Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0595

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tiddetermina ċerti konsegwenzi finanzjarji diretti mġarrba b'riżultat tal-waqfien tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq f’ċerti atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona

/* COM/2014/0595 final - 2014/0277 (NLE) */

52014PC0595

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tiddetermina ċerti konsegwenzi finanzjarji diretti mġarrba b'riżultat tal-waqfien tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq f’ċerti atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona /* COM/2014/0595 final - 2014/0277 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u t-Trattat dwar il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fl-Artikolu 9 tiegħu jikkonferma, li l-effetti legali tal-atti tal-Unjoni adottati abbażi tat-TUE qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona jiġu preservati sakemm dawk l-atti jiġu revokati, annullati jew emendati.

L-Artikolu 10(1) tal-Protokoll (Nru 36) jipprodi li bħala miżura tranżizzjonali, u fir-rigward ta' atti tal-Unjoni fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali li ġew adottati qabel id-dħul fis-seħħ ta' dak it-Trattat, l-1 ta' Diċembru 2009: is-setgħat tal-istituzzjonijiet fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan it-Trattat ikunu dawn li ġejjin: Is-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 TFUE mhumiex applikabbli u s-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-Titolu VI tat-TUE, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jibqgħu l-istess, inkluż fejn dawn ġew aċċettati fl-Artikolu 35(2) tal-imsemmi TUE.

L-Artikolu 10(3) tal-Protokoll (Nru 36) jipprovdi li l-miżura tranżizzjonali msemmija fl-Artikolu 10(1) tieqaf milli jkollha effett ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, fl-1 ta’ Diċembru 2014.

L-Artikolu 10(4), l-ewwel subparagrafu tal-Protokoll (Nru 36) jistipula li mhux aktar tard minn sitt xhur qabel l-iskadenza tal-perjodu tranżizzjonali msemmi fl-Artikolu 10(3), ir-Renju Unit jista’ jinnotifika lill-Kunsill li dan ma jaċċettax, fir-rigward tal-atti msemmija fl- Artikolu 10(1), is-setgħat tal-istituzzjonijiet imsemmija fl- Artikolu 10(1), kif stipulat fit-Trattati. Fil-każ li r-Renju Unit ikun għamel dik in-notifika, l-atti kollha msemmija fl-Artikolu 10(1) jieqfu milli japplikaw għalih mid-data tal-iskadenza tal-perjodu tranżizzjomali msemmi fl-Artikolu 10(3), jiġifieri mill-1 ta' Diċembru 2014.

Ir-Renju Unit għamel in-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll (Nru 36) fl-24 ta’ Lulju 2013.

L-Artikolu 10(4), it-tieni subparagrafu, tal-Protokoll (Nru 36) jipprovdi li l-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jiddetermina l-arranġamenti ta’ konsegwenza u tranżizzjonali meħtieġa. Ir-Renju Unit ma għandux jipparteċipa fl-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni.

L-Artikolu 10(4), it-tielet subparagrafu, tal-Protokoll (Nru 36) jistipula li l-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ wkoll jadotta deċiżjoni li tiddetermina li r-Renju Unit ikun responsabbli għall-konsegwenzi finanzjarji diretti, jekk ikun hemm, li jirriżultaw neċessarjament u inevitabbilment mill-waqfien tal-parteċipazzjoni tiegħu f’dawk l-atti.

L-Artikolu 10(5) tal-Protokoll (Nru 36) jipprovdi li r-Renju Unit jista’, fi kwalunkwe ħin wara, jinnotifika lill-Kunsill bix-xewqa tiegħu li jipparteċipa f’atti li waqfu milli japplikaw għalih skont l-Artikolu 10(4), l-ewwel subparagrafu.

Ir-Renju Unit ħabbar li huwa ma għandux l-intenzjoni li jinnotifika bix-xewqa tiegħu li jipparteċipa fid-deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-koperazzjoni transfruntiera, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transfruntiera,[1] fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transfruntiera, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transfruntiera[2] u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/905/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar l-akkreditazzjoni ta’ fornituri tas-servizz forensiku li jwettqu attivitajiet tal-laboratorju[3] (minn issa ‘l quddiem id-“Deċiżjonijiet ta’ Prüm”).

Bħala konsegwenza tan-notifika tal-24 ta’ Lulju 2013 u tan-nuqqas ta' notifika ta’ xewqa li jipparteċipa, id-Deċiżjonijiet ta’ Prüm ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mill-1 ta’ Diċembru 2014.

Fid-dawl tas-sinifikat prattiku u operazzjonali tad-Deċiżjonijiet ta’ Prüm għall-Unjoni għas-sigurtà pubblika, u b’mod aktar partikolari għall-infurzar tal-liġi u l-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali, il-Kummissjoni pproponiet Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-arranġamenti ta’ konsegwenza u dawk tranżizzjonali li tiprpovdi għal arranġamenti vinkolanti [...].[4]

Ir-Renju Unit ġie allokat fondi mill-Programm ISEC kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/125/ĠAI tat-12 ta’ Frar 2007 li tistabbilixxi għall-perjodu bejn l-2007 u l-2013, bħala parti mill-Programm Ġenerali dwar is-Sigurtà u s-Salvagwardja tal-Libertajiet, il-Programm Speċifiku “Prevenzjoni ta’ u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità”[5] għal żewġ proġetti relatati mad-Deċiżjonijiet ta’ Prüm, l-ewwel waħda tikkonċerna l-implimentazzjoni mir-Renju Unit għall-iskambju tad-DNA ta’ Prüm, b’massimu ta’ kofinanzjament ta’ EUR 961 019 mogħti lill-Uffiċċju tal-Affarijiet Interni, u t-tieni nett dwar il-proġett tal-Evalwazzjoni tal-Marki tas-Swaba’ Prüm mir-Renju Unit, b’massimu ta’ kofinanzjament ta’ EUR 547 836 mogħti  ill-Uffiċċju tal-Affarijiet Interni. Dan iwassal għal total ta’ EUR 1 508 855.

Jekk ir-Renju Unit ma jirrispettax kundizzjoni li tinsab fid-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-arranġamenti ta’ konsegwenza u dawk tranżizzjonali [...], jew jekk ir-Renju Unit jiddeċiedi li ma jipparteċipax fid-Deċiżjonijiet ta’ Prüm, huwa għandu jħallas is-somma li ġiet effettivament imħallsa lilu, sat-total ta’ EUR 1 508 855.

2.           L-ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Sommarju tal-miżuri proposti Il-proposta tiddetermina l-konsegwenzi finanzjarji diretti li jirriżultaw neċessarjament u inevitabbilment mill-waqfien tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit f’atti fit-tifsira tal-Artikolu 10(4), it-tielet subparagrafu, tal-Protokoll (Nru 36).

Bażi Ġuridika L-Artikolu 10(4), it-tielet subparagrafu, tal-Protokoll (Nru 36).

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-Kunsill biss huwa awtorizzat, abbażi tal-Artikolu 10(4), it-tielet subparagrafu, tal-Protokoll (Nru 36), li jadotta deċiżjoni li tiddetermina li r-Renju Unit ikun responsabbli għall-konsegwenzi finanzjarji diretti li jirriżultaw neċessarjament u inevitabbilment mill-waqfien tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-atti konċernati. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà mhux applikabbli.

Il-prinċipju ta' proporzjonalità Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

L-għażla ta’ strument

L-istrument li qed jiġi propost: Deċiżjoni tal-Kunsill.

L-Artikolu 10(4), it-tielet subparagrafu, tal-Protokoll (Nru 36) jipprovdi li l-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ possibilment jadotta "deċiżjoni li tiddetermina li r-Renju Unit ikun responsabbli għall-konsegwenzi finanzjarji diretti, jekk ikun hemm, li jirriżultaw neċessarjament u inevitabbilment mill-waqfien tal-parteċipazzjoni tiegħu f’dawk l-atti". Deċiżjoni hija għalhekk il-forma ta’ att provduta espressament f’din id-dispożizzjoni tad-dritt primarju.

3.           IMPATT BAĠITARJU

Il-proposta għandha impatt potenzjali pożittiv fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea, għaliex tipprovdi f’ċerti ipoteżi għall-ħlas lura mir-Renju Unit sa EUR 1 508 855 li rċieva mill-Unjoni.

2014/0277 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tiddetermina ċerti konsegwenzi finanzjarji diretti mġarrba b'riżultat tal-waqfien tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq f’ċerti atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali, u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Skont il-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, ir-Renju Unit kellu l-possibbiltà li jinnotifikaw lill-Kunsill, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju 2014, li ma jaċċettax il-poteri tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja introdotti mit-Trattat ta’ Lisbona fir-rigward ta’ atti tal-Unjoni fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali li ġew adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.

(2)       Permezz ta’ ittra lill-President tal-Kunsill tal-24 ta’ Lulju 2013, ir-Renju Unit innotifika li ma aċċettax il-poteri tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja introdotti mit-Trattat ta’ Lisbona fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja. Bħala konsegwenza l-atti rilevanti fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit fl-1 ta’ Diċembru 2014.

(3)       Ir-Renju Unit jista’ jinnotifika x-xewqa tiegħu li jipparteċipa fl-atti li waqfu milli japplikaw għalih.

(4)       Permezz ta’ ittra lill-President tal-Kunsill u lill-President tal-Kummissjoni ta’ [... 2014], ir-Renju Unit innotifika x-xewqa tiegħu li jipparteċipa f’uħud mill-atti.

(5)       Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll Nru 36, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddetermina l-arranġamenti ta’ konsegwenza u tranżizzjonali neċessarji. Il-Kunsill jista' wkoll, abbażi tat-tielet subparagrafu tal-istess dispożizzjoni, jiddetermina li r-Renju Unit għandu jkun responsabbli għall-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw neċessarjament u inevitabbilment mill-waqfien tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-atti kkonċernati.

(6)       Minħabba li r-Renju Unit ma nnotifikax lill-Kunsill bix-xewqa tiegħu li jipparteċipa fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI[6] u 2008/616/ĠAI[7] u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/905/ĠAI[8], kollettivament magħrufa bħala d-Deċiżjonijiet ta’ Prüm, dawn ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mill-1 ta’ Diċembru 2014. Madankollu, minħabba s-sinifikat prattiku u operazzjonali tad-Deċiżjonijiet ta’ Prüm għall-Unjoni għas-sigurtà pubblika, u b’mod aktar partikolari għall-infurzar tal-liġi u l-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali, fid-Deċiżjoni tiegħu [...][9] il-Kunsill iddeċieda li r-Renju Unit se jwettaq każ sħiħ tal-operat u l-implimentazzjoni biex jivvaluta l-merti u l-benefiċċji prattiċi tas-sħubija mill-ġdid tar-Renju Unit fid-Deċiżjonijiet ta’ Prüm u l-passi neċessarji biex jagħmel dan, li r-riżultati tiegħu se jiġu pubblikati sat-30 ta’ Settembru 2015. Jekk il-każ tal-operat u l-implimentazzjoni jkun pożittiv, sal-31 ta’ Diċembru 2015, ir-Renju Unit jiddeċiedi dwar jekk jinnotifikax, fi żmien l-erba’ ġimgħat segwenti, dwar ix-xewqa tiegħu li jipparteċipa fid-Deċiżjonijiet ta’ Prüm, skont l-Artikolu 10(5) tal-Protokoll 36.

(7)     Fondi mill-Programm ‘Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità” stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/125/ĠAI[10] ġew allokati lir-Renju Unit għal żewġ proġetti relatati mad-Deċiżjonijiet 2008/615/ĠAI u 2008/616/ĠAI u d-Deċiżjoni Qafas 2009/905/ĠAI, l-ewwel waħda tikkonċerna l-implimentazzjoni mir-Renju Unit tal-Iskambju tad-DNA ta’ Prüm, b’massimu ta’ kofinanzjament ta’ EUR 961 019 mogħti lill-Uffiċċju tal-Affarijiet Interni, u t-tieni nett dwar il-proġett tal-Evalwazzjoni tal-Marki tas-Swaba’ ta' Prüm mir-Renju Unit, b’massimu ta’ kofinanzjament ta’ EUR 547 836 mogħti lill-Uffiċċju tal-Affarijeit Interni. Dan iwassal għal total ta’ EUR 1 508 855.

(8)     Fil-każ li r-Renju Unit ma jirrispettax waħda mill-iskadenzi li jinsabu fl- Artikolu 1 tad-Deċiżjoni [... li tiddetermina ċerti arranġamenti konsegwenzjali u tranżizzjonali] jew jekk ir-Renju Unit jiddeċiedi li ma jipparteċipax fid-Deċiżjonijiet 2008/615/ĠAI u 2008/616/ĠAI u d-Deċiżjoni Qafas 2009/905/ĠAI, ir-Renju Unit għandu jħallas lura, bħala konsegwenza finanzjarja diretta, imġarrba neċessarjament u inevitabbilment b'riżultat tal-waqfien tal-parteċipazzjoni tiegħu fid-Deċiżjonijiet ta’ Prüm, l-ammonti effettivament imħallsa mill-Kummissjoni bħala kontribuzzjoni mill-baġit tal-Unjoni għall-implimentazzjoni ta’ dawk id-Deċiżjonijiet.

(9)     Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali, ir-Renju Unit qed jipparteċipa fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u huwa marbut biha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fil-każ li r-Renju Unit ma jirrispettax waħda mill-iskadenzi li jinsabu fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni [... li tiddetermina ċerti arranġamenti konsegwenzjali u tranżizzjonali] jew jekk ir-Renju Unit jiddeċiedi li ma jipparteċipax fid-Deċiżjonijiet 2008/615/ĠAI u 2008/616/ĠAI u d-Deċiżjoni Qafas 2009/905/ĠAI, huwa jħallas lura lill-baġit tal-Unjoni Ewropea s-somom irċevuti mill-Programm “Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità” sa EUR 1 508 855.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-1 ta' Diċembru 2014.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1.

[2]               ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12.

[3]               ĠU L 322, 9.12.2009, p. 14.

[4]               [daħħal referenza għall-proposta l-oħra tal-istess data]

[5]               ĠU L 58, 24.2.2007, p. 7.

[6]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1).

[7]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12).

[8]               Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/905/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar l-Akkreditament tal-fornituri ta' servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorji (OJ L 322, 9.12.2009, p. 14).

[9]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ... ta' ... li tiddetermina ċerti arraġamenti konsegwenzjali u tranżizzjoniali dwar il-waqfien tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq f’ċerti atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona

[10]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2007 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku “Prevenzjoni ta’ u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità” għall-perjodu 2007-2013 bħala parti mill-Programm Ġenerali dwar is-Sigurtà u s-Salvagwardja tal-Libertàjiet (ĠU L 58, 24.2.2007, p. 7).

Top