Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0261

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1388/2013 li jiftaħ u jipprovdi għall-ġestjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti agrikoli u industrijali

    /* COM/2014/0261 final - 2014/0137 (NLE) */

    52014PC0261

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1388/2013 li jiftaħ u jipprovdi għall-ġestjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti agrikoli u industrijali /* COM/2014/0261 final - 2014/0137 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Il-kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni huma meħtieġa għal prodotti li l-produzzjoni tagħhom fl-Unjoni ma tlaħħaqx mal-ħtiġijiet tal-industriji li jagħmlu użu minnhom fl-Unjoni għall-perjodu tal-kwota attwali. Bi tweġiba għat-talbiet minn diversi Stati Membri, il-Kummissjoni flimkien mal-esperti tal-gvernijiet ikkonċernati, ikkunsidrat jekk għandhomx jinfetħu kwoti tariffarji awtonomi għal ċerti prodotti agrikoli u industrijali.

    Fis-17 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 1388/2013 li jiftaħ u jipprovdi għall-ġestjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti agrikoli u industrijali sabiex id-domanda tal-Unjoni għall-prodotti kkonċernati tkun tista’ tintlaħaq b'kundizzjonijiet mill-aktar favorevoli.

    Il-kwoti tariffarji tal-Unjoni għandhom jinfetħu b'rata żero jew b’rati mnaqqsa għal volumi xierqa, mingħajr ma jfixklu s-swieq għal prodotti bħal dawn. Id-diskussjonijiet li saru fil-laqgħat tal-Grupp Ekonomiku dwar il-Kwistjonijiet Tariffarji, urew li l-Istati Membri kienu diġà lesti li jiftħu kwoti għall-prodotti elenkati fl-Anness I ta' din il-proposta għal Regolament, mingħajr ma jfixklu s-swieq ta’ prodotti bħal dawn.

    Barra minn hekk, sar meħtieġ li jkunu addattati l-kwoti elenkati fl-Anness II ta' din il-proposta:

    għall-ordnijiet bin-nru 09.2631 u 09.2806, kellha tinbidel id-deskrizzjoni,

    għall-ordnijiet bin-nru 09.2629 kellu jitħassar kodiċi TARIC u

    għall-ordnijiet bin-nru 09.2818, 09.2668 u 09.2669, il-volumi żdiedu.

    Il-kwota tariffarja awtonoma bin-numru tal-ordni 09.2930 tħassret mill-Anness tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1388/2013, minħabba li mhix fl-interess tal-Unjoni li tkompli tagħti kwoti bħal dawn.

    Il-proposta hija konformi mal-politiki tal-agrikoltura, tal-kummerċ, tal-impriżi, tal-iżvilupp u tar-relazzjonijiet esterni. B'mod speċjali, din il-proposta mhijiex se tkun ta' żvantaġġ għal pajjiżi li qegħdin jibbenefikaw minn ftehim ta' kummerċ preferenzjali mal-UE (pereżempju l-SPĠ, is-sistema tal-AKP, il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali).

    2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Ġie kkonsultat il-Grupp dwar il-Kwistjonijiet ta’ Ekonomija Tariffarja, li fih l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri huma rappreżentati. Il-kwoti kollha elenkati jikkorrispondu għal ftehimiet jew kompromessi milħuqa fid-diskussjonijiet tal-grupp.

    Ma ssemmewx ir-riskji potenzjalment serji b’konsegwenzi rriversibbli.

    Din il-proposta se ssegwi proċedura ta' konsultazzjoni fost is-servizzi u se tiġi ppubblikata wara l-adozzjoni tagħha mill-Kunsill.

    3.           L-ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

    Il-bażi ġuridika ta’ din il-proposta għal regolament hija l-Artikolu 31 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. (TFUE).

    Bis-saħħa tal-Artikolu 31 tat-TFUE, is-sospensjonijiet u l-kwoti tat-tariffi awtonimi huma stabbiliti mill-Kunsill li jaġixxi fuq maġġoranza kwalifikata fuq il-bażi ta’ proposta min-naħa tal-Kummissjoni, għaldaqstant l-istrument xieraq huwa regolament.

    Il-proposta taqa’ fil-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. Għalhekk il-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma japplikax.

    Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-propozjonalità għax dawn l-għadd ta’ miżuri huma konformi mal-prinċipji stipulati għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri għall-operaturi involuti f'kummerċ barrani u skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sospensjonijiet u l-kwoti tat-tariffi awtonomi (C 363, 13.12.2011, p. 6).

    4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

    Dazji doganali li ma nġabrux, li jammontaw għal madwar EUR 5,9 miljun fis-sena. L-effett fuq ir-riżorsi proprji tradizzjonali tal-baġit huwa ta’ - EUR 4,4 miljun fis-sena (75 % x EUR 5,9 miljun fis-sena).

    2014/0137 (NLE)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1388/2013 li jiftaħ u jipprovdi għall-ġestjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti agrikoli u industrijali

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)       Biex ikunu żgurati fornimenti suffiċjenti u bla waqfien ta' ċerti prodotti li l-produzzjoni tagħhom mhijiex suffiċjenti fl-Unjoni u biex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fis-suq għal ċerti prodotti agrikoli u industrijali, infetħu kwoti tariffarji awtonomi permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1388/2013[1]. Prodotti li ma jaqbżux il-limiti tal-kwoti tariffarji jistgħu jkunu impurtati b’rati imnaqqsa jew b'rati ta’ dazju żero. Għar-raġunijiet indikati, huwa neċessarju li jinfetħu, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2014, il-kwoti tat-tariffi b’rati ta’ dazju żero għal volum xieraq dwar sitt prodotti ġodda.

    (2)       Barra minn hekk, f’ċerti każijiet, kwoti tariffarji awtonomi eżistenti tal-Unjoni għandhom jiġu adattati. F’żewġ każijiet jieħtieġ li d-deskrizzjoni tal-prodott tiġi emendata għal raġunijiet ta’ kjarifika u sabiex jitqiesu l-iżviluppi tal-prodotti l-aktar ġodda. F’każ ieħor wieħed mill-kodiċijiet TARIC irid jitħassar billi l-klassifikazzjoni doppja ma għadhiex tgħodd u fi tliet każijiet oħra, il-volumi tal-kwota jeħtieġ li jiżdiedu billi dan huwa fl-interess tal-operaturi ekonomiċi u tal-Unjoni.

    (3)       Fl-aħħar nett, f’żewġ każijiet, il-kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għandhom jingħalqu b’effett mill-1 ta’ Lulju 2014 u l-1 ta’ Jannar 2015, rispettivament, billi mhuwiex fl-interess tal-Unjoni li tkompli tagħti kwoti bħal dawn minn dawk id-dati.

    (4)       Ir-Regolament (UE) Nru 1388/2013 għandu għaldaqstant jiġi emendat,

    (5)       Peress li s-sospensjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament għandhom jidħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2014, dan ir-Regolament għandu japplika mill-istess data u għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1388/2013 huwa emendat kif ġej:

    (1)          ir-ringieli għall-kwoti tariffarji bin-numri tas-serje 09.2830, 09.2831, 09.2832, 09.2834, 09.2835 u 09.2836 stabbiliti fl-Anness I għal dan ir-Regolament huma mdaħħla skont l-ordni tal-kodiċi NM indikati fit-tieni kolonna tat-tabella fl-Anness għar-Regolament (UE) Nru 1388/2013;

    (2)          ir-ringieli għall-kwoti tariffarji bin-numri tas-serje 09.2629, 09.2631, 09.2639, 09.2668, 09.2669, 09.2806, u 09.2818 huma sostitwiti bir-ringieli stipulati fl-Anness II għal dan ir-Regolament;

    (3)          ir-ringiela għall-kwota tat-tariffa bl-ordni numru 09.2930 titħassar;

    (4)          ir-ringiela għall-kwota tat-tariffa bin-numru tal-ordni 09.2639 titħassar;

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Japplika mill-1 ta’ Lulju 2014.

    Madankollu, il-punt (4) tal-Artikolu 1 japplika mill-1 ta’ Jannar 2015.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

    1.         ISEM IL-PROPOSTA:

    Ir-Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1388/2013 li jiftaħ u jipprovdi għall-ġestjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti agrikoli u industrijali

    2.         LINJI BAĠITARJI

    Kapitolu u Artikolu: Kapitolu 12, Artikolu 120.

    Ammont li ddaħħal fil-baġit għas-sena 2014: EUR 16 185 600 000 (B 2014)

    3.         IMPATT FINANZJARJU

    ¨         Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja

    X         Il-proposta ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq in-nefqa iżda għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul. L-effett huwa kif ġej:

    (EUR miljuni sa punt wieħed deċimali)

    Linja baġitarja || Dħul[2] || Perjodu ta’ sitt xhur, li jibda f’jj/xx/ssss || [Sena: 2/2014]

    Artikolu 120 || L-impatt fuq ir-riżorsi proprji || 01/07/2014 || -2,2

    (EUR miljuni sa punt wieħed deċimali)

    Is-sitwazzjoni wara l-azzjoni

    || [2015-2018]

    Artikolu 120 || -4,4 / sena

    Iż-żidiet ma’ dan ir-Regolament se jirriżultaw f'żieda annwali ta’ dazji mhux miġbura li huwa stmat li jammontaw għal EUR 5,9 miljun.

    Fuq il-bażi ta' dan, l-impatt fuq it-telf mid-dħul li jirriżulta minn dan ir-Regolament jista’ jiġi stmat li se jkun ta' EUR 4,4 miljun/sena għall-perjodu mill-01.01.2015 'il quddiem (EUR 5,9 miljun ammont gross x 0,75) u EUR 2,2 miljun għall-perjodu bejn l-01.07.2014 u l-31.12.2014.

    4.         IL-MIŻURI KONTRA L-FRODI

    Sejrin isiru kontrolli fuq l-użu aħħari ta’ xi prodotti koperti b’dan ir-Regolament tal-Kunsill skont l-Artikoli minn 291 sa 300 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93.

    [1]               Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1388/2013 tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jiftaħ u jipprovdi għall-ġestjoni ta' kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti agrikoli u industrijali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 7/2010 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 319).

    [2]               F'dak li għandu x'jaqsam mar-riżorsi proprji tradizzjonali (dazji agrikoli, imposti fuq iz-zokkor, dazji doganali) jeħtieġ li l-ammonti indikati jkunu ammonti netti, jiġifieri ammonti grossi wara t-tnaqqis ta' 25 % tal-ispejjeż tal-ġbir.

    ANNESSI

    Anness I

    Kwoti tariffarji tal-Unjoni msemmija fil-punt (1) tal-Artikolu 1

    Numru tal-ordni || Il-kodiċi NM || TARIC || Deskrizzjoni || Il-perjodu tal-kwota || Il-volum tal-kwota || Id-dazju fuq il-kwota (%)

    09.2830 || ex 2906 19 00 || 40 || Ċiklopropilmetanol (CAS RN 2516-33-8) || 01.07-31.12 || 10 tunnellati || 0 %

    09.2831 || ex 2932 99 00 || 40 || 1,3:2,4-Bis-O-(3,4-dimethylbenzylidene)-D-glucitol (CAS RN 135861-56-2) || 01.07-31.12 || 300 tunnellata || 0 %

    09.2832 || ex 3808 92 90 || 40 || Taħlita li jkollha 38 % jew aktar imma mhux aktar minn 50 % bil-piż taż-żingu piritijon (INN) (CAS RN 13463-41-7) f'dispersjoni milwiena || 01.07-31.12 || 250 tunnellata || 0 %

    09.2834 || ex 7604 29 10 || 20 || Folji jew vireg tal-alojs ta’ aluminju-litju ta' diametru ta' 200 mm jew iktar, iżda mhux iktar minn 300 mm || 01.07-31.12 || 500 tunnellata || 0 %

    09.2835 || ex 7604 29 10 || 30 || Folji jew vireg tal-alojs ta’ aluminju-litju ta' diametru ta' 300,1 mm jew iktar, iżda mhux iktar minn 533,4 mm || 01.07-31.12 || 250 tunnellata || 0 %

    09.2836 || ex 9003 11 00 ex 9003 19 00 || 10 20 || Frejms ta' nuċċalijiet magħmulin bil-plastik jew metall għall-użu fil-manifattura ta’ nuċċalijiet tal-vista (1) || 01.07-31.12 || 2 900 000 biċċa || 0 %

    Anness II

    Kwoti tariffarji tal-Unjoni msemmija fil-punt (2) tal-Artikolu 1

    Numru tal-ordni || Il-kodiċi NM || TARIC || Deskrizzjoni || Il-perjodu tal-kwota || L-ammont tal-kwota || Id-dazju fuq il-kwota (%)

    09.2806 || ex 2825 90 40 || 30 || Trijossidu tat-tangsten, inkluż ossidu tat-tangsten blu (CAS RN 1314-35-8 jew CAS RN 39318-18-8) || 01.01-31.12 || 12 000 tunnellata || 0 %

    09.2639 || 3905 30 00biċċa || || Poli(alkoħol tal-vinil), kemm jekk fihom gruppi aċetat unhydrolysed || 01.01-31.12 || 18 000 tunnellata || 0 %

    09.2818 || ex 6902 90 00 || 10 || Briks li jirreżistu s-sħana — || b’tarf li għandu tul ta’ aktar minn 300 mm u

    — || kontenut f’piż ta’ TiO2 ta’ mhux aktar minn 1 % u

    — || kontenut f’piż ta’ Al2O3 ta’ mhux aktar minn 0,4 % u

    — || varjazzjoni fil-volum ta’ anqas minn 9 % f’1700° C

    01.01-31.12

    225 tunnellata

    0 %

    09.2629 || ex 8302 49 00 || 91 || Manku teleskopiku tal-aluminju għall-użu fil-manifattura tal-bagalji (1) || 01.07-31.12 || 800 000 biċċa || 0 %

    09.2668 || ex 8714 91 10 ex 8714 91 10 || 21 31 || Qafas ta’ biċikletta, mibni mill-fibri tal-karbonju u r-reżina artifiċjali, miżbugħ, mogħti l-verniċ u/jew illostrat, biex jintuża għall-manifattura tar-roti (1) || 01.01-31.12 || 125 000 biċċa || 0 %

    09.2669 || ex 8714 91 30 ex 8714 91 30 || 21 31 || Furketta ta’ quddiem ta’ biċikletta, magħmula mill-fibri tal-karbonju u r-reżina artifiċjali, miżbugħa, mogħtija l-verniċ u/jew illostrata, għall-użu fil-manifattura tal-biċikletti (1) || 01.01-31.12 || 97 000 biċċa || 0 %

    09.2631 || ex 9001 90 00 || 80 || Lentijiet mhux iffrejmjati, priżmi u elementi ssimentati għall-użu fil-manifattura jew it-tiswija ta’ oġġetti tal-kodiċijiet NM 9002, 9005, 9013 10 u 9015 (1) || 01.01-31.12 || 5 000 000 biċċa || 0 %

    (1) Is-sospensjoni tad-dazji hija soġġetta għall-Artikoli minn 291 sa 300 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253 11.10.1993, p. 1).

    Top