Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0532

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-Punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/012 BE/Ford Genk mill-Belġju)

    /* COM/2014/0532 final */

    52014PC0532

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-Punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/012 BE/Ford Genk mill-Belġju) /* COM/2014/0532 final - 2014/ () */


    MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    KUNTEST TAL-PROPOSTA

    1.           Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-applikazzjonijiet ippreżentati sal-31 ta’ Diċembru 2013 huma stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (ir-‘Regolament dwar il-FEG’)[1].

    2.           Fit-23 ta’ Diċembru 2013, il-Belġju ssottometta l-applikazzjoni EGF/2013/012 BE/Ford Genk għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara s-sensji fl-impjant tal-assemblaġġ ta' Ford-Werke GmbH[2] f'Genk (‘Ford Genk’) u f'10 fornituri ta' Ford Genk fil-Belġju. L-applikazzjoni kienet supplimentata b'informazzjoni addizzjonali sat-12 ta’ Ġunju 2014.

    3.           Wara li eżaminat l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li, skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolament dwar il-FEG, huma ssodisfati l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG.

    SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI

    Applikazzjoni għall-FEG: || EGF/2013/012 Ford Genk

    Stat Membru: || Il-Belġju

    Data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni: || 23.12.2013

    Kriterju tal-intervent: || L-Artikolu 2(c) tar-Regolament dwar il-FEG

    Intrapriża primarja: || Ford-Werke GmbH

    Numru ta' fornituri u produtturi downstream: || 10

    Perjodu ta' referenza: || 1.7.2013-1.11.2013

    Data meta nbdew is-servizzi personalizzati lill-ħaddiema mmirati: || 1.7.2013

    Numru ta' sensji matul il-perjodu ta' referenza: || 469

    Numru ta' sensji qabel u wara l-perjodu ta' referenza: || 43

    Numru totali ta' sensji: || 512

    Numru ta' persuni mistennija li jipparteċipaw fil-miżuri: || 479

    Baġit għas-servizzi personalizzati: || EUR 1 085 890

    Baġit għall-implimentazzjoni tal-FEG: || EUR 56 000 (4.9 % tal-baġit totali)

    Baġit totali: || EUR 1 141 890

    Kontribuzzjoni finanzjarja mitluba mill-FEG: || EUR 570 945 (50 % tal-baġit totali)

    ANALIŻI TAL-APPLIKAZZJONI

    Rabta bejn is-sensji u bidliet strutturali maġġuri fil-mudelli kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni

    4.           Sabiex jistabbilixxu r-rabta bejn is-sensji u bidliet strutturali maġġuri fil-mudelli kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni, l-awtoritajiet Belġjani jargumentaw li s-settur tal-produzzjoni tal-karozzi tal-passiġġieri, li fih hija attiva Ford Genk, għadda minn taqlib ekonomiku serju, b'mod partikolari tnaqqis rapidu fis-sehem mis-suq tal-UE.

    5.           Skont dejta li saret referenza għaliha mill-awtoritajiet Belġjani[3], kif jidher fil-grafika hawn isfel, bejn l-2007 u l-2012, il-produzzjoni tal-karozzi tal-passiġġieri fl-UE-27 naqset minn 17.10 miljun unità għal 14.61 miljun unità (− 14.6 %; − 3.1 % tkabbir annwali), filwaqt li, matul l-istess perjodu, fuq livell dinji, il-produzzjoni tal-karozzi tal-passiġġieri żdiedet minn 53.05 miljun unità għal 63.07 miljun unità (+ 18.9 %; + 3.5 % tkabbir annwali). Dan wassal għal tnaqqis fis-sehem mis-suq tal-UE-27 fil-produzzjoni tal-karozzi tal-passiġġieri fuq livell dinji, imkejjel f'termini ta' volum, minn 32.2 % għal 23.2 % (− 28.2 %; − 6.4 % tkabbir annwali). B'kuntrast, matul l-istess perjodu, is-sehem mis-suq taċ-Ċina żdied minn 12.0 % għal 24.6 % (+ 104.6 %; + 15.4 % tkabbir annwali), filwaqt li s-sehem mis-suq tal-produtturi prinċipali l-oħra naqas (Ġappun: − 27.7 % / − 6.3 % tkabbir annwali; Korea t'Isfel: − 5.9 % / − 1.2 % tkabbir annwali; USA: − 12.0 % / − 2.5 % tkabbir annwali) iżda, b'mod ġenerali, sa ċertu punt anqas milli għall-UE-27. Din id-dejta għalhekk turi tnaqqis rapidu fis-sehem mis-suq tal-UE fis-settur tal-produzzjoni tal-karozzi tal-passiġġieri fuq livell dinji.

    Sehem mis-suq fil-produzzjoni tal-karozzi tal-passiġġieri fuq livell dinji (volum)

    Sors: OICA

    6.           Is-sitwazzjoni ekonomika diffiċli tas-settur tal-manifattura tal-karozzi fl-UE, li hija prinċipalment dovuta għal tnaqqis konsistenti fil-bejgħ ta' karozzi tal-passiġġieri ġodda fl-UE bħala konsegwenza tal-kriżi ekonomika u għal problemi strutturali b'kapaċità eċċessiva ffaċċjati minn xi manifatturi f'diversi Stati Membri, affettwat b'mod negattiv il-kompetittività internazzjonali tal-industrija tal-karozzi tal-UE kollha kemm hi. Dawn il-fatturi wasslu għall-għeluq ta' impjanti u ristrutturazzjoni minn diversi manifatturi tal-karozzi u l-fornituri tagħhom, li rriżultaw f'numru kbir ta' telf ta' impjiegi fis-settur tal-manifattura tal-karozzi f'dawn l-aħħar snin. Pereżempju, bejn l-2008 u l-2013, in-numru ta' persuni impjegati fis-settur tal-manifattura tal-karozzi (NACE Rev. 2 diviżjoni 29 ‘Manifattura ta' vetturi bil-mutur, karrijiet u semitrejlers’) fl-UE-27 naqas b'madwar 220 000 minn 3.16 miljun għal 2.94 miljun (− 7.0 %)[4].

    7.           L-industrija tal-karozzi kienet is-suġġett ta' 17-il deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG mill-bidu tal-FEG fl-2007[5]. B'mod partikolari, it-tnaqqis fis-sehem mis-suq tal-UE fil-produzzjoni ta' karozzi tal-passiġġieri saret referenza għalih fi tmien deċiżjonijiet preċedenti tal-FEG[6].

    Numru ta' sensji u konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(c)

    8.           L-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament dwar il-FEG, li bih, f'ċirkustanzi eċċezzjonali, applikazzjoni tista' titqies bħala ammissibbli anki jekk ma jintlaħqux il-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikoli 2(a) jew 2(b) tar-Regolament dwar il-FEG, bil-kundizzjoni li s-sensji jkollhom impatt serju fuq l-impjiegi u l-ekonomija lokali.

    9.           L-applikazzjoni tirrigwarda 469 sensja li ngħataw matul perjodu ta' erba' xhur mill-1 ta’ Lulju 2013 sal-1 ta’ Novembru 2013 (li jinkludu 246 sensja f'Ford Genk u 223 sensja fi tmienja mill-fornituri tagħha) u 43 sensja li ngħataw wara dan il-perjodu, bejn l-1 ta’ Novembru 2013 u t-23 ta’ Diċembru 2013 (li jinkludu 26 sensja f'Ford Genk u 17-il sensja f'sebgħa mill-fornituri tagħha), iżda li huma relatati mal-istess proċedura ta' sensji kollettivi. Dan in-numru totali ta' 512-il sensja matul u wara l-perjodu ta' referenza jikkorrispondi għall-ewwel mewġa ta' sensji f'Ford Genk u l-fornituri tagħha[7] u għat-tnaqqis fil-forza tax-xogħol għand il-fornituri ta' Ford Genk minħabba tnaqqis tal-attivitajiet fl-impjant ta' Ford bi preparazzjoni għall-għeluq tiegħu.

    Intrapriża || Numru ta' sensji:

    || matul il-perjodu ta' referenza || wara l-perjodu ta' referenza || Total

    Ford Genk (Ford-Werke GmbH) || 246 || 26 || 272

    BASF Coatings Services NV || 1 || 0 || 1

    Belplas Industries BVBA || 0 || 1 || 1

    FACIL Europe BVBA || 9 || 0 || 9

    Henkel Industrieservice BVBA || 7 || 0 || 7

    IAC Group BVBA || 46 || 4 || 50

    Lear Corporation Belgium CVA || 33 || 5 || 38

    Service Magazijn Limburg NV || 73 || 1 || 74

    Syncreon Genk BVBA || 42 || 3 || 45

    Transport Service NV || 0 || 2 || 2

    Zender Industrie België NV || 12 || 1 || 13

    Total || 469 || 43 || 512

    10.         Is-sensji kollha kienu kkalkulati mid-data tat-terminazzjoni de facto tal-kuntratt ta' impjieg qabel l-iskadenza tiegħu, kif stabbilit fit-tieni inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament dwar il-FEG (‘metodu 2’).

    11.         L-applikazzjoni għalhekk tissodisfa parzjalment il-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament dwar il-FEG, billi tirrigwarda sensji mogħtija fuq perjodu ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru, iżda tagħmel deroga minn dawn il-kriterji fir-rigward tan-numru minimu ta' sensji matul il-perjodu ta' referenza billi hemm anqas minn 500 sensja.

    12.         L-awtoritajiet Belġjani jargumentaw li huma applikabbli ċirkustanzi eċċezzjonali minħabba li, għalkemm għal din l-ewwel mewġa ta' sensji, in-numru ta' sensji matul il-perjodu ta' referenza huwa anqas mil-limitu ta' 500 sensja, żewġ mewġiet oħra ta' sensji huma mistennija li jseħħu fl-2014 (madwar 650 sensja f'Ford Genk u l-fornituri tagħha) u fl-għeluq tal-impjant fl-aħħar tal-2014 (madwar 4 000 sensja f'Ford Genk u l-fornituri tagħha), li għalihom l-awtoritajiet Belġjani jistgħu jissottomettu applikazzjonijiet għall-FEG. Rigward din l-ewwel mewġa ta' sensji, minkejja li ma ntlaħaqx il-limitu ta' 500 sensja, l-awtoritajiet Belġjani xtaqu jimplimentaw kemm jista' jkun malajr miżuri speċifiċi favur dan l-ewwel grupp ta' ħaddiema ssensjati, sabiex iżidulhom il-possibbiltajiet li jsibu impjieg ġdid u biex jagħtu lill-ħaddiema ssensjati kollha l-istess opportunità. B'kollox, in-numru ta' sensji diretti mistennija li jkunu kkawżati mill-għeluq ta' Ford Genk huwa għoli ħafna (madwar 4 340 sensja f'Ford Genk u 2 820 sensja fil-fornituri tagħha li jinsabu fl-istess żona ġeografika). Skont analiżijiet li għamlu referenza għalihom l-awtoritajiet Belġjani[8], dawn is-sensji se jkollhom impatt serju fuq l-impjiegi u l-ekonomija lokali.

    Spjegazzjoni tan-natura mhux prevista ta' dawn is-sensji

    13.         L-awtoritajiet Belġjani jargumentaw li l-għeluq tal-impjant ta' Ford f'Genk ma setax ikun previst. F'Settembru 2010, il-maniġment ta' Ford u t-trejdjunjins rappreżentati fl-impjant ta' Ford Genk ikkonkludew ftehim dwar impenji ta' investiment għall-perjodu 2010-2014 li fih il-maniġment ta' Ford qabel li jżomm il-produzzjoni ta' tliet mudelli ta' karozzi (Mondeo, S-Max, Galaxy) fl-impjant ta' Genk u li jassenja l-produzzjoni ta' mudelli futuri fl-istess segment lill-impjant. Il-maniġment ta' Ford qabel ukoll li jżomm il-kapaċità installata f'livell ta' 225 000 unità fis-sena u li jassigura li ma jseħħu l-ebda sensji kollettivi f'Ford Genk matul il-perjodu ta' ftehim, u għal dan it-trejdjunjins qablu ma' tnaqqis fil-kostijiet tal-persunal[9]. Skont l-awtoritajiet Belġjani, f'Settembru 2012, il-maniġment ta' Ford ċaħad allegazzjonijiet rigward l-għeluq tal-impjant u kkonferma l-produzzjoni ppjanata tal-mudell tal-ġenerazzjoni li jmiss ta' Mondeo fl-impjant ta' Genk minn Ottubru 2013. Madankollu, f'Ottubru 2012, Ford ħabbret il-pjan tagħha li tagħlaq l-impjant ta' Genk fl-aħħar tal-2014 u li tassenja l-produzzjoni ta' mudelli ta' karozzi ġodda lil impjanti oħra fl-UE[10].

    Identifikazzjoni tal-ħaddiema mmirati

    14.         L-awtoritajiet Belġjani jistmaw li 479 mill-512-il ħaddiem li ngħataw is-sensja matul din l-ewwel mewġa ta' sensji (jiġifieri l-ħaddiema mmirati) se jipparteċipaw fil-miżuri li għandhom jiġu kofinanzjati mill-FEG[11].

    15.         It-tqassim tal-ħaddiema mmirati skont is-sess, in-nazzjonalità u l-grupp ta' etajiet huwa kif ġej:

    Kategorija || Numru ta' ħaddiema mmirati

    Sess: || Irġiel: || 401

    || Nisa: || 78

    Nazzjonalità: || Ċittadini tal-UE: || 479

    || Ċittadini mhux mill-UE: || 0

    Grupp ta' etajiet: || 15-24 sena: || 3

    || 25-54 sena: || 470

    || 55-64 sena: || 6

    || Aktar minn 64 sena: || 0

    16.         Sebgħa mill-ħaddiema mmirati għandhom problema tas-saħħa jew diżabilità fit-tul.

    17.         It-tqassim tal-ħaddiema mmirati skont il-kategorija okkupazzjonali[12] huwa kif ġej:

    Grupp prinċipali ta' ISCO-08 || Numru ta' ħaddiema mmirati

    1 Maniġers || 0

    2 Professjonisti || 39

    3 Tekniċi u professjonisti assoċjati || 59

    4 Ħaddiema ta' appoġġ klerikali || 3

    5 Ħaddiema tal-bejgħ u s-servizzi || 0

    7 Ħaddiema tas-sengħa u snajja' relatati || 39

    8 Operaturi u assemblaturi ta' impjanti u magni || 253

    9 Impjiegi elementari || 4

    Mhux magħruf / mhux disponibbli || 82

    18.         Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, l-awtoritajiet Belġjani kkonfermaw li l-prinċipji tat-trattament indaqs u n-nondiskriminazzjoni se jiġu rrispettati fl-aċċess għall-miżuri proposti u l-implimentazzjoni tagħhom.

    Deskrizzjoni tat-territorju kkonċernat u l-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu

    19.         Is-sensji f'Ford Genk u l-fornituri tagħha jaffettwaw prinċipalment il-provinċja ta' Limburg, fir-Reġjun Fjamming, fil-Grigal tal-Belġju. Il-provinċja ta' Limburg qabel kienet żona ta' tħaffir għall-faħam li l-impjiegi fiha huma dipendenti ħafna fuq l-industrija tradizzjonali. Skont l-awtoritajiet Belġjani, meta mqabbla mal-medja Fjamminga, il-provinċja ta' Limburg hija kkaratterizzata minn livell għoli ta' qgħad, minn livelli ta' kwalifiki u livelli ta' ħiliet aktar baxxi, u minn provvista anqas żviluppata ta' servizzi edukattivi. Barra minn hekk, l-intrapriżi fil-provinċja ta' Limburg jidhru li huma ġeneralment anqas innovattivi u għandhom grad aktar baxx ta' internazzjonalizzazzjoni meta mqabbel mal-medja Fjamminga (f'termini ta' sehem tal-esportazzjonijiet u l-livell ta' investimenti barranin eżoġeni) u n-numru ta' intrapriżi li jibdew huwa wkoll relattivament baxx. Skont l-awtoritajiet Belġjani, il-provinċja ta' Limburg hija wkoll relattivament ma tantx aċċessibbli minħabba żvilupp infrastrutturali dgħajjef.

    20.         L-awtorità responsabbli għall-applikazzjoni tal-FEG hija l-Aġenzija tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) tal-Fjandri. Il-korpi prinċipali responsabbli għall-implimentazzjoni tal-miżuri kofinanzjati mill-FEG huma s-Servizz Fjamming għall-Impjiegi u t-Taħriġ Vokazzjonali (VDAB) u l-Uffiċċju Nazzjonali għall-Impjiegi (RVA).

    21.         Organizzazzjonijiet oħra involuti fil-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni ġenerali tal-miżuri proposti jinkludu:

    – il-Gvern Fjamming (Ministru-President, Ministru għax-Xogħol);

    – il-Provinċja ta' Limburg;

    – it-trejdjunjins (ABVV, ACV, ACLVB);

    – il-Kumitat Reġjonali għall-Konsultazzjoni Soċjoekonomika (RESOC) u l-Kunsill Soċjoekonomiku tar-Reġjun ta' Limburg (SERR Limburg);

    – il-Fond għall-Impjiegi u t-Taħriġ għall-Industrija tal-Metall ta' Limburg (FTML) u l-Istitut ta' Limburg għat-Taħriġ tal-Impjegati fl-Industrija tal-Metall (LIMOB);

    – il-pjattaforma ‘Limburg Imprenditorjali Ġdida’ (li tlaqqa' flimkien il-Federazzjoni tat-Teknoloġija Industrijali, l-Unjoni tal-Bdiewa Fjammingi, il-Konfederazzjoni tal-Bennejja ta' Limburg, l-Unjoni Fjamminga tal-Impjegaturi li Jaħdmu għal Rashom – Limburg, il-Lega tal-Impjegaturi Nsara – Limburg, u l-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija Fjamminga – Limburg).

    22.         Il-Gvern Fjamming stabbilixxa wkoll taskforce speċifika li tlaqqa' flimkien il-partijiet interessati rilevanti kollha (sħab soċjali, gruppi ta' impjegaturi, awtoritajiet lokali u reġjonali, assoċjazzjonijiet settorjali, eċċ.). Is-servizzi tal-Kummissjoni ġew assoċjati fil-ħidma tat-taskforce.

    Impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

    23.         Ford Genk kienet l-akbar impjegatur fil-provinċja ta' Limburg, u kienet tirrappreżenta 1.7 % tan-numru totali ta' persuni impjegati. Hija kienet responsabbli wkoll għal 10 % tal-fatturat totali tal-500 l-akbar intrapriża f'Limburg.

    24.         Skont studju msemmi mill-awtoritajiet Belġjani[13], għal kull 100 impjieg li huwa mistenni li jintilef f'Ford Genk, ikun hemm 65 impjieg mitluf għand il-fornituri diretti u indiretti tagħha f'Limburg u 72 impjieg addizzjonali mitluf għand il-fornituri tagħha xi mkien ieħor fir-Reġjun Fjamming. F'termini tan-numru ta' persuni impjegati, kif jidher fit-tabella ta' hawn taħt, dan ikun ifisser li l-4 340 impjieg dirett li mistennija li jintilfu b'riżultat tal-għeluq tal-impjant ta' Ford Genk ikunu akkumpanjati minn telf addizzjonali ta' madwar 2 820 impjieg għand fornituri li jinsabu f'Limburg u 3 110 impjiegi għand fornituri li jinsabu xi mkien ieħor fir-Reġjun Fjamming, li jtella' n-numru totali ta' telf ta' impjiegi fir-Reġjun Fjamming għal madwar 10 270 (multiplikatur tal-impjiegi ta' 2.4). Barra minn hekk, it-tnaqqis fil-kapaċità tal-akkwist (nefqa fuq il-konsum) huwa mistenni li jwassal għal telf ta' madwar 1 040 impjieg f'Limburg u 450 impjieg fil-bqija tar-Reġjun Fjamming, li jtella' n-numru totali ta' telf ta' impjiegi fir-Reġjun Fjamming għal madwar 11 760 (multiplikatur tal-impjiegi ta' 2.7).

    Tip ta' effett fuq l-impjiegi || Numru stmat ta' telf ta' impjiegi

    Telf dirett ta' impjiegi (f'Ford Genk) || 4 340

    Telf indirett ta' impjiegi (għand fornituri f'Limburg) || 2 820

    Telf indirett ta' impjiegi (għand fornituri fil-bqija tar-Reġjun Fjamming) || 3 110

    Telf indott ta' impjiegi (f'Limburg) || 1 040

    Telf indott ta' impjiegi (fil-bqija tar-Reġjun Fjamming) || 450

    Total || 11 760

    25.         B'kollox għalhekk, jistgħu jintilfu madwar 8 200 impjieg fil-provinċja ta' Limburg, li jista' jwassal għal żieda ta' bejn 1.8 u 2 punti perċentwali fir-rata tal-qgħad f'Limburg (jiġifieri żieda ta' bejn 26.5 % sa 29.4 % fir-rata tal-qgħad reġjonali, minn 6.8 % għal 7.9 %, li hija biss għat-telf dirett ta' impjiegi f'Ford Genk, jew 8.6 % li jinkludi t-telf indirett ta' impjiegi għand il-fornituri tagħha, jew 8.8 % li jinkludi t-telf indott ta' impjiegi).

    26.         B'mod aktar ġenerali, l-għeluq ta' Ford Genk huwa mistenni wkoll li jwassal għal tnaqqis fil-benesseri ekonomiku ta' bejn 2.6 % u 2.9 % (minħabba t-tnaqqis fl-output u l-kapaċità tal-akkwist), u tnaqqis ta' 10.9 % fit-tkabbir fil-produttività tax-xogħol (f'termini ta' valur miżjud).

    Servizzi personalizzati li għandhom jiġu ffinanzjati u analiżi tal-kostijiet stmati

    27.         Se jiġu kofinanzjati mill-FEG biss xi wħud mill-miżuri li jiffurmaw parti mill-azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati mill-awtoritajiet Belġjani biex jappoġġaw lill-ħaddiema mogħtija s-sensja minħabba l-għeluq tal-impjant ta' Ford Genk. Miżuri li huma obbligatorji skont proċeduri dwar is-sensji kollettivi fil-Belġju[14], kif ukoll miżuri supplimentari li huma ffinanzjati b'mezzi oħra għajr il-FEG[15], għalhekk mhumiex inklużi f'din l-applikazzjoni għall-FEG. Is-sett globali ta' miżuri (miżuri obbligatorji, miżuri supplimentari, miżuri tal-FEG) huwa mmaniġġat mill-VDAB.

    28.         Is-servizzi personalizzati pprovduti lill-ħaddiema mogħtija s-sensja bħala parti mill-azzjonijiet li għandhom jiġu kofinanzjati mill-FEG għall-ewwel grupp ta' sensji[16] jikkonsistu fil-miżuri li ġejjin (miġburin flimkien skont il-kategorija):

    (1) Għajnuna għat-tfittix ta' impjieg:

    – Maniġer tal-Kont Prinċipali: Bħala parti mill-inizjattiva ‘Jobs voor Limburg’, Maniġer tal-Kont fil-VDAB se jassigura l-koordinazzjoni tal-offerti ta' impjieg li jirċievu l-intrapriżi li jkunu esprimew interess li jirreklutaw ħaddiema mogħtija s-sensja minn Ford Genk jew il-fornituri tagħha, u se jiżviluppa inizjattivi sabiex jappoġġa din l-attività (eż. billi jimmaniġġa s-servizz ta' kuntatt bl-email iddedikat).

    – Konsulent għall-Intervent Soċjali (SIA): Il-Konsulenti għall-Intervent Soċjali fil-VDAB se jipprovdu l-attivitajiet li ġejjin lill-ħaddiema mmirati kollha: (i) sessjoni ta' informazzjoni qabel is-sensji (assistenza inizjali pprovduta mill-Unitajiet tal-Impjiegi, il-mili ta' fajl amministrattiv bażiku bħala prereġistrazzjoni għas-sistema tal-qgħad, informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi taħt il-miżuri ġenerali fi ħdan il-programm dwar is-sensji, gwida dwar is-sejbien ta' impjieg ġdid, eċċ.); (ii) sessjoni ta' informazzjoni wara s-sensji (organizzata mal-RVA) dwar id-drittijiet u l-obbligi ta' persuna qed tfittex impjieg, il-benefiċċji tal-qgħad, is-servizzi disponibbli ta' għajnuna u appoġġ, l-opportunitajiet ta' taħriġ, eċċ.; (iii) intervisti individwali mal-ħaddiema li ngħataw is-sensja u preżentazzjoni tas-servizzi tal-VDAB skont il-ħtiġijiet ta' kull ħaddiem; (iv) funzjoni ta' helpdesk.

    – Informazzjoni dwar l-opzjonijiet ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali: L-impjegaturi potenzjali se jipprovdu sessjonijiet ta' informazzjoni fi grupp fuq il-post tax-xogħol (impjant ta' Ford Genk, qabel jew wara x-xiftijiet) lill-ħaddiema kollha fil-mira; sar taħriġ intern għal żmien qasir għand l-operatur tan-netwerk tal-ferrovija Infrabel bejn Lulju 2013 u l-ħarifa 2013 (80 ħaddiem fil-mira).

    – Gwida attiva orjentata lejn l-impjiegi: Il-persunal tal-VDAB se jipprovdi s-servizzi li ġejjin lil madwar 150 ħaddiem fil-mira: (i) tfittxija għall-offerti ta' impjieg; (ii) kuntatti ma' impjegaturi potenzjali; (iii) organizzazzjoni ta' żjarat f'intrapriżi; (iv) żvilupp ta' miżuri oħra ta' promozzjoni; (v) gwida individwalizzata lil persuni li jsibu impjieg (tliet xhur).

    (2) Taħriġ u taħriġ mill-ġdid:

    – Korsijiet ta' taħriġ vokazzjonali: Il-VDAB se jipprovdi korsijiet ta' taħriġ vokazzjonali f'oqsma li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet tal-ħaddiema mmirati, kif identifikati matul l-attività ta' informazzjoni, gwida u konsulenza vokazzjonali. Il-korsijiet ta' taħriġ se jiġu pprovduti jew b'mod intern mill-VDAB jew se jingħataw lil fornituri tat-taħriġ esterni permezz ta' proċedura ta' offerti. Il-korsijiet ta' taħriġ vokazzjonali se jiġu pprovduti lil madwar 100 sa 110 ħaddiem fil-mira. Barra minn hekk, madwar 30 ħaddiem addizzjonali se jipparteċipaw f'internships ta' bejn ftit jiem sa ftit ġimgħat; kull internship se jiġi mmonitorjat minn mentor fl-intrapriża fejn jitwettqu l-internships u se jiġi segwit minn kowċ mill-VDAB jew il-fornitur estern.

    – Impjieg permezz ta' taħriġ vokazzjonali individwali: Bħala parti minn skema ġenerali mmaniġġjata mill-VDAB (‘individuele beroepsopleiding’ – IBO), l-intrapriżi se jipprovdu korsijiet ta' taħriġ individwali fuq il-post tax-xogħol bejn xahar u sitt xhur (imwettqa minn jew taħt is-superviżjoni ta' mentor) lil madwar 75 ħaddiem fil-mira. Fl-aħħar tal-kors ta' taħriġ fuq il-post tax-xogħol, l-intrapriża trid toffri kuntratt ta' impjieg għal terminu fiss jew indefinit lill-parteċipant fil-kors.

    – Taħriġ fl-applikazzjonijiet: Il-kuntratturi esterni se jipprovdu taħriġ dwar il-ħiliet għat-tfittxija ta' impjieg lil madwar 75 ħaddiem fil-mira fil-forma ta' sessjonijiet ta' ħidma kollettivi (eżerċizzji fi grupp, simulazzjonijiet, eċċ.) b'attenzjoni speċjali lil gruppi bħal kelliema mhux nattivi tal-Olandiż jew persuni akbar fl-età li jkunu qegħdin ifittxu impjieg; l-applikazzjonijiet għall-impjieg se jiġu segwiti minn kowċ.

    29.         Dawn il-miżuri jikkostitwixxu miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli definiti mill-Artikolu 3 tar-Regolament dwar il-FEG.

    30.         Il-kostijiet totali tal-miżuri huma stmati għal EUR 1 141 890, li jinkludi n-nefqa għas-servizzi personalizzati ta' EUR 1 085 890 u n-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG (attivitajiet preparatorji, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, u attivitajiet ta' kontroll) ta' EUR 56 000 (4.9 % tal-kostijiet totali). Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mitluba mill-FEG hija ta' EUR 570 945 (50 % tal-kostijiet totali).

    Miżuri || Numru stmat ta' ħaddiema mmirati || Kost stmat għal kull ħaddiem immirat (EUR)* || Kostijiet totali (FEG u kofinanzjament nazzjonali) (EUR)*

    Servizzi personalizzati: || || ||

    (1) Għajnuna għat-tfittix ta' impjieg: || || ||

    –     Maniġer tal-Kont Prinċipali || 479 || 47 || 22 400

    –     Konsulent għall-Intervent Soċjali (SIA) || 479 || 184 || 88 000

    –     Informazzjoni dwar l-edukazzjoni vokazzjonali u l-opzjonijiet ta' taħriġ || 479 || 4 || 1 900

    –     Gwida attiva orjentata lejn l-impjiegi || 150 || 1 000 || 150 000

    (2) Taħriġ u taħriġ mill-ġdid: || || ||

    –     Korsijiet ta' taħriġ vokazzjonali || 30-110 || N/A || 718 094

    –     Impjieg permezz ta' taħriġ vokazzjonali individwali || 75 || 470 || 35 272

    –     Taħriġ fl-applikazzjonijiet || 75 || 936 || 70 224

    Subtotal: || – || – || 1 085 890

    Nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG: || || ||

    1. Attivitajiet preparatorji || – || – || 0

    2. Ġestjoni || – || – || 40 000

    3. Informazzjoni u pubbliċità || – || – || 6 000

    4. Attivitajiet ta' kontroll || – || – || 10 000

    Subtotal: || – || – || 56 000

    Kostijiet totali: || – || – || 1 141 890

    Kontribuzzjoni tal-FEG (50 % tal-kostijiet totali) || – || – || 570 945

    * Ċifri mogħtija għad-dritt.

    31.         L-awtoritajiet Belġjani kkonfermaw li l-miżuri huma kumplimentari mal-azzjonijiet ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u li hemm fis-seħħ mekkaniżmi xierqa biex jimpedixxu l-finanzjament doppju.

    Data meta s-servizzi personalizzati għall-ħaddiema mmirati nbdew jew huma ppjanati li jibdew

    32.         L-awtoritajiet Belġjani bdew jipprovdu s-servizzi personalizzati lill-ħaddiema fil-mira fl-1 ta’ Lulju 2013. In-nefqa fuq dawn il-miżuri għalhekk hija eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG minn dik id-data.

    Proċeduri għall-konsultazzjoni tas-sħab soċjali

    33.         Il-VDAB informa lis-sħab soċjali rappreżentati f'SERR Limburg dwar l-għanijiet u l-miżuri proposti tal-applikazzjoni tal-FEG. Ir-rappreżentanti ta' kull imsieħeb soċjali rappreżentat f'SERR Limburg jipparteċipaw f'Kumitat ta' Monitoraġġ speċifikament imwaqqaf għall-applikazzjoni tal-FEG. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-FEG ġiet diskussa mas-sħab soċjali bħala parti mir-rappurtaġġ regolari dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Strateġiku ta' Limburg (‘Strategisch Actieplan Limburg in het Kwadraat’ – SALK) li kien stabbilit biex jindirizza l-impatt reġjonali tal-għeluq tal-impjant ta' Ford Genk.

    34.         L-awtoritajiet Belġjani kkonfermaw li r-rekwiżiti stabbiliti fil-leġislazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi kienu rrispettati.

    Informazzjoni dwar l-azzjonijiet li huma obbligatorji bis-saħħa tal-liġi nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi

    35.         L-awtoritajiet Belġjani kkonfermaw li:

    – il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhux se tissostitwixxi l-miżuri li huma r-responsabbiltà tal-intrapriżi bis-saħħa tal-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi;

    – il-miżuri jipprovdu appoġġ lil ħaddiema individwali u ma jintużawx għar-ristrutturar ta' intrapriżi jew setturi;

    – il-miżuri mhux se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni.

    Sistemi ta' ġestjoni u kontroll

    36.         L-applikazzjoni tinkludi deskrizzjoni dettaljata tas-sistema ta' ġestjoni u kontroll li tispeċifika r-responsabbiltajiet tal-korpi involuti. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tiġi mmaniġġata u kkontrollata mill-istess korpi bħal tal-FSE. Entità waħda fi ħdan l-Aġenzija tal-FSE tal-Fjandri se taġixxi bħala awtorità maniġerjali u entità separata oħra fi ħdan l-Aġenzija tal-FSE tal-Fjandri se taġixxi bħala awtorità taċ-ċertifikazzjoni.

    Finanzjament

    37.         L-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[17] jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) sal-limitu massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011) minbarra l-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju.

    38.         Meta jitqiesu l-ammont massimu possibbli ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG u l-kamp ta' applikazzjoni għar-riallokazzjoni ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-FEG għall-ammont totali tal-kontribuzzjoni mitluba (EUR 570 945), li jirrappreżenta 50 % tal-kostijiet totali tal-miżuri.

    39.         Id-deċiżjoni proposta ta' mobilizzazzjoni tal-FEG se tittieħed b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, kif stabbilit fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[18].

    40.         Il-Kummissjoni tippreżenta separatament talba għal trasferiment sabiex tidħol fl-approprjazzjonijiet ta' impenn speċifiċi għall-baġit tal-2014, kif mitlub skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013.

    Sors tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet

    41.         Approprjazzjonijiet allokati għal-linja baġitarja tal-FEG fil-baġit tal-2014 se jintużaw biex ikopru l-ammont ta' EUR 570 945.

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-Punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/012 BE/Ford Genk mill-Belġju)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[19], u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[20], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[21],

    Billi:

    (1)       Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġie stabbilit sabiex jipprovdi appoġġ addizzjonali lil ħaddiema li jingħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali maġġuri fil-mudelli kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u biex jassistihom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

    (2)       Il-FEG m'għandux jaqbeż ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[22].

    (3)       Il-Belġju ssottometta applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward tas-sensji fl-intrapriża Ford-Werke GmbH u 10 fornituri, fit-23 ta’ Diċembru 2013 u ssupplimentaha b'informazzjoni addizzjonali sat-12 ta’ Ġunju 2014. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni, għalhekk, tipproponi li timmobilizza ammont ta' EUR 570 945.

    (4)       Il-FEG għalhekk għandu jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni ppreżentata mill-Belġju,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi s-somma ta' EUR 570 945 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagamenti.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew                            Għall-Kunsill

    Il-President                                                    Il-President

    [1]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

    [2]               Ford-Werke GmbH, sussidjarja ta' Ford of Europe AG, għandha s-sede rreġistrata tagħha f'Cologne (il-Ġermanja). Hija topera l-impjanti tal-produzzjoni ta' Ford f'Cologne u Saarlouis (il-Ġermanja) u f'Genk (il-Belġju).

    [3]               Sors: Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Manifatturi tal-Vetturi bil-Mutur (OICA).

    [4]               Sors: Eurostat (kodiċi tad-dejta onlajn: lfsa_egan22d).

    [5]               Ara l-bażi ta' dejta tal-FEG, disponibbli minn http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=582.

    [6]               Ara l-abbozz ta' proposti tal-Kummissjoni dwar il-każijiet EGF/2007/001 FR/fornituri tal-Peugeot (Deċiżjoni COM(2007) 415 finali tat-12.7.2007), EGF/2007/010 PT/Lisboa-Alentejo (Deċiżjoni COM(2008) 94 finali tal-20.2.2008), EGF/2008/002 ES/Delphi (Deċiżjoni COM(2008) 547 finali tad-9.9.2008), EGF/2008/004 ES/Castilla y León / Aragón (Deċiżjoni COM(2009) 150 finali tal-26.3.2009), EGF/2009/013 DE/Karmann (Deċiżjoni COM(2010) 7 finali tat-22.1.2010), EGF/2012/004 ES/Grupo Santana (Deċiżjoni COM(2014) 116 final tal-5.3.2014), EGF/2012/005 SE/Saab (Deċiżjoni COM(2012) 622 final tad-19.10.2012), EGF/2012/008 IT/De Tomaso automobili (Deċiżjoni COM(2013) 469 final tat-28.6.2013).

    [7]               Tluq volontarju bħala parti mill-programm ta' sensji maqbul bejn is-sħab soċjali.

    [8]               Ara l-paragrafi 0-26.

    [9]               Ara l-avviż għall-istampa disponibbli fis-sit https://media.ford.com/content/fordmedia/fna/us/en/news/2010/11/30/ford-genk-agreement-shows-confidence-and-commitment-to-flanders-.html.

    [10]             Ara l-avviż għall-istampa disponibbli fis-sit https://media.ford.com/content/fordmedia/fna/us/en/news/2012/10/24/ford-plans-to-restructure-european-manufacturing-operations.html.

    [11]             Skont l-Artikolu 3a(b) tar-Regolament dwar il-FEG, f'każijiet fejn applikazzjoni skont l-Artikolu 2(c) tar-Regolament dwar il-FEG tidderoga mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(a) tiegħu, il-ħaddiema li jingħataw is-sensja wara l-perjodu ta' referenza jistgħu jiġu inklużi fil-grupp ta' ħaddiema eliġibbli, bil-kundizzjoni li s-sensji jkunu seħħew wara t-tħabbira ġenerali tas-sensji ppjanati u tkun tista' tiġi stabbilita rabta kawżali ċara mal-avveniment li wassal għas-sensji matul il-perjodu ta' referenza. Hekk kif jintlaħqu dawn il-kundizzjonijiet, it-43 ħaddiem li ngħataw is-sensja wara l-perjodu ta' referenza jistgħu għalhekk jibbenefikaw mill-miżuri li għandhom jiġu kofinanzjati mill-FEG.

    [12]             Gruppi prinċipali tal-klassifikazzjoni internazzjonali standard tal-impjiegi (ISCO-08).

    [13]             Peeters, L., Vancauteren, M., ‘Studie van de economische impact van de sluiting van Ford Genk’, Universiteit Hasselt, November 2013, disponibbli fis-sit http://www.uhasselt.be/documents/kizok/impactstudie.pdf.

    [14]             Bħala parti mill-obbligi legali għall-impjegaturi li jagħtu sensji kollettivi, Ford Genk u l-fornituri tagħha kollha kellhom iwaqqfu Unità tal-Impjiegi (tewerkstellingscel) li se tipprovdi servizzi ta' sejbien ta' impjieg ġdid lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja (għajnuna għat-tfittix ta' impjieg u parir dwar il-karrieri, allowance ta' attivazzjoni ekwivalenti għall-paga ta' tliet jew sitt xhur, tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiem u l-impjegatur jekk il-ħaddiem isib impjieg ma' impjegatur ġdid, rimborż parzjali tal-kostijiet tas-sejbien ta' impjieg ġdid għall-impjegatur li jkeċċi). L-Unitajiet tal-Impjiegi jlaqqgħu flimkien l-impjegatur u t-trejdjunjins rilevanti; l-attivitajiet tagħhom huma implimentati mill-VDAB (ċerti attivitajiet huma esternalizzati lil aġenziji tas-sejbien ta' impjieg ġdid).

    [15]             Dawn il-miżuri jinkludu t-twaqqif u l-immaniġġar tas-sit elettroniku ‘Werkpuntlimburg’ (http://herstructureringenlimburg.vdab.be), l-organizzazzjoni tal-fieri tax-xogħol, it-taħriġ b'finanzjament imħallat (VDAB / Provinċja ta' Limburg), korsijiet ta' taħriġ f'kooperazzjoni ma' fondi għat-taħriġ settorjali (eż. FTML, LIMOB), sett ta' miżuri speċifiċi għaż-żgħażagħ, u appoġġ għall-intraprenditorija u l-istabbiliment ta' negozji proprji.

    [16]             F'din l-applikazzjoni għall-FEG ġew inklużi biss il-kostijiet tal-miżuri li jirrigwardaw l-ewwel grupp ta' sensji (479 ħaddiem fil-mira). Il-ħaddiema affettwati fil-mewġiet suċċessivi ta' sensji jistgħu jiġu inklużi f'applikazzjonijiet sussegwenti possibbli għall-FEG.

    [17]             ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

    [18]             ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

    [19]             ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

    [20]             ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

    [21]             ĠU C […], […], p. […].

    [22]             ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

    Top