Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0081

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-estensjoni tal-intitolament tal-koproduzzjonijiet kif stipulat fl-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-Koooperazzjoni Kulturali anness mal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq parti, u r-Repubblika tal-Korea, fuq il-parti l-oħra

    /* COM/2014/081 final - 2014/0041 (NLE) */

    52014PC0081

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-estensjoni tal-intitolament tal-koproduzzjonijiet kif stipulat fl-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-Koooperazzjoni Kulturali anness mal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq parti, u r-Repubblika tal-Korea, fuq il-parti l-oħra /* COM/2014/081 final - 2014/0041 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles (FTA) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Korea t’Isfel[1] ġie applikat b'mod proviżorju minn Lulju 2011. Il-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali (minn hawn 'il quddiem: il-Protokoll), konkluż mill-Partijiet fi ħdan il-qafas tal-FTA, stabbilixxa qafas li fih innifisu l-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiffaċilitaw l-iskambji fl-attivitajiet kulturali, l-oġġetti u s-servizzi, inkluż is-settur awdjoviżiv, u biex itejbu l-kundizzjonijiet li jirregolaw tali skambji.

    B’deroga mid-dispożizzjonijiet istituzzjonali tal-FTA, il-Kumitat għall-Kummerċ ma għandu jkollu l-ebda ġuriżdizzjoni fuq il-Protokoll. Minflok il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali, stabbilit fil-qafas tal-Protokoll u li hu magħmul minn uffiċjali anzjani mill-amministrazzjoni ta’ kull Parti, għandu jwettaq il-funzjonijiet kollha tal-Kumitat għall-Kummerċ fir-rigward ta’ dan il-Protokoll, fejn tali funzjonijiet ikunu relevanti għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll. Il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali ltaqa’ għall-ewwel darba fit-5 ta’ Diċembru 2013 fi Brussell u l-Partijiet f’dik l-okkażjoni qasmu informazzjoni dwar il-bażijiet legali rispettivi u l-attivitajiet kulturali tagħhom.

    Mal-Protokoll, il-Partijiet, f’konformità mal-leġiżlazzjoni rispettiva tagħhom, qablu fost l-oħrajn li jagħtu intitolament għall-koproduzzjonijiet awdjoviżivi bejn il-produtturi mill-Parti tal-UE u l-Korea li jibbenefikaw mill-iskemi rispettivi tagħhom għall-promozzjoni tal-kontenut kulturali lokali/reġjonali skont ċerti kundizzjonijiet speċifiċi. Tali koproduzzjonijiet jistgħu jitqiesu bħala xogħlijiet Ewropej fi ħdan l-UE u x-xogħlijiet Koreani fi ħdan il-Korea, sakemm dawn jirrispettaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5 tal-Protokoll (ara b’mod partikolari l-punti 8(a) sa (c)). Dan l-intitolament ġie stabbilit għal perjodu ta’ tliet snin (mill-1 ta’ Lulju 2011 sat-30 ta’ Ġunju 2014) u issa qed jiġi propost li dan l-intitolament jiġġedded għal tliet snin oħra.

    2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Il-Protokoll jipprevedi li kull Parti tistabbilixxi Grupp Konsultattiv Domestiku (DAG), magħmul minn rappreżentanti kulturali u awdjoviżivi attivi fl-oqsma koperti minn dan il-Protokoll. Id-DAG tal-UE ltaqa’ fil-25 ta’ Settembru 2013 fi Brussell sabiex jevalwa r-riżultati tal-implimentazzjoni tal-intitolament f’termini tat-tisħiħ tad-diversità kulturali u l-kooperazzjoni reċiproka ta’ benefiċċju fuq xogħlijiet ta' koproduzzjoni.

    Id-DAG innota n-nuqqas ta’ koproduzzjonijiet awdjoviżivi bejn l-UE u l-Korea skont il-kundizzjonijiet imsemmija fil-Protokoll, qabel li l-Protokoll madankollu għandu l-potenzjal li jkun għodda utli, u rrakkomanda li l-intitolament għall-koproduzzjonijiet ta' bejn l-UE u l-Korea jiġi estiż għal tliet snin oħra. Id-DAG kkonkluda wkoll li jeħtieġ li ssir promozzjoni tal-Protokoll fuq il-livell tal-industrija, tal-istat u tal-UE jekk dan l-intitolament kellu jiġi sfruttat sew. 

    L-intitolament għall-koproduzzjonijiet awdjoviżivi ġie diskuss mal-Istati Membri tal-UE f’laqgħa tal-Kumitat tal-Affarijiet Kulturali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Ottubru 2013. Wara din il-konsultazzjoni mal-Istati Membri u fid-dawl tal-opinjoni tad-DAG, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-intitolament jiġi estiż għal perjodu ieħor ta’ tliet snin.

    3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    Il-proċedura għat-tiġdid ta' dan l-intitolament hija stipulata fl-Artikolu 5 tal-Protokoll. Il-passi meħtieġa ttieħdu, kif ġie spjegat fid-dettall hawn fuq.

    L-Artikolu 5(8) tal-Protokoll jistipula li jekk jiġi deċiż li dan l-intitolament għandu jiġġedded, jista’ jiġi estiż għal perjodu ieħor ta’ tliet snin u, wara din id-data, se jiġġedded awtomatikament għall-perjodi oħra suċċessivi tal-istess tul sakemm Parti ma ttemmx l-intitolament billi tagħti avviż bil-miktub mill-anqas tliet xhur qabel l-iskadenza tal-perjodu. Il-koproduzzjonijiet eżistenti qabel tali terminazzjoni xorta waħda jkunu jistgħu jibqgħu jibbenefikaw mill-iskemi rispettivi għall-promozzjoni ta’ kontenut kulturali lokali/reġjonali.

    Skont l-Artikolu 4.1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/265/UE hemm bżonn Deċiżjoni tal-Kunsill biex dan it-tiġdid tal-intitolament isir liġi.

    4.       IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA Mhux disponibbli

    5.       ELEMENTI MHUX OBBLIGATORJI Mhux disponibbli

    2014/0041 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    Dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-estensjoni tal-intitolament tal-koproduzzjonijiet kif stipulat fl-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-Koooperazzjoni Kulturali anness mal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq parti, u r-Repubblika tal-Korea, fuq il-parti l-oħra

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 167(3) , flimkien mal-Artikolu 218 (9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)       Fit-23 ta’ April 2007 l-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles mar-Repubblika tal-Korea f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha.

    (2)       Dawn in-negozjati ġew konklużi u l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra[2], ("il-Ftehim") ġie ffirmat fis-6 ta' Ottubru 2010. Il-Ftehim fih Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali (“il-Protokoll”) li, skont l-Artikolu 1 tiegħu, jistabbilixxi l-qafas li fi ħdanu l-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiffaċilitaw l-iskambji li jirrigwardaw l-attivitajiet, l-oġġetti u s-servizzi kulturali, inkluż fost oħrajn, fis-settur awdjoviżiv.

    (3)       F'konformità mal-Artikolu 15.10(5) tal-Ftehim, dan ġie applikat b'mod proviżorju bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/265/UE[3] ("id-Deċiżjoni") mill-1 ta' Lulju 2011, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

    (4)       Skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni, l-Artikolu 5 tal-Protokoll ġie applikat b'mod proviżorju bl-eċċezzjoni tal-paragrafu (2).

    (5)       Skont l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tridtagħti avviż bil-miktub lill-Korea bl-intenzjoni tal-Unjoni li ma testendix il-perjodu ta’ intitolament għall‑koproduzzjoni awdjoviżiva f'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 5(8) tiegħu sakemm, fuq proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill ma jaqbilx erba’ xhur qabel it-tmiem ta’ dan il-perjodu ta’ intitolament li għandu jkompli dan l-intitolament. Jekk il-Kunsill jaqbel li jkompli dan l-intitolament, dan l-obbligu li jingħata avviż irid jerġa' jsir applikabbli meta jintemm il-perjodu mġedded ta' intitolament. Għall-finijiet speċifiċi tad-deċiżjoni jekk għandux jitkompla l-perjodu ta' intitolament, il-Kunsill għandu jaġixxi b'unanimità.

    (6)       Il-Grupp Konsultattiv Domestiku stipulat fl-Artikolu 3(5) tal-Protokoll ta opinjoni favorevoli għall-estensjoni tal-perjodu tal-intitolament, kif previst fl-Artikolu 5(8) tal-Protokoll.

    (7)       Din id-Deċiżjoni ma għandhiex taffettwa l-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u l-Istati Membri.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tieħu l-Unjoni fil-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali għandha tkun li taqbel fuq it-tiġdid tal-intitolament għall-koproduzzjonijiet awdjoviżivi li jibbenefikaw mill-iskemi rispettivi tal-Partijiet għall-promozzjoni tal-kontenut kulturali lokali/reġjonali kif previst fl-Artikolu 5 għal perjodu ta’ tliet snin, mill-1 ta’ Lulju 2014 sat-30 ta’ Ġunju 2017.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               ĠU L 127, 14.5.2011, p. 6.

    [2]               ĠU L 127, 14.5.2011, p. 6.

    [3]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2010 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (ĠU L 127, 14.5.2011 p. 1).

    Top