Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0268

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera tat-22 ta' Lulju 1972 dwar is-sostituzzjoni tal-Protokoll 3 ta' dak il-Ftehim, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u metodi ta' koperazzjoni amministrattiva, bi Protokoll ġdid li, rigward ir-regoli ta' oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli ta' oriġini pan-Ewro-Mediterranji

    /* COM/2014/0268 final - 2014/0141 (NLE) */

    52014PC0268

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera tat-22 ta' Lulju 1972 dwar is-sostituzzjoni tal-Protokoll 3 ta' dak il-Ftehim, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u metodi ta' koperazzjoni amministrattiva, bi Protokoll ġdid li, rigward ir-regoli ta' oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli ta' oriġini pan-Ewro-Mediterranji /* COM/2014/0268 final - 2014/0141 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Il-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji[1] (minn hawn’ il quddiem “il-Konvenzjoni”) tistabilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini ta’ prodotti kkummerċjati skont il-Ftehimiet rilevanti konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti. L-UE u l-Isvizzera ffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta’ Ġunju 2011.

    L-UE u l-Isvizzera ddepożitaw l-istrumenti ta’ aċċettazzjoni tagħhom għand id-depożitarju ta’ din il-Konvenzjoni fis-26 ta’ Marzu 2012 u fit-28 ta’ Novembru 2011, rispettivament. Bħala konsegwenza, f'applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tagħha, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-UE u l-Isvizzera fl-1 ta' Mejju 2012 u fl-1 ta' Jannar 2012 rispettivament.

    L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jipprovdi li kull Parti Kontraenti tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li l-Konvenzjoni tiġi applikata b’mod effettiv. Għal dan l-għan, il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera[2] għandu jadotta deċiżjoni li tissostitwixxi Protokoll 3 li tikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva, bi Protokoll ġdid li, fejn jidħlu r-regoli ta’ oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-UE fi ħdan il-Kumitat Konġunt għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill.

    2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    L-Istati Membri tal-UE ġew ikkonsultati dwar l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill fil-Kumitat tal-Kodiċi Doganali – taqsima dwar l-Oriġini tat-13 ta’ Mejju 2013. Il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ġew ikkonsultati waqt il-laqgħa tal-Grupp ta' Ħidma Pan-Ewro-Med tal-14 u l-15 ta’ Mejju 2013.

    Ma kienx meħtieġ li wieħed jirrikorri għal għarfien espert estern. Iktar minn hekk, ma kienx meħtieġ li wieħed jirrikorri għall-valutazzjoni tal-impatt billi l-adattamenti proposti huma ta' natura teknika u ma jolqtux is-sustanza tal-protokoll fuq ir-regoli dwar l-oriġini li jinsabu fis-seħħ bħalissa.

    3.           L-ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

    Il-bażi ġuridika għal din id-Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Il-proposta taqa’ fil-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

    L-istrument li qed jiġi propost: Deċiżjoni tal-Kunsill.

    2014/0141 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera tat-22 ta' Lulju 1972 dwar is-sostituzzjoni tal-Protokoll 3 ta' dak il-Ftehim, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u metodi ta' koperazzjoni amministrattiva, bi Protokoll ġdid li, rigward ir-regoli ta' oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli ta' oriġini pan-Ewro-Mediterranji

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)       Il-Protokoll 3 tal-Ftehim, bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera[3], minn issa 'l quddiem 'il-Ftehim li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u l-metodi ta' koperazzjoni amministrattiva, minn issa 'l quddiem "Protokoll 3".

    (2)       Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji[4], minn hawn’ il quddiem “il-Konvenzjoni” tistabilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini ta’ prodotti kkummerċjati skont il-Ftehimiet rilevanti konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti.

    (3)       L-UE u l-Isvizzera iffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta’ Ġunju 2011.

    (4)       L-UE u l-Isvizzera ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta’ aċċettazzjoni għand id-depożitarju tal-Konvenzjoni fis-26 ta’ Marzu 2012 u t-28 ta' Novembru 2011, rispettivament. Bħala konsegwenza, f'applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tagħha, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ b'rabta mal-UE u l-Isvizzera fl-1 ta' Mejju 2012 u fl-1 ta' Jannar 2012 rispettivament.

    (5)       L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jipprovdi li kull Parti Kontraenti tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li l-Konvenzjoni tiġi applikata b’mod effettiv. Għal dan l-għan, il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim għandu jadotta deċiżjoni li tissostitwixxi l-Protokoll 3 bi Protokoll ġdid li, rigward ir-regoli ta’ oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni.

    (6)       Konsegwentement, fil-Kumitat Konġunt l-Unjoni Ewropea għandha tadotta l-pożizzjoni definita fl-abbozz ta' deċiżjoni hawn mehmuż,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera, dwar is-sostituzzjoni tal-Protokoll 3 ta' dak il-Ftehim, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u metodi ta' koperazzjoni amministrattiva, bi Protokoll ġdid li, rigward ir-regoli ta' oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli ta' oriġini pan-Ewro-Mediterranji, huwa stabbilit fl-abbozz ta' Deċiżjoni mehmuż tal-Kumitat Konġunt.

    Tibdiliet minuri fl-abbozz tad-Deċiżjoni jistgħu jiġu miftiehma mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

    Artikolu 2

    Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.

    [2]               ĠU L 300, 31.12.1972, p. 189.

    [3]               ĠU L 300, 31.12.1972, p. 189.

    [4]               ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.

    ANNESS

    Abbozz DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT UE-SVIZZERA Nru […]

    ta’ […]

    li temenda l-Protokoll 3 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u dwar il-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva

    Il-Kumitat Konġunt,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera, iffirmat fi Brussell fit-22 ta' Lulju 1972[1], minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim", u b'mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll 3”,

    Billi:

    (1) L-Artikolu 11 tal-Ftehim jirreferi għall-Protokoll 3 li jistabbilixxi r-regoli tal-oriġini u jipprovdi għal akkumulazzjoni ta’ oriġini bejn l-UE, l-Isvizzera (inkluż il-Liechtenstein), l-Islanda, in-Norveġja, it-Turkija, il-Gżejjer Faeroe u l-parteċipanti fis-Sħubija Ewro-Mediterranja[2].

    (2) L-Artikolu 39 tal-Protokoll 3 jipprovdi li l-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 29 tal-Ftehim jista’ jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-protokoll.

    (3) Il-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini Pan-Ewro-Mediterranji[3], minn hawn 'il quddiem imsejħa "il-Konvenzjoni", għandha l-għan li tissostitwixxi l-protokolli dwar ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fis-seħħ bħalissa fost il-pajjiżi taż-żona Pan-Ewro-Mediterranja, f' att legali wieħed.

    (4) L-UE u l-Isvizzera ffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta’ Ġunju 2011.

    (5) L-UE u l-Isvizzera ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta’ aċċettazzjoni għand id-depożitarju ta’ din il-Konvenzjoni fis-26 ta’ Marzu 2012 u fit-28 ta’ Novembru 2013, rispettivament. B'konsegwenza ta' hekk, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tagħha, l-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ f'relazzjoni mal-UE u l-Isvizzera fl-1 ta' Mejju 2012 u fl-1 ta' Jannar 2012 rispettivament.

    (6) Il-parteċipanti fil-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ġew inklużi fiż-żona tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranja ta' kumulazzjoni permezz tal-Konvenzjoni.

    (7) Fejn it-tranżizzjoni lejn il-Konvenzjoni ma tkunx simultanja għall-Partijiet Kontraenti kollha fiż-żona ta’ kumulazzjoni, m’għandhiex twassal għal sitwazzjoni anqas favorevoli minn qabel skont il-Protokoll.

    (8) Il-Protokoll 3 tal-Ftehim għandu għalhekk jiġi emendat sabiex jagħmel referenza għall-Konvenzjoni.

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Protokoll 3 tal-Ftehim, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' 'prodotti oriġinarji' u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva huma sostitwiti bit-test stabbilit fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Hija tapplika mill-[1 xx 2014].

    Magħmul fi

                                                                           għall-Kumitati Konġunt

                                                                           Il-President

    Anness

    Protokoll 3

    dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u dwar metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva

    Artikolu 1

    Ir-regoli ta’ oriġini applikabbli

    Għall-fini tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, Appendiċi I u d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ Appendiċi II għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji[4], minn hawn’ il quddiem “il-Konvenzjoni”, japplikaw.

    Ir-referenzi kollha għal “ftehim rilevanti” f’Appendiċi I u fid-disposizzjonijiet rilevanti ta’ Appendiċi II għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali ta’ oriġini Pan-Ewro-Mediterranji jiġu interpretati bħala li jfissru dan il-Ftehim.

    Artikolu 2

    Soluzzjoni tat-Tilwim

    Fejn iqumu tilwimiet b'rabta mal-proċeduri ta' verifikazzjoni tal-Artikolu 32 tal-Appendiċi 1 għall-Konvenzjoni li ma jkunux jistgħu jissolvew bejn l-awtoritajiet doganali li jkunu qed jitolbu l-verifikazzjoni u l-awtoritajiet doganali li jkunu responsabbli milli jwettqu din il-verifikazzjoni, jiġu sottomessi lill-Kumitat Konġunt.

    Fil-każijiet kollha s-soluzzjonijiet tat-tilwim bejn l-importatur u l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż tal-importazzjoni jsiru skont il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż imsemmi.

    Artikolu 3

    Emendi għall-Protokoll

    Il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll.

    Artikolu 4

    L-irtirar mill-Konvenzjoni

    1. Jekk l-UE jew l-Isvizzera jagħtu avviż bil-miktub lid-depożitarju tal-Konvenzjoni dwar l-intenzjoni tagħhom li jirtiraw mill-Konvenzjoni skont l-Artikolu 9 tagħha, l-UE u s-Serbja jidħlu minnufih f’negozjati dwar ir-regoli tal-oriġini għall-iskop tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

    2. Sad-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-regoli ta’ oriġini appena nnegozjati, ir-regoli tal-oriġini li jinsabu f’Appendiċi I u, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ Appendiċi II tal-Konvenzjoni, applikabbli fil-mument ta’ rtirar, jibqgħu japplikaw għal dan il-Ftehim. Madankollu, mill-mument ta’ rtirar, ir-regoli tal-oriġini li jinsabu f’Appendiċi I u, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ Appendiċi II tal-Konvenzjoni jiġu interpretati fis-sens li jippermettu kumulazzjoni bilaterali bejn l-UE u l-Isvizzera biss.

    Artikolu 5

    Kumulazzjoni – tad-dispożizzjonijiet tranżitorji

    1. Minkejja l-Artikolu 3 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni, ir-regoli dwar il-kumulazzjoni previsti fl-Artikoli 3 u 4 tal-Protokoll 3 ta’ dan il-Ftehim, kif emendati mid-Deċiżjoni Nru 3/2005 tal-Kumitat Konġunt UE-Svizzera tal-15 ta' Diċembru 2005[5], ikomplu japplikaw bejn l-UE u l-Isvizzera sakemm il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ fir-rigward tal-Partijiet Kontraenti kollha elenkati f’dawn l-Artikoli 3 u 4.

    2. Minkejja l-Artikoli 16(5) u 21(3) tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni, fejn il-kumulazzjoni tinvolvi biss l-Istati tal-EFTA, il-Gżejjer Faroe, l-UE, it-Turkija u l-parteċipanti fil-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni, il-prova tal-oriġini tista’ tkun ċertifikat ta’ moviment EUR. 1 jew dikjarazzjoni tal-oriġini.

    [1]               ĠU L 300, 31.12.1972, p. 189.

    [2]               L-Alġerija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Lebanon, il-Marokk, il-Palestina, Is-Sirja u t-Tuneżija.

    [3]               ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.

    [4]               ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.

    [5]               ĠU L 45, 15.2.2006, p. 2.

    Top