EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0596

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tiddetermina ċerti arraġamenti konsegwenzjali u tranżizzjonali dwar il-waqfien tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq f’ċerti atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona

/* COM/2014/0596 final - 2014/0278 (NLE) */

52014PC0596

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tiddetermina ċerti arraġamenti konsegwenzjali u tranżizzjonali dwar il-waqfien tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq f’ċerti atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona /* COM/2014/0596 final - 2014/0278 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u t-Trattat dwar il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fl-Artikolu 9 tiegħu jikkonferma, li l-effetti legali tal-atti tal-Unjoni adottati abbażi tat-TUE qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona jiġu preservati sakemm dawk l-atti jiġu revokati, annullati jew emendati.

L-Artikolu 10(1) tal-Protokoll (Nru 36) jipprodi li bħala miżura tranżizzjonali, u fir-rigward ta' atti tal-Unjoni fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali li ġew adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, is-setgħat tal-istituzzjonijiet fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan it-Trattat, l-1 ta' Diċembru 2009, ikunu dawn li ġejjin: is-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 TFUE mhumiex applikabbli u s-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-Titolu VI tat-TUE, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jibqgħu l-istess, inkluż fejn dawn ġew aċċettati fl-Artikolu 35(2) tal-imsemmi TUE.

L-Artikolu 10(3) tal-Protokoll (Nru 36) jipprovdi li l-miżura tranżizzjonali msemmija fl-Artikolu 10(1) tieqaf milli jkollha effett ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, fl-1 ta’ Diċembru 2014.

L-Artikolu 10(4), l-ewwel subparagrafu tal-Protokoll (Nru 36) jistipula li mhux aktar tard minn sitt xhur qabel l-iskadenza tal-perjodu tranżizzjonali msemmi fl-Artikolu 10(3), ir-Renju Unit jista’ jinnotifika lill-Kunsill li dan ma jaċċettax, fir-rigward tal-atti msemmija fl- Artikolu 10(1), is-setgħat tal-istituzzjonijiet imsemmija fl- Artikolu 10(1), kif stipulat fit-Trattati. Fil-każ li r-Renju Unit ikun għamel dik in-notifika, l-atti kollha msemmija fl-Artikolu 10(1) jieqfu milli japplikaw għalih mid-data tal-iskadenza tal-perjodu tranżizzjomali msemmi fl-Artikolu 10(3), jiġifieri mill-1 ta' Diċembru 2014.

Ir-Renju Unit għamel in-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll (Nru 36) fl-24 ta’ Lulju 2013.

L-Artikolu 10(4), it-tieni subparagrafu, tal-Protokoll (Nru 36) jipprovdi li l-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jiddetermina l-arranġamenti ta’ konsegwenza u tranżizzjonali meħtieġa. Ir-Renju Unit ma għandux jipparteċipa fl-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni.

L-Artikolu 10(4), it-tielet subparagrafu, tal-Protokoll (Nru 36) jistipula li l-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ wkoll jadotta deċiżjoni li tiddetermina li r-Renju Unit ikun responsabbli għall-konsegwenzi finanzjarji diretti, jekk ikun hemm, li jirriżultaw neċessarjament u inevitabbilment mill-waqfien tal-parteċipazzjoni tiegħu f’dawk l-atti. Proposta f’dan ir-rigward hija ppreżentata lill-Kunsill illum.[1]

L-Artikolu 10(5) tal-Protokoll (Nru 36) jipprovdi li r-Renju Unit jista’, fi kwalunkwe ħin wara, jinnotifika lill-Kunsill bix-xewqa tiegħu li jipparteċipa f’atti li waqfu milli japplikaw għalih skont l-Artikolu 10(4), l-ewwel subparagrafu.

Huwa mistenni li r-Renju Unit se jinnotifika x-xewqa tiegħu li jipparteċipa f’35 att ta’ dak li qabel kien it-tielet pilastru tal-acquis li mhux se jibqgħu japplikaw għalih fl-1 ta’ Diċembru 2014. Kull interruzzjoni fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dawn l-atti għandha tkun evitata. Għandu għalhekk jiġi pprovdut li dawn l-atti se jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit għal perjodu tranżizzjonali limitat sakemm id-deċiżjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jawtorizzaw il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit jidħlu fis-seħħ.

Ir-Renju Unit ħabbar li f'dan l-istadju huwa ma għandux l-intenzjoni li jinnotifika bix-xewqa tiegħu li jipparteċipa fid-deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-koperazzjoni transfruntiera, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transfruntiera,[2] fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transfruntiera, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transfruntiera[3] u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/905/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar l-akkreditazzjoni ta’ fornituri tas-servizz forensiku li jwettqu attivitajiet tal-laboratorju[4] (minn issa ‘l quddiem id-“Deċiżjonijiet ta’ Prüm”).

Bħala konsegwenza tan-notifika tal-24 ta’ Lulju 2013 u tan-nuqqas ta' notifika ta’ xewqa li jipparteċipa, id-Deċiżjonijiet ta’ Prüm ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mill-1 ta’ Diċembru 2014.

In-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet ta’ Prüm għar-Renju Unit mill-1 ta’ Diċembru 2014 għandu bħala konsegwenza li r-Renju Unit ma għandux l-aċċess għall-marki tas-swaba’ fil-bażi ta’ dejta tal-EURODAC għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi. Ir-raġuni għal din il-konsegwenza tinsab fl-Artikolu 20 u l-premessa (32) tar-Regolament (UE) Nru 603/2013.[5] Dan ma għandu ebda effett fuq l-applikazzjoni tal-bqija tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 għar-Renju Unit.

Fid-dawl tas-sinifikat prattiku u operazzjonali tad-Deċiżjonijiet ta’ Prüm għall-Unjoni għas-sigurtà pubblika, u b’mod aktar partikolari għall-infurzar tal-liġi u l-prevenzjoni, d-detezzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali, saru l-arranġamenti segwenti: Ir-Renju Unit se jwettaq każ sħiħ ta' operat u implimentazzjoni sħiħa biex jivvaluta l-merti u l-benefiċċji prattiċi li r-Renju Unit jingħaqad mill-ġdid mad-Deċiżjonijiet ta’ Prüm u l-passi meħtieġa biex jagħmel dan, li r-riżultati tiegħu se jiġu pubblikati sat-30 ta’ Settembru 2015. Huwa se jagħmel dan b’konsultazzjoni mill-qrib ma’ sħab operazzjonali fir-Renju Unit, l-Istati Membri l-oħra kollha, il-Kummissjoni, l-Europol u l-Eurojust. Jekk dan il-każ tal-operat u l-implimentazzjoni jkun pożittiv, ir-Renju Unit, sal-31 ta’ Diċembru 2015, jiddeċiedi dwar jekk li jinnotifikax, fi żmien erba’ ġimgħat, dwar ix-xewqa tiegħu li jipparteċipa fid-Deċiżjonijiet ta’ Prüm, skont l-Artikolu 10(5) tal-Protokoll 36. Ir-Renju Unit indika li jkun meħtieġ vot pożittiv fil-Parlament tiegħu qabel deċiżjoni bħal din.

Konsegwenzi finanzjarji għandhom ikunu marbuta man-nuqqas ta’ rispett ta' dawk l-arranġamenti, kif ukoll man-nuqqas ta' parteċipazzjoni possibbli tar-Renju Unit fid-Deċiżjonijiet ta’ Prüm. Proposta f’dan ir-rigward hija ppreżentata lill-Kunsill illum.[6]

2.           L-ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Sommarju tal-miżuri proposti Il-proposta tipprovdi għal arranġamenti konsegwenzjali u tranżizzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 10(4), it-tieni subparagrafu, tal-Protokoll (Nru 36).

Bażi Ġuridika L-Artikolu 10(4), it-tieni subparagrafu, tal-Protokoll (Nru 36).

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-Kunsill biss huwa awtorizzat, abbażi tal-Artikolu 10(4), it-tieni subparagrafu, tal-Protokoll (Nru 36), biex jadotta l-arranġamenti konsegwenzjali u tranżizzjonali. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà mhux applikabbli.

Il-prinċipju ta' proporzjonalità Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

L-għażla ta’ strument

L-istrument li qed jiġi propost: Deċiżjoni tal-Kunsill.

L-Artikolu 10(4), it-tieni subparagrafu, tal-Protokoll (Nru 36) jistipula li l-Kunsill jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni "li tiddetermina l-arranġamenti ta’ konsegwenza u dawk tranżizzjonali meħtieġa". Deċiżjoni hija l-forma korretta ta' att biex tkun implimentata din id-dispożizzjoni tad-dritt primarju.

3.           IMPATT BAĠITARJU

Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea.

2014/0278 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tiddetermina ċerti arraġamenti konsegwenzjali u tranżizzjonali dwar il-waqfien tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq f’ċerti atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali, u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Skont il-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, ir-Renju Unit kellu l-possibbiltà li jinnotifikaw lill-Kunsill, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju 2014, li ma jaċċettax il-poteri tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja introdotti mit-Trattat ta’ Lisbona fir-rigward ta’ atti tal-Unjoni fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali li ġew adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.

(2)       Permezz ta’ ittra lill-President tal-Kunsill tal-24 ta’ Lulju 2013, ir-Renju Unit innotifika li ma aċċettax il-poteri tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja introdotti mit-Trattat ta’ Lisbona fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja. Bħala konsegwenza l-atti rilevanti fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit fl-1 ta’ Diċembru 2014.

(3)       Ir-Renju Unit jista’ jinnotifika x-xewqa tiegħu li jipparteċipa fl-atti li waqfu milli japplikaw għalih.

(4)       Permezz ta’ ittra lill-President tal-Kunsill u lill-President tal-Kummissjoni ta’ [... 2014], ir-Renju Unit innotifika x-xewqa tiegħu li jipparteċipa f’uħud mill-atti.

(5)       Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll Nru 36, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddetermina l-arranġamenti ta’ konsegwenza u tranżizzjonali neċessarji. Il-Kunsill jista' wkoll, abbażi tat-tielet subparagrafu tal-istess dispożizzjoni, jiddetermina li r-Renju Unit għandu jkun responsabbli għall-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw neċessarjament u inevitabbilment mill-waqfien tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-atti kkonċernati.

(6)       Kull interruzzjoni fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-atti li r-Renju Unit fittex li jingħaqad mill-ġdid magħhom għandhha tkun evitata. Għandu għalhekk jiġi pprovdut li dawn l-atti se jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit għal perjodu tranżizzjonali limitat sakemm id-deċiżjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jawtorizzaw il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit jidħlu fis-seħħ.

(7)       Minħabba li r-Renju Unit ma nnotifikax lill-Kunsill bix-xewqa tiegħu li jipparteċipa fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI[7] u 2008/616/ĠAI[8] u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/905/ĠAI[9], kollettivament magħrufa bħala d-Deċiżjonijiet ta’ Prüm, dawn ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mill-1 ta’ Diċembru 2014. Bħala konsegwenza tal-waqfien tal-applikazzjoni tagħhom, u sa dak iż-żmien li fih huwa jerġa' jingħaqad ma' dawn l-atti, ir-Renju Unit mhux se jitħalla jaċċessa l-bażi tad-dejta tal-EURODAC stabbilita skont ir- Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi.[10]

(8)       Madankollu, minħabba s-sinifikat prattiku u operazzjonali tad-Deċiżjonijiet 2008/615/ĠAI and 2008/616/ĠAI u d-Deċiżjoni Qafas 2009/905/ĠAI għall-Unjoni għas-sigurtà pubblika, u b’mod aktar partikolari għall-infurzar tal-liġi u l-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali, ir-Renju Unit, f'konsultazzjoni mill-qrib mas-sħab operazzjonali tiegħu fir-Renju Unit, l-Istati Membri l-oħra kollha, il-Kummissjon, l-Europol u l-Eurojust , se jwettaq każ sħiħ tal-operat u l-implimentazzjoni biex jivvaluta l-merti u l-benefiċċji prattiċi tas-sħubija mill-ġdid tar-Renju Unit fid-Deċiżjonijiet ta’ Prüm u l-passi neċessarji biex jagħmel dan, li r-riżultati tiegħu se jiġu pubblikati sat-30 ta’ Settembru 2015.

(9)     Jekk il-każ tal-operat u l-implimentazzjoni ta' hawn fuq ikun pożittiv, ir-Renju Unit, sal- 31 ta’ Diċembru 2015, jiddeċiedi dwar jekk li jinnotifikax, fi żmien erba’ ġimgħat, dwar ix-xewqa tiegħu li jipparteċipa fid-Deċiżjonijiet ta’ Prüm, skont l-Artikolu 10(5) tal-Protokoll 36. Ir-Renju Unit indika li jkun meħtieġ vot pożittiv fil-Parlament tiegħu qabel deċiżjoni bħal din.

(10)   Ir-regoli dwar il-konsegwenzi finanzjarji mġarrba bħala riżultat tal-waqfien tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fid-Deċiżjonijiet ta’ Prüm għandhom jiġu previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill [...].

(11)   Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali, ir-Renju Unit mhux qed jipparteċipa fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni iżda huwa marbut biha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-atti li huma elenkati fl-Anness għal din id-deċiżjoni jibqgħu japplikaw fir-Renju Unit sas-7 ta’ Diċembru 2014.

Artikolu 2

1.           Sa mhxu aktar tard minn 10 ijiem mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni r-Renju Unit jibda jwettaq każ sħiħ tal-operat u l-implimentazzjoni biex jivvaluta l-merti u benefiċċji prattiċi għar-Renju Unit li jingħaqad mill-ġdid mad-Deċiżjonijiet 2008/615/ĠAI u 2008/616/ĠAI u d-Deċiżjoni Qafas 2009/905/ĠAI u l-passi meħtieġa biex jagħmel dan.

Huwa jagħmel dan b’konsultazzjoni mill-qrib ma’ sħab operazzjonali fir-Renju Unit, l-Istati Membri l-oħra kollha, il-Kummissjoni, l-Europol u l-Eurojust.

2.           Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2015, ir-Renju Unit għandu jippubblika r-riżultati ta’ dan il-każ tal-operat u l-implimentazzjoni;

3.           Jekk il-każ tal-operat u l-implimentazzjoni jkun pożittiv, sal-31 ta’ Diċembru 2015, ir-Renju Unit jiddeċiedi dwar jekk jinnotifikax lill-Kunsill dwar ix-xewqa tiegħu li jipparteċipa fid-Deċiżjonijiet ta’ Prüm, skont l-Artikolu 10(5) tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali. In-notifika ssir fi żmien erba’ ġimgħat mill-31 ta’ Diċembru 2015.

Artikolu 3

Sakemm tidħol fis-seħħ deċiżjoni li tikkonferma l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fid-Deċiżjonijiet 2008/615/ĠAI u 2008/616/ĠAI u d-Deċiżjoni Qafas 2009/905/ĠAI, ir-Renju Unit ma jitħalliex jaċċessa l-bażi tad-dejta tal-EURODAC stabbilit taħt ir-Regolament (UE) Nru 603/2013, għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi.

Artikolu 4

Jekk ir-Renju Unit ma jkunx innotifika x-xewqa tiegħu li jipparteċipa fid-Deċiżjonijiet 2008/615/ĠAI u 2008/616/ĠAI u d-Deċiżjoni Qafas 2009/905/ĠAI fi żmien erba’ ġimgħat mill-31 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-effetti tan-nuqqas ta' parteċipazzjoni tar-Renju Unit fid-Deċiżjonijiet ta’ Prüm.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-30 ta' Novembru 2014.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               [daħħal ir-referenza għal proposta oħra tal-istess data]

[2]               ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1.

[3]               ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12.

[4]               ĠU L 322, 9.12.2009, p. 14.

[5]               Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil tal-marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, ĠU L 180, 29.6.2013, p. 1.

[6]               Cp. nota f'qiegħ il-paġna 1.

[7]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1).

[8]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12).

[9]               Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/905/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar l-Akkreditament tal-fornituri ta' servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorji (OJ L 322, 9.12.2009, p. 14).

[10]             Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil tal-marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja ( ĠU L 180, 29.6.2013, p. 1).

ANNESSI

mal-

Proposta għal Deċiżjoni Tal-Kunsill

li tiddetermina ċerti arraġamenti konsegwenzjali u tranżizzjonali dwar il-waqfien tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq f’ċerti atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona

Sena || Titolu

1990 || Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-1985: L-Artikolu 39 sakemm din id-dispożizzjoni ma tkunx ġiet issostitwita mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/960/JHA, l-Artikolu 40, l-Artikolu 42 u l-Artikolu 43 (sa fejn dawn huma relatati mal-Artikolu 40), l-Artikolu 44, l-Artikolu 46, l-Artikolu 47 (ħlief (2)(c) u (4)), l-Artikolu 54, l-Artikolu 55, l-Artikolu 56, l-Artikolu 57, l-Artikolu 58, l-Artikoli 59 sa 69 (sal-punt meħtieġ fir-rigward tal-Istati assoċjati tal-EFTA) l-Artikolu 71, l-Artikolu 72, l-Artikolu 126, l-Artikolu 127, l-Artikolu 128, l-Artikolu 129, l-Artikolu 130, u l-Att finali — id-Dikjarazzjoni Nru 3 (dwar l-Artikolu 71(2))

1997 || L-Azzjoni Konġunta 97/827/ĠAI tal-5 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi mekkaniżmu għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni u l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali ta’ obbligi internazzjonali fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata

1997 || L-Att tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 1997 li jfassal il-Konvenzjoni dwar l-assitenza u l-kooperazzjoni reċiproċi bejn l-amministrazzjonijiet doganali, magħrufa bħala “l-Konvenzjoni ta’ Napli II”

1998 || L-Azzjoni Konġunta 98/700/ĠAI tat-3 ta’ Diċembru 1998 dwar l-istabbiliment ta’ sistema Ewropea ta’ Arkivjar ta’ Immaġini (FADO)

2000 || Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/375/ĠAI sabiex tkun miġġielda l-pornografija tat-tfal fuq l-Internet

2000 || Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/586/ĠAI tat-28 ta' Settembru 2000 li jistabbilixxi proċedura biex jiġu emendati l-Artikoli 40(4) u (5), 41(7) u 65(2) tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 dwar it-tneħħija gradwali ta' kontrolli fuq il-fruntieri komuni

2000 || Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/641/ĠAI tas-17 Ottubru 2000 li tistabbilixxi segretarjat għall-korpi konġunti tas-sorveljanza tal-protezzjoni tad-data stabbiliti mill-Konvenzjoni dwar l-istabbiliment ta' Uffiċċju tal-Pulizija Ewropea (Konvenzjoni Europol), il-Konvenzjoni dwar l-Użu tat-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni għall-Għanijiet ta' Dwana u l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen dwar l-abolizzjoni gradwali ta' investigazzjoni fil-fruntieri komuni (Konvenzjoni ta' Schengen)

2000 || Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/JHA tas-17 ta’ Ottubru 2000 dwar l-arranġamenti bejn l-unitajiet tal-intelliġenza finanzjarja tal-Istati Membri fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni

2002 || Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/JHA tat-28 ta' Frar 2002 li twaqqaf il-Eurojust bil-ħsieb li tirrinforza l-ġlieda kontra d-delitti serji

2002 || Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/348/ĠAI tal-25 ta' April 2002 dwar sigurtà b'konnessjoni ma' logħbiet tal-futbol b'dimensjoni internazzjonali

2002 || Id-Deċiżjoni kwadru 2002/465/ĠAI tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar l-iskwadri ta' investigazzjoni konġunti

2002 || Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-mandat ta' arrest Ewropew and the surrender procedures between Member States. U l-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri.

2003 || Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/659/JHA tat-18 ta' Ġunju 2003 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/JHA li tistabbilixxi l-Eurojust bil-ħsieb li tirrinforza l-ġlieda kontra d-delitti serji

2003 || Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/725/JHA tat-2 ta' Ottubru 2003 li temenda d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 40(1) u (7) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 dwar l-abolizzjoni gradwali tal-kontrolli fuq il-fruntieri komuni.

2005 || Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/214/ĠAI tal-24 ta' Ottubru 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal penali finanzjarji

2006 || Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ konfiska.

2006 || Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-simplifikazzjoni tal-iskambju ta' informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, magħrufa bħala l-“Inizjattiva Svediża”

2007 || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/171/KE tas-16 ta’ Marzu 2007 li jistipulaw ir-rekwiżiti tan-netwerk għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen II;

2007 || Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/412/ĠAI tat-12 ta’ Ġunju 2007 li temenda d-Deċiżjoni 2002/348/ĠAI dwar is-sigurtà b’konnessjoni ma’ logħbiet tal-futbol b’dimensjoni internazzjonali

2007 || Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat- 12 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen Tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II)

2007 || Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI tas-6 ta’ Diċembru 2007 dwar il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi tal-Istati Membri fil-qasam tar-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta’ rikavati mill-kriminalità, jew proprjetà relatata magħha

2008 || Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas- 27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali

2008 || Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/426/ĠAI tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar it-tisħiħ tal-Eurojust u li temenda d-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI li tistabbilixxi l-Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja,

2008 || Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/675/ĠAI tal- 24 ta’ Lulju 2008 dwar it-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda

2008 || Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta' kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (it-"trasferiment ta' priġunieri")

2008 || Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/976/ĠAI tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew

2009 || Id-iżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 li temenda d-Deċiżjonijiet Kwadru 2002/584/ĠAI, 2005/214/ĠAI, 2006/783/ĠAI, 2008/909/ĠAI u 2008/947/ĠAI, u b’hekk issaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta’ persuni, li trawwem l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata fil-kawża

2009 || Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta' informazzjoni estratta mir-rekords kriminali

2009 || Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI tas-6 ta’ April 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI

2009 || Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)

2009 || Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI tat-23 ta' Ottubru 2009 dwar l-applikazzjoni, bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għal deċiżjonijiet dwar miżuri ta' superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni proviżorja

2009 || Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar l-użu tat-teknoloġija tal-informatika għall-finijiet doganali

2009 || Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/934/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 li tadotta r-regoli implimentattivi li jirregolaw ir-relazzjonijiet tal-Europol mal-imsieħba, inkluż l-iskambju ta’ data personali u informazzjoni kklassifikata

2009 || Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/936/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 li tadotta r-regoli implimentattivi għar-reġistri ta’ ħidma ta’ analiżi tal-Europol

2009 || Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/968/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 li tadotta r-regoli dwar il-konfidenzjalità tal-informazzjoni tal-Europol

Top