EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0662

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-Punti 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2014/005 FR/GAD) minn Franza

/* COM/2014/0662 final */

52014PC0662

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-Punti 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2014/005 FR/GAD) minn Franza /* COM/2014/0662 final */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.           Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1] (ir-"Regolament FEG").

2.           L-awtoritajiet Franċiżi ressqu l-applikazzjoni EGF/2014/005 FR/GAD għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara s-sensji li ngħataw minn GAD société anonyme simplifiée (minn hawn 'il quddiem "GAD") fi Franza.

3.           Wara l-valutazzjoni tagħha ta’ din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li, f'konformità mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament tal-FEG, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG huma sodisfati.

SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI

Applikazzjoni tal-FEG || EGF/2014/005 FR/GAD

Stat Membru || Franza

Reġjun(i) inkwistjoni (Livell NUTS 2) || Bretagne (FR 52) u Pays de la Loire (FR51)

Data tat-tressiq tal-applikazzjoni || 6.6.2014

Data tal-konferma tar-riċevuta tal-applikazzjoni || 13.6.2014

Data tat-talba għal informazzjoni addizzjonali || 23.6.2014

Id-data ta’ skadenza għall-għoti tal-informazzjoni addizzjonali || 4.8.2014

Data ta’ skadenza għat-tlestija tal-valutazzjoni || 24.10.2014

Kriterju ta' intervent || L-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG

Intrapriża ewlenija || GAD société anonyme simplifiée

Settur(i) tal-attività ekonomika (Diviżjoni ta’ NACE Rev. 2)[2] || Diviżjoni 10 ("Manifattura ta’ prodotti tal-ikel")

Għadd ta’ sussidjarji, fornituri u produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni || 0

Perjodu ta’ referenza (erba’ xhur): || 29.11.2013 - 28.03.2014

Għadd ta’ sensji jew waqfiet ta’ attivitajiet matul il-perjodu ta’ referenza (a) || 744

Għadd ta’ sensji jew waqfiet ta’ attivitajiet qabel jew wara l-perjodu ta’ referenza (b) || 16

Għadd totali ta’ sensji (a + b) || 760

Għadd totali stmat ta’ benefiċjarji fil-mira || 760

Għadd ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) fil-mira || 0

Il-baġit għas-servizzi personalizzati (EUR) || 1 500 000

Il-baġit għall-implimentazzjoni tal-FEG[3] (EUR) || 30 000

Il-baġit totali (EUR) || 1 530 000

Kontribuzzjoni tal-FEG (60 %) (EUR) || 918 000

VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI

Proċedura

4.           Fis-6 ta’ Ġunju 2014, l-awtoritajiet Franċiżi ressqu l-applikazzjoni EGF/2014/005 FR/GAD fi żmien 12-il ġimgħa mid-data li fiha l-kriterji ta’ intervent stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-FEG ġew issodisfati. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-wasla tal-applikazzjoni fi żmien ġimagħtejn mid-data tat-tressiq tal-applikazzjoni, fit-13 ta’ Ġunju 2014, u talbet informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtoritajiet Franċiżi fit-23 ta’ Ġunju 2014. Din l-informazzjoni addizzjonali ngħatat fi żmien sitt ġimgħat mid-data tat-talba. Iż-żmien ta' 12-il ġimgħa mill-wasla tal-applikazzjoni kompluta li fih il-Kummissjoni għandha tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribut finanzjarju jiskadi fl-24 ta’ Ottubru 2014.

Eliġibbiltà tal-applikazzjoni

L-intrapriżi u l-benefiċjarji inkwistjoni

5.           L-applikazzjoni tikkonċerna 760 ħaddiem issensjati minn GAD. L-intrapriża topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-diviżjoni 10 ta’ NACE Rev. 2 ("Manifattura ta' prodotti tal-ikel"), u speċifikament fil-qatla u l-ipproċessar tal-laħam tal-majjal. Is-sensji mogħtija mill-intrapriża inkwistjoni jinstabu l-aktar fir-reġjuni tal-livell NUTS[4] 2 ta' Bretagne (FR52) u Pays de la Loire (FR51).

Kriterju ta' intervent

6.           L-awtoritajiet Franċiżi ressqu l-applikazzjoni skont il-kriterju ta’ intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG, li jeħtieġ li minn tal-anqas 500 ħaddiem jingħataw is-sensja jew li titwaqqaf l-attività ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, fuq perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur, f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li jingħataw is-sensja mill-fornituri u l-produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni tagħha / jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom twaqqfet.

7.           Il-perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur huwa mid-29 ta’ Novembru 2013 sat-28 ta’ Marzu 2014.

8.           L-applikazzjoni tikkonċerna 744 ħaddiema li ngħataw is-sensja[5] minn GAD matul il-perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur.

Il-kalkolu tas-sensji u tal-waqfien tal-attività

9.           Is-senji kollha ġew ikkalkulati mid-data tan-notifika individwali tal-impjegatur dwar it-tkeċċija jew it-terminazzjoni tal-kuntratt tal-impjieg tal-ħaddiem.

Benefiċjarji eliġibbli

10.         Flimkien mas-744 ħaddiem diġà msemmija, l-għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli jinkludi 16-il ħaddiem li ngħataw is-sensja wara l-aħbar ġenerali tas-sensji pproġettati fit-28 ta’ Frar 2013 u qabel il-perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur. Peress li kemm is-sensji mogħtija fil-perjodu ta’ referenza u dawk mogħtija qabel ġew ikkawżati mill-istess avvenimenti (stipulati f’aktar dettall hawn taħt), tista’ tiġi stabbilita rabta kawżali ċara, kif meħtieġ mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-FEG. Għaldaqstant, dawn is-16-il ħaddiem huma eliġibbli għall-appoġġ mill-FEG.

11.         L-għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli huwa ta' 760.

Ir-rabta bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009

12.         Sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn l-għoti tas-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009, Franza targumenta li l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali wasslet għal tnaqqis fil-konsum tal-laħam tal-majjal fl-Ewropa, li wassal għal tnaqqis fil-produzzjoni tal-laħam tal-majjal u l-ammont ta’ materjal ipproċessat minn biċċeriji bħal GAD. Filwaqt li l-konsum tal-laħam tal-majjal fl-2007 kien għadu 43 kg ir-ras fis-sena, dan kien niżel għal 39 kg fis-sena fl-2013. Dan it-tnaqqis fil-konsum, ikkawżat mill-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, affettwa wkoll tipi oħra ta’ laħam, iżda laqat partikolarment b'mod ħażin il-majjal, peress li l-prezz tiegħu kien qed jiżdiedu b’rata aktar mgħaġġla minn dik ta’ laħmijiet oħra, partikolarment taċ-ċanga.

13.         Il-ġwież tal-ħnieżer jikkonsisti prinċipalment f’taħlita ta’ qmuħ varji - il-qamħirrum, il-qamħ, ix-xgħir u s-sojja b’mod partikolari. Ħafna minn dan huwa impurtat minn pajjiżi barra l-UE, bħalma huma l-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Amerika t’Isfel. Dawn ir-reġjuni ġew milquta min-nixfa f’dawn l-aħħar snin, u dan wassal għal żidiet konsiderevoli fil-prezz tal-ġwież tal-ħnieżer. Bejn l-2006 u l-2011, il-prezz ta’ tunnellata ġwież tal-ħnieżer żdied minn EUR 150 għal EUR 250, u laħaq l-EUR 300 fit-tieni nofs tal-2012 u baqa' f’medja ta’ EUR 287 fi Franza tul l-2013. L-ispiża għandha tiġi rkuprata fil-prezz tal-bejgħ tal-ħnieżer lesti, u li fl-aħħar nett tiġi mgħoddija lill-konsumatur. Fi żmien meta l-UE kienet għadha qed issofri mill-effetti tal-kriżi, il-konsumaturi ma ridux jew ma setgħux jixtru l-istess ammonti ta’ laħam tal-majjal li kienu mixtrija qabel. GAD, bħala biċċerija u intrapriża tal-ipproċessar tal-laħam, inqabdet bejn żewġ settijiet ta’ pressjonijiet tal-prezz - dik tar-raħħala li bdew jitħabtu biex ilaħħqu maż-żieda fil-prezz tal-għalf, u dik tal-konsumaturi li bdew jitħabtu biex ilaħħqu ma’ dħul imnaqqas. Peress li din il-pressjoni damet sejra għal ħames snin u aktar, l-impriża spiċċat f’diffikultajiet finanzjarji serji.

14.         Il-marġini gross ta' GAD naqas minn EUR 123 miljun fl-2010 għal EUR 107 miljun fl-2012/13. Filwaqt li l-intrapriża għamlet qligħ ta’ EUR 16 miljun fl-2008, din bdiet tagħmel it-telf fl-2009, u spiċċat biex fl-2012 u l-2013 għamlet telf ta' EUR 20 miljun. Id-dħul gross kien waqa’ minn EUR 495,1 miljun fl-2008 għal EUR 445,8 miljun fl-2009 u qatt ma rkupra minn dan it-tnaqqis. Fis-27 ta’ Frar 2013, il-kumpanija tpoġġiet fi proċedura ta’ riċevitura, wara li għamlet telf ta’ EUR 65 miljun tul il-perjodu mill-2010 sa Ġunju tal-2013.

15.         Sal-lum, is-settur tal-"Manifattura ta' prodotti tal-ikel" kien is-suġġett ta’ tliet applikazzjonijiet tal-FEG[6], li kienu bbażati wkoll fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

Avvenimenti li wasslu għas-sensji u l-waqfien tal-attività

16.         Fit-22 ta’ Frar 2013, GAD ma baqgħetx f'pożizzjoni tħallas id-djun tagħha; għaldaqstant tqegħdet taħt riċevitura mill-Qorti fis-27 ta’ Frar 2013.

17.         L-avvenimenti li wasslu għas-sensji minn GAD huma l-għeluq ta’ tliet siti ta’ produzzjoni, f’Lampaul u Saint-Martin (it-tnejn li huma fi Bretagne) u Saint-Nazaire (f'Loire-Atlantique).

Żewġ siti oħra għadhom miftuħin, wieħed f’Lampaul u ieħor f'Josselin (it-tnejn fi Bretagne).

L-impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali u l-impjiegi

18.         Is-sensji għandhom impatt negattiv sinifikanti fuq l-ekonomija reġjonali fi Bretagne, partikolarment billi s-settur tal-agrokummerċ kien meqjus bħala relattivament sikur fis-snin ta’ wara l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali. Fi Bretagne l-impjiegi huma aktar dipendenti fuq is-settur agro-agrikolu milli hu, bħala medja, fil-kumplament ta' Franza (11% fi Bretagne meta mqabbel ma' 5% bħala medja fi Franza).

19.         Il-ħaddiema diġà qed jiġu appoġġati bil-miżuri varji li qed jgħinuhom isibu impjiegi ġodda, u sal-20 ta’ Mejju 2014, 108 minnhom kienu diġà sabu kuntratti ta’ aktar minn sitt xhur u 66 oħra ta' anqas minn sitt xhur, filwaqt li tlieta bdew in-negozju tagħhom stess. Kważi kollha kemm huma kienu għażlu li jibqgħu fir-reġjun.

Benefiċjarji fil-mira u azzjonijiet proposti

Benefiċjarji fil-mira

20.         L-għadd stmat ta’ ħaddiema fil-mira li mistennija jipparteċipaw fil-miżuri huwa ta' 760. It-tqassim tal-ħaddiema fil-mira skont is-sess, iċ-ċittadinanza u l-grupp ta’ età huwa kif ġej:

Kategorija || Għadd ta' benefiċjarji fil-mira

Sess: || Irġiel: || 487 || (64,08 %)

|| Nisa: || 273 || (35,92 %)

Ċittadinanza: || Ċittadini tal-UE: || 760 || (100,00 %)

|| Mhux ċittadini tal-UE: || 0 || (0,00 %)

Grupp ta’ età: || 15-24 sena: || 6 || (0,79 %)

|| 25-54 sena: || 620 || (81,58 %)

|| 55-64 sena: || 133 || (17,50 %)

|| 'il fuq minn 64 sena: || 1 || (0,13 %)

Eliġibbiltà tal-azzjonijiet proposti

21.         Is-servizzi personalizzati li jridu jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jikkonsistu f'azzjoni waħda biss:

Pariri u gwida lill-ħaddiema ssensjati mogħtija minn tim ta’ konsulenti esperti (Cellule de reclassement): Peress li l-Istat Franċiż u l-kumpanija li tat is-sensji qed jiffinanzjaw flimkien firxa ta' miżuri attivi biex jgħinu lill-ħaddiema jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol, Franza qed titlob mill-FEG il-finanzjament biss tal-punt ta' kuntatt waħdieni (cellule de reclassement) li jagħti pariri u gwida lill-ħaddiema ssensjati.

Is-Cellule de reclassement huwa mmexxi minn żewġ aġenziji kuntrattwali, ALTEDIA u ADVANCIA, li l-kompitu tagħhom huwa li jassistu u jigwidaw lill-ħaddiema mogħtija s-sensja u jgħinuhom isibu soluzzjonijiet li jagħtuhom il-kapaċità li jibqgħu fis-suq tax-xogħol u jidħlu f'impjiegi oħra.

L-aġenziji huma kkuntrattati biex jagħtu lil kull parteċipant (a) passaġġ tal-karriera personalizzat u (b) biżżejjed offerti ta' impjieg, huma għandhom (c) jagħtuhom il-kapaċità li jikkonsultaw esperti ġenerali u/jew esperti speċjalizzati fil-ħoqlien tal-intrapriżi, li għandhom għarfien eċċellenti tas-suq tal-impjiegi fir-reġjun u huma disponibbli u reattivi.

ALTEDIA impenjat ruħha li ssib soluzzjoni personalizzata għal 80 % tal-parteċipanti fi żmien 15-il xahar. Din is-soluzzjoni tista’ tkun xogħol ġdid għal perijodu ta’ mhux anqas minn 6 xhur, il-ħolqien jew it-twellija ta' negozju, programm ta' taħriġ fuq terminu twil li jinkludi minn tal-anqas 300 siegħa, jew f'każi eċċezzjonali it-tluq mill-programm tal-aġenzija għal raġunijiet personali. Is-soluzzjoni aċċettabbli minima tkun it-tressiq ta' żewġ offerti xierqa ta' impjieg (li jaqblu mal-ħiliet rilevanti, ma jkunux anqas minn 85% tas-salarju preċedenti, mhux aktar minn 40 km jew siegħa (1) ta' vjaġġ lura mid-dar).

L-awtoritajiet ser jipprovdu sessjonijiet ta' ħidma ta’ taħriġ għall-kompetenzi ġenerali (peż. it-tħejjija tas-CV, it-ħejjija għall-intervista, il-ħiliet tat-tiftix għax-xogħol u l-ħolqien ta’ negozju), taħriġ fl-użu tal-internet, fieri tal-impjiegi u laqgħat ma' impjegaturi jew rappreżentanti tas-settur, u laqgħat ma’ istituzzjonijiet tat-taħriġ.

L-attivitajiet tal-aġenziji se jkunu sorveljati minn kumitat u permezz ta’ rapporti regolari bil-miktub.

L-aġenziji se jitħallsu għal kull ħaddiem parteċipanti (u abbażi tal-prova meħtieġa) skont l-iskala ta' hawn taħt, filwaqt li l-miżuri attwali nfushom (peż. il-korsijiet ta’ taħriġ itwal) mhumiex inklużi fil-baġit preżentat għall-FEG. Il-ħlas se jsir bin-nifs u abbażi tar-riżultati miksuba.

EUR 1 600 għall-gwida personalizzata (mentoring) u l-appoġġ, fejn ma kienx possibbli li tinstab soluzzjoni għall-ħaddiem issensjat,

EUR 1 800 meta ħaddiem issensjat ikun sab xogħol għal perjodu sa sitt xhur jew beda jwaqqaf negozju ġdid jew ħa kors tat-taħriġ rikonoxxut għal minn tal-anqas tliet xhur jew kiseb għarfien ta' esperjenza miksuba qabel,

EUR 1 900 meta ħaddiem issensjat ikun sab xogħol b’kuntratt ta’ sitt xhur jew aktar,

EUR 2 000 meta ħaddiem issensjat ikun sab impjieg permanenti jew beda negozju ġdid.

22.         L-azzjoni proposta, deskritta hawnhekk, tikkostitwixxi miżura attiva fis-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG. Din l-azzjoni ma tiħux post miżuri passivi ta’ ħarsien soċjali.

23.         L-awtoritajiet Franċiżi taw l-informazzjoni meħtieġa dwar azzjonijiet li huma obbligatorji għall-intrapriża kkonċernata permezz tal-liġi nazzjonali jew skont l-arranġamenti kollettivi. Huma kkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhux se tieħu post azzjonijiet bħal dawn.

Baġit stmat

24.         L-ispejjeż totali stmati huma ta’ EUR 1 530 000, li jinkludu nefqa għal servizzi personalizzati ta’ EUR 1 500 000 u nefqa għal attivitajiet preparatorji, ta’ ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar ta’ EUR 30 000.

25.         Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mitluba mill-FEG hija ta’ EUR 918 000 (60% tal-ispejjeż totali).

Azzjonijiet || Numru stmat ta’ parteċipanti || Spiża stmata għal kull parteċipant (f’EUR) || Spejjeż totali stmati (f’EUR)

Servizzi personalizzati (Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(a) u (c) tar-Regolament tal-FEG)

Il-korp intermedju li jagħti pariri u gwida għall-ħaddiema ssensajti (Cellule de reclassement) || 760 || 1 974 || 1 500 000

Subtotal (a): || – || 1 500 000

(100 %)

Benefiċċji u inċentivi (Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-FEG)

Allokazzjonijiet u inċentivi || 0 || 0 || 0

Subtotal (b): || – || 0

(0 %)

L-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament tal-FEG

1. Attivitajiet preparatorji || – || 0

2. Ġestjoni || – || 0

3. Informazzjoni u pubbliċità || – || 0

4. Kontroll u rapportar || – || 30 000

Subtotal (c): || – || 30 000

(1,96 %)

Spejjeż totali (a + b + c): || – || 1 530 000

Kontribuzzjoni tal-FEG (60 % tal-ispejjeż totali) || – || 918 000

Perjodu ta’ eliġibbiltà tan-nefqa

26.         L-awtoritajiet Franċiżi bdew jagħtu s-servizz tas-Cellule de reclassementlill-benefiċjarji fil-mira fit-3 ta’ Jannar 2014. Għaldaqstant, in-nefqa fuq l-azzjonijiet imsemmija fil-punt 20 għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mit-3 ta’ Jannar 2014 sas-6 ta’ Ġunju 2016.

27.         L-awtoritajiet Franċiżi bdew iġarrbu n-nefqa amministrattiva biex jimplimentaw il-FEG fit-3 ta’ Jannar 2014. Għaldaqstant, in-nefqa għal attivitajiet preparatorji, ta’ ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mit-3 ta’ Jannar 2014 sas-6 ta’ Ġunju 2016.

Komplimentarjetà ma’ azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-Unjoni

28.         Is-sors tal-prefinanzjament jew ta’ kofinanzjament nazzjonali huwa l-Istat Franċiż, li se jkun qed jiffinanzja wkoll għadd ta' miżuri kumplimentari li mhumiex inklużi fl-applikazzjoni tal-FEG.

29.         L-awtoritajiet Franċiżi indikaw li l-miżuri msemmija hawn fuq li jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhumiex se jirċievu wkoll għajnuna minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni.

Proċeduri għall-konsultazzjoni tal-benefiċjarji fil-mira jew ir-rappreżentanti tagħhom jew l-imsieħba soċjali kif ukoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali

30.         L-awtoritajiet Franċiżi indikaw li l-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati tfassal wara li l-Kumitat Ċentrali tal-Intrapriżi tal-GAD kien infurmat fit-28 ta’ Ġunju 2013 li kien ippjanat li jitnaqqsu 889 impjieg fl-intrapriża.

31.         Barra minn hekk, infurmaw lill-Kummissjoni li l-ħaddiema ssensjati ma ġewx infurmati dwar l-applikazzjoni tal-FEG. Dan se jsir biss wara li l-Kummissjoni tkun ressqet formalment din il-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Sistemi ta’ ġestjoni u kontroll

32.         L-applikazzjoni tinkludi deskrizzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll li tispeċifika r-responsabbiltajiet tal-korpi involuti. Franza nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita mill-Ministeru tal-Ekonomija, l-Industrija u l-Impjiegi, fejn se jkunu involuti għadd ta' unitajiet fi ħdan id-Délégation générale à l’emploi et à la formation professionnelle (DGEFP). Il-pagamenti se jsiru mid-Département financement, dialogue et contrôle de gestion tad-DGEFP. Iċ-ċertifikazzjoni se titwettaq mid-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi Pubbliċi li jinsabu f’Nantes. Il-fergħat reġjonali tad-Direttorat Ġenerali tal-Intrapriżi, il-Kompetizzjoni, il-Konsum, ix-Xogħol u l-Impjiegi fir-reġjuni inkwistjoni (Bretagne u Pays de la Loire) ġew mogħtija s-setgħa li jwettqu awditi.

Impenji mogħtija mill-Istat Membru inwistjoni

33.         L-awtoritajiet Franċiżi taw il-garanziji kollha meħtieġa rigward dawn li ġejjin:

– il-prinċipji tal-ugwaljanza tat-trattament u nondiskriminazzjoni se jiġu rrispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom;

– inżammet konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi;

– GAD, peress li kompliet għaddejja bl-attivitajiet tagħha wara l-għoti tas-sensji, ikkonformat mal-obbligi legali tagħha li jirregolaw l-issensjar u pprovdiet għall-ħaddiema tagħha skont dawn l-obbligi;

– l-azzjonijiet proposti mhux se jirċievu għajnuna finanzjarja minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u mhux se jitħalla jsir ebda ffinanzjar doppju;

– l-azzjonijiet proposti se jkunu kumplimentari ma’ azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;

– il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tikkonforma mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Proposta baġitarja

34.         Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[7].

35.         Wara li eżaminat l-applikazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-FEG, u wara li qieset l-għadd ta’ benefiċjarji fil-mira, l-azzjonijiet proposti u l-ispejjeż stmati, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi mobilizzat il-FEG għall-ammont ta’ EUR 918 000, li jirrappreżenta 60 % tal-ispejjeż totali tal-azzjonijiet proposti, biex tiġi pprovduta kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni.

36.         Id-deċiżjoni proposta, li jiġi mobilizzat il-FEG, se tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kif stipulat fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba [8].

Atti relatati

37.         Filwaqt li tippreżenta din il-proposta għal deċiżjoni biex timmobilizza l-FEG, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal trasferiment tal-ammont ta’ EUR 918 000 fl-intestatura baġitarja rilevanti.

38.         Fl-istess waqt li tadotta l-proposta għal deċiżjoni biex timmobilizza l-FEG, il-Kummissjoni se tadotta deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja, permezz ta' att ta' implimentazzjoni, li għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw id-deċiżjoni biex jiġi mobilizzat il-FEG.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-Punti 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2014/005 FR/GAD) minn Franza

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[9], u b’mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba [10]

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twaqqaf biex jappoġġa lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lil persuni li jaħdmu għal rashom li jkunu waqqfu l-attività tagħhom b'riżultat ta’ bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b'riżultat ta’ kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009[11], jew b'riżultat ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja globali ġdida, u sabiex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)       Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013[12]

(3)       Franza ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward tas-sensji[13] f'GAD société anonyme simplifiée fi Franza, fis-6 ta’ Ġunju 2014 u ssupplimentatha b’informazzjoni addizzjonali kif stipulat fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)       Għaldaqstant, il-FEG għandu jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 918 000 għall-applikazzjoni mressqa minn Franza,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 918 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                            Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

[2]               Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

[3]               Skont ir-raba' paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

[4]               Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2012 tat-8 ta’ Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), fejn tidħol it-trażmissjoni tas-serje kronoloġiċi għat-tqassim reġjonali l-ġdid (ĠU L 310, 9.11.2012, p. 34).

[5]               Skont it-tifsira tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament FEG.

[6]               EGF/2014/001 EL/Nutriart, li tikkonċerna prodotti moħmijin

[7]               ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

[8]               ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

[9]               ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

[10]             ĠU C 373, 20.12.2013, p.1.

[11]             ĠU L 167, 29.6.2009, p.26.

[12]             Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884)

[13]             Skont it-tifsira tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament FEG.

Top