EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0028

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 fir-rigward tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa minn vetturi tat-triq

/* COM/2014/028 final - 2014/0012 (COD) */

52014PC0028

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 fir-rigward tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa minn vetturi tat-triq /* COM/2014/028 final - 2014/0012 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

L-għan ta’ din il-proposta huwa li jiġu introdotti għadd ta’ emendi għar-Regolament (KE) Nru 715/2007 u r- Regolament (KE) Nru 595/2009 fir-rigward tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa minn vetturi tat-triq. Il-fokus ta’ dan l-abbozz ta’ proposta huwa fuq dawk l-oqsma fejn il-fallimenti regolatorji u tas-suq ifixklu l-indirizzar tal-isfidi l-kbar li jinsabu fi ħdan il-kuntest tal-kwalità tal-arja tal-UE u tal-Aġenda ta' Regolamentazzjoni Aħjar..

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-miżuri huma bbilanċjati fir-rigward tal-effett ambjentali tagħhom u l-piż fuq l-industrija. Il-kost-effettività tal-miżuri hija appoġġjata mill-Istima tal-Impatt mehmuża.

3.           ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Din il-proposta tintroduċi għadd ta’ emendi għar-Regolament (KE) Nru 715/2007 u r-Regolament (KE) Nru 595/2009 fir-rigward tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa minn vetturi tat-triq.

2014/0012 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 fir-rigward tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa minn vetturi tat-triq

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Europea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[1],

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva ,

Billi:

(1)          Sabiex jitnaqqsu l-piżijiet bla bżonn għall-manifatturi tal-vetturi fil-każ ta’ pjattaformi għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi li jistgħu potenzjalment ikunu koperti kemm mil-leġiżlazzjoni għal vetturi ħfief kif ukoll minn dik għal vetturi tqal, l-approvazzjoni ta’ ċerti vetturi tqal skont ir-rekwiżiti għal vetturi ħfief fir-rigward tal-emissjonijiet tagħhom ta’ sustanzi niġġiesa għandu jkun possibbli mingħajr ma jitbaxxa l-livell ta’ ħarsien ambjentali fi ħdan l-Unjoni.

(2)          Għalkemm l-emissjonijiet tal-metan mhumiex magħrufa li għandhom effett ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem, il-metan huwa gass b’saħħtu li jikkawża l-effett serra. Għaldaqstant, b'konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni u l-iżvilupp ġejjieni tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità dwar l-emissjonijiet minn vetturi ħfief u l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni (Euro 5 u 6)[2] u mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[3], il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-inklużjoni ta’ emissjonijiet tal-metan fil-kalkolu tal-emissjonijiet ta’ CO2.

 (3)         Sabiex l-introduzzjoni ta’ vetturi tal-gass naturali tkun aktar faċli, il-limitu attwali tat-total tal-emissjonijiet ta' idrokarburi (THC) għandu jiżdied u l-effett tal-emissjonijiet tal-metan għandu jitqies u jkun espress bħala ekwivalenti ta’ CO2 għal skopijiet regolatorji u tal-informazzjoni għall-konsumatur.

(4)          Il-vetturi diżil moderni jemettu ammonti għoljin, u li qegħdin dejjem jikbru, ta' NO2 bħala sehem mill-emissjonijiet totali ta' NOx li ma kinux antiċipati meta ġie adottat ir-Regolament (KE) Nru 715/2007. Il-parti l-kbira tal-problemi fil-kwalità tal-arja fiż-żoni urbani affettwati jidhru li huma relatati mal-emissjonijiet diretti tal-NO2. Għaldaqstant, għandu jiġi introdott limitu xieraq tal-emissjonijiet.

(5)          Bħalissa l-limiti ta’ emissjonijiet għall-CO u għat-total ta' idrokarburi (THC) wara startjatura kiesħa f’temperatura baxxa ttieħdu mir-rekwiżiti tal-Euro 3 stabbiliti fid-Direttiva 98/69/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[4], li jidhru li huma skaduti fid-dawl tat-teknoloġija tal-vetturi eżistenti u l-ħtiġijiet tal-kwalità tal-arja. Barra minn hekk, il-problemi fil-kwalità tal-arja u r-riżultati tal-kejl tal-emissjonijiet tal-vetturi jissuġġerixxu l-ħtieġa li jiġi introdott limitu xieraq tal-emissjonijiet tal-NOx/NO2. Għaldaqstant, il-limiti għall-emissjonijiet riveduti għandhom jiġu introdotti skont l-Artikolu 14(5) tar- Regolament (KE) Nru 715/2007.

(6)          Il-limitu tal-emissjonijiet stabbilit għall-NH3 fir-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[5] huwa rekwiżit imfassal biex jillimita t-tisfija tal-ammonja mill-NOx wara t-teknoloġiji tat-trattament li jużaw reaġent tal-urea għar-reduzzjoni tal-NOx. Għalhekk l-applikazzjoni tal-valur limitu tal-NH3 għandu jiġi applikat biss għal dawk it-teknoloġiji u mhux għall-magni bi tqabbid bl-ispark plaggs (positive ignition).

(7)          Biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE rigward il-kwalità tal-arja u biex jiġi żgurat sforz kontinwu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-vetturi, is-setgħa biex jiġu adottati atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) għandu jkun delegat lill-Kummissjoni fir-rigward tar-regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 għall-vetturi tal-kategoriji M1, M2, N1 u N2 b'massa ta' referenza li taqbeż it-2 610 kg iżda b'massa massima tal-vettura li ma taqbiżx il-5 000 kg, il-proċeduri, it-testijiet u r-rekwiżiti speċifiċi għall-approvazzjoni tat-tip, ir-rekwiżiti għall-implimentazzjoni tal-projbizzjoni fuq l-użu ta' tagħmir ta’ riduzzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi ta' kontrol tal-emissjonijiet, il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta' manifattur biex jipprovdi aċċess standardizzat u mhux ristrett għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, is-sostituzzjoni tal-informazzjoni dwar il-massa ta' emissjonijiet ta' CO2 fiċ-ċertifikat tal-konformità b'informazzjoni dwar il-massa totali ta' ekwivalenti ta' emissjonijiet ta' CO2, iż-żieda jew it-tneħħija tal-valur limitu tat-total ta' emissjonijiet ta' idrokarburi għal vetturi bi tqabbid bl-ispark plaggs, l-emenda tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 bl-iskop ta' kkalibrar mill-ġdid valuri limitu bbażati fuq il-massa ta’ partikulati u l-introduzzjoni ta' valuri limitu ta' partikuli bbażati fuq numri sabiex jikkorrelataw bejn wieħed u ieħor mal-valuri tal-massa tal-limiti għall-petrol u d-diżil, l-adozzjoni ta' proċedura ta' kejl rivedut għal partikulati u valur limitu tan-numru tal-partikula, valur limitu għall-emissjonijiet ta' NO2 u limiti għall-emissjonijiet minn mal-pajp tal-egżost f'temperaturi kesħin għal vetturi approvati bħala konformi mal-limiti tal-emissjoni Euro 6. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal l-atti ddelegati, għandha tiżgura trażmissjoni simulta nja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(8)          It-Trattat ta’ Lisbona introduċa l-possibbiltà li l-leġiżlatur jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali għas-suppliment jew l-emenda ta' ċerti elementi mhux essenzjali ta’ att leġiżlattiv. Il-miżuri li jistgħu jiġu koperti b’delega tas-setgħa, kif hemm referenza fl-Artikolu 290(1) tat-TFUE, fil-prinċipju jikkorrispondu ma' dawk koperti mill-proċedura regolatorja bl-iskrutinju stabbilit bl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE[6]. Għaldaqstant huwa neċesssarju li d-dispożizzjonijiet fir-Regolament (KE) Nru 715/2007 li jistipulaw l-użu tal-proċedura regolatorja bi skrutinju jiġu adattati għall-Artikolu 290 tat-TFUE.

(9)          L-adattament mal-Artikolu 290 tat-TFUE tad-dispożizzjonijiet fir-Regolament (KE) Nru 715/2007 li jistipulaw l-użu tal-proċedura regolatorja bi skrutinju mwettqa minn dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa proċeduri pendenti li fihom il-kumitat ikun diġà ta l-opinjoni tiegħu skont l-Artikolu 5a tad- Deċiżjoni 1999/468/KE qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(10)        Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 4(2) u 3 tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħat tal-implimentazzjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (KE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[7].

(11)        Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 u r-Regolament (KE) Nru 595/2009 għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 huwa emendat kif ġej:

(1)          Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 2 huwa sostitwit bit-test li ġej:

"2. Wara l-pubblikazzjoni tal-atti ddelegati skont it-tieni subparagrafu u fuq talba tal-manifattur, dan ir-Regolament għandu japplika għal vetturi tal-kategoriji M1, M2, N1 u N2 kif definit fl-Anness II tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* b'massa ta' referenza li taqbeż l-2 610 kg iżda b'massa massima tal-vettura li ma taqbiżx il-5 000 kg.

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 14a dwar ir-regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għal vetturi tal-kategoriji M1, M2, N1 u N2 kif definit fl-Anness II tad-Direttiva 2007/46/KE b'massa ta' referenza li taqbeż l-2 610 kg iżda b'massa massima tal-vettura li ma taqbiżx il-5 000 kg. L-atti delegati għandhom jiżguraw b’mod partikolari li fit-testijiet tad-dinamometru tax-xażi, il-massa operattiva attwali tal-vettura tkun ikkunsidrata kif xieraq għad-determinazzjoni tal-inerzja ekwivalenti kif ukoll parametri awtomatiċi oħra tal-potenza u tat-tagħbija.

____________________________

*        ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1.".

(2)          L-Artikolu 4(4) huwa sostitwit b’dan li ġej:

              "Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi proċeduri u rekwiżiti speċifiċi għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 2 u 3. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 15(2)."

(3)          Fl-Artikolu 5(3), l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

              "Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l- Artikolu 14a sabiex jiġu żviluppati l-proċeduri speċifiċi, it-testijiet u r-rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip stipulati f’dan il-paragrafu, kif ukoll rekwiżiti għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 2.”.

(4)          L-Artikolu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 8

Atti delegati dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzzjoni tal-vetturi

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14a sabiex timplimenta l-Artikoli 6 u 7. Dan għandu jinkludi d-definizzjoni u l-aġġornament ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi relatati mal-mod ta’ kif għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni dwar l-OBD u t-tiswija u l-manutenzzjoni tal-vetturi, b’mod li tingħata attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet speċifiċi tal- SMEs.".

(5)          L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)     il-paragrafi 1, 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

"1. Mingħajr ma jitbaxxa l-livell ta’ ħarsien ambjentali fi ħdan l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14a dwar:

(a)     is-sostituzzjoni tal-informazzjoni dwar il-massa tal-emissjonijiet ta' CO2 fiċ-ċertifikat ta' konformità li hemm referenza għalih fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2007/46/KE bl-informazzjoni dwar it-total tal-massa tal-ekwivalenti tal-emissjonijiet ta' CO2 u emissjonijiet ta' metan, li għandu jkun it-total tal-massa ta' emissjonijiet ta' CO2 u emissjonijiet ta' metan, espressi bħala massa ekwivalenti ta' emissjonijiet ta' CO2 fir-rigward tal-effetti tal-gass serra.

(b)     iż-żieda jew tneħħija tal-valur limitu tat-total tal-emissjonijiet ta' idrokarburi (THC) għal vetturi bi tqabbid bl-ispark plaggs.

2. Wara t-tlestija tal-Programm tal-Kejl tal-Partikulati tan-NU/ECE, imwettaq taħt l-awspiċi tal-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti dwar il-Vetturi, u mhux aktar tard mid-dħul fis-seħħ tal-Euro 6, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta l-atti delegati skont l-Artikolu 14a sabiex tadotta l-miżuri li ġejjin, mingħajr ma jitnaqqas il-livell ta’ ħarsien tal-ambjent fi ħdan l-Unjoni:

(a)     l-emenda ta’ dan ir-Regolament għall-fini ta’ kkalibrar mill-ġdid tal-valuri limitu ta’ partikulati bbażati fuq il-massa stipulati fl-Anness I, u għall-introduzzjoni ta' valuri limitu ta’ partikuli bbażati fuq numri sabiex jikkorrelataw bejn wieħed u ieħor mal-valuri tal-massa tal-limiti għall-petrol u d-diżil;

(b)     l-adozzjoni ta’ proċedura ta’ kejl riveduta għall-partikulati u valur limitu ta’ partikuli f’numri.

3. Il-Kummissjoni għandha tanalizza l-proċeduri, it-testijiet u r-rekwiżiti li jissemmew fl-Artikolu 5(3) kif ukoll iċ-ċikli tat-test li ntużaw sabiex jitkejlu l-emissjonijiet. Jekk ir-reviżjoni ssib li dawk il-proċeduri, it-testijiet, ir-rekwiżiti u ċ-ċikli tat-testijiet ma għadhomx aktar adegwati jew ma għadhomx aktar jirriflettu l-emissjonijiet reali dinjija, il-Kummissjoni għandha taġixxi skont l-Artikolu 5(3) sabiex tadatahom b'mod li jiġu jirriflettu adegwatament l-emissjonijiet iġġenerati mis-sewqan reali fit-toroq."

 (b)    fil-paragrafu 4 jiżdied is-subparagrafu li ġej:

"Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14a biex tistabbilixxi, b'żieda mal-valur limitu fis-seħħ tal-emissjonijiet tat-total ta' NOx, valur limitu għall-emissjonijiet ta' NO2 għal vetturi approvati bħala konformi mal-limiti ta' emissjonijiet Euro 6 stipulati fit-tabella 2 tal-Anness I. Il-limitu tal-emissjonijiet ta' NO2 għandu jkun stabbilit abbażi ta' valutazzjoni tal-impatt, għandu jikkunsidra l-fattibbiltà teknika u għandu jirrifletti l-għanijiet tal-kwalità tal-arja stipulati fid-Direttiva (KE) Nru 2008/50 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*.

__________________

*           Id-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1).";

 (c)    il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"5. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14a biex temenda u tissupplimenta it-tabella 4 tal-Anness I biex tistabbilixxi limiti għall-emissjonijiet mal-pajp tal-egżost f'temperaturi kesħin approvati bħala konformi mal-limiti ta' emissjonijiet Euro 6 stipulati fit-tabella 2 tal-Anness I. Il-limiti tal-emissjonijiet ta' NOx u NO2 għandhom ikunu stabbiliti abbażi ta' valutazzjoni tal-impatt, għandhom jikkunsidraw il-fattibbiltà teknika u għandhom jirriflettu l-għanijiet tal-kwalità tal-arja stipulati fid-Direttiva (KE) Nru 2008/50 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.".

(6)          Għandu jiddaħħal l-Artikolu 14a li ġej:

“Artikolu 14 a

Twettiq tad-delega

1.      Is-segħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.      Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati li hemm regferenza għalihom fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2), l-Artikolu 5(3), l-Artikolu 8 u fl-Artikolu 14(1) sa (5) għandha tiġi konferita lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat minn […][Publications Office, please insert the exact date of entry into force].

3.      Id-delega ta’ setgħat li hemm referenza għalihom fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2), l-Artikolu 5(3), l-Artikolu 8 u fl-Artikolu 14(1) sa (5) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandha taffettwa l-validità ta’ ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.      Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.      Att delegat adottat skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2), l-Artikolu 5(3), l-Artikolu 8 u fl-Artikolu 14(1) sa (5) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkunx ġiet espressa oġġezzjoni jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn għarrfu lill-Kummissjoni li huma ma jkunux se jagħmlu oġġezzjoni. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.".

(7)        L-Artikolu 15 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 15

Proċedura ta' kumitat

1.           Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fi ħdan it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.           Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn il-kumitat ma jagħtix opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.".

Artikolu 2

Ir-Regolament (KE) Nru 595/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)          Fl-Artikolu 2, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal vetturi li għalihom il-manifattur ikun għażel li japplika ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ta’ dak ir-Regolament.".

(2)          Fl-Anness I, fit-tabella "Il-Limiti ta’ Emissjoni Euro VI", ir-ringiela li tikkorrispondi mal-annotazzjoni "WHTC (PI)" hija sostitwita b’dan li ġej:

"WHTC (PI) || 4 000 || || 160 || 500 || 460 || - || 10 || ( 3 )".

 

Artikolu 3

Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-proċeduri pendenti skont l-Artikolu 5(3), l-Artikolu 8 u l-Artikolu 14(2) u (3) tar- Regolament (KE) Nru 715/2007 li fihom kumitat ikun diġà ta l-opinjoni tiegħu skont l- Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                            Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU C , , p. .

[2]               ĠU C 182, 19.7.2008, p. 17.

[3]               Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1).

[4]               Id-Direttiva 98/69/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 1998 dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu kontra tniġġis tal-arja b'emissjonijiet minn vetturi bil-mutur u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/220/KEE (ĠU L 350, 28.12.1998, p. 1).

[5]               Ir-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u magni rigward l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty (Euro VI) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 u d-Direttiva 2007/46/KE u li jħassar id-Direttivi 80/1269/KEE, 2005/55/KE u 2005/78/KE (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 1).

[6]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23).

[7]               Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

Top