Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014JC0001

    Proposta Konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

    /* JOIN/2014/01 final - 2014/0004 (NLE) */

    52014JC0001

    Proposta Konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana /* JOIN/2014/01 final - 2014/0004 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    (1) Fit-23 ta’ Diċembru 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/798/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana li tipprovdi għal embargo fuq l-armamenti kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana, skont ir-Riżoluzzjoni adottata tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2127 (2013) tal-5 ta’ Diċembru 2013.

    (2) Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex tiġi implimentata d-Deċiżjoni 2013/798/PESK.

    (3) Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni għalhekk għandhom jagħmlu proposta għal Regolament dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana.

    2014/0004 (NLE)

    Proposta Konġunta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK[1] tat-23 ta' Diċembru 2013 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana,

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)       Skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 2127 (2013) tal-5 ta’ Diċembru 2013, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK tipprovdi għal embargo fuq l-armamenti kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana.

    (2)       Ċerti aspetti minn din il-miżura jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, notevolment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fuq il-livell tal-Unjoni sabiex timplimentahom,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)          "servizzi ta' senserija" tfisser:

    (i)      in-negozjar jew l-arranġament ta' tranżazzjonijiet għax-xiri, bejgħ jew forniment ta' merkanzija u teknoloġija jew ta' servizzi finanzjarji u tekniċi, inklużi dawk minn pajjiż terz lil kwalunkwe pajjiż terz ieħor; jew

    (ii)     il-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija u teknoloġija, jew ta' servizzi finanzjarji u tekniċi, inklużi fejn jinsabu f’pajjiżi terzi għat-trasferiment tagħhom għal pajjiż terz ieħor;

    (b)          “Kumitat tas-Sanzjonijiet” tfisser il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li ġie stabbilit b’konformità mal-paragrafu 57 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 2127 (2013);

    (c)          "għajnuna teknika" tfisser kwalunkwe appoġġ tekniku relatat ma’ tiswijiet, żvilupp, manifattura, immuntar, ittestjar, manutenzjoni, jew kwalunkwe servizz tekniku ieħor, u tista’ tkun f'forma ta' struzzjoni, parir, taħriġ, trażmissjoni ta’ għarfien operazzjonali jew ħiliet jew servizzi ta’ konsulenza; tinkludi forom verbali ta' assistenza;

    (d)          “territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom;

    Artikolu 2

    1.           Huma pprojbiti:

    (a) il-forniment, b'mod dirett jew b'mod indirett, ta' għajnuna teknika jew servizzi ta' senserija relatati mal-merkanzija u mat-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea[2] ("Lista Militari Komuni") jew relatata mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ merkanzija inklużi f’dik il-lista, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fir-Repubblika Ċentru-Afrikana jew għal użu fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

    (b)  il-forniment, b'mod dirett jew b'mod indirett, ta' finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatata mal-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni tal-merkanzija u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni, inklużi b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni fuq kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ tali oġġetti, jew għal kwalunkwe forniment ta’ għajnuna teknika jew servizzi ta' senserija relatati lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fir-Repubblika Ċentru-Afrikana jew għall-użu fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

    (c) il-forniment, direttament jew indirettament, ta’ għajnuna teknika, finanzjament jew għajnuna finanzjarja, servizzi ta’ senserija jew servizzi ta’ trasport marbuta mal-forniment ta’ persunal merċenarju armat fir-Repubblika Ċentru-Afrikana jew għall-użu fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

    (d) il-parteċipazzjoni, b’mod konxju u b’mod intenzjonat, f’attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jevitaw il-projbizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (c).

    2.           B’deroga mill-paragrafu 1, il-projbizzjonijiet stabbiliti fih m’għandhomx japplikaw għal:

    (e) il-forniment ta’ assistenza teknika jew servizzi ta' senserija relatati ma’ tagħmir militari mhux letali maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv;

    (f) il-forniment ta’ assistenza teknika, finanzjament jew assistenza finanzjarja għall-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ merkanzija u teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni jew għal kull forniment ta' assistenza teknika jew servizzi ta' senserija relatati;

    sakemm l-għoti ta’ tali assistenza teknika jew servizzi ta’ senserija, finanzjament jew assistenza finanzjarja tkun ġiet approvata minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

    Artikolu 3

    Azzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ma għandhomx jagħtu lok għal responsabbiltà ta’ kwalunkwe tip min-naħa tagħhom jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom jiksru l-projbizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    Artikolu 4

    1.           L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-pieni previsti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    2.           L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha dwar kwalunkwe emenda sussegwenti.

    Artikolu 5

    Fejn f'dan ir-Regolament, ikun hemm ir-rekwiżit li l-Kummissjoni għandha tiġi nnotifikata, infurmata jew li ssir xi forma oħra ta' komunikazzjoni magħha, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt li għandhom jintużaw għal din il-komunikazzjoni għandhom ikunu dawk indikati fl-Anness.

    Artikolu 6

    Dan ir-Regolament għandu japplika:

    (a)          fit-territorju tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;

    (b)          abbord kull inġenju tal-ajru jew kull bastiment fil-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru;

    (c)          għal kwalunkwe persuna fit-territorju tal-Unjoni jew lil hinn minnu li tkun ċittadina ta’ Stat Membru;

    (d)          għal kull persuna ġuridika, entità jew korp li huma inkorporati jew kostitwiti taħt il-liġi ta’ Stat Membru;

    (e)          għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta’ kwalunkwe kummerċ imwettaq, kollu kemm hu jew parti minnu, ġewwa l-Unjoni.

    Artikolu 7

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               ĠU L 352, 24.12.2013, p. 51.

    [2]               ĠU C 69, 18.3.2010, p. 9.

    Top