Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0291

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fit-twettiq konġunt tal-impennji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima

    /* COM/2014/0291 final - 2014/0152 (NLE) */

    52014PC0291

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fit-twettiq konġunt tal-impennji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima /* COM/2014/0291 final - 2014/0152 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Dawn il-proposti jikkonċernaw id-deċiżjonijiet tal-Kunsill, li għandhom jiġu addottati skont l-Artikolu 218(5) u (6) TFUE, għall-iffirmar u l-konklużjoni tal-ftehim bejn l-Unjoni, l-Istati Membri u l-Iżlanda dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fit-twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni, l-Istati Membri u l-Iżlanda fit-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima.

    F’Diċembru 2012, fil-Konferenza ta' Doha dwar it-Tibdil fil-Klima, il-192 Parti tal-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, adottaw emenda fil-Protokoll ta’ Kjoto (l-Emanda ta' Doha)[1]. Din l-Emenda ta’ Doha tistabbilixxi t-tieni perjodu ta’ impenn skont il-Protokoll ta’ Kjoto, li jibda mill-1 ta’ Jannar 2013 u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, b’impenji legalment vinkolanti ta' tnaqqis tal-emissjonijiet għall-Partijiet elenkati fl-Anness B tagħha. Dawn il-Partijiet jinkludu l-Unjoni, l-Istati Membri u l-Iżlanda.

    L-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Kjoto jippermetti lill-Partijiet biex iwettqu l-impenji tagħhom b’mod konġunt. L-Unjoni Ewropea u ħmistax-il Parti li kienu Stati Membri meta ġie ffirmat il-Protokoll ta’ Kjoto fl-1997 għażlu li jagħmlu hekk għall-ewwel perjodu ta’ impenn (2008-12), u laħqu ftehim/stipulaw it-termini tal-impenji konġunti għall-ewwel perjodu ta' impenn meta rratifikaw il-Protokoll fl-2002.[2] L-Emenda ta' Doha[3], u d-dikjarazzjoni tal-Unjoni, l-Istati Membri u l-Iżlanda dwar l-adozzjoni tagħha,[4] esprimew l-intenzjoni ta' dawn il-Partijiet li jwettqu l-miri tagħhom ta' tnaqqis b'mod konġunt fit-tieni perjodu ta' impenn. Il-Kummissjoni pproponiet Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Emenda ta’ Doha għall-Protokoll ta’ Kjoto għall-UNFCCC u t-twettiq konġunt tal-impenni tagħha f’Novembru 2013.[5] Din il-proposta bħalissa qed tiġi diskussa.

    L-intendiment li l-impenji tat-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto jiġu mħarsa b'mod konġunt mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda tmur lura għall-2009. F’ittra lill-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-3 ta’ Ġunju 2009, l-Iżlanda talbet taħdidiet formali biex jitħabbar twettiq konġunt tal-impenji mal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto. Fil-laqgħa tal-15 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill laqa’ din it-talba u stieden lill-Kummissjoni biex “tippreżenta rakkomandazzjoni għall-ftuħ tan-negozjati neċessarji mal-Iżlanda li hija konformi mal-prinċipji u l-kriterji stabbiliti fil-Pakkett tal-UE dwar il-Klima u l-Enerġija”.[6]

    F'Ġunju 2013, il-Kummissjoni ppreżentat rakkomandazzjoni lill-Kunsill għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mal-Iżlanda. F’Diċembru 2013, il-Kunsill ta mandat lill-Kummissjoni biex tiftaħ, f’isem l-Unjoni, in-negozjati mal-Iżlanda dwar il-ftehim li jistabbilixxi t-termini ta’ twettiq konġunt li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fit-twettiq konġunt tal-impenji mill-Unjoni, l-Istati Membri u l-Iżlanda. Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Kunsill ukoll taw mandat lill-Kummissjoni biex tinnegozja dan il-ftehim f’isem l-Istati Membri, fir-rigward ta’ oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Dawn in-negozjati tmexxew f’konformità mad-direttivi ta’ negozjar, fuq il-bażi tal- Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u rriżultaw fil-ftehim mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni proposta.

    2.           Il-Ftehim mal-Iżlanda

    Il-Ftehim mal-Iżlanda mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni proposta tistabbilixxi t-termini li jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fit-twettiq konġunt tal-impenji mill-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda. Din ma tistabbilixxi l-ebda impenn għall-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha.

    Il-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fit-twettiq konġunt

    Il-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fit-twettiq konġunt fuq l-istess bażi bħall-Istati Membri. Il-livell tal-emissjonijiet tal-Iżlanda, li huwa daqs l-ammont assenjat lilha, se jkun relatat ma' dawk l-emissjonijiet minn gassijiet u setturi koperti fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto li mhumiex koperti mill-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet tal-UE (Direttiva 2003/87/KE[7]).

    [daħħal it-test dwar l-ammont assenjat lill-Iżlanda, ladarba jkun iddeterminat]

    Fl-Anness II tagħha, il-ftehim mal-Iżlanda ser jkollu l-istess termini ta’ twettiq konġunt li huma stabbiliti fl-Anness anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta’ Kjoto għall-UNFCCC u t-twettiq konġunt tal-impennji tiegħu.

    Applikazzjoni għal leġiżlazzjoni tal-UE relevanti għall-Iżlanda

    Bħala Partijiet fil-Protokoll ta’ Kjoto, l-Unjoni u l-Istati Membri huma soġġetti għal għadd ta’ rekwiżiti ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika skont il-Protokoll ta’ Kjoto. Għall-Partijiet li jkunu qablu li jwettqu l-impennji tagħhom b’mod konġunt, jeħtieġ li xi informazzjoni tkun sottomessa b’mod konġunt. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se titlob informazzjoni mill-Iżlanda sabiex l-Unjoni tkun tista’ twettaq l-impenji tagħha ta’ rappurtar. Barra minn hekk, jeħtieġ li l-Iżlanda titniżżel fis-sistemi ta’ reġistrazzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha li huma rilevanti għat-twettiq tal-impennji taħt il-Protokoll ta’ Kjoto. Dan jirrikjedi biex l-Iżlanda tapplika leġiżlazzjoni tal-Unjoni li ma tkunx applikabbli għal pajjiżi terzi (inklużi l-partijiet taż-Żona Ekonomika Ewropea), speċjalment b’rabta mal-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet kif ukoll fir-rigward tal-operazzjoni ta’ reġistru u l-kontabilità ta’ tranżazzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-impenji tal-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto, f’konformità mat-termini ta’ twettiq konġunt u r-regoli miftiehma internazzjonalment.

    Lista ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni li għandha tkun vinkolanti fuq l-Iżlanda tinsab fl-Anness I tal-ftehim. Il-ftehim jipprovdi wkoll proċedura li temenda din il-lista, biex jiżgura li l-Iżlanda tipparteċipa fit-twettiq konġunt u ssegwi l-istess regoli u responsabbiltajiet bħal dawk tal-Istati Membri, f’konformità mar-rekwiżiti miftiehma internazzjonalment.

    Kumitat tat-Twettiq Konġunt

    Il-Ftehim mal-Iżlanda jipprovdi għat-twaqqif ta’ Kumitat tat-Twettiq Konġunt, li jiżgura implimentazzjoni u operazzjoni effettivi ta’ dan il-ftehim. Dan il-kumitat huwa ffurmat minn rappreżentanti tal-Unjoni, tal-Istati Membri u tal-Iżlanda u jieħu d-deċiżjonijiet b’kunsens. Jista’ jieħu deċiżjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti għall-Iżlanda u jwettaq skambji ta’ fehmiet u informazzjoni relatati mal-implimentazzjoni tat-termini tat-twettiq konġunt. Il-laqgħat tiegħu se jiġu organizzati, kull meta jkun possibbli, qrib dawk tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima, stabbilit skont l-Artikolu 26 tar-Regolament 525/2013[8].

    Tul u terminazzjoni tal-ftehim mal-Iżlanda

    Il-Ftehim mal-Iżlanda huwa konkluż għal perjodu ta’ żmien limitat, sakemm jitlestew il-kwistjonijiet kollha relatati mal-implimentazzjoni tat-tieni perjodu ta’ impenn. Dan huwa f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Kjoto li jeħtieġ li kull ftehim ta' twettiq konġunt bejn il-Partijiet jibqa' fis-seħħ matul il-perjodu tal-impenn rispettiv.

    F’każ ta’ ksur jew oġġezzjoni min-naħa tal-Iżlanda għal emenda tal-lista ta’ atti legali b’applikazzjoni fl-Iżlanda skont dan il-ftehim, l-Iżlanda se tkun responsabbli b’mod individwali għall-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra kollha tagħha koperti mill-Protokoll ta’ Kjoto, inklużi dawk taħt il-kamp ta' applikazzjoni tas-sistemi ta' skambju tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tal-UE.

    Dan il-ftehim ma għandu l-ebda implikazzjoni baġitarja għall-Unjoni.

    2014/0152 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fit-twettiq konġunt tal-impennji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)       Il-Kummissjoni nnegozjat, f’isem l-Unjoni, ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fit-twettiq konġunt tal-impennji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (“il-ftehim”).

    (2)       Il-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (“il-Protokoll”) daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Frar 2005 u jinkludi impenji legalment vinkolanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-ewwel perjodu ta’ impenn tal-Protokoll fis-seħħ mill-2008 sal-2012, għall-partijiet elenkati fl-Anness B tiegħu. L-Unjoni u l-Istati Membri rratifikaw il-Protokoll fil-31 ta’ Mejju 2002, u qablu biex iwettqu l-impenji tagħhom b'mod konġunt fl-ewwel perjodu ta’ impenn.[9] L-Iżlanda rratifikat il-Protokoll fit-23 ta’ Mejju 2002.

    (3)       Fil-Konferenza ta' Doha dwar il-Klima li saret f’Diċembru 2012, il-Partijiet kollha tal-Protokoll qablu mal-Emenda ta' Doha li tistabbilixxi t-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll (li jibda fl-1 ta’ Jannar 2013 u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020). L-Emenda ta' Doha temenda l-Anness B tal-Protokoll ta’ Kjoto, tistabbilixxi aktar impenji ta’ mitigazzjoni legalment vinkolanti għall-Partijiet elenkati f’dak l-Anness għat-tieni perjodu ta’ impenn, u temenda u telabora iktar d-dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-impenji tal-Partijiet matul it-tieni perjodu ta’ impenn.

    (4)       Il-miri għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri huma elenkati fl-Emenda ta’ Doha b’nota ta' qiegħ il-paġna li tiddikjara li dawk il-miri huma bbażati fuq il-fehim li dawk se jintlaħqu b’mod konġunt, b'konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Kjoto.[10] L-Unjoni, l-Istati Membri u l-Iżlanda wkoll ħarġu dikjarazzjoni konġunta mal-adozzjoni tal-Emenda ta’ Doha[11], li tesprimi l-intenzjoni tagħhom li jissodisfaw l-impenji tagħhom b’mod konġunt fit-tieni perjodu ta’ impenn. Id-dikjarazzjoni ġiet maqbula waqt laqgħa apposta tal-Ministri tal-UE f’Doha u ġiet approvata mill-Kunsill fis-17 ta’ Diċembru 2012.[12]

    (5)       Fl-istess dikjarazzjoni, l-Unjoni, l-Istati Membri u l-Iżlanda ddikjaraw ukoll, f’konformità mal- Artikolu 4(1) tal-Protokoll ta’ Kjoto li jippermetti lill-partijiet biex iwettqu l-impenji tagħhom b’mod konġunt taħt l-Artikolu 3 tal-Protokoll, li l- Artikolu 3(7ter) tal-Protokoll għandu jiġi applikat fl-ammont assenjat b'mod konġunt skont il-ftehim dwar it-twettiq konġunt mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha, il-Kroazja u l-Iżlanda u mhux se jiġi applikat individwalment għall-Istati Membri, il-Kroazja jew l-Iżlanda.

    (6)       Fil-laqgħa tal-15 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill laqa’ t-talba tal-Iżlanda biex twettaq l-impenji tagħha b’mod konġunt mal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fit-tieni perjodu ta’ impenn u talbet lill-Kummissjoni biex tippreżenta rakkomandazzjoni għall-ftuħ tan-negozjati meħtieġa dwar ftehim mal-Iżlanda li tkun f'konformità mal-prinċipji u l-kriterji stabbiliti fil-pakkett Klima u Enerġija tal-Unjoni.[13]

    (7)       L-Artikolu 4(1) tal-Protokoll jirrikjedi li l-Partijiet jaqblu li jwettqu l-impenji tagħhom b’mod konġunt skont Artikolu 3 tal-Protokoll sabiex jiġi stabbilit il-livell ta’ emissjoni rispettiv għall-kull waħda mill-Partijiet tal-ftehim f’dak il-ftehim. L-Artikolu 4(2) tal-Protokoll jeħtieġ li l-partijiet tal-ftehim ta' twettiq konġunt jinnotifikaw lis-Segretarjat tal-Protokoll dwar it-termini ta’ dak il-ftehim fid-data tad-depożitu tal-istrumenti tagħhom ta’ ratifika jew ta’ approvazzjoni.

    (8)       Fis-17 ta’ Diċembru 2013, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati dwar ftehim ta’ twettiq konġunt bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda.

    (9)       It-termini tal-ftehim ta' twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Kjoto huma stabbiliti f'anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta’ Kjoto għall-UNFCCC u t-twettiq konġunt tal-impennji tiegħu.[14] Tali termini huma wkoll stipulati f’anness tal-ftehim mal-Iżlanda.

    (10)     Biex jiġi żgurat li l-impennji tal-Iżlanda fit-twettiq konġunt huma stabbiliti u applikati b’mod mhux diskriminatorju, billi jittrattaw l-Iżlanda l-istess bħall-Istati Membri, il-livell tal-emissjonijiet għall-Iżlanda ġie stabbilit b’tali mod li jkun konsistenti kemm fl-impenn ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet kwantifikati miktuba fit-tielet kolonna tal-Anness B tal-Protokoll ta’ Kjoto (kif emendat mill-Emenda ta’ Doha) u kemm fil-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluż il-pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija tal-2009 u l-prinċipji u l-kriterji li fuqhom jibbażaw l-objettivi f’dik il-leġiżlazzjoni.

    (11)     Għalhekk, il-ftehim għandu jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni Ewropea, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-iffirmar f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fit-twettiq konġunt tal-impennji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta' Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tal-ftehim imsemmi.

    It-test tal-Ftehim li għandu jiġi ffirmat huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jaħtar lill-persuna(i) bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

    Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistabbilixxi l-istrument ta’ setgħat sħaħ biex jiġi ffirmat il-Ftehim, soġġett għall-konklużjoni tiegħu, għall-persuna/i indikata/i mill-Kummissjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               Id-Deċiżjoni 1/CMP.8, adottata mill-Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta’ Kjoto, FCCC/KP/CMP/2012/13/Add.1

    [2]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE tal-25 ta’ April 2002 dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta' Kjoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu, ĠU L 130, 15.5.2002, p. 1.

    [3]               Ara n-noti f’qiegħ il-paġna 4, 6 u 8 marbuta mal-impenn kwantifikat għal limitazzjoni jew tnaqqis tal-emissjonijiet iskritti għall-Unjoni, l-Istati Membri, il-Kroazja u l-Iżlanda fit-tielet kolonna tal-Anness B (l-Artikolu 1 tal-Emenda ta’ Doha) li jiddikjaraw li dawn l-impenji “huma bbażati fuq l-intendiment li dawn jiġu mħarsa b'mod konġunt”.

    [4]               It-test sħiħ ta’ din id-dikjarazzjoni huwa rifless fil-paragrafu 45 tar-Rapport tal-Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta’ Kjoto fit-tmien sessjoni tagħha, li saret f’Doha mis-26 ta’ Novembru sat-8 ta’ Diċembru 2012 FCCC/KP/CMP/2012/13.

    [5]               COM(2013)768 tas-6 ta' Novembru 2013.

    [6]               Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2009 dwar il-Ftehim ta’ Twettiq Konġunt mal-Iżlanda fir-rigward ta' ftehim internazzjonali futur dwar il-klima.

    [7]               Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE.

    [8]               Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u għar-rapportar ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE.

    [9]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE tal-25 ta' April 2002 dwar l-approvazzjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta' Kjoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu, ĠU L 130/1, 15.5.2002, p. 1.

    [10]             In-nota f’qiegħ il-paġna 4 tal-Anness B tal-Protokoll, kif emendata mill-Emenda ta' Doha.

    [11]             Rifless fil-paragrafu 45 tar-Rapport tal-Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta’ Kjoto fit-tmien sessjoni tagħha, li saret f’Doha mis-26 ta’ Novembru sat-8 ta’ Diċembru 2012, l-ewwel Parti: Il-proċedimenti, Dokument FCCC/KP/CMP/2012/13.

    [12]             Il-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2012, li approva d-dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha flimkien mal-Kroazja u l-Iżlanda fil-Konferenza ta’ Doha dwar il-Klima.

    [13]             Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2009 dwar il-Ftehim ta’ Twettiq Konġunt mal-Iżlanda fir-rigward ta' ftehim internazzjonali futur dwar il-klima.

    [14]             [daħħal ir-referenza].

    Ftehim dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fit-twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto.

    L-Unjoni Ewropea, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, it-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Iżvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittannja u l-Irlanda ta' Fuq u r-Repubblika tal-Iżlanda (minn hawn 'il quddiem imsejħa "il-Partijiet"),

    Jitfakkar li:

    Id-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Doha tat-8 ta’ Diċembru 2012, tiddikjara li l-impenni kwantifikati għal-limitazzjoni u t-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha, il-Kroazja u l-Iżlanda għat-tieni perjodu ta’ impenn taħt il-Protokoll ta’ Kjoto huma bbażati fuq il-fehma li dawn se jitwettqu b’mod konġunt skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Kjoto; li l-Artikolu 3 (7ter), se japplika għall-ammont konġunt assenjat, skont il-ftehim dwar it-twettiq konġunt tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha, il-Kroazja u l-Iżlanda, u mhux se japplika għall-Istati Membri, il-Kroazja jew l-Iżlanda individwalment.

    F’dik l-istess dikjarazzjoni konġunta, l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda ddikjaraw li se jiddepożitaw strumenti ta' aċċettazzjoni fl-istess ħin, kif kien il-każ għall-Protokoll ta’ Kjoto nnifsu, sabiex jiżguraw id-dħul fis-seħħ simultanju għall-Unjoni Ewropea, is-27 Stat Membru tagħha, il-Kroazja u l-Iżlanda;

    L-Iżlanda tipparteċipa fil-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima tal-Unjoni Ewropea, stabbilit skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013, kif ukoll bħala Grupp ta’ Ħidma I fl-ambitu tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima.

    Iddeċidew li jikkonkludu l-ftehim li ġej:

    Artikolu 1 (l-għan tal-Ftehim)

    L-għan ta’ dan il-ftehim huwa li jistabbilixxi t-termini li jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fit-twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda għat-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto, u biex jippermetti implimentazzjoni effettiva ta’ din il-parteċipazzjoni, inkluża l-kontribuzzjoni tal-Iżlanda fit-twettiq tar-rekwiżiti ta’ rapportar tal-Unjoni għat-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto.

    Artikolu 2 (definizzjonijiet)

    Għall-finijiet ta’ dan il-ftehim:

    (a) Il-“Protokoll ta’ Kjoto” huwa l-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), kif emendat bl-Emenda ta' Doha għal dan il-Protokoll, miftiehem fit-8 ta’ Diċembru 2012 f’Doha;

    (b) L-“Emenda ta' Doha” tfisser l-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta’ Kjoto għall-UNFCCC, maqbula fit-8 ta’ Diċembru 2012 f’Doha, li tistabbilixxi t-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2020;

    (c) It-“Termini tat-twettiq konġunt” tfisser t-termini stabbiliti fl-Anness 2 ta’ dan il-ftehim;

    (d) Id-“Direttiva ETS” tfisser d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, kif emendata.

    Artikolu 3 (twettiq konġunt)

    (1) Il-Partijiet jaqblu li jwettqu l-impenni kwantifikati tagħhom għal-limitazzjoni u t-tnaqqis tal-emissjonijiet għat-tieni perjodu ta’ impenn iskritt fit-tielet kolonna tal-Anness B tal-Protokoll ta’ Kjoto b'mod konġunt, skont it-termini tat-twettiq konġunt.

    (2) Għalhekk, l-Iżlanda għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiżgura li l-emissjonijiet antropiċi aggregati, espressi f'ekwivalenti ta' bijossidu tal-karbonju għat-tieni perjodu ta’ impenn tal-gassijiet b'effett ta' serra elenkati fl-Anness A tal-Protokoll ta’ Kjoto minn fonti u bjar koperti mill-Protokoll ta’ Kjoto li ma jaqgħux fl-ambitu tad-Direttiva ETS ma jaqbżux l-ammont stipulat fit-termini tat-twettiq konġunt.

    (3) Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8 ta’ dan il-ftehim, l-Iżlanda għandha, fi tmiem it-tieni perjodu ta’ impenn, tirtira l-AAUs, CERs, ERUs, RMUs, tCERs jew lCERs ekwivalenti għall-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra minn fonti u tal-assorbiment minn bjar koperti mill-ammont assenjat lilha mir-reġistru nazzjonali tagħha, skont id-Deċiżjoni 1/CMP.8 u deċiżjonijiet rilevanti oħra tal-UNFCCC jew korpi tal-Protokoll ta’ Kjoto, kif ukoll it-termini tat-twettiq konġunt.

    Artikolu 4 (l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea rilevanti)

    (1) L-atti legali elenkati fl-Anness 1 għandhom ikunu vinkolati għall-Iżlanda u applikabbli fl-Iżlanda. Kull meta l-atti legali inklużi fl-Anness 1 ikun fihom referenzi għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, ir-referenzi għandhom, għall-finijiet ta’ dan il-ftehim, jinftiehmu wkoll bħala referenzi għall-Iżlanda.

    (2) L-Anness 1 jista' jiġi emendat b’deċiżjoni tal-Kumitat tat-Twettiq Konġunt stabbilit bl-Artikolu 6 ta’ dan il-ftehim.

    (3) Il-Kumitat tat-Twettiq Konġunt jista’ jiddeċiedi dwar iktar modalitajiet tekniċi dwar l-applikazzjoni tal-Iżlanda tal-atti legali elenkati fl-Anness I.

    (4) Fil-każ ta’ emendi fl-Anness I li jeħtieġu bidliet fil-leġiżlazzjoni primarja fl-Iżlanda, id-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-emendi għandu iqis iż-żmien meħtieġ għall-adozzjoni ta’ dawn il-bidliet mill-Iżlanda u l-ħtieġa li tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti tal-Protokoll ta’ Kjoto u d-deċiżjonijiet.

    (5) Huwa ferm importanti li l-Kummissjoni żżomm il-prassi normali tagħha u twettaq konsultazzjonijiet ma’ esperti, inklużi esperti mill-Iżlanda, qabel ma tadotta atti delegati inklużi jew li għandhom jiġu inklużi fl-Anness I.

    Artikolu 5 (rappurtar)

    (1) Sal-15 ta’ April 2015, l-Iżlanda għandha tressaq ir-rapport lis-Segretarjat tal-UNFCCC, biex tiffaċilita l-kalkolu tal-ammont assenjat lilha skont dan il-ftehim, ir-rekwiżiti tal-Protokoll ta’ Kjoto, l-Emenda ta' Doha u d-deċiżjonijiet adottati skont dawn.

    (2) L-Unjoni Ewropea għandha tħejji r-rapport biex tiffaċilita l-kalkolu tal-ammont assenjat għall-Unjoni u r-rapport biex tiffaċilita l-kalkolu tal-ammont konġunt assenjat għall-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda (“l-ammont konġunt assenjat”), f'konformità ma' dan il-ftehim, ir-rekwiżiti tal-Protokoll ta’ Kjoto, l-Emenda ta' Doha u d-deċiżjonijiet adottati skont dawn. L-Unjoni għandha tressaq dan ir-rapport lis-Segretarjat tal-UNFCCC sal-15 ta’ April 2015.

    Artikolu 6 (Kumitat tat-Twettiq Konġunt)

    (1) Kumitat tat-Twettiq Konġunt, li jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Partijiet, huwa b’dan stabbilit.

    (2) Il-Kumitat tat-Twettiq Konġunt għandu jiżgura l-implimentazzjoni u l-operazzjoni effettivi ta’ dan il-ftehim. Għalhekk, għandu jieħu d-deċiżjonijiet previsti fl-Artikolu 4 ta’ dan il-ftehim u jwettaq skambji ta’ fehmiet u informazzjoni relatati mal-implimentazzjoni tat-termini tat-twettiq konġunt. Il-Kumitat tat-Twettiq Konġunt għandu jieħu d-deċiżjonijiet kollha b’kunsens.

    (3) Il-Kumitat tat-Twettiq Konġunt għandu jiltaqa’ fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet jew iktar lill-Unjoni Ewropea, jew fuq l-inizjattiva tal-Unjoni Ewropea.

    (4) Il-membri tal-Kumitat tat-Twettiq Konġunt li jirrappreżentaw l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jkunu inizjalment rappreżentanti tal-Kummissjoni u l-Istati Membri li qed jieħdu sehem fil-Kumitat tal-Unjoni Ewropea dwar it-Tibdil fil-Klima ukoll, stabbilit f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament 525/2013[1]. Ir-rappreżentat tal-Iżlanda għandu jinħatar mill-Ministeru tal-Ambjent u r-Riżorsi Naturali tal-Iżlanda. Il-laqgħat tal-Kumitat tat-Twettiq Konġunt għandhom ikunu organizzati, kull meta jkun possibbli, qrib dawk tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima.

    (5) Il-Kumitat tat-Twettiq Konġunt għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu b’kunsens.

    Artikolu 7 (ebda riżerva)

    Ma tista' ssir ebda riżerva f'dan il-ftehim.

    Artikolu 8 (dewmien u konformità)

    (1) Dan il-ftehim huwa konkluż għall-perjodu ta' żmien sa tmiem il-perjodu addizzjonali tat-twettiq tal-impenji fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto jew sakemm xi kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni taħt il-Protokoll ta’ Kjoto għal kwalunkwe waħda mill-Partijiet, li jkunu relatati ma’ dak il-perjodu ta’ impenn jew l-implimentazzjoni tat-twettiq konġunt, ikunu riżolti; liema minnhom tkun l-aħħar. Ma jistax jintemm qabel.

    (2) L-Iżlanda għandha tinnotifika il-Kumitat tat-Twettiq Konġunt fil-każ ta' nuqqas jew falliment imminenti li japplikaw għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim. Nuqqasijiet bħal dawn għandhom ikunu ġġustifikati għas-sodisfazzjoni tal-membri tiegħu fi żmien 30 jum min-notifika tagħhom. Inkella, il-falliment li japplika għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim jkun jikkostitwixxi ksur ta’ dan il-ftehim.

    (3) F’każ ta’ ksur ta’ dan il-ftehim jew l-oġġezzjoni tal-Iżlanda għall-emenda tal-Anness I tiegħu skont l-Artikolu 4(2), l-Iżlanda għandha tammonta għall-emissjonijiet antropiċi aggregati, espressi f'ekwivalenti ta' bijossidu tal-karbonju minn fonti u tal-assorbiment minn bjar fl-Iżlanda koperti mill-Protokoll ta’ Kjoto fit-tieni perjodu ta’ impenn, inklużi l-emissjonijiet minn sorsi koperti bl-iskema tal-Unjoni Ewropea tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, kontra l-objettiv kwantifikat ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet tagħha inkluż fit-tielet kolonna tal-Anness B tal-Protokoll ta’ Kjoto u, fi tmiem it-tieni perjodu ta’ impenn, tirtira l-AAUs, CERs, ERUs, RMUs, tCERs jew lCERs ekwivalenti għal dawk l-emissjonijiet mir-reġistru nazzjonali tagħha.

    Artikolu 9 (Depożitarju)

    L-oriġinal ta’ dan il-ftehim, li huwa awtentiku bl-istess mod fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea u bl-Iżlandiż, għandhom jiġu depożitati għand is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 10 (depożitu ta’ strumenti ta' ratifika)

    (1) Dan il-ftehim għandu jiġi ratifikat mill-Partijiet f'konformità mar-rekwiżiti domestiċi rispettivi. Kull Parti għandha tiddepożita l-istrumenti ta’ ratifikazzjoni tagħha għand is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, qabel jew fl-istess waqt tad-depożitu tal-istrument ta’ aċċettazzjoni tal-Emenda ta' Doha għand is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

    (2) L-Iżlanda għandha tiddepożita l-istrument ta’ aċċettazzjoni tal-Emenda ta' Doha għand is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, b’konformità mal-Artikolu 20(4) u l-Artikolu 21(7) tal-Protokoll ta’ Kjoto, mhux iktar tard mid-data ta’ depożitu tal-aħħar strument ta’ aċċettazzjoni mill-Unjoni Ewropea jew mill-Istati Membri tagħha.

    (3) L-Iżlanda, filwaqt li tiddepożita l-istrument ta’ aċċettazzjoni tal-Emenda ta' Doha, għandha tinnotifika wkoll it-termini tat-twettiq konġunt, f’isimha stess, lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima skont l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Kjoto.

    Artikolu 11 (Dħul fis-seħħ)

    Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-[disgħin] jum wara d-data li fiha l-Partijiet kollha jkunu ddepożitaw l-istrument ta’ ratifika tagħhom.

    Magħmul fi...,

    Anness 1

    (Lista provduta fl-Artikolu 4)

    1. Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u għar-rapportar ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE, (imsejjaħ ir-'Regolament 525/2013'), minbarra l-artikoli tagħha 4, 7, lit. f, 15 sa 20 u 22. Id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 21 japplikaw kif xieraq.

    2. Atti Delegati u ta' Implimentazzjoni attwali u futuri bbażati fuq ir-Regolament 525/2013.

    Anness 2

    (Termini tat-twettiq konġunt kif annessi fid-Deċiżjoni ta' Ratifika li jikkonkludu, f’isem l-Unjoni Ewropea, l-Emenda ta’ Doha - inkluża l-figura ta’ tCO2eq bħala livell ta’ emissjoni/ammont assenjat għall-Iżlanda qabel l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(7bis) KP)

    [1]               Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u għar-rapportar ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE.

    Top