EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0212

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata b’membru uniku

/* COM/2014/0212 final - 2014/0120 (COD) */

52014PC0212

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata b’membru uniku /* COM/2014/0212 final - 2014/0120 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

It-titjib tal-ambjent tan-negozju għall-kumpaniji kollha, u b’mod partikolari għall-SMEs, huwa waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-istrateġija ta’ tkabbir tal-UE ta’ 10 snin, Ewropa 2020[1] - biex nagħmlu n-negozju iktar faċli u aħjar. Għadd ta’ azzjonijiet rilevanti għall-SMEs ġew stabbiliti fil-Komunikazzjoni dwar “Politika industrijali integrata għall-era tal-globalizzazzjoni”[2], waħda mis-seba’ inizjattivi ewlenin ta' Ewropa 2020. Ir-rieżami tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar[3] u l-Atti I[4] u II[5] tas-Suq Uniku jinkludu wkoll azzjonijiet imfassla biex jittejjeb l-aċċess għall-finanzi u jitnaqqsu ulterjorment il-kostijiet biex isir in-negozju fl-Ewropa.

Il-kumpaniji jsibuha għalja u diffiċli biex ikunu attivi b'mod transfruntier u numru żgħir biss ta’ SMEs jinvestu barra mill-pajjiż. Ir-raġunijiet għal dan jinkludu d-diversità tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, b’mod partikolari d-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali dwar il-kumpaniji, u n-nuqqas ta’ fiduċja f’kumpaniji barranin fost il-konsumaturi u l-imsieħba kummerċjali. Sabiex jegħlbu n-nuqqas ta’ fiduċja, il-kumpaniji spiss jistabbilixxu sussidjarji fi Stati Membri oħra. Il-vantaġġ ta’ dan tkun li huma jkunu jistgħu jipprovdu lill-klijenti bil-marka u r-reputazzjoni tal-kumpanija priċipali, filwaqt li joffrulhom ukoll is-sigurtà li jittrattaw ma' kumpanija li għandha l-istatus legali ta’ livell nazzjonali minflok ma' kumpanija barranija. Li wieħed jistabbilixxi kumpanija barra l-pajjiż jinvolvi, fost oħrajn, il-kostijiet biex ikunu sodisfatti r-rekwiżiti legali u amministrattivi f’pajjiżi oħra, li huma ta’ spiss differenti minn dawk li l-kumpaniji huma abitwati għalihom “f’pajjiżhom”. Dawk il-kostijet (inklużi l-pariri legali u t-traduzzjoni addizzjonali meħtieġa) x’aktarx li jkunu partikolarment għoljin għal gruppi ta’ kumpaniji, minħabba li kull kumpanija prinċipali, u b’mod partikolari SME prinċipali, bħalissa hija ffaċċata b’rekwiżiti differenti għal kull pajjiż li fih tixtieq tistabbilixxi kumpanija sussidjarja.

Intrapriżi Ewropej żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) — għandhom rwol essenzjali x’jaqdu fit-tisħiħ tal-ekonomija tal-UE. Madankollu, huma għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma’ għadd ta’ ostakli li jxekklu l-iżvilupp sħiħ tagħhom fis-Suq Intern, u għalhekk jwaqqfuhom milli jagħtu l-kontribut sħiħ potenzjali tagħhom għall-ekonomija tal-UE.

Il-Kummissjoni Ewropea kellha l-għan li tindirizza dawn il-kostijiet fil-proposta tagħha tal-2008 għal Statut Ewropew għal Kumpaniji Privati (SPE).[6] Din il-proposta kienet maħsuba biex toffri lill-SMEs strument li jiffaċilita l-attivitajiet transfruntieri tagħhom, li jkunu sempliċi, flessibbli u uniformi fl-Istati Membri kollha. Hija nħarġet b'reazzjoni għal numru ta’ sejħiet minn negozji għall-ħolqien kumpanija privata b’responsabbiltà limitata verament Ewropea. Minkejja l-appoġġ qawwi mill-komunità tan-negozju ma kienx possibbli, madankollu, li jinstab kompromess li jippermetti l-adozzjoni unanima tal-Istatut fost l-Istati Membri. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tirtira l-proposta tal-SPE (l-eżerċizzju REFIT[7]) u minflok ħabbret li se toħroġ bil-proposta għall-miżura alternattiva mfassla sabiex tindirizza talanqas uħud mill-problemi indirizzati fl-SPE. Dan l-approċċ huwa konsistenti mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2012 dwar id-dritt Ewropew tal-kumpaniji u l-governanza korporattiva[8], li affermaw mill-ġdid l-impenn tal-Kummissjoni li tniedi inizjattivi oħra, lil hinn mill-proposta tal-SPE, sabiex ittejjeb l-opportunitajiet transfruntieri għall-SMEs.

L-għan kumplessiv ta’ din il-proposta, li tipprovdi approċċ alternattiv għall-SPE, huwa li tagħmilha iktar faċli għal kwalunkwe fundatur ta' kumpanija potenzjali, u b’mod partikolari għall-SMEs, sabiex iwaqqaf kumpaniji barra minn pajjiżu. Dan għandu jinkoraġġixxi u jrawwem iktar l-intraprenditorija u jwassal għal aktar tkabbir, innovazzjoni u impjiegi fl-UE.

Il-proposta tiffaċilita l-attivitajiet transfruntiera ta’ kumpaniji, billi titlob lill-Istati Membri biex jipprovdu fis-sistemi legali tagħhom għal sura ta’ liġi nazzjonali għal kumpaniji li ssegwi l-istess regoli fl-Istati Membri kollha u li jkollha abbrevjazzjoni madwar l-UE — SUP (Societas unius personae). Hija tkun iffurmata u topera skont regoli armonizzati fl-Istati Membri kollha u dan għandu jnaqqas il-kostijiet ta' twaqqif u dawk operazzjonali. B’mod partikolari, il-kostijiet jistgħu jitnaqqsu bi proċedura ta’ reġistrazzjoni armonizzata, possibbiltà ta’ reġistrazzjoni onlajn b’mudell uniformi tal-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni u livell baxx ta’ kapital legali meħtieġ għat-twaqqif. Il-kredituri jkunu protetti bl-obbligu impost fuq id-diretturi tas-SUP (u f’xi każijiet fuq il-membru uniku tas-SUP) biex jikkontrollaw id-distribuzzjonijiet. Biex ikun possibbli għan-negozji li jiksbu l-benefiċċji kollha tas-suq intern, l-Istati Membri ma għandhomx jeħtieġu li l-uffiċċju rreġistrat ta' SUP u l-amministrazzjoni ċentrali tagħha jkunu neċessarjament jinsabu fl-istess Stat Membru.

B’mod parallel għal din il-proposta, il-Kummissjoni qiegħda wkoll twettaq xogħlijiet relatati mmirati lejn it-titjib taċ-ċertezza legali għall-kumpaniji u b’mod aktar ġenerali dwar il-liġi applikabbli għalihom meta joperaw fi Stati Membri oħra, skont il-Programm ta’ Stokkolma tal-2009 tal-Kunsill Ewropew dwar Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini[9].

Din il-proposta, ladarba tiġi adottata, tħassar id-Direttiva 2009/102/KE u temenda r-Regolament 1024/2012[10] sabiex tippermetti l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (Internal Market Information System, IMI).

2.           KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

L-inizjattiva tibni fuq ir-riċerka mwettqa fit-tħejjija ta’ inizjattivi tal-UE preċedenti bħall-proposta tal-SPE 2008 u fuq għadd ta’ konsultazzjonijiet u diskussjonijiet rilevanti li seħħew sussegwentement għal din il-proposta

Bħala parti mill-proċess ta’ riflessjoni dwar il-ġejjieni tal-liġi tal-kumpaniji tal-UE, f’April 2011, il-Grupp ta’ Riflessjoni magħmul minn esperti fil-liġi tal-kumpaniji ppubblika rapport b'għadd ta’ rakkomandazzjonijiet[11]. Ir-rapport sejjaħ għal sforzi akbar biex ikun issimplifikat ir-reġim legali applikabbli għall-SMEs. Huwa semma b’mod partikolari l-ħtieġa li jkunu ssimplifikati l-formalitajiet qabel ma kumpanija tista' tkun stabbilita (pereżempju, reġistrazzjoni, aċċess għal proċeduri elettroniċi). Ir-rapport ippropona wkoll l-introduzzjoni ta’ mudell issimplifikat għal kumpaniji b’membru uniku madwar l-UE, li jippermetti li kemm azzjonisti individwali li għadhom jibdew u kumpaniji azzjonarji bi sjieda sħiħa tas-sussidjarji li jnaqqsu l-kostijiet tat-tranżazzjoni u jevitaw formalitajiet mhux neċessarji.

Fuq il-bażi ta’ dan ir-rapport, fi Frar 2012 il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika wiesgħa dwar il-futur tal-liġi Ewropea dwar il-kumpaniji. Il-konklużjoni inkludiet l-opinjonijiet tal-partijiet interessati dwar miżuri possibbli sabiex tipprovdi aktar appoġġ lill-SMEs Ewropej fil-livell tal-UE. Kienu rċevuti kważi 500 tweġiba, minn firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati inklużi l-awtoritajiet pubbliċi, it-trejdjunjins, il-federazzjonijiet tan-negozji, l-investituri, l-akkademiċi u l-individwi. Il-biċċa l-kbira kienu favur azzjonijiet tal-Kummissjoni li jappoġġaw l-SMEs, iżda kien hemm opinjonijiet differenti dwar il-mezzi biex dan jinkiseb. Il-Kummissjoni wkoll gawdiet minn kontributi minn esperti dwar il-liġi tal-kumpaniji involuti fil-Grupp ta’ Riflessjoni, pereżempju fir-rigward tal-parir dwar l-aspetti ewlenin tad-Direttiva futura potenzjali fuq kumpaniji b’membru uniku.

Konsultazzjoni pubblika onlajn aktar dettaljata dwar kumpaniji b’membru uniku mnedija f’Ġunju 2013[12], kienet eżaminat jekk l-armonizzazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar kumpaniji b’membru uniku tistax tipprovdi lill-kumpaniji, u b’mod partikolari lill-SMEs, b’regoli aktar sempliċi u flessibbli u tnaqqas il-kostijiet tagħhom. Kienu rċevuti kważi 242 tweġiba, minn firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati inklużi kumpaniji, awtoritajiet pubbliċi, trejdjunjins, federazzjonijiet tan-negozji, universitajiet u individwi. Minn dawk li wieġbu u li esprimew opinjoni, 62 % qiesu li l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata b'membru uniku tista’ tiffaċilita l-attivitajiet transfruntieri tal-SMEs; 64 % qiesu li tali inizjattiva għandha tinkludi regoli dwar ir-reġistrazzjoni onlajn b’forma ta’ reġistrazzjoni standardizzata madwar l-UE.

Fit-13 ta’ Settembru 2013, id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni dwar tas-suq intern u s-servizzi ltaqa' ma' għadd ta’ rappreżentanti tan-negozju tal-UE[13]. Ħafna mill-parteċipanti appoġġaw l-inizjattiva b’enfasi fuq l-impatt pożittiv li jista’ jkollha fuq kumpaniji fl-UE. Madankollu, huma enfasizzaw li din l-inizjattiva ma għandhiex titqies bħala alternattiva kompluta għall-SPE u li l-isforzi lejn l-SPE għandhom ikomplu.

Partijiet interessati oħra, bħan-nutara, kienu wkoll ġeneralment favur l-inizjattiva, iżda esprimew għadd ta’ tħassib relatat speċifikament mas-sigurtà tar-reġistrazzjoni onlajn ta’ kumpaniji u l-ħtieġa li jkun garantit livell xieraq ta’ kontroll fuq il-proċedura. Barra minn hekk, xi partijiet interessati kienu tal-opinjoni li t-tnaqqis tar-rekwiżit kapitali minimu għandu jiġi akkumpanjat minn miżuri adegwati pereżempju test tas-solvenza jew restrizzjonijiet fuq id-distribuzzjoni tad-dividendi.

Il-valutazzjoni tal-impatt imwettqa mill-Kummissjoni mill-bidu nett twarrab għadd ta' għażliet (notevolment, l-introduzzjoni ta’ forma legali ġdid sovranazzjonali; l-armonizzazzjoni tal-liġi tal-kumpaniji relatata mal-istabbiliment ta’ sussidjarji bl-SMEs biss bħala fundaturi jew inkella fil-forma ta’ kumpaniji b’responsabbiltà limitata pubbliċi u privati) minħabba n-nuqqas ta' fattibiltà tagħhom u/jew nuqqas ta’ appoġġ mill-partijiet interessati.

L-għażliet ikkunsidrati wara l-valutazzjoni prevedew il-ħolqien ta’ formoli nazzjonali tal-liġi dwar il-kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata b'membru uniku b'kumpaniji ma’ kundizzjonijiet armonizzati, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċess ta’ reġistrazzjoni u r-rekwiżit kapitali minimu.

L-għażla ta’ politika magħżula, li għandha tipprovdi għall-possibbiltà ta’ reġistrazzjoni onlajn, bil-mudell standard tal-artikoli ta’ assoċjazzjoni, rekwiżit kapitali minimu ta’ EUR 1, akkumpanjati minn test tal-karta tal-bilanċ u dikjarazzjoni ta’ solvenza. Meta mqabbla ma’ għażliet oħra ta’ politika, hija tipprovdi l-aħjar soluzzjoni globali, kif imkejla mill-effikaċja tagħha fl-ilħuq tal-objettivi (b’mod partikolari tnaqqis fil-kostijiet għal kumpaniji), l-effiċjenza tagħha u l-livell ta’ koerenza mal-politiki tal-UE.

Il-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt adotta opinjoni kumplessiva pożittiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt fl-20 ta’ Novembru 2013. Il-kummenti rċevuti mill-Bord irriżultaw f'modifiki tat-taqsimiet rigward: id-definizzjoni tal-probema u l-fergħat tal-problema, id-daqs tas-suq u l-għażliet tal-politika u l-impatti tagħhom. Barra minn hekk, id-deskrizzjoni tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri kienet ikkonvertita f’tabelli u ġie miżjud is-sommarju tar-riżultati tal-konsultazzjoni onlajn tal-2013. B’mod partikolari, wara l-opinjoni tal-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt, il-Valutazzjoni tal-Impatt issa tinkludi l-għażliet fuq ir-rekwiżit kapitali minimu u l-protezzjoni tal-kredituri kif ukoll rigward ir-reġistrazzjoni onlajn u l-użu ta’ mudell uniformi għall-artikoli ta’ assoċjazzjoni. Barra minn hekk, id-daqs tas-suq ikkonċernat huwa muri b’aktar prominenza fil-valutazzjoni tal-impatt: hemm madwar 21 miljun SME fl-UE li minnhom madwar 12-il miljun huma kumpaniji b’responsabbiltà limitata u madwar nofshom (5,2 miljuni) huma kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata b’membru uniku.

3.           ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Bażi ġuridika, sussidjarjetà u proporzjonalità

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li huwa l-bażi ġuridika għall-kompetenza tal-UE biex tieħu azzjoni fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji. Partikolarment l-Artikolu 50(2)(f) TFUE jipprovdi għall-abolizzjoni progressiva tar-restrizzjonijiet dwar il-libertà tal-istabbiliment fir-rigward tal-kundizzjonijiet għat-twaqqif ta' sussidjarji.

L-abbozz tal-proposta ma jistabbilixxix forma ġuridika supranazzjonali ġdida għal kumpanija b'membru uniku iżda minflok tikkontribwixxi għall-abolizzjoni progressiva ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment fir-rigward tal-kundizzjonijiet għat-twaqqif ta' sussidjarji fit-territorji tal-Istati Membri. Fil-prinċipju, l-objettiv għall-abbozz ta’ proposta seta’ b’hekk jiġi miksub permezz tal-adozzjoni indipendenti ta’ liġijiet identiċi mill-Istati Membri. F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-Artikolu 50 jipprodvi bażi ġuridika tajba għall-proposta u r-rikors għall-Artikolu 352 TFUE mhux meħtieġ.

Skont il-prinċipju tas-sussidjaretàl-UE għandha taġixxi biss fejn tista' tipprovdi riżultati aħjar minn intervent fil-livell tal-Istati Membri

Is-soluzzjonijiet adottati sa issa minn Stati Membri individwali rigward it-tnaqqis ta’ kostijiet ta’ twaqqif sa issa għadhom ma ġewx ikkoordinati fil-livell tal-UE. Tali koordinazzjoni fost l-Istati Membri, li timmira li tintroduċi fis-sistemi legali nazzjonali rekwiżiti identiċi għal formola partikulari tal-liġi nazzjonali tal-kumpaniji, għalkemm teoretikament possibbli, ukoll tidher li se tkum improbabbli fil-futur qrib. Minflok, huwa probabbli li azzjonijiet individwali mill-Istati Membri se jkomplu jirriżultaw f'eżiti diverġenti, kif jidher fid-dettall fil-Valutazzjoni tal-Impatt.

B’mod partikolari, azzjonijiet individwali mill-Istati Membri, spiss, jiffokaw fuq il-kuntest nazzjonali speċifiku tagħhom u normalment ma jfittxux li jiffaċilitaw l-istabbilimenti transfruntieri. Pereżempju, il-ħtieġa ta’ preżenza fiżika quddiem in-nutar jew kwalunkwe awtorità oħra tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni, għalkemm mhux direttament diskriminatorja, għandha impatt differenti fuq ir-residenti u dawk li mhumiex residenti. Il-kostijiet għall-fundaturi barranin, x’aktarx ikunu aktar sinifikanti milli għall-fundaturi domestiċi. Barra minn hekk, ir-reġistrazzjoni onlajn aċċessibbli fil-prattika biss għal nazzjonali jew residenti, li tidher aċċettabbli fil-kuntest nazzjonali, tiġġenera kostijiet addizzjonali għall-kumpaniji barranin, kostijiet li mhumiex imġarrba minn dawk domestiċi.

Jidher, għalhekk, li mingħajr azzjoni fuq livell tal-UE jkunu disponibbli biss soluzzjonijiet nazzjonali mhux armonizzati, u l-SMEs jibqgħu jiffaċċaw ostakli li jagħmlu l-espansjoni tagħhom barra minn pajjiżhom aktar diffiċli u l-kost riżultanti b’mod partikolari jaffettwa l-fundaturi barranin. Is-simplifikazzjoni li tirriżulta minn regoli armonizzati hija teoretikament possibbli li tinkiseb mill-Istati Membri billi jaġixxu individwalment, iżda hija improbabbli ħafna. F’dan il-kuntest, intervent immirat tal-UE jidher li huwa konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Fir-rigward tal-prinċipju ta' proporzjonalità, l-azzjoni tal-UE għandha tkun xierqa għall-kisba tal-objettivi tal-politika segwita u għandha tkun illimitata għal dak li hu neċessarju biex tiksibhom. Huwa xieraq li l-kundizzjonijiet għat-twaqqif u l-operat ta' kumpaniji b'responsabbiltà limitata b'membru uniku jkunu armonizzati biex tinkiseb parteċipazzjoni transfruntiera tal-SMEs fis-Suq Intern Din l-azzjoni għandha tiffaċilita u tinkoraġġixxi t-twaqqif ta' kumpaniji, u partikolarment twassal gaħl żieda fl-għadd ta' sussidjarji fl-UE. Hija ma tmurx lilhnn minn dak li hu neċessarju biex jinkiseb dan l-objettiv, minħabba li hi ma tippruvax tarmonizza bis-sħiħ l-aspetti kollha relatati mal-operat tal-kumpaniji b'responsabbiltà limitata b'membru uniku, iżda hija limitata għal dawk l-aspetti li huma l-aktar importanti fil-kuntest transfruntier.Id-Direttiva l-ġdida, li tħassar id-Direttiva eżistenti dwar kumpaniji b’membru uniku, tiżgura wkoll li l-kontenut u l-forma tal-azzjoni proposta tal-UE ma jmorrux lil hinn minn dak meħtieġ u li hu proporzjonat sabiex jintlaħaq l-objettiv regolatorju.

Spjegazzjoni Dettaljata tal-Proposta

Parti 1: Regoli ġenerali għall-kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata b'membru uniku

Ir-regoli ġenerali għal kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata b'membru uniku japplikaw għall-kumpaniji kollha elenkati fl-Anness I, inklużi l-kumpaniji msemmija fit-Tieni Parti ta’ din id-Direttiva (l-Artikoli minn 1 sa 5). It-Tnax-il Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji tal-Kunsill 89/667/KEE, li kienet ikkodifikata mid-Direttiva 2009/102/KE, introduċiet strument legali li jippermettu għal-limitazzjoni tar-responsabbiltà ta’ kumpanija b’membru uniku madwar l-UE. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-ewwel parti ta’ din id-Direttiva jirrikjedu żvelar ta’ informazzjoni dwar kumpanija b’membru uniku f’reġistru aċċessibbli għall-pubbliku u jirregolaw kemm id-deċiżjonijiet meħuda mill-membru uniku u kif ukoll il-kuntratti bejn il-membru uniku u l-kumpanija. Jekk Stat Membru jagħti lill-kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata l-possibbiltà li jkollhom azzjonist wieħed, ir-regoli tal-ewwel parti tad-Direttiva japplikaw għal dawn il-kumpaniji wkoll.

Parti 2: Regoli speċifiċi għas-Societas Unius Personae (SUP)

Kapitolu 1: Dispożizzjonijiet ġenerali

Id-dispożizzjonijiet tat-tieni parti ta' din id-Direttiva japplikaw għal kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata b'membru uniku stabbiliti bħala SUP (l-Artikolu 6).

Meta kwistjoni ma tkunx koperta b’din id-Direttiva, għandha tapplika l-liġi nazzjonali rilevanti.

Kapitolu 2: Formazzjoni ta' SUP

Id-Direttiva tillimita l-modi possibbli ta’ stabbiliment ta’ SUP jew billi tkun stabbilita kumpanija ex nihilo (l-istabbiliment ta' kumpanija kompletament ġdida) jew bil-konverżjoni ta’ kumpanija diġà eżistenti f'forma oħra tal-liġi tal-kumpaniji. Ċerti dispożizzjonijiet għal kull wieħed minn dawn iż-żewġ metodi huma magħmula fid-Direttiva (l-Artikoli 8 u 9) u l-proċess tal-iffurmar ta’ SUP wkoll huwa rregolat minn regoli nazzjonali għal kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata.

SUP tista' tkun iffurmata ex nihilo minn kull persuna fiżika jew ġuridika, anki jekk din tal-aħħar hija kumpanija b’responsabbiltà limitata b’membru uniku. L-Istati Membri ma għandhomx jipprevjenu lill-SUPs milli jkunu membri uniċi f’kumpaniji oħra.

Huma biss kumpaniji privati b’responsabilità limitata elenkati fl-Anness I li għandhom il-permess li jifformaw SUP permezz ta’ konverżjoni. Kumpanija li tikkonverti għal SUP iżżomm il-personalità ġuridika tagħha. Id-Direttiva tirreferi għal-liġi nazzjonali fir-rigward ta' proċeduri ta’ konverżjoni.

Skont din id-Direttiva, SUP għandu jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha u l-amministrazzjoni ċentrali tagħha jew il-post prinċipali tan-negozju tagħha fl-UE (l-Artikolu 10).

Kapitolu 3: L-istatut ta’ assoċjazzjoni

Id-Direttiva tipprovdi għal mudell standard għall-artikoli ta’ assoċjazzjoni, li l-użu tagħhom huwa obbligatorju fil-każ ta’ reġistrazzjoni onlajn. Hija tkompli tistipula l-kontenut minimu tal-mudell, kif se jiġu inklużi f’att ta’ implimentazzjoni li għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni (l-Artikolu 11).

L-artikoli ta’ assoċjazzjoni jistgħu jinbidlu wara r-reġistrazzjoni, iżda l-bidliet għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u l-liġi nazzjonali (l-Artikolu 12).

Kapitolu 4: Reġistrazzjoni ta’ SUP

Dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-proċedura ta’ reġistrazzjoni jiffurmaw il-parti ewlenija minn din id-Direttiva li hi fattur kritiku fl-iffaċilitar tal-istabbiliment ta’ sussidjarji f’pajjiżi tal-UE barra mill-pajjiż ta' oriġini tal-kumpanija. Id-Direttiva teħtieġ li l-Istati Membri joffru proċedura ta’ reġistrazzjoni li tista’ tkun kompletament kkompletata elettronikament f’distanza mingħajr ma tintalab il-preżenza fiżika tal-fundatur quddiem l-awtoritajiet tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni. Għalhekk għandu jkun possibbli wkoll li l-komunikazzjoni kollha bejn il-korp responsabbli għar-reġistrazzjoni u l-fundatur issir b’mod elettroniku. Ir-reġistrazzjoni ta’ SUP għandha titlesta fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol sabiex tippermetti li l-kumpaniji jiġu ffurmati malajr (l-Artikolu 14).

Barra minn hekk, id-Direttiva fiha lista eżawrjenti ta’ dokumenti u dettalji li l-Istati Membri jistgħu jitolbu għar-reġistrazzjoni ta’ SUP. Wara r-reġistrazzjoni, SUP tista' tibdel id-dokumenti u d-dettalji skont il-proċedura speċifikata mil-liġi nazzjonali (l-Artikolu 13).

Kapitolu 5: Sehem uniku

Minħabba li SUP jkollha azzjonist wieħed biss, hija titħalla biss toħroġ sehem wieħed li ma jistax jinqasam (l-Artikolu 15).

Kapitolu 6: Kapital tal-ishma

Id-Direttiva tippreskrivi li l-kapital azzjonarju jkun talanqas ta’ EUR 1, jew almenu unità waħda tal-munita nazzjonali fl-Istat Membru li fih din mhix l-euro. L-Istati Membri ma għandhom jimponu l-ebda limiti massimi fuq il-valur tas-sehem uniku jew kapital imħallas totalment u ma għandhomx jirrikjedu li SUP tibni riżerva legali. Madankollu, id-Direttiva tippermetti lill-SUPs li jibnu riżervi volontarja (l-Artikolu 16).

Id-Direttiva fiha wkoll regoli rigward id-distribuzzjonijiet (pereżempju, id-dividendi) lill-membru uniku tal-SUP. Distribuzzjoni tista’ sseħħ jekk l-SUP tissodisfa t-test tal-karta tal-bilanċ, li juri li wara d-distribuzzjoni l-bqija tal-assi tal-SUP se jkunu biżżejjed biex ikopri totalment l-obbligazzjonijiet tagħha. Barra minn hekk, għandha tingħata dikjarazzjoni ta’ likwidità mill-korp maniġerjali b’membru uniku qabel ma ssir id-distribuzzjoni. L-inklużjoni taż-żewġ rekwiżiti fid-Direttiva tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-kredituri, li għandha tgħin biex l-isem “SUP” jiżviluppa reputazzjoni tajba (l-Artikolu 18).

Kapitolu 7: Struttura u proċeduri operazzjonali ta’ SUP

Id-Direttiva tkopri s-setgħat ta’ teħid ta' deċiżjonijiet tal-membru uniku, il-ħidma tal-korp maniġerjali u r-rappreżentanza tal-SUP b’rabta mal-partijiet terzi (l-Artikolu 21).

Sabiex jiġu ffaċilitati l-attivitajiet transfruntieri tal-SMEs u tal-kumpaniji l-oħra, id-Direttiva tagħti lill-membru uniku d-dritt li jieħu deċiżjonijiet mingħajr il-ħtieġa li tkun organizzata laqgħa ġenerali u telenka s-suġġetti li jridu jiġu deċiżi minn membru uniku. Il-membru uniku għandu jkun jista’ jieħu deċiżjonijiet oħra għajr dawk imsemmija minn din id-Direttiva, inkluża d-delegazzjoni tas-setgħat tiegħu lill-korp maniġerjali, jekk ikun permess mil-liġi nazzjonali.

Il-persuni fiżiċi biss jistgħu jsiru Diretturi tal-SUPs, sakemm il-liġi tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni ma tippermettix li persuni ġuridiċi jagħmlu dan. Id-Direttiva tinkludi ċerti dispożizzjonijiet dwar il-ħatra u t-tneħħija tad-diretturi. Id-diretturi huma responsabbli għall-ġestjoni tal-SUP, u jirrappreżentaw ukoll lill-SUP fit-taħdidiet tagħha ma’ partijiet terzi. Huwa previst li l-SUP tista’ tkun mudell attraenti għal gruppi ta’ kumpaniji u għaldaqstant, id-Direttiva tippermetti li l-membru uniku jagħti struzzjonijiet lill-korp maniġerjali. Madankollu, dawn l-istruzzjonijiet għandhom jikkonformaw mal-liġijiet nazzjonali li jipproteġu l-interess ta’ partijiet oħra (l-Artikolu 22).

L-SUP tista' tkun ikkonvertita f’forma ġuridika nazzjonali oħra. F’każ li r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva ma jkunux aktar sodisfatti, l-SUP hija meħtieġa li jew tinbidel fsura oħra mil-liġi tal-kumpaniji jew li tiġi xolta. Jekk tonqos milli tagħmel dan, l-awtoritajiet nazzjonali għandu jkollhom is-setgħa li jxolju l-kumpanija (l-Artikolu 25).

Parti 3: Dispożizzjonijiet finali

Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu penali xierqa għall-ksur tad-Direttiva, tal-liġi nazzjonali jew tal-artikoli ta’ assoċjazzjoni (l-Artikolu 28). Hija tagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati u ta’ implimentazzjoni.

Sabiex iżżomm il-lista ta’ forom tal-liġi tal-kumpaniji fl-Istati Membri aġġornata, il-Kummissjoni se tipproponi emenda għall-Anness I, meta meħtieġ, permezz ta’ att delegat, li mhux se jeħtieġ il-ftuħ mill-ġdid tad-Direttiva u lanqas li tgħaddi minn proċedura leġiżlattiva (l-Artikolu 1(2)). Barra minn hekk, huwa propost li s-setgħa biex jiġu adottati żewġ atti ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni tkun delegata - fir-rigward tal-mudelli għar-reġistrazzjoni u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni (l-Artikoli 11(3) u 13(2)). Il-mudelli li jinsabu fl-atti ta’ implimentazzjoni li jkunu eħfef biex ikunu adattati għal ambjent ta’ negozju li qed jinbidel minn dawk adottati fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Fl-abbozzar tal-mudelli, il-Kummissjoni tkun assistita mill-Kumitat tal-Liġi tal-Kumpaniji

Id-Direttiva tħassar id-Direttiva 2009/102/KE li hija sostitwita b’din id-Direttiva u li temenda r-Regolament 1024/2012[14] sabiex tippermetti l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) (l-Artikoli 29 u 30).

L-Istati Membri għandhom jittrasponu d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn sentejn mid-data tal-adozzjoni tagħha. Sadanittant, il-Kummissjoni tadotta l-atti meħtieġa ta' implimentazzjoni. L-Istati Membri huma mistiedna biex jibdew il-proċess ta’ implimentazzjoni minnufih wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.

4.           DOKUMENTI TA’ SPJEGAZZJONI

Skont id-Dikjarazzjoni tal-Politika Konġunta tas-27 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni Ewropea għandha titlob biss dokumenti ta’ spjegazzjoni jekk tista’ “tiġġustifika skont il-każ [...] il-ħtieġa u l-proporzjonalità, li jkunu ipprovduti tali dokumenti, filwaqt li tqis, b’mod partikolari, u rispettivament, il-kumplessità tad-Direttiva u tat-traspożizzjoni tagħha, kif ukoll il-piż amministrattiv possibbli”.

Il-Kummissjoni tqis li f’dan il-każ partikolari huwa ġġustifikat li l-Istati Membri jintalbu jagħtuha dokumenti ta’ spjegazzjoni fid-dawl tal-isfidi ta’ implimentazzjoni eżistenti li jirriżultaw, inter alia, minħabba grad konsiderevoli ta’ varjazzjonijiet fil-modi li bihom hija rregolata l-liġi tal-kumpaniji fl-Istati Membri (pereżempju, il-kodiċi ċivili, il-kodiċijiet tal-liġi tal-kumpaniji u l-atti tal-kumpaniji).

Il-miżuri ta’ implimentazzjoni se jkollhom għadd ta’ effetti fil-livell nazzjonali, u se jinfluwenzaw, pereżempju l-liġi nazzjonali dwar il-kumpaniji, il-proċedura ta’ reġistrazzjoni, il-komunikazzjonijiet bejn il-korp responsabbli għar-reġistrazzjoni u l-fundatur, websajts tal-awtoritajiet kompetenti u l-proċedura ta' identifikazzjoni elettronika onlajn. B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-tieni parti tad-Direttiva x’aktarx li jiġu trasposti f’diversi atti nazzjonali. B’mod partikolari, dan jista’ jkun il-każ fi Stati Membri b’aktar minn reġistru kummerċjali ċentrali wieħed.

F’dan il-kuntest, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni se tkun essenzjali biex tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u l-miżuri nazzjonali tat-traspożizzjoni, u għalhekk biex tkun ivvalutata l-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-Direttiva.

Notifika sempliċi tal-miżuri ta’ traspożizzjoni individwali ma toffrix spjegazzjoni minnha nnifisha u għalhekk ma tippermettix li l-Kummissjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet legali kollha tal-UE kienu implimentati bir-reqqa u kompletament. Dokumenti ta’ spjegazzjoni huma meħtieġa biex jinkiseb fehim sħiħ tal-mod li bih l-Istati Membri qed jittrasponu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali. L-Istati Membri huma mħeġġa li jippreżentaw id-dokumenti ta’ spjegazzjoni f’forma ta’ tabelli li jinqraw faċilment li juru kif miżuri nazzjonali individwali adottati jikkorrispondu mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

Fid-dawl ta' dan, il-premessa li ġejja hija inkluża fid-Direttiva proposta: "F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar dokumenti ta' spjegazzjoni tat-28 ta' Settembru 2011, l-Istati Membri ntrabtu li jakkumpanjaw, f'każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trasmissjoni ta’ tali dokumenti hi ġustifikata".

2014/0120 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata b’membru uniku

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50 tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Id- Direttiva 2009/102/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 fil-qasam tad-dritt tal-kumpaniji dwar il-kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata b'membru uniku[15], għamlitha possibbli għal intraprendituri individwali li joperaw b'responsabbiltà limitata fl-Unjoni kollha.

(2)       Il-Parti I ta’ din id-Direttiva tieħu post id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva 2009/102/KE fir-rigward ta’ kumpaniji b’responsabbiltà limitata b’membru uniku. Hija tirrikjedi li f’każ li l-ishma kollha jiġu miżmuma minn azzjonist wieħed, l-identità tiegħu għandha tiġi żvelata lill-pubbliku billi titniżżel fir-reġistru. Din id-Direttiva tipprovdi wkoll li deċiżjonijiet meħuda minn azzjonist uniku li jeżerċita s-setgħa tal-laqgħa ġenerali kif ukoll il-kuntratti bejn l-azzjonist u l-kumpanija għandhom jiġu rreġistrati bil-miktub, ħlief jekk ikunu relatati ma’ kuntratti konklużi bil-kundizzjonijiet tas-suq fil-perkors normali tan-negozju.

(3)       L-istabbiliment ta' kumpaniji b’responsabbiltà limitata b’membru uniku bħala sussidjarji fi Stati Membri oħra jġib miegħu kostijiet minħabba diversi rekwiżiti legali u amministrattivi li jridu jintlaħqu fl-Istati Membri kkonċernati. Tali rekwiżiti diverġenti għadhom jeżistu fost l-Istati Membri.

(4)       Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni - Il-Kompetittività u s-Sostenibbiltà fix-Xena Prinċipali”[16] tħeġġeġ il-ħolqien, it-tkabbir u l-internazzjonalizzazzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). Dan huwa importanti għall-ekonomija tal-Unjoni minħabba li l-SMEs jirrappreżentaw żewġ terzi tal-impjiegi fl-Unjoni u joffru potenzjal sinifikanti għat-tkabbir u għall-ħolqien ta’ impjiegi.

(5)       It-titjib tal-ambjent tan-negozju, speċjalment għall-SMEs, billi jitnaqqsu l-kostijiet tat-tranżazzjoni fl-Ewropa, il-promozzjoni tar-raggruppamenti u l-promozzjoni għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs, kienu l-elementi ewlenin tal-inizjattiva “Politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni deskritta fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija Ewropa 2020[17].

(6)       F’konformità mal-istrateġija Ewropa 2020, ir-reviżjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa[18] saħqet fuq aktar progress biex ir-regolamentazzjoni intelliġenti ssir realtà, jitjib l-aċċess għas-suq u tkun promossa l-intraprenditorija, il-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir inklużiv.

(7)       Sabiex ikunu ffaċilitati l-attivitajiet transfruntieri tal-SMEs u l-istabbiliment ta’ kumpaniji b’membru uniku bħala sussidjarji fi Stati Membri oħra, il-kostijiet u l-piżijiet amministrattivi involuti fit-twaqqif ta' dawn il-kumpaniji għandhom jitnaqqsu.

(8)       Id-disponibbiltà ta’ qafas legali armonizzat li jirregola l-formazzjoni ta’ kumpaniji b’membru uniku, inkluż l-istabbiliment ta’ mudell uniformi tal-artikoli ta’ assoċjazzjoni għandha tikkontribwixxi għat-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment fir-rigward tal-kundizzjonijiet għat-twaqqif ta' sussidjarji fit-territorji tal-Istati Membri u twassal għal tnaqqis fil-kostijiet.

(9)       Il-kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata b'membru uniku ffurmati u li joperaw f’konformità ma’ din id-Direttiva għandhom iżidu mal-ismijiet tagħhom, taqsira faċilment identifikabbli - SUP (Societas Unius Personae).

(10)     Biex tirrispetta t-tradizzjonijiet eżistenti tal-Istati Membri tal-liġi tal-kumpaniji, għandha tingħatalhom il-flessibilità rigward kif u kemm jixtiequ japplikaw regoli armonizzati li jirregolaw il-formazzjoni u l-operat tal-SUPs. L-Istati Membri jistgħu japplikaw il-Parti 2 ta’ din id-Direttiva għal kumpaniji kollha privati b’responsabbiltà limitata b’membru uniku sabiex dawn il-kumpaniji kollha joperaw u jkunu magħrufa bħala SUPs. Alternattivament, dawn għandhom jipprovdu għall-istabbiliment ta’ SUP bħala forma separata tal-liġi tal-kumpaniji li teżisti flimkien ma’ forom oħra ta’ kumpanija privati b'membru uniku b’responsabbiltà limitata li huma pprovduti mil-liġi nazzjonali.

(11)     Biex ikun żgurat li r-regoli armonizzati huma applikati bl-aktar mod wiesa’ possibbli, kemm persuni fiżiċi u dawk naturali għandhom ikunu intitolati li jiffurmaw SUPs. Għall-istess raġuni kumpaniji privati b’responsabilità limitata li ma kinux iffurmati bħala SUPs għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-qafas tal-SUPs. Dawn għandhom ikunu jistgħu jiġu trasformati f’SUPs skont il-liġi nazzjonali applikabbli.

(12)     Biex ikun possibbli għan-negozji li jġawdu l-benefiċċji kollha tas-suq intern, l-Istati Membri ma għandhomx jeħtieġu li l-uffiċċju rreġistrat ta' SUP u l-amministrazzjoni ċentrali tagħha jkunu jinsabu fl-istess Stat Membru.

(13)     Sabiex tagħmilha aktar faċli u anqas għalja li jkunu stabbiliti sussidjarji fi Stati Membri oħra, il-fundaturi ta' SUPs ma għandhomx ikunu obbligati li jkunu fiżikament preżenti quddiem xi korp tar-reġistrazzjoni tal-Istat Membru. Ir-reġistru għandu jkun aċċessibbli minn kwalunkwe Stat Membru u fundatur ta' kumpanija għandu jkun jistà jagħmel użu mill-punti ta’ kuntatt waħdieni eżistenti maħluqa skont id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[19] bħala portal ta’ punti ta’ reġistrazzjoni onlajn nazzjonali. Għandu, għalhekk, ikun possibbli li SUP tiġi stabbilita kompletament mill-bogħod u b’mezzi elettroniċi.

(14)     Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ trasparenza, id-dokumenti kollha rreġistrati fir-reġistru tal-kumpaniji għandhom ikunu pubblikament disponibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri msemmija fl-Artikolu 4a(2) tad-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[20].

(15)     Biex jiġi żgurat livell għoli ta’ uniformità u aċċessibbiltà onlajn, id-dokumenti użati biex ikunu rreġistrati SUPs għandhom isegwu format uniformi disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Kull Stat Membru jista’ jeħtieġ li r-reġistrazzjoni timtela f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat, iżda huma wkoll mħeġġa li jippermetu reġistrazzjoni f’lingwi uffiċjali oħra tal-Unjoni.

(16)     B’konformità mar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-Reviżjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar tal-2011 tal-Unjoni Ewropea[21] biex jitnaqqas iż-żmien għat-twaqqif ta' intrapriżi ġodda, l-SUPs għandhom jirċievu ċertifikat ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru rilevanti ta’ Stat Membru fi żmien tlett ijiem tax-xogħol. Din il-faċilità għandha tkun disponibbli biss għal kumpaniji ġodda u mhux għal entitajiet eżistenti li jixtiequ jiġu kkonvertiti SUPs minħabba li r-reġistrazzjoni ta’ tali entitajiet min-natura tagħha stess, tista’ tieħu aktar fit-tul.

(17)     Kull Stat Membru għandu jaħtar punt kompetenti għar-reġistrazzjoni elettronika. Biex tappoġġa lill-korpi maħtura fl-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-identità tal-fundatur, l-Istati Membri jistgħu jużaw il-mezzi pprovduti fir- Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.[22]

(18)     Dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-istabbiliment ta’ kumpaniji b’responsabbiltà limitata b’membru uniku ma għandhomx jaffettwaw id-dritt tal-Istati Membri li jżommu r-regoli eżistenti li jikkonċernaw il-verifika tal-proċess ta’ reġistrazzjoni, sakemm il-proċedura ta’ reġistrazzjoni tista’ ssir elettronikament u mill-bogħod.

(19)     L-użu tal-mudell tal-artikoli ta’ assoċjazzjoni għandu jkun meħtieġ jekk l-SUP tkun irreġistrata elettronikament. Jekk forma oħra ta’ reġistrazzjoni hija permessa mil-liġi nazzjonali, ma hemmx għalfejn jintuża l-mudell , iżda l-artikoli ta’ assoċjazzjoni għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva. Ir-rekwiżit kapitali minimu għall-formazzjoni ta’ kumpanija privata b’responsabbiltà limitata b'membru uniku tvarja fost l-Istati Membri. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri diġà ħadu passi lejn l-abolizzjoni tar-rekwiżit kapitali minimu jew lejn iż-żamma tiegħu f’livell nominali. L-SUPs ma għandhomx ikunu soġġetti għal rekwiżit ta’ kapital obbligatorju għoli minħabba li dan ikun ta’ xkiel għall-ħolqien taagħhom. Il-kredituri, madankollu, għandhom ikunu protetti minn distribuzzjonijiet eċċessivi lill-membri uniċi li jkunu jistgħu jaffettwaw il-kapaċità tal-SUP li tħallas id-djun tagħha. Protezzjoni bħal din għandha tkun żgurata permezz ta' impożizzjoni ta' rekwiżiti minimi fil-karta tal-bilanċ (l-obbligazzjonijiet ma jaqbżux l-assi) u dikjarazzjoni tas-solvenza mħejjija u ffirmata mill-korp maniġerjali. Ma għandu jkun hemm l-ebda restrizzjonijiet oħra fuq l-użu tal-kapital mill-membru uniku.

(20)     Sabiex jiġi evitat l-abbuż u jkun issimplifikat il-kontroll, l-SUPs la għandhom joħorġu iktar ishma u lanqas ma għandhom jaqsmu s-sehem uniku. U l-SUPs lanqas ma għandhom jakkwiżixxu jew jippossjedu s-sehem uniku tagħhom direttament jew indirettament. Drittijiet marbuta mas-sehem uniku għandhom ikunu eżerċitati biss minn persuna waħda. Jekk l-Istati Membri jippermettu sjieda konġunta ta' sehem wieħed, rappreżentant wieħed biss għandu jkun intitolat jaġixxi għan-nom tal-koproprjetarji u jitqies bħala membru uniku għall-għan ta’ din id-Direttiva.

(21)     Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ trasparenza, deċiżjonijiet meħuda minn SUP b’membru uniku fl-eżerċizzju tas-setgħat tal-laqgħa ġenerali għandhom ikunu rreġistrati bil-miktub. Deċiżjonijiet bħal dawn għandhom jiġu żvelati lill-kumpanija u r-rekord bil-miktub tagħhom miżmum talanqas għal ħames snin.

(22)     Il-korp maniġerjali ta’ SUP għandu jkun magħmul minn Direttur wieħed jew aktar. Persuni fiżiċi biss għandhom jinħatru bħala diretturi, sakemm l-Istat Membru tar-reġistrazzjoni ma jippermettix li persuni legali jaġixxu bħala diretturi.

(23)     Sabiex tiġi ffaċilitata l-operazzjoni ta’ gruppi ta’ kumpaniji, l-istruzzjonijiet maħruġa mill-korp maniġerjali b’membru uniku għandhom ikunu vinkolanti. Il-kopr maniġerjali ma għandux isegwi dawn l-istruzzjonijiet biss, fejn jekk jagħmel dan huwa jkun qed jikser il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fejn tkun irreġistrata l-kumpanija. Bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni fl-artikoli ta’ assoċjazzjoni li tillimita r-rappreżentanza tal-kumpanija għad-diretturi kollha b'mod konġunta, kwalunkwe limitazzjoni oħra fuq is-setgħat tad-diretturi, li joħorġu mill-artikoli ta’ assoċjazzjoni, ma għandhomx ikunu vinkolanti sa fejn għandhom x'jaqsmu partijiet terzi.

(24)     L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli fuq il-multi applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva u għandhom jiżguraw li huma jkunu implimentati. Dawn il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(25)     Sabiex jitnaqqsu l-kostijiet amministrattivi u legali assoċjati mal-formazzjoni ta’ kumpaniji u biex jiġi żgurat livell għoli ta’ konsistenza fil-proċess tar-reġistrazzjoni madwar l-Istati Membri, is-setgħat ta’ implimentazzjoni li jadottaw il-mudelli għar-reġistrazzjoni u tal-artikoli ta’ assoċjazzjoni ta’ SUP għandhom jingħataw lill-Kummissjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (KE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[23].

(26)     Sabiex ikunu akkomodati bidliet futuri għal-liġijiet tal-Istati Membri u għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rigward it-tipi ta' kumpaniji, is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tingħata lill-Kummissjoni biex taġġorna l-lista ta' impriżi li jinsabu fl-Anness I. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, anki fil-livell tal-esperti. Meta tkun qed tħejji u tfassal l-atti delegati, il-Kummissjoni, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa ta' dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(27)     B'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2011 dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni[24], l-Istati Membri refgħu r-responsabbiltà li jakkumpanjaw, f’każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew iktar li jispjega(w) ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trasmissjoni ta’ tali dokumenti hi ġustifikata.

(28)     Ladarba l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li l-iffaċilitar tal-istabbiliment ta' kumpaniji privati b'responsabbiltà limitat b'memnru uniku, inklużi SUPs ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri u jista', iżda minflok, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri konformement mal-prinċipju ta' sussidjarjetà li jinsabu fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(29)     Peress li qed isiru emendi sostanzjali tad-Direttiva 2009/102/KE, fl-interessi taċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali dik id-Direttiva għandha titħassar.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Parti 1 Dispożizzjonijiet Ġenerali

Artikolu 1 Kamp ta’ Applikazzjoni

1.           Il-miżuri ta’ koordinazzjoni provdut għalihom f’din id-Direttiva japplikaw għal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri:

(a) it-tipi ta’ kumpaniji elenkati fl-Anness I;

(b) Societas Unius Personae (SUP) msemmija fl- Artikolu 6.

2.           L-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn b’kull bidliet għat-tipi ta’ kumpaniji privati limitati previsti fil-liġi nazzjonali tagħhom li jaffettwaw il-kontenut tal-Anness I.

F'dan il-każ, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadatta, permezz ta' atti delegati skont l-Artikolu 26, il-lista ta’ kumpaniji inklużi fl-Anness I.

3.           Meta xi Stat Membru jippermetti li kumpaniji oħra għajr dawk elenkati fl-Anness I jiġu stabbiliti bħala kumpaniji b’membru uniku, jew isiru tali, kif definit fl-Artikolu 2(1), il-Parti 1 ta’ din id-Direttiva tapplika għalihom ukoll.

Artikolu 2 Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “kumpanija b’membru uniku” tfisser kumpanija li l-ishma tagħha huma miżmuma minn persuna waħda;

(2) “konverżjoni” tfisser kull proċess li bih kumpanija eżistenti ssir SUP jew ma tibqax hekk;

(3) “distribuzzjoni” tfisser kull benefiċċju finanzjarju dderivat direttament jew indirettament mill-SUP mill-membru uniku, fir-rigward tas-sehem uniku, inkluż kull trasferiment ta’ flus jew proprjetà. Id-distribuzzjonijiet jistgħu jieħdu l-forma ta’ dividend, u jistgħu jsiru b’xiri jew bejgħ ta’ proprjetà jew b'kull mezz ieħor;

(4) “artikoli ta’ assoċjazzjoni” tfisser artikoli ta’ assoċjazzjoni jew statuti jew kwalunkwe regoli jew strumenti ta’ inkorporazzjoni oħra li jistabbilixxu kumpanija;

(5) “direttur”, tfisser kull membru tal-korp maniġerjali jew formalment maħtur jew li jaġixxi bħala direttur de facto.

Artikolu 3 Żvelar

Meta kumpanija ssir kumpanija b’membru uniku minħabba li l-ishma kollha tagħha jiġu miżmuma minn persuna waħda, dan il-fatt flimkien mal-identità tal-membru waħdieni, għandhom jew jiġu rreġistrati fil-fajl jew imdaħħla fir-reġistru kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva 2009/101/KE jew jiġu mdaħħla f’reġistru miżmum mill-kumpanija u aċċessibli għall-pubbliku.

Artikolu 4 Laqgħa ġenerali

1.           Il-membru uniku jeżerċita s-setgħat tal-laqgħa ġenerali tal-kumpanija.

2.           Id-deċiżjonijiet meħuda mill-membru uniku li jeżerċita s-setgħat imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu rreġistrati bil-miktub.

Artikolu 5 Kuntratti bejn il-membru uniku u l-kumpanija

1.           Kuntratti bejn il-membru uniku u l-kumpanija jkunu rreġistrati bil-miktub.

2.           L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-paragrafu 1 għal kuntratti konklużi skont il-kundizzjonijiet tas-suq fil-perkors normali tan-negozju li ma jkunx ta’ detriment għall-kumpanija b’membru uniku.

Parti 2 Societas Unius Personae

Kapitolu 1 Forma Ġuridika u Prinċipji Ġenereali

Artikolu 6 Forma ġuridika

1.           L-Istati Membri jipprovdu għall-possibbiltà li jirreġistraw kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata b’membru uniku skont ir-regoli u l-proċeduri stabbiliti f’din il-Parti. Dawn il-kumpaniji jkunu msejħa SUPs.

2.           L-Istati Membri ma jfixklux lill-SUPs milli jkunu membri uniċi f’kumpaniji oħra.

Artikolu 7 Prinċipji ġenerali

1.           L-Istati Membri jagħtu lill-SUPs personalità ġuridika sħiħa.

2.           L-Istati Membri jipprovdu li l-membru uniku ma jkunx responsabbli għal kull ammont li jaqbeż il-kapital azzjonarju sottoskritt.

3.           L-isem ta’ kumpanija, li jkollha l-forma ġuridika ta’ SUP, ikun segwit bit-taqsira “SUP”. SUP biss tista’ tuża l-abbrevjazzjoni “SUP”.

4.           L-SUP, u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni tagħha, ikunu rregolati mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fejn l-SUP hija rreġistrata (minn hawn ’il quddiem “il-liġi nazzjonali applikabbli”).

5.           L-Istati Membri jipprovdu li SUP tkun stabbilita għal perjodu ta’ żmien mingħajr limitu, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor fl-artikoli ta’ assoċjazzjoni.

Kapitolu 2 Formazzjoni

Artikolu 8 Inkorporazzjoni

SUP tista' tiġi inkorporata minn persuna fiżika jew ġuridika.

Artikolu 9 Bidla f'SUP

1.           L-Istati Membri jiżguraw li SUP tista’ tiġi ffurmata permezz ta’ konverżjoni tat-tipi ta’ kumpaniji elenkati fl-Anness I

2.           Il-formazzjoni ta’ SUP permezz ta’ konverżjoni ma twassalx għal xi proċeduri ta' stralċ, kull telf jew interruzzjoni tal-personalità ġuridika jew taffettwa xi dritt jew obbligu eżistenti qabel il-konverżjoni.

3.           L-Istati Membri jiżguraw li kumpanija ma ssirx SUP sakemm:

(a) ma tgħaddix riżoluzzjoni tal-azzjonisti tagħhha jew deċiżjoni tal-membru uniku ma tittiħidx li tawtorizza l-konverżjoni tal-kumpanija f'SUP

(b) l-artikoli ta’ assoċjazzjoni tagħha ma jkunux jikkonformaw mal-liġi nazzjonali applikabbli; kif ukoll

(c) l-assi netti tagħha ma jkunux mill-inqas ekwivalenti għall-ammont ta’ kapital azzjonarju sottoskritt tiegħu flimkien ma’ dawk ir-riservi li ma jistgħux jiġu ddistribwiti skont l-artikoli ta’ assoċjazzjoni tagħha.

Artikolu 10 Sedi tal-SUP

SUP ikollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha u jew l-amministrazzjoni ċentrali jew il-post ewlieni tan-negozju tagħha fl-Unjoni.

Kapitolu 3 Artikoli ta’ Assoċjazzjoni

Artikolu 11 Mudell uniformi tal-artikoli ta' assoċjazzjoni

1.           L-Istati Membri jeħtieġu li l-artikoli ta’ assoċjazzjoni tal-SUP ikopru almenu l-materji previsti fil-paragrafu 2.

2.           Il-mudell uniformi tal-artikoli ta’ assoċjazzjoni jkopri kwistjonijiet ta’ formazzjoni, ishma, kapital azzjonarju, organizzazzjoni, kontijiet u x-xoljiment ta' SUP.

Dan ikun disponibbli permezz ta’ mezzi elettroniċi.

3.           Il-Kummissjoni tadotta mudell uniformi tal-artikoli ta’ assoċjazzjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27.

Artikolu 12 Emendi għall-istatut ta' assoċjazzjoni;

1.           SUP tista’, wara r-reġistrazzjoni, temenda l-artikoli ta’ assoċjazzjoni tagħha b’mezzi elettroniċi jew b’mezzi oħra skont il-liġi nazzjonali applikabbli. Din l-informazzjoni tiddaħħal fir-reġistru tal-kumpaniji fl-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni.

2.           L-artikoli ta’ assoċjazzjoni emendati tal-SUP ikopru almenu l-kwistjonijiet provdut għalihom fil-mudell uniformi msemmi fl-Artikolu 11(2).

Kapitolu 4 Reġistrazzjoni

Artikolu 13 Formalitajiet relatati mar-reġistrazzjoni

1.           L-Istati Membri għar-reġistrazzjoni ta’ SUP jistgħu jeħtieġu biss l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni li ġejjin:

(a) l-isem tal-SUP;

(b) l-indirizz tal-uffiċċju rreġistrat, l-amministrazzjoni ċentrali u/jew il-post ewlieni tan-negozju tal-SUP;

(c) l-għan tal-operat tal-SUP;

(d) l-ismijiet, l-indirizzi u kull informazzjoni oħra neċessarja biex ikun identifikat il-membru fundatur u, fejn applikabbli, is-sid benefiċjarju u rappreżentant li jirreġistra l-SUP f'isem il-membru;

(e) l-ismijiet, l-indirizzi u kull informazzjoni oħra neċessarja biex jiġu identifikati l-persuni li huma awtorizzati jirrappreżentaw l-SUP f’negozjati ma’ partijiet terzi u fi proċedimenti legali u jekk dawn ma ġewx skwalifikati mil-liġijiet tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 22;

(f) il-kapital azzjonarju tal-SUP;

(g) il-valur nominali tas-sehem uniku, fejn rilevanti;

(h) l-istatut ta' assoċjazzjoni tal-SUP;

(i) fejn applikabbli, id-deċiżjoni li tawtorizza l-konverżjoni tal-kumpanija f’SUP.

2.           Permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tistabbilixxi, mudell li għandu jintuża għar-reġistrazzjoni ta’ SUPs fir-reġistri tal-kumpaniji tal-Istati Membri skont il-paragrafu 1. Dak l-att ta’ implimentazzjoni jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27.

Artikolu 14 Reġistrazzjoni

1.           SUP tkun irreġistrata fl-Istat Membru li fih għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha.

2.           SUP takkwista personalità legali fid-data meta tkun reġistrata fir-reġistru tal-kumpaniji tal-Istat Membru li tirreġistra fih

3.           L-Istati Membri jiżguraw li l-proċedura ta’ reġistrazzjoni għal SUPs inkorporati ġodda tista' tiġi kkompletata elettronikament fl-intier tagħha mingħajr ma jkun meħtieġ li l-membru fundatur jidher quddiem kwalunkwe awtorità fl-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni (ir-reġistrazzjoni onlajn).

4.           Siti elettroniċi nazzjonali għal reġistrazzjoni onlajn jinkludu links għal siti elettroniċi ta’ reġistrazzjoni fi Stati Membri oħra. L-Istati Membri jiżguraw li dawn il-mudelli huma użati għar-reġistrazzjoni onlajn:

(a) il-mudell uniformi tal-artikoli ta’ assoċjazzjoni msemmija fl-Artikolu 11, u

(b) il-formula ta' reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 13.

L-Istati Membri joħorġu ċertifikat ta’ reġistrazzjoni li tjikkonferma li l-proċedura ta' reġistrazzjoni tlestiet. Iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni jinħareġ mhux aktar tard minn tlett ijiem tax-xogħol minn meta l-awtorità kompetenti tirċievi d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa.

5.           L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli biex jivverifikaw l-identità tal-membri fundaturi, u ta' kull persuna oħra li tagħmel ir-reġistrazzjoni f’isem l-membru, u l-aċċettabilità tad-dokumenti u informazzjoni oħra mressqa lil korp ta' reġistrazzjoni. Kull identifikazzjoni maħruġa fi Stat Membru ieħor mill-awtoritajiet ta’ dak l-Istat jew għan-nom tagħhom, inkluż identifikazzjoni maħruġa elettronikament, tiġi rikonoxxuta u aċċettata għall-għanijiet tal-verifika mill-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni.

Meta, għal finijiet tal-ewwel subparagrafu, huwa meħtieġ għall-Istati Membri li jkollhom rikors għal kooperazzjoni amministrattiva bejniethom, dawn japplikaw ir- Regolament (UE) Nru 1024/2012.

6.           L-Istati Membri ma jagħmlux r-reġistrazzjoni ta’ SUP kundizzjonali għal ksib ta' kwalunkwe liċenzja jew awtorizzazzjoni. Ir-reġistrazzjoni ta’ SUP, id-dokumenti kollha pprovduti matul il-proċess ta’ reġistrazzjoni u l-bidliet sussegwenti fihom, jiġu żvelat fir-reġistru rilevanti tal-kumpaniji immedjatament wara r-reġistrazzjoni.

Kapitolu 5 Sehem uniku

Artikolu 15 Sehem uniku

1.           SUP ma toħroġx aktar minn sehem wieħed. Dan is-sehem uniku ma jinqasamx.

2.           SUP, direttament jew indirettament, ma takkwista jew jippossjedi s-sehem uniku tagħha.

3.           Meta skont il-liġi nazzjonali applikabbli, is-sehem uniku ta’ SUP ikun proprjetà ta’ aktar minn persuna waħda, dawn il-persuni jitqiesu bħala membru uniku fir-rigward tal-SUP. Huma jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom permezz ta’ rappreżentant wieħed u jinnotifikaw il-korp amministrattiv tal-SUP, mingħajr dewmien żejjed, bl-isem ta’ dak ir-rappreżentant u kull bidla għalih. Qabel tali notifika, l-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom fl-SUP ikun sospiż. Is-sidien tas-sehem uniku jkunu responsabbli in solidum u b'mod konġunt għall-impenji li jsiru mir-rappreżentant.

L-identità tar-rappreżentant tkun irreġistrat fir-reġistru rilevanti tal-kumpaniji.

Kapitolu 6 Kapital azzjonarju

Artikolu 16 Kapital tal-ishma

1.           Il-kapital azzjonarju tal-SUP jkun talanqas ta’ EUR 1. Fl-Istati Membri fejn l-euro mhix il-munita nazzjonali, il-kapital azzjonarju jkun almenu ekwivalenti għal unità waħda tal-munita ta' dak l-Istati Membru.

2.           Il-kapital tal-SUP jkun sottoskritt kollu kemm hu.

3.           l-Istati Membri ma jimponu l-ebda valur massimu fuq is-sehem uniku.

4.           L-Istati Membri jiżguraw li l-SUP mhix suġġett għal regoli li jirrikjedu li l-kumpanija li tibni riżervi legali. L-Istati Membri jippermettu lill-kumpaniji jibnu riżervi skont l-Artikoli ta’ assoċjazzjoni tagħhom.

5.           L-Istati Membri jeħtieġu li l-formoli tal-ittri u dawk tal-ordnijiet, kemm jekk kartaċji jew b'kull mezz ieħor, jiddikjaraw il-kapital sottoskritt u dak imħallas totalment. Jekk il-kumpanija jkollha websajt, dan it-tagħrif ikun disponibbli wkoll fuqha.

Artikolu 17 Korrispettiv għas-sehem

1.           Il-korrispettiv għas-sehem ikun imħallas totalment fil-mument ta’ reġistrazzjoni ta’ SUP.

2.           F’każ ta’ reġistrazzjoni onlajn, il-korrispettiv jitħallas fil-kont bankarju tal-SUP. Iż-żieda jew tnaqqis sussegwenti ta’ kapital azzjonarju jitħallew mill-inqas fi flus kontanti u in natura.

3.           F’każ ta’ ħlas fi flus kontanti, l-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni ta’ SUP jaċċetta ħlas f’kont bankarju ta’ bank li jopera fl-Unjoni, bħala evidenza tal-ħlas jew żieda fil-kapital azzjonarju.

Artikolu 18 Distribuzzjonijiet

1.           SUP tista’, abbażi ta’ rakkomandazzjoni mingħand il-korp maniġerjali, tagħmel distribuzzjoni lill-membru uniku sakemm din tikkonforma mal-paragrafi 2 u 3.

2.           SUP ma tagħmilx tqassim lill-membru uniku jekk fid-data tal-għeluq tal-aħħar sena finanzjarja l-assi netti kif stabbiliti fil-kontijiet annwali tal-SUP huma inqas mill-ammont tal-kapital tal-ishma miżjuda ma’ dawk ir-riżervi li ma jistgħux jiġu ddistribwiti skont l-istatut ta’ assoċjazzjoni ta’ SUP, jew isiru hekk wara tali distribuzzjoni. Il-kalkolu jkun ibbażat fuq il-karta bilanċjali adottata l-aktar reċentement. Kull bidla fil-kapital azzjonarju jew f’dik il-parti ta’ riżervi li ma jistgħux jitqassmu li seħħew wara d-data tal-għeluq tas-sena finanzjarja jitqiesu wkoll.

3.           L-SUP li ma tqassamx lil-membru uniku jekk dan jirriżulta li l-SUP ma tkunx tista’ tħallas djuna kif isiru dovuti u pagabbli wara d-distribuzzjoni. Il-korp maniġerjali għandu jiċċertifika bil-miktub li, wara li għamlet inkjesta sħiħa fl-affarijiet u l-perspettivi tal-SUP, ħoloq l-opinjoni raġonevoli li l-SUP se tkun tista’ tħallas djunha malli jkunu dovuti fil-kors normali tan-negozju fis-sena wara d-distribuzzjoni proposta (“dikjarazzjoni ta’ solvenza”). Id-dikjarazzjoni ta' solvenza għandha tiġi ffirmata mill-korp maniġerjali u kopja tiegħu għandha tkun ipprovduta lill-membri uniku 15-il jum qabel ma tiġi adottata r-riżoluzzjoni dwar id-distribuzzjoni.

4.           Id-dikjarazzjoni ta' solvenza jiġi żvelat. Jekk il-kumpanija jkollha websajt, din l-informazzjoni tkun ukoll disponibbli fuqha.

5.           Kull direttur jkun personalment responsabbli għar-rakkomandazzjonijiet jew l-ordni ta’ distribuzzjoni jekk dak direttur kien jaf, jew, fid-dawl taċ-ċirkostanzi, suppost kien jaf li d-distribuzzjoni tmur kontra l-paragrafu 2 jew 3. L-istess japplika għall-membru uniku rigward kull deċiżjoni li jagħmel distribuzzjoni msemmija fl-Artikolu 21.

Artikolu 19 Irkupru ta' distribuzzjonijiet li ma kellhomx isiru

L-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe distribuzzjonijiet mħallsa kontra l- Artikolu 18(2) jew (3) jingħata lura lill-SUP, fejn ikun stabbilit li l-membru uniku kien jaf, jew, li fid-dawl taċ-ċirkostanzi, suppost kien jaf li d-distribuzzjoni tmur kontra l- Artikolu 18(2) jew (3).

Artikolu 20 Tnaqqis tal-kapital tal-ishma

L-Istati Membri jiżguraw li t-tnaqqis tal-kapital azzjonarju ta’ SUP li jwassal de facto għal distribuzzjoni lill-mebru uniku biex jikkonforma mal- Artikolu 18(2) u (3).

Kapitolu 7 Organizzazzjoni

Artikolu 21 Deċiżjoni tal-membru uniku

1.           Id-deċiżjonijiet meħuda mill-membru uniku ta' SUP jiġu rreġistrati bil-miktub mill-membru uniku. Jinżammu reġistri għad-deċiżjonijiet kollha meħuda, mill-inqas għal ħames snin.

2.           Membru uniku jiddeċiedi dwar dan li ġej:

(a) approvazzjoni tal-kontijiet annwali;

(b) distribuzzjoni lill-membru;

(c) żieda fil-kapital azzjonarju;

(d) tnaqqis fil-kapital azzjonarju;

(e) ħatra jew tneħħija tad-diretturi;

(f) jekk ikun hemm, remunerazzjoni tad-diretturi inkluż meta l-membru uniku jkun direttur;

(g) bidla tal-uffiċċju rreġistrat;

(h) ħatra u tneħħija tal-awditur, fejn applikabbli;

(i) konverżjoni tal-SUP f'kumpanija b'forma legali oħra;

(j) xoljiment tal-SUP;

(k) kull emenda għall-istatut ta' assoċjazzjoni.

Il-membru uniku ma jistax jiddelega d-deċiżjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu lill-korp maniġerjali.

3.           Il-membru uniku jitħalla jieħu deċiżjonijiet mingħajr ma jsejjaħ laqgħa ġenerali. L-ebda restrizzjonijiet formali ma jiġu imposti mill-Istati Membri fuq is-setgħa tal-membru uniku biex jieħu d-deċiżjonijiet, inkluż rigward il-post u l-ħin li fih dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu.

Artikolu 22 Ġestjoni

1.           SUP tkun ġestita minn korp maniġerjali li jkun magħmul minn direttur wieħed jew aktar.

2.           In-numru ta’ diretturi jkun speċifikat fl-artikoli ta’ assoċjazzjoni.

3.           Il-korp maniġerjali jista’ jeżerċita s-setgħat kollha tal-SUP li mhumiex eżerċitati mill-membru uniku jew, fejn applikabbli, permezz tal-bord superviżorju.

4.           Id-diretturi jkunu persuni fiżiċi, jew persuni ġuridiċi, meta dan ikun permess mil-liġi nazzjonali applikabbli. Huma jinħatru għal perjodu ta’ żmien mingħajr limitu, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fid-deċiżjoni tal-membru uniku li taħtarhom jew fl-artikoli ta’ assoċjazzjoni. Il-membru uniku jista’ jsir direttur.

5.           Il-membru uniku jista jneħħi direttur, permezz ta’ deċiżjoni, f’kull ħin. Ladarba jitneħħa mill-kariga, direttur ikun immedjatament privat mill-awtorità u s-setgħa li jaġixxi bħala direttur f’isem l-SUP. Kull dritt jew obbligu oħra skont il-liġi nazzjonali applikabbli ma jiġux affettwati.

6.           Persuna naturali li hija skwalifikata jew mil-liġi jew minn deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni ma tistax isservi ta’ direttur. Jekk id-direttur ikun ġie skwalifikat b'deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva meħuda fi Stat Membru ieħor u din id-deċiżjoni tibqa’ fis-seħħ, id-deċiżjoni għandha tiġi żvelata mar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 13. Stat Membru jista’ jirrifjuta, bħala kwistjoni ta’ politika pubblika, ir-reġistrazzjoni ta’ kumpanija jekk direttur huwa suġġett għal skwalifika pendenti fi Stat Membru ieħor.

Meta, għal finijiet ta' dan il-paragrafu, l-Istati Membri jkollhom bżonn jirrikorru għal kooperazzjoni amministrattiva bejniethom, dawn japplikaw ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012.

7.           Kull persuna, li tagħti direzzjonijiet jew struzzjonijiet li d-diretturi tal-kumpanija huma mdorrijin isegwu, mingħajr ma tkun appuntata formalment, titqies direttur fir-rigward tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet kollha li d-diretturi huma suġġetti għalihom. Persuna ma titqiesx direttur biss fuq il-bażi li l-korp maniġerjali jaġixxi fuq parir mogħti minnu jew minnha f’kapaċità professjonali.

Artikolu 23 Istruzzjonijiet tal-azzjonist

1.           Il-membru uniku jkollu d-dritt li jagħti struzzjonijiet lill-korp maniġerjali.

2.           L-istruzzjonijiet mogħtija mill-membru uniku ma jkunux vinkolanti għal kull direttur jekk huma jiksru l-artikoli ta’ assoċjazzjoni jew il-liġi nazzjonali applikabbli.

Artikolu 24 Awtorità biex jaġixxi u jidħol fi ftehimiet f'isem SUP

1.           Korp maniġerjali ta' SUP, magħmul minn direttur wieħed jew aktar, ikollu l-awtorità li jirrappreżenta l-SUP, anki meta tidħol fi ftehimiet ma’ partijiet terzi u fi proċedimenti legali.

2.           Id-diretturi jistgħu jirrappreżentaw SUP individwalment, inkluż meta jidħlu fi ftehimiet ma’ partijiet terzi u fi proċedimenti legali, sakemm l-artikoli ta’ assoċjazzjoni jipprovdu għal rappreżentazzjoni konġunta. Kull limitazzjoni oħra fuq is-setgħat tad-diretturi, mill-artikoli ta’ assoċjazzjoni, permezz ta’ deċiżjoni tal-membru uniku jew minn deċiżjoni tal-korp maniġerjali, tista’ ma tkunx fdata f'kull tilwima ma’ partijiet terzi, anki jekk dik il-limitazzjoni kienet żvelata. Atti mwettqa mill-korp ta' ġestjoni jkunu vinkolanti fuq l-SUP anki jekk ma jkunux skont l-għanijiet tal-SUP.

3.           Il-korp maniġerjali jista' jiddelega d-dritt li jirrappreżenta l-SUP sa fejn dan huwa permess mill-artikoli ta’ assoċjazzjoni. Id-dover tal-korp maniġerjali li jiddikjara stat ta’ falliment jew li jibda xi proċedura ta’ insolvenza simili ma jiġix delegat.

Artikolu 25 Konverżjoni ta' SUP f'kumpanija b'forma legali oħra

1.           L-Istati Membri jiżguraw li l-liġi nazzjonali tagħhom teħtieġ li SUPs li jiġu xolti jew jiġu trasformati f’forma ta’ kumpanija oħra jekk l-SUPs ma jibqgħux jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva. Jekk xi SUP tonqos milli tieħu l-passi xierqa biex tikkonverti f'forma legali ta' kumpanija oħra, l-awtorità kompetenti tingħata s-setgħat meħtieġa biex ixxolji l-SUP.

2.           SUP tista', f’kull waqt, tiddeċiedi li tikkonvertu f'forma legali ta' kumpanija oħra skont il-proċedura stabbilita mil-liġi nazzjonali applikabbli.

3.           SUP li tkun ġiet ikkonvertita f'forma legali ta' kumpanija oħra jew xolta skont il-paragrafi 1 jew 2, tieqaf milli tuża l-abbrevjazzjoni SUP.

Parti 3 Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 26

Eżerċizzju ta' setgħat iddelegati

1.           Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ta' delega hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.           Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 1(2) tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat.

3.           Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 1(2) tista' tiġi revokata f'kull mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni ta' revoka ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Hija jkollha effett fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data sussegwenti speċifikata hemmhekk. Din ma taffettwax il-validità ta’ kull att iddelegat li huwa diġà fis-seħħ.

4.           Hekk kif tadotta att ta' delega, il-Kummissjoni tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.           Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 1(2) jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkunx saret oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dan il-perjodu jiġi estiż b’xahrejn b'inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 27 Proċedura ta' Kumitat

1.           Il-Kummissjoni Ewropea se tkun megħjuna mill-Kumitat tal-Liġi tal-Kumpaniji Dak il-kumitat ikun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.           Meta sssir referenza għal dan il-paragrafu, japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 28 Penali

L-Istati Membri jistipulaw penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati biex tkun implimentata din id-Direttiva u jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li dawk il-penali jiġu applikati. Il-penali previsti jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 29 Tħassir

1.           Id-Direttiva 2009/102/KE tkun imħassra 24 xahar u jum wieħed wara d-data tal-adozzjoni ta’ din id-Direttiva.

2.           Referenzi għad-Direttiva mħassra jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 30 Emenda għar-Regolament (UE) Nru 1024/2012

Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1024/2012, jiżdied il-punt 6 li ġej:

“6. Id-Direttiva […/…/UE] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ [..] dwar il-Kumpaniji Privati b’Responsabbiltà Limitata b'Membru Uniku *: L-Artikoli 14 u 22.

_________

* ĠU L [...].”

Artikolu 31 Traspożizzjoni

1.           L-Istati Membri jadottaw u jippubblikaw, mhux iktar tard minn 24 xahar wara d-data tal-adozzjoni ta' din id-Direttiva, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għalbiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

2.           Huma japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet 24 xahar wara d-data tal-adozzjoni ta’ din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri jiddeterminaw kif trid issir din ir-referenza.

L-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali ta’ liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-kamp kopert minn din id-Diretiva.

Artikolu 32 Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 33 Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                            Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               COM(2010) 2020, 3.3.2010.

[2]               COM(2010) 614.

[3]               COM(2011) 78, 23.2.2011.

[4]               COM(2011) 206, 13.4.2011.

[5]               COM(2012) 573, 3.10.2012.

[6]               Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-Istatut għal kumpanija privata Ewropea (SPE), COM(2008) 396.

[7]               L-irtirar tal-proposta tal-SPE tħabbar fl-Anness għall-Komunikazzjoni dwar “L-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT): ir-Riżultati u passi li jmiss”, COM(2013) 685, 2.10.2013.

[8]               COM(2012) 740, 12.12.2012; "Pjan ta' Azzjoni: Id-dritt soċjetarju Ewropew u l-governanza korporattiva – qafas legali modern għal azzjonisti aktar impenjati u kumpaniji sostenibbli

[9]               “Il-Programm ta' Stokkolma - Ewropa Miftuħa u Sigura għas-Servizz u l-Protezzjoni taċ-ċittadini”, (2010/C115/01)

[10]             Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1).

[11]             Ir-Rapport tal-Grupp ta' Riflessjoni: http://ec.europa.eu/internal_market/company/docs/modern/reflectiongroup_report_en.pdf.

[12]             http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/2013/single-member-private-companies.

[13]             Il-Konfederazzjoni tan-Negozji Ewropej (Business Europe), il-Kunsill tan-Nutara tal-UE, l-Alleanza Ewropea tan-Negozji ż-Żgħar, il-Kunsill tal-Kmamar u tal-Assoċjazzjonijiet tal-Avukati tal-Ewropa, Chambre de commerce et d’industrie de Région Paris et Ile-de-France, Association Nationale des Sociétés par Actions u Eurochambers.

[14]             Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1).

[15]             ĠU L 258, 1.10.2009, p. 20.

[16]             COM(2010) 614 finali, 28.10.2010.

[17]             COM(2010) 2020 finali, 3.3.2010.

[18]             COM(2011) 78 finali, 23.2.2011.

[19]             Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċemrbu 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).

[20]             Id-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU L 258, 1.10.2009, p. 11).

[21]             COM(2011) 78 finali, 23.2.2011.

[22]             Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1).

[23]             Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

[24]             ĠU C 369, 17.12.2011 p. 14.

ANNESS I

Tipi Ta' Kumpaniji Msemmijin Fl-Artikolu 1(1)(a)

— Il-Belġju:

‘société privée à responsabilité limitée/besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid’,

— Il-Bulgarija:

‘дружество с ограничена отговорност',

- Ir-Repubblika Ċeka:

‘společnost s ručením omezeným’,

— Id-Danimarka:

‘anpartsselskab’,

— Il-Ġermanja:

‘Gesellschaft mit beschränkter Haftung’,

— L-Estonja:

‘osaühing’,

— L-Irlanda:

‘private company limited by shares or by guarantee/cuideachta phríobháideach faoi theorainn scaireanna nó ráthaíochta',

— Il-Greċja:

‘εταιρεία περιορισμένης ευθύνης’,

— Il-Kroazja:

'društvo s ograničenom odgovornošću'

— Spanja:

‘sociedad de responsabilidad limitada’,

— Franza:

‘société à responsabilité limitée’,

— L-Italja:

‘società a responsabilità limitata’,

— Ċipru:

‘ιδιωτική εταιρεία περιορισμένης ευθύνης με μετοχές ή με εγγύηση’,

— Il-Latvja:

‘sabiedrība ar ierobežotu atbildību’,

— Il-Litwanja:

‘uždaroji akcinė bendrovė’,

— Il-Lussemburgu:

‘société à responsabilité limitée’,

— L-Ungerija:

‘korlátolt felelősségű társaság',

— Malta:

‘kumpannija privata/private limited liability company’,

— Il-Pajjiżi l-Baxxi:

‘besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid’,

— L-Awstrija:

‘Gesellschaft mit beschränkter Haftung’,

— Il-Polonja:

‘spółka z ograniczoną odpowiedzialnością’,

— Il-Portugal:

‘sociedade por quotas’,

— Ir-Romanija:

‘societate cu răspundere limitată’,

— Is-Slovenja:

‘družba z omejeno odgovornostjo’,

— Is-Slovakkja:

‘spoločnosť s ručením obmedzeným’,

— Il-Finlandja:

‘yksityinen osakeyhtiö/privat aktiebolag',

— L-Isvezja:

‘privat aktiebolag’,

— Ir-Renju Unit:

‘private company limited by shares or by guarantee’

ANNESS II

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Id-Direttiva 2009/102/KE || Din id-Direttiva

Artikolu 1 || Artikolu 1(1)

Artikolu 2(1) || Artikolu 2

Artikolu 2(2) || -

Artikolu 3 || Artikolu 3

Artikolu 4 || Artikolu 4

Artikolu 5 || Artikolu 5

Artikolu 6 || Artikolu 1(3)

Artikolu 7 || -

Artikolu 8 || Artikolu 31

Artikolu 9 || Artikolu 29

Artikolu 10 || Artikolu 32

Artikolu 11 || Artikolu 33

Top