Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0020

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-istabbiliment u t-tħaddim ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ negozjar tal-emmissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE

    /* COM/2014/020 final - 2014/0011 (COD) */

    52014PC0020

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-istabbiliment u t-tħaddim ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ negozjar tal-emmissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE /* COM/2014/020 final - 2014/0011 (COD) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           Introduzzjoni

    Fil-bidu tat-tielet perjodu ta’ negozjar (2013-2020), is-Sistema ta’ Negozjar tal-Emissjonijiet (ETS) tal-UE kienet ikkaratterizzata minn żbilanċ kbir bejn il-provvista u d-domanda tal-kwoti, u dan irriżulta f’surplus ta’ madwar 2 biljun kwota li huwa mistenni li jikber matul is-snin li ġejjin għal aktar minn 2.6 biljun kwota sal-2020. Ir-raġuni għal dan l-iżbilanċ hija primarjament diskrepanza bejn il-provvista tal-irkant tal-kwoti tal-emissjonijiet, li hija stabbilita b’mod strett ħafna, u d-domanda għalihom, li hija flessibbli u tiġi affettwata miċ-ċikli ekonomiċi, il-prezzijiet tal-karburanti fossili kif ukoll fatturi oħra. Domanda dgħajfa ġeneralment tmur flimkien ma’ tnaqqis fil-provvista. Madankollu, fis-suq tal-karbonju tal-UE, dan mhuwiex il-każ għall-provvista tal-irkant fl-iskema regolatorja attwali.

    L-EU ETS kienet stabbilita biex tikseb il-miri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-UE b’mod armonizzat u kosteffikaċi. Filwaqt li l-objettiv ambjentali huwa ggarantit mil-limitu massimu, il-preżenza ta’ surplus tnaqqas l-inċentivi għal investiment b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju u b’hekk taffettwa b’mod negattiv il-kosteffikaċja tas-sistema. Filwaqt li l-atturi ekonomiċi jieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment kontra l-isfond ta’ provvista żejda ta’ kwoti fis-suq u s-sinjal tal-prezz korrispondenti, l-ispejjeż globali rilevanti għall-isfida tat-tibdil fil-klima aktarx li jiżdiedu meta jitqiesu fuq żmien medju sa twil. Fil-qosor, jekk ma jiġux indirizzati, dawn l-iżbilanċi ser jaffettwaw b’mod qawwi l-abbiltà tal-EU ETS li tilħaq il-mira tal-ETS f’fażijiet tal-futur b’mod kosteffikaċi, meta jkunu jridu jintlaħqu objettivi ta’ emissjonijiet domestiċi sinifikament aktar impenjattivi mil-lum[1].

    Huwa mistenni li l-mira tal-gass serra għall-2030 deċiża bħala parti mill-qafas politiku tal-klima u l-enerġija ser tirriżulta f’fattur ta’ tnaqqis lineari aktar ambizzjuż applikat mill-bidu tal-fażi 4 fl-2021. Dan għandu jtaffi l-iżbilanċ tas-suq maż-żmien u b’mod gradwali. Madankollu, il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-qafas tal-2030 tindika li fattur lineari aktar ambizzjuż mhuwiex suffiċjenti biex jindirizza l-implikazzjonijiet negattivi tal-iżbilanc qawwi fis-suq. Fl-istess ħin ser iħalli wkoll lill-EU ETS mingħajr protezzjoni kontra xokkijiet mhux mistennija u għal għarrieda fil-ġejjieni.

    Għal dawn ir-raġunijiet, għandu jkun hemm deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva sabiex tiġi stabbilita riżerva tal-istabbiltà tas-suq.

    2.           kuntest tal-proposta

    Bħala miżura għal żmien qasir biex jiġu mitigati l-effetti tas-surplus, kien deċiż li jiġi pospost (“back-load”) l-irkantar ta’ 900 miljun kwota fis-snin bikrija tal-fażi 3. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni affermat ukoll mill-ġdid l-impenn tagħha li tippreżenta għażliet għall-azzjoni bil-għan li tadotta miżuri strutturali xierqa oħra biex issaħħaħ l-ETS matul il-fażi 3[2].

    Meta wieħed iqis li s-surplus huwa ta’ natura strutturali u dejjiema, tinħtieġ azzjoni ulterjuri biex tissaħħaħ l-EU ETS biex tiġi żgurata tranżizzjoni kosteffikaċi għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. F'Novembru 2012 il-Kummissjoni stabbilixxiet lista mhux eżawrjenti ta’ sitt għażliet għar-riforma strutturali tal-EU ETS fir-Rapport tagħha dwar l-Istat tas-Suq Ewropew tal-Karbonju fl-2012 (Rapport dwar is-Suq tal-Karbonju)[3]. Mid-diskussjoni li saret matul il-konsultazzjoni pubblika li segwiet dan ir-rapport, ħareġ li għażla addizzjonali tkun l-istabbiliment ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq li tista’ twassal biex il-provvista tal-irkantar tal-kwoti tal-emissjonijiet tkun aktar flessibbli u żżid ir-reżistenza għax-xokkijiet.

    Flimkien ma’ din il-proposta huma ppubblikati rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt u sommarju eżekuttiv. Il-valutazzjoni tal-impatt uriet li l-istabbiliment ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq jista’ jgħin biex jindirizza l-iżbilancji attwali u jwassal biex l-ETS tkun aktar reżistenti għal xi avveniment potenzjali fuq skala kbira fil-futur li jista’ jfixkel b’mod serju l-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda. Fir-rigward tad-diversi elementi ta’ disinn, intwera li t-tħaddim tar-riżerva tal-istabbiltà tas-suq fir-rigward tal-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni għandu l-vantaġġ li jaqbad il-bidliet fid-domanda mhux biss minħabba bidliet makroekonomiċi, iżda anki l-impatti ta’ fatturi oħra bħal politiki kumplimentari, kif ukoll bidliet fin-naħa tal-provvista bħall-influss ta’ krediti internazzjonali.

    3.           Aspetti legali tal-proposta

    Biex tiġi żgurata l-prevedibbiltà, ir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq hija ddisinjata bħala mekkaniżmu oġġettiv u bbażat fuq ir-regoli, li fuq il-bażi tiegħu l-volumi ta’ rkant huma aġġustati b’“mod awtomatiku” taħt kundizzjonijiet definiti minn qabel u li jiġu applikati fil-fażi 4 tal-EU ETS li tibda fl-2021. Filwaqt li l-valutazzjoni tal-impatt uriet li l-istabbiliment ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq sa mill-fażi 3 joħloq benefiċċji għat-tisħiħ u l-effikaċja tas-suq tal-karbonju, it-trasferiment huwa mistenni li jipprovdi xi eżenzjoni temporanja fis-snin li ġejjin. Għalhekk, huwa propost li tiġi stabbilita riżerva tal-istabbiltà tas-suq fil-bidu tal-fażi 4 biex il-parteċipanti tas-suq jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw għall-introduzzjoni tar-riżerva u ċertezza regolatorja suffiċjenti matul il-fażi 3 tal-EU ETS.

    Ir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq stabbilita f’din il-proposta tiffunzjona billi tattiva l-aġġustamenti għall-volumi ta’ azzjoni annwali f’sitwazzjonijiet fejn l-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni ma jkunx jaqa’ taħt ċerta medda definita minn qabel:

    (a) Iż-żieda ta’ kwoti mar-riżerva billi jitnaqqsu mill-volumi ta’ rkant futuri bil-għan li tittaffa l-instabbiltà tas-suq minħabba surplus temporanju kbir fl-EU ETS jekk is-surplus totali jkun aktar minn 833 miljun kwota;

    (b) Il-ħruġ ta’ kwoti mir-riżerva u ż-żieda tagħhom mal-volumi ta’ rkant tal-futur, bil-għan li tittaffa l-instabbiltà tas-suq minħabba defiċit temporanju kbir fl-EU ETC, sakemm il-bilanċ favorevoli jkun taħt l-400 miljun kwota.

    Il-kwoti b’hekk jitqiegħdu u jinħarġu mir-riżerva ta’ stabbiltà tas-suq b’rabta mal-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni. Dan l-indikatur huwa kejl dirett għall-iżbilanċ attwali bejn il-provvista u d-domanda u għalhekk huwa ppreferut minn miżuri indiretti u inċerti għal motivaturi importanti tas-suq bħall-PDG, il-prezzijiet tal-karburanti, it-temp u l-preċipitazzjoni, eċċ. Il-limitu massimu u minimu tal-medda kienu ddeterminati wara konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u jirriflettu medda fejn l-esperjenza turi li s-suq seta’ jaħdem b’mod ordnat.

    Biex tiġi żgurata l-prevedibbiltà u bidliet aktar gradwali fir-riżerva ta’ stabbiltà tas-suq, jinħareġ volum definit minn qabel ta’ 100 miljun kwota fis-sena meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin. Din il-kwantità tirrappreżenta bejn wieħed u ieħor 5 % tal-emissjonijiet annwali attwali fl-EU ETS li abbażi tal-esperjenza storika għandhom ikunu suffiċjenti biex jissodisfaw anki żidiet ta’ malajr u qawwija fid-domanda.

    L-introduzzjoni ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq tirrappreżenta potenzjalment bidla sinifikanti fid-disinn u t-tħaddim tal-EU ETS. Tagħlim bikri meħud mit-tħaddim tar-regoli ta’ riżerva jista’ jirriżulta li huwa siewi u jippermetti titjib fid-disinn tar-regoli ta’ riżerva. Fl-istess ħin il-prevedibbiltà u l-istabbiltà huma importanti għal suq tal-karbonju ta’ suċċess. Sabiex jinstab il-bilanċ it-tajjeb, il-proposta tipprevedi reviżjoni b’fokus partikolari fuq ċerti parametri ta’ riżerva sal-2026.

    Il-proposta tinkludi wkoll dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jagħmlu l-provvista tal-irkantar uniformi fis-snin madwar it-tranżizzjonijiet bejn il-fażijiet ta’ negozjar f’każijiet fejn l-inadempjenza inkella kienet twassal għal bidliet drastiċi. Dan l-effett huwa newtrali għall-volum matul il-perjodu ta’ tliet snin u jikkonsisti minn medja sempliċi ta’ volumi annwali li jtaffu l-impatti tranżitorji jew temporarji potenzjali fuq il-provvista tal-irkant mill-modalitajiet stabbiliti bid-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1031/2010 għal tmiem il-perjodu fir-rigward ta’, pereżempju, il-kwoti li jifdal fir-riżerva tal-entrati l-ġodda fi tmiem il-perjodu, il-kwoti li ma jkunux ġew allokati minħabba l-għeluq jew taħt id-deroga għall-immodernizzar tas-settur tal-elettriku. Jekk il-volum ta’ kwoti li għandhom jiġu rkantati fl-aħħar sena tal-perjodu jaqbeż l-ammont medju li għandu jiġi rkantat fis-sentejn ta’ wara b’aktar minn 30 %, din id-differenza titqassam b’mod ugwali matul is-snin. Din id-dispożizzjoni tibni fuq l-esperjenza miksuba fit-tranżizzjoni mill-fażi 2 għall-fażi 3 tal-EU ETS u tevita li jkun hemm ripetizzjoni tal-implikazzjonijiet negattivi tal-modalitajiet ta’ tranżizzjoni.

    Il-proposta tieħu l-istess bażi legali bħad-Direttiva 2003/87/KE. Fid-dawl tal-isfond u l-kamp ta’ applikazzjoni temporali, hija sottomessa bħala parti mill-politiki tal-klima u l-enerġija għall-2030.

    Id-dritt tal-UE li taġixxi joriġina mill-fatt li l-ETS topera bħala sistema mifruxa madwar l-UE b’mod kompletament armonizzat. Huwa konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    2014/0011 (COD)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar l-istabbiliment u t-tħaddim ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ negozjar tal-emmissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li ntbagħat l-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[4],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[5],

    Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

    Billi:

    (1)       L-Artikolu 10(5) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[6] jipprovdi li kull sena għandu jiġi ppreżentat rapport annwali dwar il-funzjonament tas-suq Ewropew tal-karbonju lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

    (2)       Ir-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-istat tas-suq Ewropew tal-karbonju fl-2012[7] identifika l-ħtieġa għal miżuri sabiex jiġu indirizzati l-iżbilanċi strutturali bejn il-provvista u d-domanda. Il-valutazzjoni tal-impatt dwar il-qafas ta’ politika dwar l-enerġija u l-klima għall-2030.[8] tindika li dan l-iżbilanċ huwa mistenni li jibqa’, u mhux ser jiġi indirizzat b’mod suffiċjenti billi l-perkors lineari jiġi adattat għal mira aktar stretta f’dan il-qafas. Bidla fil-fattur lineari tibdel biss gradwalment il-limitu massimu. Għaldaqstant, il-bilanċ favorevoli jispiċċa jonqos ukoll gradwalment biss, b’tali mod li s-suq ikollu jkompli jopera għal aktar minn deċennju b’surplus ta’ madwar 2 biljun kwota jew aktar. Sabiex tiġi indirizzata din il-problema u biex is-Sistema Ewropea ta’ Negozjar tal-Emissjonijiet tkun aktar reżistenti għall-iżbilanċi, għandha tiġi stabbilita riżerva tal-istabbiltà tas-suq. Biex tiġi żgurata ċ-ċertezza regolatorja fir-rigward tal-provvista tal-irkant fil-fażi 3 u biex ikun hemm ftit aġġustament għaż-żmien meħtieġ għall-introduzzjoni tal-bidla fid-disinn, ir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq għandha tiġi stabbilita mill-fażi 4 li tibda fl-2021. Sabiex jinżamm grad massimu ta’ prevedibbiltà, għandhom jiġu stabbiliti regoli ċari għat-tqegħid tal-kwoti fir-riżerva u għall-ħruġ tagħhom mir-riżerva. Meta l-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, sa mill-2021, il-kwoti li jikkorrispondu għal 12 % tal-għadd ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni fis-sena x-2 għandhom jitqiegħdu fir-riżerva. Għandu jinħareġ għadd korrispondenti ta’ kwoti mir-riżerva meta l-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni jkun anqas minn 400 miljun.

    (3)       Barra minn hekk, minbarra l-istabbiliment tar-riżerva tal-istabbiltà tas-suq, għandhom isiru xi emendi konsegwenzjali għad-Direttiva 2003/87/KE biex jiġu żgurati l-konsistenza u t-tħaddim sigur tal-ETS. B’mod partikolari, it-tħaddim tad-Direttiva 2003/87/KE jista’ jwassal għal volumi kbar ta’ kwoti li għandhom jiġu rkantanti fi tmiem kull perjodu ta’ negozjar li jistgħu jfixklu l-istabbiltà tas-suq. Għaldaqstant, sabiex tiġi evitata sitwazzjoni ta’ suq ta’ provvista ta’ kwoti żbilanċjat fi tmiem wieħed mill-perjodi ta’ negozjar u l-bidu ta’ dak li jmiss b’effetti li jistgħu jfixklu s-suq, għandu jsir provvediment għall-irkantar tal-parti ta’ kwalunkwe żieda kbira fil-provvista fi tmiem wieħed mill-perjodi ta’ negozjar fl-ewwel sentejn tal-perjodu li jmiss.

    (4)       Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-funzjonament tar-riżerva tal-istabbiltà tas-suq fir-rigward tat-tħaddim tagħha fid-dawl tal-esperjenza dwar l-applikazzjoni tagħha. Ir-reviżjoni tal-funzjonament tar-riżerva tal-istabbiltà tas-suq għandha b’mod partikolari tikkunsidra jekk ir-regoli dwar it-tqegħid ta’ kwoti fir-riżerva humiex xierqa fir-rigward tal-mira segwita biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi strutturali bejn il-provvista u d-domanda.

    (5)       L-Artikoli 10 u 13(2) tad-Direttiva 2003/87/KE għandhom jiġu emendati kif xieraq,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1 Riżerva tal-istabbiltà tas-suq

    1.           Tiġi stabbilita riżerva tal-stabbiltà tas-suq, li għandha tibda taħdem mill-1 ta’ Jannar 2021.

    2.           Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni kull sena, sal-15 ta’ Mejju tas-sena sussegwenti. L-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni għas-sena x għandu jkun l-għadd kumulattiv ta’ kwoti maħruġa fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2008, inkluż in-numru skont l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2003/87/KE f’dak il-perjodu u d-drittijiet biex jintużaw il-krediti internazzjonali eżerċitati mill-installazzjonijiet taħt is-sistema ta’ negozjar tal-emissjonijiet tal-UE fir-rigward tal-emissjonijiet sal-31 ta’ Diċembru tas-sena x, li minnu jitnaqqsu t-tunnellati kumulattivi tal-emissjonijiet ivverifikati mill-installazzjonijiet skont is-sistema ta’ negozjar tal-emissjonijiet tal-UE bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u l-31 ta’ Diċembru tas-sena x, kwalunkwe kwota kkanċellata skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2003/87/KE u l-għadd ta’ kwoti fir-riżerva. Ma għandhomx jitqiesu l-emissjonijiet matul il-perjodu ta’ tliet snin li jibda mill-2005 u jispiċċa fl-2007 u l-kwoti maħruġa fir-rigward ta’ dawk l-emissjonijiet. L-ewwel pubblikazzjoni għandha sseħħ sal-15 ta’ Mejju 2017.

    3.           F’kull sena mill-2021 ’il quddiem, għadd ta’ kwoti ugwali għal 12 % tal-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni fis-sena x-2, kif ippubblikat f’Mejju tas-sena x-1 għandhom jitqiegħdu fir-riżerva, sakemm l-għadd ta’ kwoti li għandhom jitqiegħdu fir-riżerva ma jkunx anqas minn 100 miljun.

    4.           Fi kwalunkwe sena, jekk l-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni jkun aktar baxx minn 400 miljun, għandhom jinħarġu 100 miljun kwota mir-riżerva. F’każ li jkun hemm anqas minn 100 miljun kwota fir-riżerva, il-kwoti kollha fir-riżerva għandhom jinħarġu skont dan il-paragrafu.

    5.           Fi kwalunkwe sena, jekk il-paragrafu 4 ma jkunx applikabbli u l-miżuri jiġu adottati skont l-Artikolu 29a tad-Direttiva, għandhom jinħarġu 100 miljun kwota mir-riżerva. F’każ li jkun hemm anqas minn 100 miljun kwota fir-riżerva, il-kwoti kollha fir-riżerva għandhom jinħarġu skont dan il-paragrafu.

    6.           Fejn tittieħed azzjoni skont il-paragrafi 3 jew 5, il-kalendarji tal-irkant għandhom iqisu l-kwoti li tqiegħdu fir-riżerva jew li għandhom jinħarġu mir-riżerva.

    Artikolu 2 Emendi għad-Direttiva 2003/87/KE

    Id-Direttiva 2003/87/KE hija emendata kif ġej:

    1.           L-Artikolu 10(1) jibidel b’dan li ġej:

    2.           “1. Mill-2021 ’il quddiem, l-Istati Membri għandhom jirkantaw il-kwoti kollha li jingħataw mingħajr ħlas skont l-Artikolu 10a u 10c u li ma jitqiegħdux fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq stabbilita bid-Deċiżjoni [OPEU jekk jogħġbok daħħal in-numru ta‘ din id-Deċiżjoni meta jkun magħruf] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(*).”

    3.           Fl-Artikolu 10, għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “1a. Fejn il-volum tal-kwoti li għandhom jiġu rkantati mill-Istati Membri fl-aħħar sena ta’ kull perjodu msemmi fl-Artikolu 13(1) jaqbeż b’aktar minn 30 % tal-volum tal-irkant medju mistenni għall-ewwel sentejn tal-perjodu ta’ wara qabel l-applikazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni [OPEU jekk jogħġbok daħħal in-numru ta’ din id-Deċiżjoni meta jkun magħruf] żewġ terzi tad-differenza bejn il-volumi għandhom jitnaqqsu mill-volumi tal-irkantar fl-aħħar sena tal-perjodu u miżjuda f’pagamenti ugwali għall-volumi li għandhom jiġu rkantati mill-Istati Membri fl-ewwel sentejn tal-perjodu ta’ wara.”

    4.           Fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(2), tiżdied is-sentenza li ġejja:

    “Bl-istess mod, il-kwoti miżmuma fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq stabbilita bid-Deċiżjoni [OPEU jekk jogħġbok daħħal in-numru ta’ din id-Deċiżjoni meta tkun magħrufa] u li ma għadhomx validi għandhom jiġu ssostitwiti minn kwoti li huma validi għall-perjodu attwali.”

    Artikolu 3 Reviżjoni

    Sal-31 ta’ Diċembru 2026, il-Kummissjoni għandha tirrevedi r-riżerva tal-istabbiltà tas-suq abbażi ta’ analiżi tal-funzjonament ordnat tas-suq Ewropew tal-karbonju, u tissottometti proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill meta dan ikun xieraq. Ir-reviżjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari liċ-ċifra perċentwali għad-determinazzjoni tal-għadd ta’ kwoti li għandhom jitqiegħdu fir-riżerva skont l-Artikolu 1(3) u l-valur numeriku tal-valuri limiti għall-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni stabbilit mill-Artikolu 1(4).

    Artikolu 4 Dispożizzjoni tranżitorja

    L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/87/KE kif emendat bid-Direttiva 2009/29/KE għandu jibqa’ japplika sal-31 ta’ Diċembru 2020.

    Artikolu 5 Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew                            Għall-Kunsill

    Il-President                                                    Il-President

    [1]               COM(2012) 652 finali

    [2]               COM(2012) 416 finali

    [3]               COM(2012) 652

    [4]               ĠU C , , p..

    [5]               ĠU C , , p..

    [6]               Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

    [7]               COM(2012)652 finali.

    [8]               Daħħal referenza.

    Top