Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0714

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li tħassar ċerti atti fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u l-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali

    /* COM/2014/0714 final - 2014/0338 (COD) */

    52014PC0714

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li tħassar ċerti atti fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u l-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali /* COM/2014/0714 final - 2014/0338 (COD) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

    L-iżgurar li l-acquis leġiżlattiv tal-UE jibqa’ aġġornat u tajjeb għall-iskop tiegħu huwa prijorità għall-Kummissjoni. Diġà fil-Ftehim Interistituzzjonali tas-16.12.2003 dwar tfassil aħjar tal-liġijiet[1], il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu li l-volum tad-dritt tal-Unjoni Ewropea għandu jitnaqqas billi jitħassru l-atti li ma għadhomx jiġu applikati. Tali atti għandhom jitneħħew mil-liġi tal-acquis tal-Unjoni Ewropea biex tkun imtejba t-trasparenza u jingħata grad ogħla ta' ċertezza liċ-ċittadini u lill-Istati Membri kollha.

    Dan huwa konformi mal-politika tal-Kummissjoni dwar l-Idoneità Regolatorja. Fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Ġunju 2014 dwar "il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT): Is-Sitwazzjoni Attwali u l-Perspettivi"[2], il-Kummissjoni indikat li kienet qed tagħmel eżami analitiku tal-acquis fir-rigward tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali sabiex jiġu identifikati l-atti li jistgħu jiġu revokati fil-kuntest tal-iskadenza tal-perjodu tranżizzjonali stabbilit fit-Trattati.

    Il-Kummissjoni issa lestiet il-valutazzjoni tagħha dwar l-atti legali relatati maż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, inkluż dak li kien tal-acquis tat-tielet pilastru. Għadd ta’ atti adottati matul dawn l-aħħar deċennji eżawrew l-effetti kollha tagħhom. Huma ma għadhomx iktar rilevanti minħabba n-natura temporanja tagħhom jew minħabba li l-kontenut tagħhom ġie indirizzat minn atti suċċessivi. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, il-Kummissjoni tipproponi li l-miżuri msemmija f’din il-proposta jkunu mħassra mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

    I. Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv SCH/Com-ex (93) 14 dwar it-titjib tal-koperazzjoni ġudizzjarja prattika għall-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga[3] indirizzat biss is-sitwazzjoni meta Stat Membru rrifjuta koperazzjoni ġudizzjarja prattika fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga. Din id-Deċiżjoni saret obsoleta minn meta daħlet fis-seħħ il-Konvenzjoni ta' Assistenza Reċiproka fi kwistjonijiet Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea[4] li tipprovdi għal koperazzjoni usa' fost l-Istati Membri anki fil-qasam tal-politika dwar id-drogi.

    II. Id-Dikjarazzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv SCH/Com-ex (97) decl. 13 rev 2[5] indirizzat is-sitwazzjonijiet ta' sekwestru ta' minuri jew it-teħid illegali ta' minuri minn wieħed mill-ġenituri mingħand il-persuna li lilha ingħata d-dritt tal-kustodja. Din id-Dikjarazzjoni saret obsoleta wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 562/2006[6] u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/115/UE[7] li jipprovdu regoli ġodda dwar il-verifika ta' minuri li jaqsmu l-fruntiera esterna u fir-rigward ta' attivitajiet korrispondenti tal-uffiċċju SIRENE.

    III. Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv SCH/Com-ex (98) 52[8] adottat il-Manwal ta’ Schengen dwar il-koperazzjoni tal-pulizija transfruntiera li tassisti lill-Istati Membri fit-twettiq ta’ operazzjonijiet transfruntiera. Din id-Deċiżjoni saret obsoleta wara li l-kontenut tal-manwal ġie inkluż fil-Katalogu aktar riċenti aġġornat ta’ rakkomandazzjonijiet għall-applikazzjoni korretta tal-acquis ta’ Schengen u l-aħjar prattiki: il-koperazzjoni tal-pulizija[9], Manwal dwar l-operazzjonijiet transfruntiera[10] u Compendium dwar l-uffiċjali ta’ kollegament tal-infurzar tal-liġi[11].

    IV. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/173/KE[12] stipulat l-ambitu, l-organizzazzjoni, il-kordinazzjoni u l-proċeduri ddettaljati ta’ validazzjoni għal ċerti testijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen II (SIS II) bil-għan li jkun ivvalutat jekk matul il-fażi ta' żvilupp SIS II tistax taħdem skont il-ħtiġijiet tekniċi u funzjonali kif definiti fl-istrumenti legali tas-SIS II. Din id-Deċiżjoni eżawriet l-effett legali tagħhom ladarba s-SIS II bdiet tiffunzjoni fid-9 ta’ April 2013.

    2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Id-djalogu dwar l-identifikazzjoni ta’ miżuri legali ta’ dak li qabel kien it-tielet pilastru tal-acquis li saru obsoleti seħħ fl-2014 bejn il-Kummissjoni u r-rappreżentanti tal-Istati Membri u tas-Segretarjat tal-Kunsill fi ħdan il-Grupp ta’ Ħbieb tal-Presidenza li ġie attivat bil-ħsieb li jeżamina l-kwistjonijiet kollha marbuta ma’ tmiem il-perjodu tranżizzjonali ta’ 5 snin stabbilit fl-Artikolu 10 tal-Protokoll Nru 36 tat-Trattati.

    3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    Sommarju tal-miżuri proposti

    Il-proposta tħassar għadd ta’ miżuri legali fil-qasam ta’ kooperazzjoni tal-pulizija u koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali li ġew identifikati bħala obsoleti.

    Bażi ġuridika

    Il-bażi ġuridika għat-tħassir tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tal-14 ta' Diċembru 1993 dwar it-titjib tal-koperazzjoni ġudizzjarja prattika fil-ġlieda kontra t-traffikar ta’ droga (SCH/Com-ex (93)14) hija l-Artikolu 82(1) (d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Il-bażi ġuridika għat-tħassir tad-Dikjarazzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tad-9 ta’ Frar 1998 dwar is-sekwestru ta’ minuri (SCH/Com-ex (97) 13 rev 2) hija l-Artikolu 87(2)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Il-bażi ġuridika għat-tħassir tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta’ Diċembru 1998 dwar il-koperazzjoni tal-pulizija transfruntiera fil-qasam tal-prevenzjoni u d-detezzjoni tal-kriminalità (SCH/Com-ex (98) 52) hija l-Artikolu 87(2)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Il-bażi ġuridika għat-tħassir tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/173/KE tat-18 ta’ Frar 2008 dwar it-testijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) hija l-Artikolu 87(2)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Prinċipji ta' sussidjaretà u proporzjonalità Il-miżuri kkonċernati minn din il-proposta huma obsoleti, jew għax il-kontenut tagħhom kien inkluż f'atti suċċessivi jew għax m'għadhomx relevanti minħabba n-natura temporanja tagħhom. Għalhekk, huwa f'komformità mal-prinċipji ta' sussidjaretà u proporzjonalità li jitħassru dawn il-miżuri. Huwa f'idejn il-leġiżlatur tal-Unjoni li jadotta l-miżuri neċessarji għal dan il-għan.

    L-għażla ta’ strument

    L-istrument li qed jiġi propost: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

    Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit.

    2014/0338 (COD)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li tħassar ċerti atti fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u l-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 82(1)(d) u l-Artikolu 87(2)(a) u (c) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)       It-titjib fit-trasparenza tal-liġi tal-Unjoni huwa element essenzjali tal-istrateġija għal tfassil aħjar tal-liġijiet li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jimplimentaw. F’dak il-kuntest huwa xieraq li dawk l-atti li m’għadx għandhom skop jitneħħew mil-leġiżlazzjoni li tinsab fis-seħħ.

    (2)       Għadd ta' atti adottati fil-qasam ta' koperazzjoni tal-pulizija u koperazzjoni ġudizzjarja ma għadhomx rilevanti minħabba n-natura temporanja tagħhom jew minħabba li l-kontenut tagħhom kien trattat f'atti suċċessivi, minkejja li huma ma tħassrux.

    (3)       Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv SCH/Com-ex (93) 14[13] kellha l-għan li ttejjeb il-koperazzjoni ġudizzjarja prattika għall-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi għal każijiet ta’ rifjut ta’ koperazzjoni minn Stat Membru biss. Din id-Deċiżjoni saret obsoleta minn meta daħlet fis-seħħ il-Konvenzjoni ta' Assistenza Reċiproka fi kwistjonijiet Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea[14] li tipprovdi għal koperazzjoni usa' fost l-Istati Membri fil-politika dwar id-drogi.

    (4)       Id-Dikjarazzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv SCH/Com-ex (97) decl. 13 rev 2[15] indirizzat is-sitwazzjonijiet ta' sekwestru ta' minuri jew it-teħid illegali ta' minuri minn wieħed mill-ġenituri mingħand il-persuna li lilha ingħata d-dritt tal-kustodja. Din id-Dikjarazzjoni saret obsoleta wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[16] u id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/115/UE[17] li jipprovdu regoli ġodda dwar il-verifika ta' minuri li jaqsmu l-fruntiera esterna u fir-rigward ta' attivitajiet korrispondenti tal-uffiċċji SIRENE.

    (5)       Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv SCH/Com-ex (98) 52[18] adottat il-Manwal ta’ Schengen dwar il-koperazzjoni tal-pulizija transfruntiera li tassisti lill-Istati Membri fit-twettiq ta’ operazzjonijiet transfruntiera. Din id-Deċiżjoni saret obsoleta wara li l-kontenut tal-manwal ġie inkluż fil-Katalogu aktar riċenti aġġornat ta’ rakkomandazzjonijiet għall-applikazzjoni korretta tal-acquis ta’ Schengen u l-aħjar prattiki: il-koperazzjoni tal-pulizija, Manwal dwar l-operazzjonijiet transfruntiera u Compendium dwar l-uffiċjali ta’ kollegament tal-infurzar tal-liġi.

    (6)       Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/173/KE[19] stipulat l-ambitu, l-organizzazzjoni, il-kordinazzjoni u l-proċeduri ddettaljati ta’ validazzjoni għal ċerti testijiet li għandhom l-għan li jivvalutaw jekk is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS II) hiex konformi mal-ħtiġijiet tekniċi u funzjonali kif definiti fl-istrumenti legali tas-SIS II. Din id-Deċiżjoni eżawrixxiet l-effett legali tiegħu ladarba s-SIS II bdiet tiffunzjona fid-9 ta’ April 2013.

    (7)       Għal raġunijiet ta' ċertezza legali u taċ-ċarezza, għandhom jitħassru dawn id-Deċiżjonijiet u d-Dikjarazzjonijiet li huma obsoleti.

    (8)       Ladarba l-objettiv ta' din id-Deċiżjoni, jiġifieri it-tħassir ta' għadd ta' atti obsoleti tal-Unjoni fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali ma jistax jinkiseb mill-Istati Membri iżda biss fil-livell tal-Unjoni, din id-Deċiżjoni hija konformi mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta' sussidjarjetà stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dan l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħaq dak l-objettiv.

    (9)       Konformement mal-Artikolu 1 tal-Protokoll 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka m'hijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

    (10)     Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda qed tieħu sehem skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwr il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE[20].

    (11)     Fl-24 ta' Lulju 2013, ir-Renju Unit għamel in-notifikazzjoni imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll (Nru 36) dwar dispożizzjonijiet tranżizzjonali li, fir-rigward tal-atti msemmija fl-Artikolu 10(1) ta' dan il-Protokoll, hu ma jaċċettax is-setgħat tal-istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(1) tal-Protokoll. B'konsegwenza, l-atti kollha msemmija fl-Artikolu 10(1) ta' dak il-Protokoll ma jibqgħux japplikaw għar-renju Unit mill-1 ta' Diċembru 2014. Fl-20 ta' Novembru 2014, ir-Renju Unit għamel in-notifikazzjoni imsemmija fl-Artikolu 10(5) tal-Protokoll. Ir-Renju Unit innotifika li, b'effett mill-1 ta' Diċembru 2014, huwa jixtieq jipparteċipa f'35 att li inkella ma jibqgħux japplikaw għalih mill-istess data skont l-Artikolu 10(4) tal-istess Protokoll. Din il-lista ta' 35 att innotifikati ma tinkludix dawk imsemmija f'din id-Deċiżjoni. Għalhekk ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

    (12)     Fir-rigward tal-Islanda u tan-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Ftehim milħuq bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, applikazzjoni u żvilupp tal-acquis ta’ Schengen[21] li jaqgħu taħt il-qasam li għalih hemm referenza fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE[22].

    (13)     Fir-rigward tal-Isvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen[23], li jaqgħu taħt il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI[24].

    (14)     Fir-rigward ta’ Liechtenstein, din id-Deċiżjoni hija żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, skont it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat ta’ Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein fil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen[25], li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE[26],

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Revoka ta’ atti li ma jkunux għadhom applikabbli

    Id-Deċiżjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv SCH/Com-ex (93)14 u (98) 52, id-Dikjarazzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv SCH/Com-ex (97) decl. 13 rev 2 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/173/KE huma mħassra.

    Artikolu 2

    Id-dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew                            Għall-Kunsill

    Il-President                                                    Il-President

    [1]               ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1. .

    [2]               COM(2014) 368 finali, 18.6.2014

    [3]               Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tal-14 ta' Diċembru 1993 dwar it-titjib tal-koperazzjoni ġudizzjarja prattika fil-ġlieda kontra t-traffikar ta’ droga (SCH/Com-ex (93) 14) (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 427).

    [4]               Il-Konvenzjoni tad-29 ta' Mejju 2000, stabbilita mill-Kunsill skont l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar assistenza reċiproka fi kwistjonijiet kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u il-Protokoll mal-Konvenzjoni dwar Assistenza Reċiproka fi kwistjonijiet kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea stabbilita mill-Kunsill skont l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (ĠU C 326 tal-21.11.2001).

    [5]               Id-Dikjarazzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tad-9 ta' Frar 1998 dwar is-sekwestru ta’ minuri (SCH/Com-ex (97) decl. 13 rev 2) (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 436),

    [6]               Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1-32).

    [7]               Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/115/UE tas-26 ta’ Frar 2013 dwar il-Manwal SIRENE u miżuri ta' implimentazzjoni oħra għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 71, 14.3.2013, p. 1).

    [8]               Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta' Diċembru 1998 dwar il-Manwal dwar il-koperazzjoni transfruntiera tal-pulizija (SCH/Com-ex (98) 52) (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 408).

    [9]               15785/2/10 REV 2, il-25 ta' Jannar 2011.

    [10]             10505/2/09 REV 2, it-3 ta' Settembru 2009.

    [11]             10504/2/09 REV 2, is-17 ta' Lulju 2009.

    [12]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/173/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar it-testijiet tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni tax-Schengen (SIS II) (ĠU L 57, 1.3.2008, p. 14)

    [13]             Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tal-14 ta' Diċembru 1993 dwar it-titjib tal-koperazzjoni ġudizzjarja prattika fil-ġlieda kontra t-traffikar ta’ droga (SCH/Com-ex (93) 14) (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 427).

    [14]             Il-Konvenzjoni tad-29 ta' Mejju 2000, stabbilita mill-Kunsill skont l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar assistenza reċiproka fi kwistjonijiet kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 197, 12.7.2000, p. 3) u il-Protokoll mal-Konvenzjoni dwar Assistenza Reċiproka fi kwistjonijiet kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea stabbilita mill-Kunsill skont l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (ĠU C 326 21.11.2001, p. 1).

    [15]             Id-Dikjarazzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tad-9 ta' Frar 1998 dwar is-sekwestru ta’ minuri (SCH/Com-ex (97) decl. 13 rev 2) (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 436),

    [16]             Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1).

    [17]             Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/115/UE tas-26 ta’ Frar 2013 dwar il-Manwal SIRENE u miżuri ta' implimentazzjoni oħra għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 71, 14.3.2013, p. 1).

    [18]             Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta' Diċembru 1998 dwar il-Manwal dwar il-koperazzjoni transfruntiera tal-pulizija (SCH/Com-ex (98) 52) (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 408).

    [19]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/173/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar it-testijiet tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS II) (ĠU L 57, 1.3.2008, p. 14)

    [20]             ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

    [21]             ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

    [22]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

    [23]             ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

    [24]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 50).

    [25]             ĠU L 160, 18.6.2011, p. 3.

    [26]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat b’mod partikolari mal-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-koperazzjoni tal-pulizija (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 1).

    Top