EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0290

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Islanda dwar il-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima

/* COM/2014/0290 final - 2014/0151 (NLE) */

52014PC0290

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Islanda dwar il-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima /* COM/2014/0290 final - 2014/0151 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Dawn il-proposti jirrigwardaw deċiżjonijiet tal-Kunsill, li jridu jiġu adottati skont l-Artikolu 218(5) u (6) tat-TFUE, għall-iffirmar u l-konklużjoni tal-ftehim bejn l-Unjoni, l-Istati Membri u l-Islanda dwar il-parteċipazzjoni tal-Islanda fl-issodisfar konġunt tal-impenji tal-Unjoni, l-Istati Membri u l-Islanda fit-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kyoto fil-konfront tal-Konvenzjoni ta' Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima.

F’Diċembru 2012, fil-Konferenza ta' Doha dwar it-Tibdil fil-Klima, il-192 Parti għall-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni ta' Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima, adottaw emenda għall-Protokoll ta’ Kyoto (l-Emenda ta' Doha)[1]. L-Emenda ta’ Doha tistabbilixxi t-tieni perjodu ta’ impenn skont il-Protokoll ta’ Kyoto, li jibda mill-1 ta’ Jannar 2013 u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, b’impenji ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet legalment vinkolanti għall-Partijiet elenkati fl-Anness B. Fost dawn il-Partijiet hemm l-Unjoni, l-Istati Membri u l-Islanda.

L-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Kyoto jippermetti lill-partijiet iwettqu l-impenji tagħhom b’mod konġunt. L-Unjoni u l-15-il Parti li kienu Stati Membri meta ġie ffirmat il-Protokoll ta’ Kyoto fl-1997 għażlu li jagħmlu hekk għall-ewwel perjodu ta’ impenn (2008-12), u qablu dwar/stabbilixxew it-termini tal-impenn konġunt tagħhom għall-ewwel perjodu ta' impenn meta rratifikaw il-Protokoll fl-2002.[2] L-Emenda ta' Doha[3], u d-dikjarazzjoni tal-Unjoni, l-Istati Membri u l-Islanda hekk kif ġiet adottata,[4] tesprimi l-intenzjoni ta' dawn il-Partijiet li jwettqu l-miri ta' tnaqqis tagħhom skont it-tieni perjodu ta' impenn b'mod konġunt. Il-Kummissjoni pproponiet Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta’ Kjoto lill-UNFCCC u t-twettiq konġunt tal-impenji tiegħu f’Novembru 2013.[5] Din il-proposta bħalissa qed tiġi diskussa.

L-intenzjoni li l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda b'mod konġunt jissodisfaw l-impenji fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto tmur lura għall-2009. F’ittra lill-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-3 ta’ Ġunju 2009, l-Islanda talbu għal diskussjonijiet formali dwar it-tħabbir ta' ssodisfar konġunt tal-impenji tagħhom mal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto. Il-Kunsill, fil-laqgħa tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2009, laqa’ din it-talba u stieden lill-Kummissjoni biex “tippreżenta rakkomandazzjoni għall-ftuħ tan-negozjati meħtieġa mal-Islanda b'konformità mal-prinċipji u l-kriterji stabbiliti fil-Pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija tal-UE”.[6]

Il-Kummissjoni ppreżentat ir-rakkomandazzjoni tagħha għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mal-Islanda lill-Kunsill f’Ġunju 2013. F’Diċembru 2013, il-Kunsill ta mandat lill-Kummissjoni biex tiftaħ, f’isem l-Unjoni, in-negozjati mal-Islanda dwar ftehim li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet ta’ twettiq konġunt fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt tal-impenji mill-Unjoni, l-Istati Membri u l-Islanda. Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Kunsill wkoll taw mandat lill-Kummissjoni biex tinnegozja dan il-ftehim, f’isem l-Istati Membri, fir-rigward ta’ oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Dawn in-negozjati tmexxew, f’konformità mad-direttivi ta’ negozjar, fuq il-bażi tal- Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u rriżultaw fil-ftehim mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni proposta.

2.           Il-Ftehim mal-Islanda

Il-Ftehim mal-Islanda mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni proposta jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt tal-impenji mill-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda. Ma jistabbilixxi ebda obbligu għall-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha.

Il-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt

L-Islanda tipparteċipa fit-twettiq konġunt fuq l-istess bażi bħal dik tal-Istati Membri. Il-livell tal-emissjonijiet tal-Islanda, li huwa identiku għall-ammont assenjat lilha, se jkun marbut mal-emissjonijiet tal-Islanda minn gassijiet u setturi koperti bit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto iżda li mhumiex koperti bis-sistema tal-UE tal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra (Direttiva 2003/87/KE[7]).

[daħħal it-test dwar l-ammont assenjat tal-Islanda, ladarba jkun iddeterminat]

Il-Ftehim mal-Islanda, fl-Anness II tiegħu, se jkollu l-istess termini ta’ twettiq konġunt li huma wkoll stabbiliti fl-Anness mehmuż mad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta’ Kyoto għall-UNFCCC u t-twettiq konġunt tal-impenji tiegħu.

Applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE għall-Islanda

Bħala Partijiet fil-Protokoll ta’ Kyoto, l-Unjoni u l-Istati Membri huma soġġetti għal għadd ta’ rekwiżiti ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika skont il-Protokoll ta’ Kyoto. Għall-Partijiet li jkunu qablu li jwettqu l-impenji tagħhom b’mod konġunt, xi ftit minn din l-informazzjoni trid tiġi ppreżentata b’mod konġunt. Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni se titlob informazzjoni mill-Iżlanda biex l-Unjoni tkun tista’ twettaq l-impenji tagħha ta’ rappurtar. Barra minn hekk, l-Islanda se jkun hemm bżonn li tieħu sehem fis-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha li huma rilevanti għat-twettiq tal-impenji skont il-Protokoll ta’ Kyoto. Dan jirrikjedi li l-Islanda tapplikaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li ma tapplikax għal pajjiżi terzi (inklużi l-Partijiet għaż-Żona Ekonomika Ewropea), speċjalment b’rabta mal-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet kif ukoll fir-rigward tat-tħaddim ta’ reġistru u tal-kontabilità għat-tranżazzjonijiet marbuta mal-implimentazzjoni tal-impenji tal-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto, f’konformità mat-termini ta’ twettiq konġunt u r-regoli miftiehma internazzjonalment.

Il-ftehim fih, fl-Anness I tiegħu, lista ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni li għandha tkun vinkolanti fuq l-Islanda. Huwa jipprovdi wkoll għal proċedura li temenda din il-lista, biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt u jsegwi l-istess regoli u responsabbiltajiet bħal dawk tal-Istati Membri, f’konformità ma’ rekwiżiti miftiehma internazzjonalment.

Kumitat ta’ Twettiq Konġunt

Il-Ftehim mal-Islanda jipprovdi għall-istabbiliment ta’ Kumitat ta’ Twettiq Konġunt li jiżgura l-implimentazzjoni u t-tħaddim effettiv ta’ dan il-ftehim. Dan il-kumitat jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Unjoni, l-Istati Membri u l-Islanda u jieħu d-deċiżjonijiet b’kunsens. Jista’ jieħu deċiżjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti għall-Islanda u jwettaq skambji ta’ fehmiet u informazzjoni marbuta mal-implimentazzjoni tat-termini ta’ t-twettiq konġunt. Il-laqgħat tiegħu se jiġu rranġati, kull meta jkun possibbli, biex ikunu qrib dawk tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima, stabbilit skont l-Artikolu 26 tar-Regolament 525/2013[8].

Tul u terminazzjoni tal-ftehim mal-Islanda

Il-ftehim mal-Islanda jiġi konkluż għal perjodu ta’ żmien limitat, sakemm l-affarijiet kollha marbuta mal-implimentazzjoni tat-tieni perjodu ta’ impenn se jkunu tlestew. Dan huwa f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Kyoto li jeħtieġ li kwalunkwe ftehim tal-Partijiet jissodisfa b'mod konġunt l-impenji tagħhom li jibqa' jitħaddem matul il-perjodu tal-impenji rispettivi.

F’każ ta’ xi ksur mill-Islanda, jew oġġezzjoni mill-Islanda li temenda l-lista ta’ atti legali b’applikazzjoni fl-Islanda skont dan il-ftehim, l-Islanda se tkun responsabbli b’mod individwali li tagħti kont tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra koperti mill-Protokoll ta’ Kyoto, inklużi dawk taħt l-ambitu tas-sistema tal-UE tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijuiet b'effetti ta' serra.

Dan il-ftehim ma għandu l-ebda implikazzjoni baġitarja għall-Unjoni.

2014/0151 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Islanda dwar il-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew[9],

Billi:

(1)       Il-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (“il-Protokoll”) daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Frar 2005 u fih impenji ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet legalment vinkolanti għall-ewwel perjodu ta’ impenn, mill- 2008 sal-2012 għall-Partijiet elenkati fl-Anness B tiegħu. L-Unjoni u l-Istati Membri rratifikaw il-Protokoll fil-31 ta’ Mejju 2002, u qablu li jwettqu l-impenji tiegħu skont l-ewwel perjodu ta’ impenn b’mod konġunt.[10] L-Islanda rratifikat il-Protokoll fit-23 ta’ Mejju 2002.

(2)       Fil-Konferenza ta' Doha dwar il-Klima f’Diċembru 2012, il-Partijiet kollha għall-Protokoll qabdlu dwar l-Emenda ta' Doha li tistabbilixxi t-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll (li beda mill-1 ta’ Jannar 2013 u jispiċċa fil-31 ta’ Diċembru 2020). L-Emenda ta' Doha temenda l-Anness B tal-Protokoll ta’ Kyoto, billi tistabbilixxi aktar impenji ta’ mitigazzjoni legalment vinkolanti għall-Partijiet elenkati f’dak l-Anness għat-tieni perjodu ta’ impenn, u temenda u tistipula aktar dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-impenji tal-Partijiet matul it-tieni perjodu ta’ impenn.

(3)       Il-miri għall-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda huma mdaħħlin fl-Emenda ta’ Doha b’nota ta' qiegħ il-paġna li tiddikjara li dawn il-miri huma msejsa fuq il-fehim li se jintlaħqu b’mod konġunt skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll tal-Protokoll ta' Kyoto.[11] L-Unjoni, l-Istati Membri u l-Islanda wkoll ħarġu dikjarazzjoni konġunta mal-adozzjoni tal-Emenda ta’ Doha[12],, li tesprimi l-intenzjoni tagħhom li jwettqu l-impenji tagħhom fit-tieni perjodu ta’ impenn b’mod konġunt. Id-dikjarazzjoni ġiet aċċettata matul laqgħa ad hoc tal-Ministri tal-UE f’Doha u approvata mill-Kunsill fis-17 ta’ Diċembru 2012.[13]

(4)       Fl-istess dikjarazzjoni, l-Unjoni, l-Istati Membri u l-Islanda ddikjaraw ukoll, f’konformità mal- Artikolu 4(1) tal-Protokoll ta’ Kyoto, li jippermetti lill-Partijiet iwettqu l-impenji tagħhom skont l- Artikolu 3 tal-Protokoll b’mod konġunt, li l- Artikolu 3(7ter) tal-Protokoll se jiġi applikat għall-ammont assenjat konġunt skont il-ftehim dwar it-twettiq konġunt mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha, il-Kroazja u l-Islanda u mhux se jiġi applikat għall-Istati Membri, il-Kroazja jew l-Islanda individwalment.

(5)       Il-Kunsill, fil-laqgħa tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2009, laqa’ talba mill-Islanda biex twettaq l-impenji tagħha skont it-tieni perjodu ta’ impenn b’mod konġunt mal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u stieden lill-Kummissjoni tippreżenta rakkomandazzjoni għall-ftuħ tan-negozjati meħtieġa dwar ftehim mal-Islanda li huwa konformi mal-prinċipji u l-kriterji stabbiliti fil-Pakkett tal-Enerġija u l-Klima tal-Unjoni.[14]

(6)       L-Artikolu 4(1) tal-Protokoll jeħtieġ li l-Partijiet jaqblu li jissodisfaw l-impenji tagħhom skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll b’mod konġunt sabiex jistabbilixxu l-livell ta’ emissjoni rispettiv allokat lil kull wieħed mill-Partijiet fil-ftehim f’dak il-ftehim. L-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Kyoto jeħtieġ li l-Partijiet fil-ftehim tat-twettiq konġunt jinnotifikaw lis-Segretarjat tal-Protokoll dwar it-termini ta’ dak il-ftehim fid-data tad-depożitu tal-istrumenti tagħhom ta’ ratifika jew ta’ approvazzjoni.

(7)       It-termini tal-ftehim biex b'mod konġunt jitwettqu l-impenji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Kyoto huma stabbiliti fl-anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta’ Kyoto għall-UNFCCC u t-twettiq konġunt tal-impenji tiegħu.[15] Dawn l-istess termini huma wkoll stipulati f’anness tal-ttehim mal-Islanda.

(8)       Biex jiġi żgurat li l-impenji tal-Islanda fit-twettiq konġunt huma stabbiliti u applikati b’mod mhux diskriminatorju, li jittrattaw l-Islanda u lill-Istati Membri bl-istess mod, il-livell tal-emissjonijiet għall-Islanda ġie stabbilit b’mod li huwa konsistenti kemm mal-impenn ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet kwantifikati miktuba fit-tielet kolonna tal-Anness B għall-Protokoll ta’ Kyoto (kif emendat mill-Emenda ta’ Doha) u mal-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluż il-pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija tal-2009 u l-prinċipji u l-kriterji li fuqhom huma bbażati l-objettivi f’dik il-leġiżlazzjoni.

(9)       Il-Ftehim ġie ffirmat nhar […] b'konformità mad-Deċiżjoni [ir-referenza tad-deċiżjoni dakinhar tal-firma].

(10)     Bil-ħsieb li jinkiseb id-dħul fis-seħħ mingħajr dewmien tal-Emenda ta’ Doha, qabel il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti f’Pariġi fi tmiem l-2015, li għandha tadotta strument legali ġdid li jorbot għall-perjodu ta’ wara l-2020, u biex jiġi enfasizzat l-impenn tal-Unjoni, l-Istati Membri u l-Islanda li jagħti lok għall-forza legali tat-tieni perjodu ta’ impenn fiż-żmien propizju, l-Unjoni, l-Istati Membri u l-Islanda se jfittxu li jirratifikaw kemm l-Emenda ta' Doha kif ukoll il-ftehim dwar il-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt tal-impenji mill-Unjoni, l-Istati Membri u l-Islanda fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto mhux aktar tard minn Frar 2015.

(11)     Il-ftehim li jikkonċerna l-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt tal-impenji mill-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto għandu jiġi konkluż f'isem l-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-ftehim li jikkonċerna l-parteċipazzjoni fit-twettiq konġunt tal-impenji mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto huwa b'dan konkluż f'isem l-Unjoni Ewropea.

It-test tal-Ftehim jinsab mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar lill-persuna li jkollha s-setgħa li tipproċedi, f’isem l-Unjoni Ewropea, biex tiddepożita l-istrument ta’ ratifika previst fl-Artikolu 10 tal-Ftehim mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tkun marbuta bil-Ftehim.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               Id-Deċiżjoni 1/CMP.8, adottata mill-Konferenza tal-Partijiet li serviet ta' laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta’ Kyoto, FCCC/KP/CMP/2012/13/Add.1

[2]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE tal-25 ta’ April 2002 dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta' Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu (ĠU L 130, 15.5.2002, p. 1).

[3]               Ara n-noti f’qiegħ il-paġna 4, 6 u 8 mehmuża mal-impenji kkwantifikati ta’ limitazzjoni jew tnaqqis fl-emissjonijiet reġistrati għall-Unjoni, l-Istati Membri, il-Kroazja u l-Islanda fit-tielet kolonna tal-Anness B (Artikolu 1 tal-Emenda ta' Doha) li jiddikjaraw li dawn l-impenji “huma bbażati fuq il-fehma li dawn se jiġu ssodisfatti b’mod konġunt”.

[4]               It-test sħiħ ta’ din id-dikjarazzjoni hu rifless fil-paragrafu 45 tar-Rapport tal-Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta’ Kyoto fit-tmien sessjoni tagħha, li saret f’Doha mis-26 ta’ Novembru sat-8 ta’ Diċembru 2012 (FCCC/KP/CMP/2012/13.

[5]               COM(2013)768 tal-6 ta' Novembru 2013.

[6]               Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2009 dwar il-Ftehim ta’ Twettiq Konġunt mal-Islanda fir-rigward ta’ ftehim internazzjonali fil-ġejjieni dwar il-klima.

[7]               Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE

[8]               Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u għar-rapportar ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE

[9]               ĠU C , , p. .

[10]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE tal-25 ta’ April 2002 dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta' Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu, ĠU L 130/1, 15.5.2002, p. 1.

[11]             In-nota 4 f’qiegħ il-paġna tal-Anness B tal-Protokoll, kif emendat permezz tal-Emenda ta' Doha.

[12]             Riflessa fil-paragrafu 45 tar-Rapport tal-Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta’ Kyoto fit-tmien sessjoni tagħha, li saret f’Doha mis-26 ta’ Novembru sat-8 ta’ Diċembru 2012, Parti 1: Il-proċedimenti, Dokument FCCC/KP/CMP/2012/13.

[13]             Il-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2012 li japprova d-dikjarazzjoni magħmula mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha flimkien mal-Kroazja u l-Islanda fil-Konferenza dwar il-Klima f’Doha.

[14]             Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2009 dwar il-Ftehim ta’ Twettiq Konġunt mal-Islanda fir-rigward ta’ ftehim internazzjonali fil-ġejjieni dwar il-klima.

[15]             [daħħal ir-referenza].

Ftehim li jikkonċerna l-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto

L-Unjoni Ewropea, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u l-Islanda (minn issa 'l quddiem imsejħa "il-Partijiet".),

Filwaqt li jitfakkar li:

Id-dikjarazzjoni konġunta f’Doha fit-8 ta’ Diċembru 2012 tiddikjara li l-impenji ta’ limitazzjoni u tnaqqis fl-emissjonijiet ikkwantifikati għall-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha, il-Kroazja u l-Islanda għat-tieni perjodu ta’ impenn skont il-Protokoll ta’ Kyoto huma bbażati fuq il-fehma li dawn se jitwettqu b’mod konġunt skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Kyoto; li l-Artikolu 3, paragrafu 7 ter, se jiġi applikat għall-ammont assenjat konġunt, skont il-ftehim dwar it-twettiq konġunt tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha, il-Kroazja u l-Islanda, u mhux se jiġi applikat għall-Istati Membri, il-Kroazja jew l-Islanda individwalment;

F’dik l-istess dikjarazzjoni konġunta, l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda ddikjaraw li se jiddepożitaw l-istrumenti ta' aċċettazzjoni fl-istess ħin, kif kien il-każ għal il-Protokoll ta’ Kyoto nnifsu, sabiex ikun żgurat d-dħul fis-seħħ simultanju għall-Unjoni Ewropea, is-27 Stat Membru, il-Kroazja u l-Islanda;

L-Islanda tipparteċipa fil-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima tal-Unjoni Ewropea, stabbilit skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013, kif ukoll il-Grupp ta’ Ħidma I fl-ambitu tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima.

Iddeċidew li jikkonkludu l-ftehim li ġej:

Artikolu 1 – (għan tal-Ftehim)

L-għan ta’ dan il-ftehim huwa li jiġu stabbiliti t-termini li jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq tal-impenji konġunti tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda għat-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto, u biex jippermetti implimentazzjoni effettiva ta’ din il-parteċipazzjoni, inkluża l-kontribuzzjoni tal-Islanda lejn l-Unjoni fit-twettiq tar-rekwiżiti ta’ rappurtar tagħha għat-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto.

Artikolu 2 (definizzjonijiet)

Għall-finijiet ta’ dan il-ftehim:

(a) “Il-Protokoll ta’ Kyoto” tfisser il-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), kif emendat permezz tal-Emenda ta' Doha għal dan il-Protokoll, miftiehma fit-8 ta’ Diċembru 2012 f’Doha;

(b) “L-Emenda ta' Doha” tfisser l-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta’ Kyoto għall-UNFCCC, miftiehma fit-8 ta’ Diċembru 2012 f’Doha, li tistabbilixxi t-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2020;

(c) ‘Termini ta’ twettiq konġunt” tfisser it-termini stabbiliti fl-Anness 2 ta’ dan il-ftehim;

(d) "Id-Direttiva ETS" tfisser id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità, kif emendata.

Artikolu 3 (twettiq konġunt)

(1) Il-Partijiet jaqblu li jwettqu l-impenji ta’ limitazzjoni u tnaqqis fl-emissjonijiet ikkwantifikati għat-tieni perjodu ta’ impenn miktuba fit-tielet kolonna tal-Anness B għall-Protokoll ta’ Kyoto b'mod konġunt, skont it-termini tat-twettiq konġunt.

(2) Għal dan l-għan, l-Islanda għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura li l-emissjonijiet antropoġeniċi aggregati tagħha espressi f'ekwivalenti ta' dijossidu tal-karbonju fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-gassijiet serra elenkati fl-Anness A tal-Protokoll ta’ Kyoto minn sorsi u bjar koperti mill-Protokoll ta’ Kyoto, li ma jaqgħux fl-ambitu tad-Direttiva ETS, ma jaqbżux l-ammonti assenjat lilha fit-termini tat-twettiq konġunt.

(3) Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8 ta’ dan il-ftehim, l-Islanda għandha, fl-aħħar tat-tieni perjodu ta’ impenn, u skont id-Deċiżjoni 1/CMP.8 u deċiżjonijiet rilevanti oħrajn tal-UNFCCC jew il-korpi tal-Protokoll ta’ Kyoto, u t-termini tat-twettiq konġunt, tirtira mir-reġistru nazzjonali tagħha AAUs, CERs, ERUs, RMUs, tCERs jew lCERs ekwivalenti għall-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra minn sorsi u tal-assorbiment minn bjar koperti bl-ammont assenjat tagħha.

Artikolu 4 (applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni Ewropea)

(1) L-atti legali elenkati fl-Anness 1 għandhom ikunu vinkolati għall-Islanda u jsiru applikabbli fl-Islanda. Kull meta l-atti legali inklużi fl-Anness 1 ikun fihom referenzi għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, ir-referenzi għandhom, għall-finijiet ta’ dan il-ftehim, jinftiehmu wkoll bħala referenzi għall-Islanda.

(2) L-Anness 1 jista' jiġi emendat b’deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Twettiq Konġunt stabbilit permezz tal-Artikolu 6 ta’ dan il-ftehim.

(3) Il-Kumitat ta' Twettiq Konġunt jista’ jiddeċiedi dwar aktar modalitajiet tekniċi dwar l-applikazzjoni għall-Islanda tal-atti legali elenkati fl-Anness I.

(4) Fil-każ ta’ emendi fl-Anness I li jeħtieġu bidliet fil-leġiżlazzjoni primarja fl-Islanda, id-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-emendi għandu jqis iż-żmien meħtieġ għall-adozzjoni ta’ dawn il-bidliet mill-Islanda u l-ħtieġa li jiżguraw konformità mar-rekwiżiti tal-Protokoll ta’ Kyoto u d-deċiżjonijiet.

(5) Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni żżomm il-prassi normali tagħha u twettaq konsultazzjonijiet ma’ esperti, inklużi esperti mill-Islanda, qabel ma tadotta atti delegati inklużi jew li għandhom jiġu inklużi fl-Anness I.

Artikolu 5 (rappurtar)

(1) Sal-15 ta’ April 2015, l-Islanda għandha tressaq ir-rapport lis-Segretarjat tal-UNFCCC biex tiffaċilita l-kalkolu tal-ammont assenjat lilha, bi qbil ma dan il-ftehim, mar-rekwiżiti tal-Protokoll ta’ Kyoto, mal-Emenda ta' Doha u d-deċiżjonijiet adottati fiha.

(2) L-Unjoni Ewropea għandha tħejji r-rapport biex tiffaċilita l-kalkolu tal-ammont assenjat tal-Unjoni u r-rapport biex tiffaċilita l-kalkolu tal-ammont konġunt assenjat tal-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda ("l-ammont konġunt assenjat") bi qbil ma dan il-ftehim, mar-rekwiżiti tal-Protokoll ta’ Kyoto, mal-Emenda ta' Doha u d-deċiżjonijiet adottati fiha. L-Unjoni għandha tressaq dan ir-rapport lis-Segretarjat tal-UN FCCC sal-15 ta' April 2015.

Artikolu 6 (Kumitat ta' Twettiq Konġunt)

(1) Kumitat ta' Twettiq Konġunt, li jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Partijiet, huwa b’dan stabbilit.

(2) Il-Kumitat ta' Twettiq Konġunt għandu jiżgura l-implimentazzjoni u l-operat effettiv ta’ dan il-ftehim. Għal dan l-għan, huwa għandu jieħu d-deċiżjonijiet previsti fl-Artikolu 4 ta’ dan il-ftehim u jwettaq skambji ta’ fehmiet u informazzjoni marbuta mal-implimentazzjoni tat-termini tat-twettiq konġunt. Il-Kumitat ta' Twettiq Konġunt għandu jieħu d-deċiżjonijiet kollha b’kunsens.

(3) Il-Kumitat ta' Twettiq Konġunt għandu jiltaqa’ fuq talba, lill-Unjoni Ewropea, ta’ waħda jew aktar mill-Partijiet jew fuq l-inizjattiva tal-Unjoni Ewropea.

(4) Il-membri tal-Kumitat ta’ Twettiq Konġunt li jirrappreżentaw l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom inizjalment ikunu rappreżentanti tal-Kummissjoni u l-Istati Membri li qed jieħdu sehem ukoll fil-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima tal-Unjoni Ewropea, stabbilit f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament 525/2013[1]. Għandu jinħatar ir-rappreżentant tal-Islanda mill-Ministeru għall-Ambjent u r-Riżorsi Naturali tagħha. Il-laqgħat tal-Kumitat ta' Twettiq Konġunt għandhom ikunu organizzati, kull meta jkun possibbli, u jkunu qrib dawk tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima

(5) Il-Kumitat ta' Twettiq Konġunt għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu b’kunsens.

Artikolu 7 (ebda riżerva)

Ebda riżerva ma tista' ssir f'dan il-ftehim.

Artikolu 8 (dewmien u konformità)

(1) Dan il-ftehim jitqies konkluż għall-perjodu taż-żmien sa tmiem il-perjodu addizzjonali għat-twettiq tal-impenji fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto, jew sakemm kwalunkwe kwistjoni ta’ implimentazzjoni skont il-Protokoll ta’ Kyoto għal kwalunkwe waħda mill-Partijiet, marbuta ma’ dak il-perjodu ta’ impenn jew l-implimentazzjoni tat-twettiq konġunt, tiġi riżolta, skont liema jkun l-iktar tard. Ma jistax jiġi tterminat qabel.

(2) L-Islanda għandha tinnotifika l-Kumitat ta' Twettiq Konġunt dwar xi nuqqas reali jew imminenti fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim. Kwalunkwe nuqqas bħal dan għandu jkun iġġustifikat għas-sodisfazzjoni tal-membri tiegħu fi żmien 30 jum min-notifika. Inkella, in-nuqqas ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim jikkostitwixxi ksur ta’ dan il-ftehim.

(3) F’każ ta’ ksur ta’ dan il-ftehim jew l-oġġezzjoni mill-Islanda li temenda l-Anness I tagħha skont l-Artikolu 4, paragrafu 2, l-Islanda għandha tikkontabilizza t-total tal-emissjonijiet antropoġeniċi ekwivalenti ta’ dijossidu tal-karbonju minn sorsi u mill-assorbimenti minn bjar fl-Islanda koperti mill-Protokoll ta’ Kyoto fit-tieni perjodu ta’ impenn, inklużi emissjonijiet minn sorsi koperti mill-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Unjoni Ewropea, kontra l-objettiv ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet kwantifikati tagħha inkluż fit-tielet kolonna tal-Anness B tal-Protokoll ta’ Kyoto u, fl-aħħar tat-tieni perjodu ta’ impenn, tirtira mir-reġistru nazzjonali tagħha AAUs, CERs, ERUs, RMUs, tCERs jew lCERs ekwivalenti għal dawk l-emissjonijiet.

Artikolu 9 (Depożitarju)

L-oriġinal ta’ dan il-ftehim, li huwa awtentiku indaqs fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea u fl-Islandiż, għandu jiġi ddepożitat għand is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 10 (depożitu ta’ strumenti ta' ratifika)

(1) Dan il-ftehim għandu jiġi ratifikat mill-Partijiet f'konformità mar-regoli nazzjonali rispettivi tagħhom. Kull Parti għandha tiddepożita l-istrumenti tagħha ta’ ratifika għand is-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, jew qabel jew fl-istess waqt tad-depożitu tal-istrument ta’ aċċettazzjoni tal-Emenda ta' Doha għand is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(2) L-Islanda għandha tiddepożita l-istrument tagħha ta’ aċċettazzjoni tal-Emenda ta' Doha għand is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, b’konformità mal- Artikolu 20(4) u l- Artikolu 21(7) tal-Protokoll ta’ Kyoto mhux aktar tard mid-data ta’ depożitu tal-aħħar strument ta’ aċċettazzjoni mill-Unjoni Ewropea jew l-Istati Membri tagħha.

(3) Meta tiddepożita l-istrument ta’ aċċettazzjoni tal-Emenda ta’ Doha, l-Islanda għandha tinnotifika wkoll it-termini tat-twettiq konġunt, f’isimha stess, lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima skont l-Artikolu 4, il-paragrafu 2, tal-Protokoll ta’ Kyoto.

Artikolu 11 (Dħul fis-seħħ)

Dan il-ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-[disgħin] jum wara d-data li fiha l-Partijiet kollha jkunu ddepożitaw l-istrument ta’ ratifika tagħhom.

Magħmul fi ….

Anness 1

(Lista stipulata fl-Artikolu 4)

1. Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u għar-rapportar ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE (imsemmija bħala r-"Regolament 525/2013"), għajr għall-Artikoli 4, 7 lit. f, 15 sa 20 u 22. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21 japplikaw bħala rilevanti.

2. Atti Delegati u ta’ Implimentazzjoni attwali u futuri bbażati fuq ir-Regolament 525/2013.

Anness 2

(it-termini ta’ twettiq konġunt kif annessi mad-Deċiżjoni ta' Ratifika li tikkonkludi, f’isem l-Unjoni Ewropea, l-Emenda ta’ Doha — inkluż ċifra ta’ tCO2ekw bħala livell ta’ emissjoni tal-Islanda/ammont assenjat qabel l-applikazzjoni tal-Art. 3 (7bis) PK)

[1]               Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u għar-rapportar ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE.

Top