EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014JC0005

Proposta Konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

/* JOIN/2014/05 final - 2014/0040 (NLE) */

52014JC0005

Proposta Konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana /* JOIN/2014/05 final - 2014/0040 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

(1) Fit-23 ta’ Diċembru 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/798/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana li tipprevedi embargo fuq l-armamenti, skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 2127 (2013) tal-5 ta’ Diċembru 2013.

(2) Fit-13 ta' Jannar 2014 ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni għamel proposta għal Regolament dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana. Il-Kunsill iddeċieda li jissospendi milli jaġixxi fuq din il-proposta sakemm tiġi adottata l-UNSCR il-ġdida mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

(3) Fit-28 ta’ Jannar 2014, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2134 (2014) li estendiet u ċċarat l-embargo fuq l-armi impost mill-UNSCR 2127 (2013), u pprevediet li jiġu ffriżati l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta' ċerti persuni li huma involuti f'atti jew jappoġġjaw atti li jdgħajfu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-Repubblika Ċentru-Afrikana.

(4) Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex tiġi implimentata l-UNSCR 2134 (2014).

(5) Il-Kunsill qiegħed iħejji deċiżjoni li temenda d- Deċiżjoni 2013/798/PESK biex tiġi implimentata l-UNSCR 2134 (2014).

(6) Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni għalhekk għandhom jagħmlu proposta għal Regolament dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana. Il-proposta tat-13 ta’ Jannar 2014 għandha tiġi rtirata.

2014/0040 (NLE)

Proposta Konġunta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK[1] tat-23 ta' Diċembru 2013 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana,

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 2127 (2013) tal-5 ta’ Diċembru 2013 u l-UNSCR 2134 (2014) tat-28 ta’ Jannar 2014, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni 2014/.../PESK[2], tipprevedi embargo fuq l-armi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana u l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi ta' ċerti persuni li huma involuti f'atti jew jappoġġjaw atti li jdgħajfu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-Repubblika Ċentru-Afrikana.

(2)       Il-miżuri previsti fil-UNSCR 2127 (2013) u fil-UNSCR 2134 (2014) jaqgħu fil-kamp tal-applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, u b'mod partikolari sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati.

(3)       Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ ġust u d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali. Dan ir-Regolament jiġi applikat skont dawn id-drittijiet.

(4)       Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011[3].

(5)       Għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, u sabiex tinħoloq ċertezza legali massima fl-Unjoni, l-ismijiet u dejta oħra rilevanti li jikkonċernaw persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom iridu jiġu ffriżati f'konformità ma' dan ir-Regolament, iridu jsiru pubbliċi. Kull ipproċessar ta’ dejta personali għandu jkun konformi mar-Regolament (KE) Nru 45/2001[4] u mad-Direttiva 95/46/KE[5].

(6)       Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, huwa għandu jidħol fis-seħħ immedjatament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)          "servizzi ta' senserija" tfisser:

(i)      in-negozjar jew l-arranġament ta’ tranżazzjonijiet għax-xiri, il-bejgħ jew il-provvista ta’ beni u teknoloġija jew ta’ servizzi finanzjarji u tekniċi, minn pajjiż terz lil kull pajjiż terz ieħor; jew

(ii)     il-bejgħ jew ix-xiri ta’ beni u teknoloġija, jew ta’ servizzi finanzjarji u tekniċi, li jkunu f’pajjiżi terzi biex jiġu ttrasferiti lejn xi pajjiż terz ieħor;

(b)          “pretensjoni” tfisser kull talba, sew jekk asserita bi proċedimenti legali sew jekk le, magħmula qabel jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, skont il-kuntratt jew b'rabta miegħu jew ma' tranżazzjoni, u li tinkludi b'mod partikolari:

(i)      talba għat-twettiq ta' kull obbligu li jirriżulta skont kuntratt jew tranżazzjoni, jew b'rabta ma' wieħed minnhom;

(ii)     talba għall-estensjoni jew għall-ħlas ta' bond, ta' garanzija finanzjarja jew ta' indennizz ta' kull forma;

(iii)    talba għal kumpens marbut ma' kuntratt jew tranżazzjoni;

(iv)    kontrotalba;

(v)     talba għall-għarfien jew l-infurzar, inkluż bil-proċedura ta' exequatur, ta' sentenza, ta' deċiżjoni bl-arbitraġġ jew ta' deċiżjoni ekwivalenti, irrispettivament minn fejn tittieħed jew tingħata;

(c)          "kuntratt jew tranżazzjoni" tfisser kull forma tranżazzjoni u tkun xi tkun il-liġi applikabbli għaliha, sew jekk tinkludi kuntratt wieħed jew aktar, jew obbligi simili magħmula bejn l-istess partijiet jew bejn partijiet differenti; għal dan l-iskop, "kuntratt" jinkludi bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, u kreditu, sew jekk legalment indipendenti jew mhux, kif ukoll kull provvediment relatat li joriġina mit-tranżazzjoni jew ikun marbut magħha;

(d)          "awtoritajiet kompetenti" tirreferi għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif identifikati fuq il-websajts elenkati fl-Anness II;

(e)          "riżorsi ekonomiċi" tfisser assi ta' kull xorta, kemm tanġibbli u kif ukoll intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, beni jew servizzi;

(f)          “l-iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni tal-użu ta’ riżorsi ekonomiċi għall-akkwist ta’ fondi, beni jew servizzi bi kull mod, inkluż, iżda mhux limitat għall-bejgħ, il-kiri jew l-użu tagħhom bħala ipoteka;

(g)          “l-iffriżar ta' fondi” tfisser il-prevenzjoni ta' kull moviment, trasferiment, alterazzjoni, użu ta', aċċess għal, jew negozju b'fondi li b'kull mod jirriżulta fi xi bidla fil-volum, fl-ammont, fil-post, fid-dritt tal-proprjetà, fil-pussess, fil-karattru, fid-destinazzjoni tagħhom jew f'bidla oħra li tippermetti li l-fondi jintużaw, inkluż l-immaniġġar ta' portafolji;

(h)          “fondi” tfisser assi finanzjarji u benefiċċji ta’ kull xorta, li jinkludu, iżda mhux limitati għal:

(i)      flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet ta' flus, kambjali, ordnijiet ta' flus u strumenti oħra ta' ħlas;

(ii)     depożiti ma’ istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi fuq kontijiet, dejn u obbligi ta' dejn;

(iii)    titoli u strumenti ta' dejn innegozjati pubblikament u privatament, inklużi l-istokks u l-ishma, iċ-ċertifikati li jirrappreżentaw titoli, bonds, noti, warrants, obbligazzjonijiet u kuntratti tad-derivattivi;

(iv)    imgħax, dividends jew introjtu ieħor minn assi jew valur li jakkumula minnhom jew iġġenerat minnhom;

(v)     kreditu, dritt ta’ tpaċija, garanziji, garanziji tal-eżekuzzjoni jew impenji finanzjarji oħra;

(vi)    ittri ta' kreditu, poloz tat-tagħbija, poloz ta' bejgħ; kif ukoll

(vii)   dokumenti li jagħtu prova ta’ interess f’fondi jew f'riżorsi finanzjarji;          

(i)           “Il-Kumitat tas-Sanzjonijiet” tfisser il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li ġie stabbilit skont il-paragrafu 57 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 2127 (2013);

(j)           "assistenza teknika" tfisser kull appoġġ tekniku relatat ma’ tiswijiet, żvilupp, manifattura, immuntar, ittestjar, manutenzjoni, jew kull servizz tekniku ieħor, u tista’ tkun f'forma ta' struzzjoni, parir, taħriġ, trażmissjoni ta’ għarfien operazzjonali jew ħiliet jew servizzi ta’ konsulenza; inklużi forom verbali ta' assistenza;

(k)          “territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom;

Artikolu 2

1.           Huwa pprojbit:

(a) il-forniment, b'mod dirett jew b'mod indirett, ta' għajnuna teknika jew ta' servizzi ta' senserija relatati mal-oġġetti u mat-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea[6] ("Lista Militari Komuni") jew relatati mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu tal-oġġetti inklużi f’din il-lista, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fir-Repubblika Ċentru-Afrikana jew għall-użu fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

(b)  il-forniment, b'mod dirett jew b'mod indirett, ta' finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatata mal-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni tal-merkanzija u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni, inklużi b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni fuq kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ tali oġġetti, jew għal kwalunkwe forniment ta’ għajnuna teknika jew servizzi ta' senserija relatati lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fir-Repubblika Ċentru-Afrikana jew għall-użu fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

(c) il-forniment, direttament jew indirettament, ta’ għajnuna teknika, finanzjament jew għajnuna finanzjarja, servizzi ta’ senserija jew servizzi ta’ trasport marbuta mal-forniment ta’ persunal merċenarju armat fir-Repubblika Ċentru-Afrikana jew għall-użu fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

Artikolu 3

              B’deroga mill-Artikolu 2, il-projbizzjonijiet stabbiliti fih ma għandhomx japplikaw għall-forniment ta’ assistenza teknika, finanzjament jew assistenza finanzjarja jew servizzi ta’ senserija maħsuba unikament għas-sostenn jew l-użu mill-Missjoni għall-konsolidazzjoni tal-paċi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (MICOPAX), mill-Missjoni Internazzjonali ta' Appoġġ għall-Afrika fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (MISCA), mill-Uffiċċju Integrat tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Bini tal-Paċi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (BINUCA) u l-unità ta' gwardja tiegħu, mit-Task Force Reġjonali għall-Unjoni Afrikana (UA-RTF), u mill-Forzi Franċiżi stazzjonati fir-Repubblika Ċentru-Afrikana u mill-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUFOR RCA).

Artikolu 4

              B’deroga mill-Artikolu 2, dejjem jekk l-għoti ta’ din l-assistenza teknika jew dawn is-servizzi ta’ senserija, finanzjament jew assistenza finanzjarja jkunu ġew approvati minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, il-projbizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu m’għandhomx japplikaw għal:

(d) il-forniment ta’ assistenza teknika jew servizzi ta' senserija relatati ma’ tagħmir militari mhux letali maħsub biss għal użu umanitarju jew bħala protezzjoni;

(e) il-forniment ta’ assistenza teknika, finanzjament jew assistenza finanzjarja għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni jew għal kull forniment ta' assistenza teknika jew servizzi ta' senserija relatati;

Artikolu 5

1.           Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, li huma l-proprjetà, jew li huma fil-pussess jew taħt il-kontroll ta' xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I jiġu ffriżati.

2.           L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandhom ikunu mqegħdin għad-disposizzjoni, direttament jew indirettament, jew għall-beneficċju ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi kif elenkati fl-Anness I.

3.           L-Anness I jinkludi persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi identifikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bħala:

(f) li jagħtu jew jipprovdu appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, inklużi atti li jheddu jew jiksru l-ftehimiet tranżitorji jew li jheddu jew jimpedixxu l-proċess ta’ tranżizzjoni politika, inkluża t-tranżizzjoni għal elezzjonijiet demokratiċi liberi u ġusti, jew li jistigaw il-vjolenza;

(g) li bl-aġir tagħhom jiksru l-embargo tal-armi stabbilit fil-paragrafu 54 tal-UNSCR 2127 (2013), jew li direttament jew indirettament ipprovdew, biegħu, jew ittrasferixxew lil gruppi armati jew netwerks kriminali fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, jew li kienu rċevew armi jew xi materjal relatat, jew xi parir tekniku, taħriġ, jew assistenza, inklużi il-finanzjament u l-assistenza finanzjarja, marbutin mal-attivitajiet vjolenti ta’ gruppi armati jew ta' netwerks kriminali fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

(h) li huma involuti fl-ippjanar, fid-direzzjoni jew fit-twettiq ta' atti li jiksru l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew il-liġi umanitarja internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi fuq d-drittijiet tal-bniedem jew il-ksur tagħhom fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, inklużi atti li jinvolvu vjolenza sesswali, attakki fuq il-popolazzjoni ċivili, attakki ta' natura etnika jew reliġjuża, attakki fuq skejjel u sptarijiet, u l-ħtif u ċ-ċaqliq sfurzat;

(i) li jingaġġaw jew jużaw it-tfal f’kunflitti armati fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, bil-ksur tal-liġi internazzjonali applikabbli;

(j) li jipprovdu appoġġ lil gruppi armati jew lil netwerks kriminali permezz tal-isfruttar illegali tar-riżorsi naturali, inklużi d-djamanti kif ukoll l-annimali slavaġ u l-prodotti tagħhom, fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

(k) li jostakolaw l-għoti ta' assistenza umanitarja fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, jew l-aċċess għaliha, jew id-distribuzzjoni tal-għajnuna umanitarja fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

(l) li jippjanaw, jidderieġu, jisponsorjaw, jew iwettqu attakki kontra l-missjonijiet tan-NU jew il-preżenza tas-sigurtà internazzjonali, inklużi BINUCA, MISCA, EUFOR RCA u l-forzi l-oħra li jappoġġjawhom;

(m) li jmexxu entità elenkata mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, li jkunu pprovdewha b'appoġġ, wettqu ħidma għaliha jew f'isimha jew taħt id-direzzjoni tagħha;

(n) li jaġixxu f’isem persuni, entitajiet jew korpi elenkati taħt il-punti minn (a) sa (h), jew li jkunu taħt id-direzzjoni tagħhom.

4.           L-Anness I jinkludi biss l-informazzjoni li ġejja dwar il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi elenkati:

(a)     għal skopijiet ta’ identifikazzjoni: fil-każ ta’ persuni fiżiċi, il-kunjom u l-ismijiet mogħtija (inklużi l-psewdonimi u t-titli, jekk ikun hemm); id-data u l-post tat-twelid; in-nazzjonalità; in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità; in-numri tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali; is-sess; l-indirizz jew tagħrif ieħor dwar fejn wieħed ikun jinsab; il-funzjoni jew il-professjoni; fil-każ ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi, l-isem, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

(b)     id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikunu ddaħħlu fl-Anness I;

(c)     ir-raġunijiet għall-inklużjoni.

5.           L-Anness I jista' jinkludi wkoll informazzjoni dwar il-membri tal-familja tal-persuni elenkati, sakemm l-inklużjoni ta' din l-informazzjoni tkun ikkunsidrata bħala neċessarja f'każ speċifiku, meta l-uniku skop ikun il-verifika tal-identità tal-persuna fiżika inkwistjoni li ġiet elenkata.

Artikolu 7

              B’deroga mill-Artikolu 5, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, skont kundizzjonijiet li jitqiesu xierqa, dejjem jekk jintlaħqu dawn il-kundizzjonijiet:

(a)     l-awtorità kompetenti kkonċernata ddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma:

(i)      meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Annessi I, u tal-membri dipendenti tal-familji ta’ dawn il-persuni fiżiċi, inklużi ħlasijiet għal oġġetti tal-ikel, għall-kera jew għall-garanziji ipotekarji, għall-mediċini u għat-trattament mediku, għat-taxxi, għall-primjums tal-assigurazzjoni, u għall-ispejjeż tas-servizzi pubbliċi;

(ii)     maħsuba esklussivament għall-ħlas ta’ tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż ta’ spejjeż marbutin mal-forniment ta’ servizzi legali; jew

(iii)    maħsuba esklussivament għall-ħlas ta’ tariffi jew imposti fuq servizz ta' rutina għaż-żamma jew il-manteniment ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati; kif ukoll

(b)     l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bid-deċiżjoni msemmija fil-punt (a) u bl-intenzjoni tiegħu li jagħti l-awtorizzazzjoni, u li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma jkunx oġġezzjona għal din l-azzjoni fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol min-notifika;

Artikolu 8

              B’deroga mill-Artikolu 5, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi u riżorsi ekonomiċi ffriżati jew jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, taħt dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, dejjem jekk l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma meħtieġa minħabba spejjeż straordinarji, u dejjem jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet b'din id-deċiżjoni, u l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun approva din id-deċiżjoni.

Artikolu 9

              Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 5, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)     il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma s-suġġett ta’ garanzija ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali stabbilita qabel id-data li fiha l-persuna, l-entità jew il-korp imsemmijin fl-Artikolu 5 ikunu ġew inklużi fl-Anness I, jew ta’ sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali mogħtija qabel din id-data;

(b)     il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi inkwistjoni se jintużaw esklussivament sabiex jissodisfaw pretensjonijiet assigurati b'tali garanzija jew rikonoxxuti bħala validi f'tali sentenza, fil-limiti stabbiliti bil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet tal-persuni li jkollhom dawn il-pretensjonijiet;

(c)     il-garanzija jew is-sentenza mhumiex għall-benefiċċju ta' persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness I;

(d)     ir-rikonoxximent li l-garanzija jew is-sentenza ma tmurx kontra l-politika pubblika tal-Istat Membru kkonċernat; kif ukoll

(e)     il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun ġie nnotifikat mill-Istat Membru bil-garanzija jew bis-sentenza.

Artikolu 10

1.           B'deroga mill-Artikolu 5 u bil-kundizzjoni li pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I ikun dovut skont kuntratt jew ftehim li ġie konkluż, jew minn obbligu li rriżulta għall-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernat, qabel id-data ta' meta dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp kienu nnominati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu adattati, ir-rilaxx ta' ċerti fondi ffriżati jew ta' riżorsi ekonomiċi, dejjem jekk l-awtorità kompetenti ikkonċernata tkun iddeterminat li:

(a)     il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jintużaw għal pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I;

(b)     il-pagament mhuwiex bi ksur tal-Artikolu 5(2); kif ukoll

(c)     il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ġie nnotifikat mill-Istat Membru relevanti dwar l-intenzjoni li jagħti awtorizzazzjoni, għaxart ijiem ta’ xogħol bil-quddiem.

Artikolu 11

1.           L-Artikolu 5(2) ma jwaqqafx l-ikkreditar ta' kontijiet iffriżati minn istituzzjonijiet finanzjarji jew ta' kreditu li jirċievu fondi ttrasferiti minn partijiet terzi fil-kont tal-persuna fiżika jew ġuridika, tal-entità jew tal-korp elenkati, dejjem jekk kull żieda f'dawn il-kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta’ kreditu tinforma lill-awtoritajiet kompetenti relevanti dwar xi tranżazzjoni bħal din mingħajr dewmien.

2.           L-Artikolu 5(2) ma japplikax meta l-kontijiet iffriżati jiżdiedu permezz ta':

(a)     imgħax jew qligħ ieħor dovut fuq dawn il-kontijiet;

(b)     pagamenti dovuti skont kuntratti, ftehimiet jew obbligi li jkunu ġew konklużi jew li nħolqu qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmijin fl-Artikolu 5 jkunu ġew inklużi fl-Anness I; jew

(c)     pagamenti dovuti taħt garanzija jew sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali, kif imsemmi fl-Artikolu 9; kif ukoll

dejjem jekk kull imgħax, qligħ u pagament ieħor bħal dan ikun iffriżat skont l-Artikolu 5(1).

Artikolu 12

1.           Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi għandhom:

(a)     ifornu minnufih kull informazzjoni li tiffaċilita l-konformità ma' dan ir-Regolament, bħall-informazzjoni fuq kontijiet u l-ammonti ffriżati skont l-Artikolu 5 lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn ikunu residenti jew fejn jinsabu, u jittrażmettu din l-informazzjoni, direttament jew permezz l-Istat Membru lill-Kummissjoni; kif ukoll

(b)     jikkooperaw mal-awtorità kompetenti biex din l-informazzjoni tiġi vverifikata b'kull mod.

2.           Kull informazzjoni addizzjonali riċevuta direttament mill-Kummissjoni tkun disponibbli għall-Istati Membri.

3.           Kull informazzjoni li tingħata jew li tiġi riċevuta skont dan l-Artikolu tintuża biss għall-finijiet li għalihom tkun ġiet pprovduta jew riċevuta.

Artikolu 13

              Il-parteċipazzjoni, konxjament u intenzjonalment, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri imsemmija fl-Artikli 2 u 5 hija pprojbita.

Artikolu 14

1.           L-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li dawn il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, imwettqin bona fede abbażi li dawn l-azzjonijiet ikunu konformi ma’ dan ir-Regolament, ma joħolqu l-ebda tip ta' responsabbiltà fuq il-persuna fiżika jew ġuridika jew l-entità jew il-korp li jkunu qed jimplimentawhom, la għad-diretturi u lanqas għall-impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma minħabba negliġenza.

2.           Azzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi bl-ebda mod ma jkunu responsabbli għalihom jekk dawn ma kinux jafu, u ma kellhom l-ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom jiksru l-projbizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 15

1.           L-ebda pretensjoni b’konnessjoni ma’ xi kuntratt jew tranżazzjoni fejn l-eżekuzzjoni tagħhom ġiet milquta, direttament jew indirettament, b’mod sħiħ jew parzjalment, mill-miżuri imposti taħt dan ir-Regolament, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b’mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew ħlas ta’ bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kwalunkwe għamla, ma tiġix issodisfata, jekk din issir minn:

(a)     il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi nnominati, elenkati fl-Anness I;

(b)     kull persuna, entità jew korp li jaġixxu permezz ta’ waħda mill-persuni, l-entitajiet jew il-korpi jew li jaġixxu f’isimhom, msemmija fil-punt (a).

2.           Fi kwalunkwe proċedura għall-infurzar ta’ pretensjoni, l-obbligu biex ikun ippruvat li l-issodisfar tat-talba mhux ipprojbit bil-paragrafu 1, jkun fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jkunu qed ifittxu l-infurzar ta’ din il-pretensjoni.

3.           Dan l-Artikolu huwa bla ħsara għad-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal rieżami ġudizzjarju tal-legalità tan-nuqqas ta' prestazzjoni ta' obbligi kuntrattwali skont dan ir-Regolament.

Artikolu 16

1.           Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u jikkondividu kull informazzjoni oħra relevanti li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom marbuta ma' dan ir-Regolament, b'mod partikolari informazzjoni:

(a)     dwar il-fondi ffriżati skont l-Artikolu 5 u l-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikoli 7, 8 u 9;

(b)     dwar il-ksur, il-problemi ta' infurzar u s-sentenzi mogħtija mill-qrati nazzjonali.

2.           L-Istati Membri jinfurmaw minnufih lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar kull informazzjoni oħra relevanti li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom li tista' taffettwa l-implimentazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 17

1.           Il-Kummissjoni jkollha s-setgħa li:

(a)     temenda l-Anness I abbażi ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet; kif ukoll

(b)     temenda l-Anness II abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri.

2.           Il-Kummissjoni tiddikjara, fl-Anness I, ir-raġunijiet l-għala tkun iddeċidiet li tinkludi entrata f’dan l-Anness, u tikkomunika d-deċiżjonijiet tagħha, inklużi r-raġunijiet l-għala l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi huma elenkati jekk l-indirizz ikun magħruf jew, jekk l-indirizz mhux magħruf, tiġbed l-attenzjoni lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi elenkati permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u b’hekk din il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew dan il-korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom.

3.           Meta jitressqu kummenti jew meta tiġi ppreżentata evidenza ġdida sostanzjali, il-Kummissjoni tirrevedi d-deċiżjoni tagħha b'konsiderazzjoni għall-kummenti mibgħuta u għal kull informazzjoni oħra relevanti, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 18(2), u tinforma lill-persuni fiżiċi jew legali, l-entitajiet jew il-korpi dwar ir-riżultat tar-rieżami.

 Artikolu 18

1.           Il-Kummissjoni tkun assistita minn kumitat. Dan il-kumitat għandu jkun kumitat skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.           Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

 Artikolu 19

1.           Il-Kummissjoni tipproċessa d-dejta personali sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament. Dawn il-kompiti jinkludu:

(a)     il-preparazzjoni u l-emendi fl-Anness I;

(b)     il-kontenut tal-Anness I jiddaħħal fil-lista elettronika u kkonsolidata tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet soġġetti għal sanzjonijiet finanzjarji tal-UE, li hija disponibbli fuq il-websajt[7];

(c)     l-ipproċessar ta’ informazzjoni dwar l-impatt tal-miżuri ta’ dan ir-Regolament bħall-valur tal-fondi ffriżati u informazzjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti.

2.           Il-Kummissjoni tista’ tipproċessa d-dejta marbuta ma’ reati kriminali mwettqa mill-persuni fiżiċi elenkati, u ma' kundanni kriminali jew miżuri ta' sigurtà dwar dawn il-persuni, biss safejn dan l-ipproċessar huwa meħtieġ għat-tħejjija tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament. Din id-dejta ma tkunx ippubblikata jew skambjata.

3.           Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, is-servizz tal-Kummissjoni elenkat fl-Anness II nħatar bħala "kontrollur" għall-Kummissjoni skont l-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, sabiex ikun żgurat li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 20

1.           L-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli dwar il-penalitajiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penalitajiet previsti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.           L-Istati Membri jinnotifikaw dawn ir-regoli lill-Kummissjoni mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, u jinnotifikawha b'kull emenda sussegwenti.

Artikolu 21

1.           L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-awtoritajiet kompetenti msemmija f’dan ir-Regolament u jidentifikawhom fuq il-websajts elenkati fl-Anness II. L-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'kull tibdil fl-indirizzi tal-websajts tagħhom elenkati fl-Anness II.

2.           L-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inklużi d-dettalji ta' kuntatt ta' dawn l-awtoritajiet kompetenti, mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tagħhom, u jinnotifikawha b'kull emenda sussegwenti.

3.           Meta dan ir-Regolament jippreżenta l-obbligu li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata jew infurmata, jew li għandha ssir xi komunikazzjoni magħha, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt li għandhom jintużaw għal din il-komunikazzjoni jkunu dawk indikati fl-Anness II.

Artikolu 22

Dan ir-Regolament japplika:

(a)          fit-territorju tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;

(b)          abbord kull inġenju tal-ajru jew kull bastiment fil-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru;

(c)          għal kull persuna fit-territorju tal-Unjoni jew barra minnu li tkun ċittadin ta’ Stat Membru;

(d)          għal kull persuna ġuridika, entità jew korp, ġewwa jew barra mit-territorju tal-Unjoni, li jkunu inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru;

(e)          għal kull persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta’ kull negozju li jsir kompletament jew parzjalment fl-Unjoni.

Artikolu 23

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 352, 24.12.2013, p. 51.

[2]              

[3]               Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

[4]               Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

[5]               Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

[6]               ĠU C 69, 18.3.2010, p. 19.

[7]               http://eeas.europa.eu/cfsp/sanctions/consol-list_en.htm

ANNESSI

għall-

Proposta konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

"ANNESS I

Lista ta’ persuni u entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 5

A. Persuni

B. Entitajiet

ANNESS II

Websajts għall-informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti u l-indirizz tal-Kummissjoni Ewropea għan-notifiki

IL-BELĠJU

http://www.diplomatie.be/eusanctions

IL-BULGARIJA

http://www.mfa.bg/en/pages/135/index.html

IR-REPUBBLIKA ĊEKA

http://www.mfcr.cz/mezinarodnisankce

ID-DANIMARKA

http://um.dk/da/politik-og-diplomati/retsorden/sanktioner/

IL-ĠERMANJA

http://www.bmwi.de/DE/Themen/Aussenwirtschaft/aussenwirtschaftsrecht,did=404888.html

L-ESTONJA

http://www.vm.ee/est/kat_622/

L-IRLANDA

http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id=28519

IL-GREĊJA

http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html

SPANJA

http://www.exteriores.gob.es/Portal/es/PoliticaExteriorCooperacion/GlobalizacionOportunidadesRiesgos/Documents/ORGANISMOS%20COMPETENTES%20SANCIONES%20INTERNACIONALES.pdf

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/autorites-sanctions/

IL-KROAZJA

http://www.mvep.hr/sankcije

L-ITALJA

http://www.esteri.it/MAE/IT/Politica_Europea/Deroghe.htm

ĊIPRU

http://www.mfa.gov.cy/sanctions

IL-LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

IL-LITWANJA

http://www.urm.lt/sanctions

IL-LUSSEMBURGU

http://www.mae.lu/sanctions

L-UNGERIJA

http://www.kulugyminiszterium.hu/kum/hu/bal/Kulpolitikank/nemzetkozi_szankciok/

MALTA

http://www.doi.gov.mt/EN/bodies/boards/sanctions_monitoring.asp

IL-PAJJIŻI L-BAXXI

www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-vrede-en-veiligheid/sancties

L-AWSTRIJA

http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id=12750&LNG=en&version=

IL-POLONJA

http://www.msz.gov.pl

IL-PORTUGALL

http://www.portugal.gov.pt/pt/os-ministerios/ministerio-dos-negocios-estrangeiros/quero-saber-mais/sobre-o-ministerio/medidas-restritivas/medidas-restritivas.aspx

IR-RUMANIJA

http://www.mae.ro/node/1548

IS-SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/zunanja_politika_in_mednarodno_pravo/zunanja_politika/mednarodna_varnost/omejevalni_ukrepi/

IS-SLOVAKKJA

http://www.mzv.sk/sk/europske_zalezitosti/europske_politiky-sankcie_eu

IL-FINLANDJA

http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

L-ISVEZJA

http://www.ud.se/sanktioner

IR-RENJU UNIT

https://www.gov.uk/sanctions-embargoes-and-restrictions

L-indirizz tal-Kummissjoni Ewropea għan-notifiki:

European Commission

Service for Foreign Policy Instruments (FPI)

EEAS 02/309

B-1049 Brussels

Belgium

Posta elettronika: relex-sanctions@ec.europa.eu"

Top