehim bejn l-Istati Membri, speċjalment minħabba li nuqqas ta’ miżuri ta’ kumpens biex jitħarsu l-kredituri hija waħda mir-raġunijiet għaliex ħafna Stati Membri għandhom it-tendenza li jkunu kontra t-tnaqqis tar-rekwiżit kapitali minimu. Bi skambju għal rekwiżit kapitali minimu baxx, il-kumpaniji jkollhom jiddedikaw aktar attenzjoni biex jiżguraw livell adegwat ta’ likwidità qabel ma jagħmlu distribuzzjonijiet (pereżempju, ħlas ta’ dividendi jew profitti lill-membru uniku).

Taħlita ppreferuti ta' alternattivi

Il-kombinazzjoni tal-alternattivi ippreferuti minn kull waħda mill-intestaturi ta’ hawn fuq — reġistrazzjoni onlajn ta’ SUPs, mudell uniformi madwar l-UE kollha tal-artikoli ta’ assoċjazzjoni, rekwiżit kapitali minimu ta’ EUR 1 u rekwiżit li jgħaddi minn test tal-karta bilanċjali u joħroġ dikjarazzjoni ta’ solvenza — ikollha impatt pożittiv fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali, u b’mod partikolari ssaħħaħ il-prinċipju tal-libertà li wieħed jagħmel negozju billi tipprovdi mod ieħor ta’ kif ikun eżerċitat dan id-dritt u billi jagħti lill-fundaturi tal-kumpaniji aktar għażla dwar kif huma jieħdu sehem f’attivitajiet kummerċjali.

L-alternattivi ppreferuti jkollhom ukoll effetti ekonomiċi u soċjali pożittivi. Billi jinkoraġġixxu l-attività intraprenditorjali, dawn l-alternattivi għandhom iwasslu għal għażla usa’ ta’ oġġetti u servizzi għall-konsumaturi, għall-ħolqien ta’ aktar impjiegi ġodda u għal sistema ta’ protezzjoni għall-kredituri li tkun adattata aħjar għall-ambjent tan-negozju tal-lum. Minħabba li l-aħjar alternattivi ma jkollhomx xi impatt fuq il-kwistjoni tat-trasferiment ta’ uffiċċji rreġistrati jew ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati, ma jkunx meħtieġ li jiġu introdotti miżuri biex jimminimizzaw il-potenzjal ċirkomvenzjoni tad-drittijiet soċjali u drittijiet oħra, billi miżuri kontra l-abbuż,fejn meħtieġ, huma stabbiliti mil-liġi nazzjonali.

Il-kombinazzjoni tal-alternattivi ppreferuti tista' twassal għall-iffrankar ta' bejn EUR 263 miljun u EUR 653 miljun f'sena waħda għal fundaturi ta' kumpaniji fl-UE. Huwa diffiċli li jkun previst, il-proporzjon relattiv ta’ dan l-iffrankar għal il-fundaturi barranin u domestiċi, iżda l-iffrankar kumplessiv għandu jippermetti li partikolarment l-SMEs jieħdu vantaġġ akbar mill-opportunitajiet biex jagħmlu negozju bejn il-fruntieri nazzjonali. Għalkemm dawn xorta waħda jkollhom jikkonformaw ma’ liġijiet oħra tal-kumpaniji fl-Istati Membri li fihom huma jkunu qed joperaw, is-simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju fir-rigward tad-diversi kwistjonijiet indirizzati permezz tal-alternattivi ta’ politika ppreferuti għandha toħloq kundizzjonijiet aktar favorevoli għan-negozju minn dawk li hemm fis-seħħ bħalissa.

6. Monitoraġġ u evalwazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea se tivvaluta l-progress miksub b’riferenza għall-objettivi stabbiliti. Il-monitoraġġ jiffoka inizjalment fuq l-implimentazzjoni tal-proposta, wara dan tinġabar informazzjoni aktar speċifika dwar l-effetti tagħha, pereżempju permezz ta’ monitoraġġ tan-numru ta’ kumpaniji b’membru uniku (inklużi SUPs) maħluqa, ix-xejriet fl-attivitajiet transfruntieri tagħhom, l-istruttura tagħhom u l-kostijiet operatorji tagħhom u d-disponibbiltà ta’ reġistrazzjoni onlajn. Evalwazzjoni sussegwenti tirrevedi l-modi li bihom il-proposta ġiet implimentata fil-liġijiet nazzjonali, u l-effett li dan kellu fuq il-kostijiet tipiċi ta’ twaqqif u l-operat ta’ kumpanija barra l-pajjiż, kif ukoll ir-rapportar dwar kwalunkwe problemi prattiċi li għadhom mhux solvuti.

[1] Is-sussidjarji jkollhom personalità ġuridika separata u japplikaw ir-regoli tal-pajjiż ta’ reġistrazzjoni. Għalhekk, waqt li jipprovdu lill-klijenti bil-marka u r-reputazzjoni tal-kumpanija priċipali, huma joffrulhom ukoll is-sigurtà li jittrattaw kumpanija li għandha l-istatus legali ta’ livell nazzjonali aktar minn kumpaniji barranin.

[2] Pereżempju, ir-rekwiżiti kapitali minimi, il-kostijiet tar-reġistrazzjoni jew it-tariffi tan-nutar.

[3] Pereżempju, differenzi fl-artikoli ta’ assoċjazzjoni, fl-organizzazzjoni u l-istruttura tal-kumpaniji jew fir-rekwiżiti ta’ rappurtar.

[4] L-irtirar tal-propost tal-SPE msemmi fl-Anness għall-Komunikazzjoni dwar “L-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT): ir-Riżultati u passi li jmiss”, COM(2013) 685, 2.10.2013.

[5] COM(2012) 740.

[6] Fi kwalunkwe mill-alternattivi meqjusa, l-objettivi jistgħu jintlaħqu biss b’xi spejjeż addizzjonali għall-Istati Membri, li d-daqs tagħhom ikun jiddependi fuq l-arranġamenti ta’ reġistrazzjoni attwali fis-seħħ fil-livell nazzjonali. Alternattivi li joffru reġistrazzjoni kemm onlajn u kif ukoll kartaċja jikkonformaw mal-Aġenda Diġitali tal-UE, minħabba li jipprovdu l-possibbiltà – aktar milli l-obbligu – li wieħed jirreġistra kumpanija onlajn.

[7] Ara t-test sħiħ tal-IA.

[8] Ara l-kalkoli fl-Anness tal-IA.

Top