Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0151

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 428/2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-tranżitu ta’ oġġetti b’użu doppju

    /* COM/2014/0151 final - 2011/0310 (COD) */

    52014PC0151

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 428/2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-tranżitu ta’ oġġetti b’użu doppju /* COM/2014/0151 final - 2011/0310 (COD) */


    2011/0310 (COD)

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar

    il-pożizzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 428/2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-tranżitu ta’ oġġetti b’użu doppju

    1.           Sfond

    Data tat-trażmissjoni tal-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (dokument COM(2011) 704 final – 2011/0310 (COD): || is-7 ta’ Novembru 2011

    Data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari: || it-23 ta’ Ottubru 2012

    Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill: || it-3 ta’ Marzu 2014

    2.           L-objettiv tal-proposta mill-Kummissjoni

    Il-proposta tipprovdi għal emendi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 fir-rigward tal-proċedura biex tiġi aġġornata l-lista ta’ kontroll tal-UE.

    L-objettiv huwa li tingħata s-setgħa lill-Kummissjoni biex taġġorna l-lista tal-UE ta’ oġġetti b’użu doppju kkontrollati li tinsab fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 permezz ta’ atti ddelegati, skont l-Artikolu 290 tat-TFUE, sabiex tiġi żgurata konformità sħiħa mal-obbligi ta' sigurtà internazzjonali u biex tinżamm il-kompetittività tal-operaturi ekonomiċi tal-UE. Il-proposta tal-Kummissjoni għandha wkoll l-għan li tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tneħħi d-"destinazzjonijiet" (jiġifieri l-pajjiżi) mil-lista ta’ pajjiżi li jibbenefikaw minn Awtorizzazzjonijiet Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-UE (EUGEA) fl-Anness II, sabiex ikun hemm reazzjoni fil-pront min-naħa tal-UE għal ċirkostanzi internazzjonali.

    3.           Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

    Il-pożizzjoni tal-Kunsill tapprova l-elementi ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni iżda tipprevedi xi emendi għall-proposta oriġinali tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tneħħija ta’ ċerti destinazzjonijiet (pajjiżi) li jibbenefikaw minn proċeduri ffaċilitati ta’ esportazzjoni, u l-kamp ta' applikazzjoni tal-atti delegati.

    Il-pożizzjoni tal-Kunsill tissuġġerixxi li l-iskrutinju tas-setgħa delegata tal-Parlament tiġi allinjata mal-ftehim dwar it-“Trade Omnibus II”. Ma' dan ir-Regolament, se tiġi mehmuża “Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-atti delegati”, li tfakkar l-impenn tal-Kummissjoni skont il-ftehim qafas li tipprovdi informazzjoni lill-Parlament dwar il-gruppi ta’ esperti.

    Il-pożizzjoni tal-Kunsill tipprevedi wkoll ċerti emendi fir-rigward tar-rieżami u tal-validità tad-delega tas-setgħat, li tkun limitata għal ħames snin u estiża b’mod taċitu, soġġetta għall-preżentazzjoni ta’ rapport, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux għal din l-estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem il-perjodu.

    Fl-aħħar nett, il-pożizzjoni tal-Kunsill tinkludi “Dikjarazzjoni Konġunta mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni dwar ir-rieżami tas-sistema ta’ kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju” ta' akkumpanjament, kif ukoll “Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aġġornament tar-Regolament” (ara hawn isfel).

    4.           Konklużjoni

    Il-Kummissjoni taċċetta l-pożizzjoni meħuda mill-Kunsill.

    _______________________

    DIKJARAZZJONIJIET

    Dikjarazzjoni Konġunta mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni dwar ir-rieżami tas-sistema ta’ kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju

    Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jirrikonoxxu l-importanza tat-titjib kontinwu tal-effikaċja u tal-koerenza tal-kontrolli strateġiċi tal-esportazzjoni tal-UE, b'tali mod li jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà u trasparenza adegwata, mingħajr ma jxekklu l-kompetittività u l-kummerċ leġittimu f’oġġetti b’użu doppju.

    It-tliet Istituzzjonijiet iqisu li jinħtieġu modernizzazzjoni u konverġenza ulterjuri tas-sistema sabiex ilaħħqu ma' theddidiet ġodda u ma' bidliet teknoloġiċi rapidi, inaqqsu d-distorsjonijiet, joħolqu suq komuni ġenwin għal oġġetti b’użu doppju (kundizzjonijiet ekwi u uniformi għall-esportaturi) u jkomplu jservu bħala mudell ta’ kontroll ta’ esportazzjoni għal pajjiżi terzi.

    Għal dan il-għan, huwa essenzjali li jiġi ssimplifikat il-proċess għall-aġġornament tal-listi ta’ kontroll (Annessi mar-Regolament); li tissaħħaħ il-valutazzjoni tar-riskju u l-iskambju ta’ informazzjoni, li jiġu żviluppati standards tal-industrija aħjar, u li jitnaqqsu d-disparitajiet fl-implimentazzjoni.

    Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jirrikonoxxu l-kwistjonijiet dwar l-esportazzjoni ta’ ċerti teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) li jistgħu jintużaw f’konnessjoni mal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll biex idgħajfu s-sigurtà tal-UE, partikolarment għal teknoloġiji użati għas-sorveljanza tal-massa, il-monitoraġġ, l-insegwiment, l-intraċċar u l-iċċensurar, kif ukoll għal vulnerabbiltajiet tas-softwer.

    F'dan ir-rigward, ingħata bidu għal konsultazzjonijiet tekniċi, inkluż fil-qafas taż-Żjara bejn il-Pari tal-UE dwar l-Użu Doppju, tal-Grupp ta' Koordinazzjoni tal-Użu Doppju, u tar-reġimi ta' kontroll tal-esportazzjoni, u qed jittieħdu aktar azzjonijiet biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta' urġenza permezz ta' sanzjonijiet (skont l-Artikolu 215 tat-TFUE), jew ta' miżuri nazzjonali. Se jiżdiedu l-isforzi biex jiġu promossi ftehimiet multilaterali fil-kuntest tar-reġimi ta' kontroll tal-esportazzjoni, u se jiġu esplorati l-għażliet biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni fil-kuntest tar-rieżami li għaddej bħalissa tal-politika tal-UE dwar il-kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju, u t-tħejjija ta' Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. F'dan il-kuntest, it-tliet Istituzzjonijiet ħadu nota tal-ftehim tal-4 ta' Diċembru 2013 mill-Istati Parteċipanti tal-Arranġament Wassenaar, biex jadottaw kontrolli fuq għodod kumplessi ta' sorveljanza li jippermettu l-aċċess mhux awtorizzat għas-sistemi tal-kompjuters, u fuq sistemi ta' sorveljanza tal-IP-netwerks.

    Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jimpenjaw ruħhom ukoll li jiżviluppaw ulterjorment il-mekkaniżmu "globali" (''catch-all'') eżistenti għall-oġġetti b'użu doppju li mhumiex koperti mill-Anness I tar-Regolament, sabiex ikomplu jsaħħu s-sistema ta' kontroll tal-esportazzjoni u l-applikazzjoni tagħha fis-suq uniku Ewropew.

    Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-atti delegati

    Fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tfakkar l-impenn li ħadet fil-paragrafu 15 tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, li tipprovdi lill-Parlament bl-informazzjoni u bid-dokumentazzjoni kollha dwar il-laqgħat tagħha mal-esperti nazzjonali fil-qafas tal-ħidma tagħha għat-tħejjija tal-atti delegati.

    Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-pjanijiet biex jiġi aġġornat ir-Regolament

    Sabiex jiġi żgurat approċċ Ewropew aktar integrat, effiċjenti u koerenti għall-moviment (l-esportazzjonijiet, it-trasferimenti, is-senseriji u t-tranżitu) ta’ oġġetti strateġiċi, il-Kummissjoni se tressaq proposta ġdida biex ir-Regolament jiġi aġġornat malajr kemm jista’ jkun.

    _______________________

    Top