Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0454

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-inċova fil-Bajja ta Biscay għall-istaġun tas-sajd 2014/15

    /* COM/2014/0454 final - 2014/0211 (NLE) */

    52014PC0454

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-inċova fil-Bajja ta Biscay għall-istaġun tas-sajd 2014/15 /* COM/2014/0454 final - 2014/0211 (NLE) */


    MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Ir-Regolamenti tal-Kunsill dwar l-opportunitajiet tas-sajd adottati matul it-tieni nofs ta' kull sena ma għadhomx jinkludu t-TAC għall-inċova fil-Bajja ta' Biscay minħabba ċ-ċiklu annwali differenti segwit mill-bijoloġija ta' dan l-istokk u l-parir xjentifiku dwaru. Jeħtieġ li tiġi stabbilita TAC għall-inċova kull sena, lejn Lulju.

    Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 713/2013, il-Kunsill stabbilixxa t-TAC għas-sajd li jisfrutta dan l-istokk applikabbli mill-1 ta' Lulju 2013 sat-30 ta' Ġunju 2014. It-TAC u l-allokazzjoni tagħha lill-Istati Membri kkonċernati issa jridu jiġu ffissati għat-12-il xahar li jmiss.

    2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Wara li jiġu kkunsidrati l-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd, stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-11 ta' Diċembru 2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-parir xjentifiku disponibbli u billi jitqiesu l-aspetti bijoloġiċi u soċjoekonomiċi, filwaqt li jkun żgurat trattament ġust bejn is-setturi tas-sajd.

    Għall-istokk tal-inċova fil-Bajja ta' Biscay, il-parir xjentifiku hu bbażat fuq l-istaġun tas-sajd li jibda fl-1 ta' Lulju 2014 u jintemm fit-30 ta' Ġunju 2015. Il-parir preliminari mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) jistma li l-bijomassa ta' stokk riproduttiv tal-inċova fil-Bajja ta' Biscay fl-2014, fiż-żmien ta' riproduzzjoni, hija ta' 66 158 tunnellata.

    Fl-2009, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Regolament li jistabbilixxi pjan fit-tul għall-istokk tal-inċova fil-Bajja ta' Biscay u s-sajd li jisfrutta dak l-istokk li fuqu hija bbażata t-TAC proposta. Għaldaqstant, huwa xieraq li tiġi ffissata TAC ta' 20 100 tunnellata għall-istaġun tas-sajd tal-2014/2015 li tikkorrispondi għal żieda ta' madwar 18% mit-TAC preċedenti.

    Billi l-istaġun tas-sajd jibda fl-1 ta' Lulju 2014, huwa xieraq li t-TAC tiġi adottata kemm jista' jkun malajr.

    Finalment, ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013.  Permezz tal-Artikolu 15 tiegħu, l-obbligu ta’ żbark tal-qabdiet kollha (“l-obbligu ta' żbark”) se jkun applikabbli għas-sajd tal-inċova fil-Bajja ta’ Biscay mill-1 ta’ Jannar 2015 u, għalhekk, wara din id-data ma tista' tapplika l-ebda regola li s’issa obbligat lis-sajjieda biex jarmu lura fil-baħar.

    2014/0211 (NLE)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-inċova fil-Bajja ta Biscay għall-istaġun tas-sajd 2014/15

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)       Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[1] jeżiġi li jiġu adottati miżuri ta' konservazzjoni filwaqt li jittieħed kont tal-pariri xjentifiċi, tekniċi u ekonomiċi disponibbli, inklużi, fejn ikunu rilevanti, rapporti mfassla mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF).

    (2)       Il-Kunsill għandu r-responsabbiltà li jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, inklużi ċerti kundizzjonijiet li huma funzjonalment marbuta magħhom, kif xieraq. L-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu allokati lill-Istati Membri b'tali mod li tiġi żgurata stabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd ta' kull Stat Membru għal kull stokk ta' ħut jew għal kull attività tas-sajd u filwaqt li jitqiesu kif xieraq l-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

    (3)       Il-qabdiet totali permissibbli (TACs) għandhom ikunu stabbiliti abbażi tal-parir xjentifiku disponibbli u billi jitqiesu l-aspetti bijoloġiċi u soċjoekonomiċi filwaqt li jiġi żgurat trattament ġust bejn is-setturi tas-sajd.

    (4)       Il-parir preliminari mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) jistma li l-bijomassa ta' stokk riproduttiv tal-inċova fil-Bajja ta' Biscay fl-2014, fiż-żmien ta' riproduzzjoni, hija ta' 66 158 tunnellata. Fl-2009, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Regolament li jistabbilixxi pjan fit-tul għall-istokk tal-inċova fil-Bajja ta' Biscay u s-sajd li jisfrutta dak l-istokk. Abbażi ta' dik il-proposta, huwa xieraq li tiġi ffissata TAC ta' 20 100 tunnellata għall-istaġun tas-sajd tal-2014/2015 li tikkorrispondi għal żieda ta' madwar 18% mit-TAC preċedenti

    (5)       Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96[2], jeħtieġ li jiġi stabbilit sa fejn l-istokk tal-inċova fil-Bajja ta' Biscay huwa soġġett għall-miżuri stabbiliti f'dak ir-Regolament.

    (6)       Mill-1 ta’ Jannar 2015, is-sajd għall-inċova fil-Bajja ta’ Biscay se jkun soġġett għall-obbligu tal-iżbark previst fl-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u għalhekk, skont il-kundizzjonijiet speċifikati f'dak ir-Regolament, il-qabdiet f'dak is-sajd għandhom jinżammu abbord, jiġu rreġistrati, jinħattu l-art u jingħaddu skont il-kwoti.

    (7)       Minħabba l-bidu tal-istaġun tas-sajd 2014/15 u għall-finijiet tar-rappurtar annwali tal-qabdiet, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun wara l-pubblikazzjoni tiegħu u għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2014,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1 L-opportunitajiet tas-sajd għall-inċova fil-Bajja ta' Biscay

    Il-qabda totali permissibbli (TAC) u l-allokazzjoni tagħha bejn l-Istati Membri għall-istaġun tas-sajd li jibda fl-1 ta' Lulju 2014 u jintemm fit-30 ta' Ġunju 2015 għall-istokk tal-inċova fis-Subżona VIII tal-ICES kif definit fir-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[3], għandhom ikunu kif ġej (f'tunnellati ta' piż ta' ħut ħaj):

    Speċi: || Inċova Engraulis encrasicolus || Żona tal-ICES: || VIII (ANE/08.)

    Spanja || 18 090 || || TAC Analitika

    Franza || 2 010 ||

    UE || 20 100 ||

    || ||

    TAC || 20 100 ||

    Artikolu 2 Dispożizzjonijiet speċjali dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd

    L-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri kif stipulat fl-Artikolu 1 għandha tkun bla preġudizzju għal:

    (a)          skambji magħmula skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

    (b)          tnaqqis u riallokazzjonijiet magħmula skont l-Artikolu 37 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009[4];

    (c)          riallokazzjonijiet magħmula b’konformità mal-Artikolu 10(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008[5];

    (d)          żbarki addizzjonali permessi skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96;

    (e)          kwantitajiet miżmuma skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96;

    (f)          tnaqqis magħmul skont l-Artikoli 105, 106 u 107 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

    (g)          trasferimenti u skambji ta' kwoti skont l-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 43/2014.[6]

    Artikolu 3 Tmexxija minn sena għal sena

    L-istokk imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jitqies li hu soġġett għal TAC analitika għall-finijiet tar-Regolament (KE) Nru 847/96. Għandhom japplikaw l-Artikolu 3(2) u (3) u l-Artikolu 4 ta' dak ir-Regolament.

    Artikolu 4 Żbark tal-qabdiet u tal-qabdiet inċidentali qabel l-1 ta' Jannar 2015

    Mill-1 ta’ Lulju 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2014, il-ħut mill-istokk imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jinżamm abbord jew jinħatt l-art biss jekk:

    (a)          il-qabdiet ikunu saru minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru li għandu kwota għalihom u dik il-kwota ma tkunx ġiet eżawrita; jew

    (b)          il-qabdiet ikunu jikkonsistu fi kwota tal-Unjoni li ma ġietx allokata permezz ta’ kwota fost l-Istati Membri, u dik il-kwota tal-Unjoni ma tkunx ġiet eżawrita.

    Artikolu 5 Trażmissjoni tad-dejta

    Meta, skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri jressqu dejta lill-Kummissjoni dwar l-iżbark tal-kwantitajiet ta' stokkijiet li nqabdu, dawn għandhom jużaw il-kodiċi tal-istokk "ANE/08".

    Artikolu 6 Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2014 sat-30 ta’ Ġunju 2015.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

    [2]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 tas-6 ta’ Mejju 1996 li jintroduċi kondizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena tat-TAC u l-kwoti (ĠU L 115, 9.5.1996, p. 3).

    [3]               Ir-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni ta' statistiċi ta' qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu fil-Grigal tal-Atlantiku (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 70).

    [4]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1

    [5]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93 u (KE) Nru 1627/94 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 3317/94 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33).

    [6]               Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 43/2014 tal-20 ta’ Jannar 2014 li jiffissa għall-2014 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni (ĠU L 24, 28.01.2014, p. 1).

    Top