Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0156

    Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-approvazzjoni mill-Kummissjoni, f'isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra

    /* COM/2014/0156 final */

    52014PC0156

    Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-approvazzjoni mill-Kummissjoni, f'isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra /* COM/2014/0156 final */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Din il-proposta hija mħejjija fid-dawl tal-iffirmar, l-applikazzjoni provviżorja u l-konklużjoni prevista ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ġeorġja, sabiex tiġi approvata l-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mill-Kummissjoni f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (KEEA).

    Billi l-KEEA hija wkoll Parti għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni se tagħmel rakkomandazzjoni separata għall-approvazzjoni tal-Kunsill tal-konklużjoni mill-Kummissjoni dwar partijiet tal-Ftehim li jaqgħu taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-(KEEA).

    Għall-iffirmar u l-konklużjoni tal-ftehimiet internazzjonali mill-KEEA japplikaw proċeduri differenti. B’mod partikolari, bi qbil mal-Artikolu 101 tat-Trattat tal-KEEA, dawn il-ftehimiet għandhom jiġu konklużi mill-Kummissjoni bl-approvazzjoni tal-Kunsill. Huwa għalhekk neċessarju li jiġu adottati deċiżjonijiet separati kemm għall-iffirmar kif ukoll għall-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mill-UE u mill-KEEA.

    Għall-konklużjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni f’isem il-KEEA, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill jagħti l-approvazzjoni tiegħu, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 tat-Trattat li jistabbilixxi l-KEEA.

    Fid-dawl tar-riżultati tan-negozjati msemmija fil-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f’isem l-UE, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ġeorġja, kif ukoll il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ġeorġja, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill jiddeċiedi li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u  l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra, għandu jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni u jistabbilixxi ħatra tal-persuna/i bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw f’isem l-Unjoni.

    Bl-approvazzjoni tal-Kunsill u d-deċiżjoni xierqa tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni se tkun tista' tiffirma u tikkonkludi l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni f’isem il-KEEA.

    2.           IR-RIŻULTATI U L-ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

    Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Kunsill japprova, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-KEEA.

    It-test ta’ dan il-Ftehim huwa mehmuż ma’ din ir-Rakkomandazzjoni.

    Min-naħa tal-Unjoni, il-bażi ġuridika għall-konklużjoni ta' dan il-Ftehim hija l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tat-TFUE.

    Għall-KEEA, il-bażi ġuridika għal dan il-Ftehim hija l-Artikolu 101 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

    Il-proposta mehmuża tikkostitwixxi, flimkien mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar konklużjoni, l-istrument ġuridiku għall-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni f’isem il-KEEA.

    Il-fatt li l-Kummissjoni bagħtet il-proposta tagħha bħala ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u l-Ġeorġja huwa marbut mal-ħolqien inizjali ta' dan il-Ftehim skont ir-regoli tat-Trattat qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona.

    Skont l-Artikolu 102 tat-Trattat Euratom, Ftehim ma jistax jidħol fis-seħħ għall-KEEA sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ġiet notifikata mill-Istati Membri li l-ftehim sar applikabbli skont id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom.

    Rakkomandazzjoni għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-approvazzjoni mill-Kummissjoni, f'isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)       Fl-10 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Ġeorġja għall-konklużjoni ta’ Ftehim ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja biex jissostitwixxi l-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni.[1]

    (2)       Meta titqies ir-relazjoni storika mill-qrib u rabtiet progressivament eqreb bejn il-Partijiet, kif ukoll ix-xewqa tagħhom li jsaħħu u jwessgħu r-relazzjonijiet b’mod innovattiv u ambizzjuż, in-negozjati dwar il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (minn hawn’ il quddiem “il-Ftehim”), ġew finalizzati b’suċċess billi kien inizjalat il-Ftehim fid-29 ta’ Novembru 2013.

    (3)       Il-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill li l-Ftehim għandu jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni Ewropea u applikat fuq bażi provviżorja, skont l-Artikolu 429 tal-Ftehim, sakemm jiġi konkluż f’data aktar tard.

    (4)       Il-Ftehim ikopri wkoll kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Euratom, jiġifieri l-Artikolu 298(k).

    (5)       L-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim huma soġġetti għal proċedura separata fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    (6)       Il-Ftehim għandu għalhekk jiġi konkluż ukoll f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika f'dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat tal-Euratom.

    (7)       Skont l-Artikolu 102 tat-Trattat tal-Euratom, il-Ftehim ma jistax jidħol fis-seħħ għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika sakemm il-Kummissjoni Ewropea ma tkunx ġiet notifikata mill-Istati Membri li tali ftehim sar applikabbli skont id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom.

    (8)       Il-konklużjoni tal-Ftehim mill-Kummissjoni Ewropea, li taġixxi f'isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, għandha tiġi approvata.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-konklużjoni mill-Kummissjoni Ewropea, f'isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra, hija b'dan approvata.[2] [3]

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               ĠU L 205, 4.8.1999, p. 1-52.

    [2]               It-test tal-Ftehim hu mehmuż mad-Deċiżjoni dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra, (ĠU...) (ĠU…)

    [3]               ĠU: Jekk jogħgbok fin-nota ta' qiegħ il-paġna ta' fuq din daħħal ir-referenza tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni fid-dokument [...]

    Top