Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IR6247

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment ma' governanza ekonomika soda

    ĠU C 140, 28.4.2015, p. 28–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.4.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 140/28


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment ma' governanza ekonomika soda

    (2015/C 140/06)

    Relatur

    :

    Is-Sur Soulage (FR/PSE), Viċi President tal-Kunsill Reġjonali tar-Rhône-Alpes

    Dokument ta' referenza

    :

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment ma' governanza ekonomika soda skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 1303/2013

    COM(2014) 494 final

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    1.

    ifakkar li l-politika ta' koeżjoni tal-Unjoni Ewropea għandha tkompli taqdi rwol primordjali fir-rilanċ tal-ekonomija tar-reġjuni Ewropej;

    2.

    itenni, wara l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-proposta ta' regolament ġenerali dwar il-fondi tal-qafas strateġiku komuni (1), l-oppożizzjoni tiegħu fil-prinċipju għal kull kundizzjoni makroekonomika imposta fuq l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni u b'mod aktar preċiż għar-rabta bejn l-effikaċja tal-Fondi Ewropej strutturali u tal-Investiment u governanza ekonomika tajba. Fil-fatt, din ir-rabta sserraħ fuq ipoteżi falza li skontha l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli għar-riżultati baġitarji daqs l-awtoritajiet nazzjonali;

    3.

    barra minn hekk, ifakkar fit-talba tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni li titfassal white paper dwar il-politika ta' koeżjoni territorjali bil-għan speċifiku li tniedi mill-ġdid id-dibattitu dwar il-kejl tal-kwalità tal-ħajja u l-kwalità tat-tkabbir ekonomiku lil hinn mis-sempliċi PDG; jirrakkomanda li jitħejjew indikaturi ġodda iżjed affidabbli li jirriflettu aħjar l-aspettattivi tas-soċjetà;

    4.

    barra mill-oppożizzjoni tiegħu għall-prinċipju tal-kundizzjonalità makroekonomika, għandu d-dubji dwar il-valur miżjud ta' dawn il-linji gwida, li mhumiex għajr parafrażi tal-Artikolu 23 tar-Regolament 1303/2013;

    5.

    iqis li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jispiċċaw penalizzati intortament bi programmazzjoni mill-ġdid peress li m'humiex responsabbli għad-defiċit pubbliku nazzjonali eċċessiv, peress li spiss huma għandhom obbligu kostituzzjonali li jżommu l-baġits tagħhom f'bilanċ. Għaldaqstant, id-defiċit globali tal-finanzi pubbliċi sottonazzjonali tal-UE-27, li jikkorrispondu għal 0,1 % tal-PDG fl-2007, kien ta' madwar 0,8 % tal-PDG fl-2009 u l-2010. Anke jekk id-deterjorazzjoni tal-finanzi pubbliċi sottonazzjonali kienet aktar ċara f'xi pajjiżi li fihom id-defiċit żdied b'aktar minn 0,5 punti perċentwali bejn l-2007 u l-2013, hija tibqa' bla kejl komuni ma' dik tal-baġits nazzjonali (2);

    6.

    jenfasizza li sitwazzjoni kumparabbli ħafna tapplika għad-dejn tal-awtoritajiet lokali u reġjonali peress li (kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni fis-6 rapport dwar il-koeżjoni), it-tkabbir tad-dejn pubbliku jiġi prinċipalment mill-attivitajiet tal-amministrazzjoni ċentrali. Id-dejn globali tal-awtoritajiet lokali u tar-reġjuni mingħajr saħħa leġislattiva importanti għadu inqas minn 10 % tal-PDG fl-Istati Membri kollha. Madankollu id-dejn jibqa' preokkupanti f'għadd ta' pajjiżi;

    7.

    Iqis li, skont għadd ta' studji, l-effikaċja tan-nefqa pubblika hija aktar marbuta mill-viċin mal-effikaċja u l-governanza tajba (3) milli ma' fatturi makroekonomiċi u barra minn hekk, li l-kwalità tal-azzjoni pubblika għandha rwol determinanti fuq il-kapaċità tal-politika tal-koeżjoni li jkollha impatt fuq it-tkabbir. Jinnota wkoll li r-regolamenti tas-“Six-Pack” diġà jipprevedu sanzjonijiet ibsin fil-każ ta' nuqqas ta' konformità tar-regoli ta' stabbiltà makroekonomika. Għaldaqstant jiddubita kemm is-sanzjonijiet permezz tat-twaqqif tal-Fondi Strutturali jkunu effikaċi peress li jikkastigaw, fost affarijiet oħra, l-istess nuqqas darbtejn;

    8.

    jaħseb ukoll li fil-kuntest tas-“Six-Pack” għandu jiġi rivedut il-metodu ta' kalkolu tad-“defiċit strutturali”, sabiex jitqiesu l-karatteristiċi proprji tal-ekonomiji nazzjonali u tad-differenzi strutturali tan-nefqa pubblika;

    Il-politika ta' koeżjoni trid tibqa' politika Ewropea ta' investiment

    9.

    huwa serjament imħasseb dwar ir-riskju li l-miżuri previsti għall-perjodu 2014-2020 jistgħu jkunu ta' piż fuq it-tkabbir Ewropew u l-proġetti ta' żvilupp ekonomiku u soċjali billi joħolqu insigurtà dwar il-programmazzjoni tal-FEŻR u l-FSE mill-2015; l-ippjanar ta' dawn il-programmi diġà huwa mhedded biżżejjed mid-dewmien fl-ipprogrammar li rriżulta mill-ikkompletar tard tan-negozjati dwar il-qafas finanzjarju pluriennali u d-diffikultà li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jilħqu r-rekwiżit ta' kundizzjonalità ex-ante;

    10.

    f'dan ir-rigward jenfasizza r-rwol li qed jikber u jsir aktar importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li jwettqu madwar 33 % tal-infiq pubbliku, ftit aktar minn 2 punti fuq l-aħħar żewġ deċenji (1995-2013), jiġifieri 16 % tal-PDG. Jekk il-piż tagħhom ivarja skont il-pajjiż, skont l-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom, huma għandhom rwol ħafna aktar importanti mill-amministrazzjonijiet ċentrali fl-offerta ta' servizzi pubbliċi u fuq kollox għan-nefqiet meħtieġa għat-tkabbir kif ġew definiti mill-istess Kummissjoni (ara s-6 rapport ta' koeżjoni), fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-ħarsien tal-ambjent, it-trasport, ir-riċerka u l-iżvilupp, kif ukoll l-enerġija;

    11.

    f'dan ir-rigward jitlob ir-reviżjoni tal-klawsola tal-investiment biex tkun tista' sseħħ is-separazzjoni tar-rendikonti tal-investimenti reġjonali u nazzjonali li jsiru taħt il-kofinanzjament tal-fondi Ewropej (Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment jew Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa) mill-kalkoli tad-defiċits pubbliċi nazzjonali fil-qafas tas-Semestru Ewropew;

    12.

    jiġbed l-attenzjoni għall-kontradizzjoni intrinsika bejn, minn naħa, id-dispożizzjonijiet dwar il-kundizjonalità makroekonomika u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, li jawtorizzaw ċerta flessibilità fl-applikazzjonijiet tagħhom fil-każ ta' ċirkostanzi eċċezzjonali u temporanji, definiti mir-Regolament Nru 1177/2011, kif ukoll il-konsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li skonthom “il-qafas fiskali tal-UE joffri biżżejjed lok għall-bilanċ tar-rikonoxximent tal-ħtiġijiet ta' investiment pubbliku produttiv mal-għanijiet tad-dixxiplina fiskali” (4);

    13.

    f'dan il-kuntest ifakkar fit-tħassib tiegħu dwar il-qafas ġdid tal-kontabilità SEC 2010 tal-Eurostat, li daħal fis-seħħ f'Settembru 2014, u li ma jiddistingwix bejn l-infiq u l-investiment u li joħloq għall-awtoritajiet lokali u reġjonali obbligu li japplikaw limiti massimi ta' investiment fis-sena u għal kull persuna. Fil-fatt hemm il-periklu li dawn il-limiti jwaqqfu lill-awtoritajiet lokali u reġjoanli ta' ċerti Stati Membri milli jakkwistaw il-kofinanzjament neċessarju għall-proġetti rilevanti tal-Fondi Strutturali u tal-Investiment Ewropej. Għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tippreżenta rapport dwar id-dħul fis-seħħ tas-SEC 2010;

    14.

    ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ġew milqutin tliet darbiet mill-miżuri ta' konsolidazzjoni baġitarja adottati fil-livell nazzjonali b'risposta għall-kriżi ekonomika u finanzjarja. L-ewwel, dawn il-miżuri xekklu b'mod qawwi l-kapaċità tal-awtoritajiet sottonazzjonali milli jikkontribwixxu fl-investimenti pubbliċi, li kienu medja ta' 2,3 % tal-PDG bejn l-2002 u l-2007 fl-UE-27 u li naqsu għal 1,8 % tal-PDG, iżda fuq kollox naqsu f'termini reali b'7,2 % fl-2010, 5,9 % fl-2011, 3,3 % fl-2012 u bi 8,6 % fl-2013;

    15.

    it-tieni, peress li t-trasferimenti kurrenti u t-trasferimenti f'kapital mill-amministrazzjonijiet ċentrali jiffurmaw is-sorsi ewlenin tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fi kważi l-pajjiżi kollha tal-UE, id-dħul tagħhom kellu tnaqqis importanti b'effett immedjat fuq id-defiċits fil-baġits tagħhom. Fil-każ tar-reġjuni Spanjoli, dan kien aktar serju peress li huma kellhom tnaqqis ta' 62 % f'termini reali tad-dħul tagħhom wara tnaqqis qawwi tat-trasferimenti mill-amministrazzjoni ċentrali (45 %), minn naħa u ż-żieda sostanzjali ta' trasferimenti mir-reġjuni lejn l-amministrazzjoni ċentrali (minn bilkemm EUR 1,4 biljun għal EUR 10,1 biljun bil-prezzijiet tal-2005);

    16.

    it-tielet, skont l-OECD, il-miżuri ta' konsolidazzjoni baġitarja naqqsu aktar il-kapaċità tagħhom ta' investiment u l-awtoritajiet lokali u reġjonali kellhom ukoll jiffaċċjaw id-deterjorazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-self;

    17.

    jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-kontribut tal-FESI għall-investiment pubbliku fi żminijiet ta' kriżi peress li dan għadda minn 11,5 % tal-investiment pubbliku tal-UE (FGKF) fl-2007, għal 18,1 % fl-2013. Il-kontribut tiegħu jirrappreżenta aktar minn 75 % tal-investiment pubbliku f'xi pajjiżi. Bejn il-perjodu 2007-2013, l-allokazzjonijiet taħt il-Fondi Strutturali u l-Fondi ta' Koeżjoni u l-kofinanzjament nazzjonali assoċjati, irrappreżentaw annwalment u b'medja madwar 0,55 % tal-PDG tal-UE 27;

    18.

    iqis kuntradittorja l-introduzzjoni ta' theddida fuq il-krediti tal-FEŻR u tal-FSE meta l-Istati Membri jinsabu f'diffikultà ekonomika. It tnaqqis fl-infiq pubbliku ma jwassalx għal tnaqqis awtomatiku fid-defiċits pubbliċi u jista' jkollu effetti negattivi fil-qasam soċjali;

    19.

    huwa jitħasseb dwar id-deterjorazzjoni potenzjali fis-sitwazzjoni tal-finanzi pubbliċi nazzjonali u sottonazzjonali fil-każ li jitwaqqfu l-ħlasijiet u mhux biss l-impenji. Barra minn hekk, ifakkar li r-rabta bejn il-Fondi Strutturali u l-governanza ekonomika tajba tad-defiċits pubbliċi diġà wriet il-limiti tagħha fl-applikazzjoni oriġinali tal-fondi ta' koeżjoni, peress li s-sanzjonijiet marbutin mad-defiċits pjuttost għandhom it-tendenza li jiggravaw is-sitwazzjoni ekonomika tal-Istati kkonċernati;

    20.

    itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea biex tippreżenta white paper li tistabbilixxi tipoloġija fil-livell tal-UE għall-kwalità tal-investiment pubbliku fil-kontijiet tal-infiq pubbliku skont l-effetti fit-tul tiegħu. Tipoloġija ta' dan it-tip tista' twassal għal evalwazzjoni ddettaljata tal-kwalità tal-investimenti pubbliċi fil-kalkolu tad-defiċit baġitarju jew ukoll li jitqiesu aħjar iċ-ċiklu jew il-kuntest makroekonomiku reali;

    Programmazzjoni mill-ġdid kontra produttiva ta' fondi

    21.

    jiddubita kemm il-kontenut u l-modalitajiet tal-programmazzjoni mill-ġdid huma pożittivi b'mod sistematiku u jikkontribwixxu biex tissaħħaħ il-kompetittività fit-tul tal-pajjiżi u jorjentaw l-iżvilupp ekonomiku mill-ġdid lejn is-setturi tal-futur. L-analiżi ta' dak li sar mill-2009 turi li l-urġenza tas-sitwazzjoni wasslet lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromovu l-proġetti li kienu diġà għaddejjin, ħalli jħaffu l-konsum tal-krediti u jwasslu għal-likwidità. Dawn l-għażliet b'mod globali għamluha possibbli li l-parti dedikata lir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni tikber, b'appoġġ ġeneriku lill-intrapriżi, l-enerġiji rinnovabbli, lir-rotot u lis-suq tax-xogħol b'miżuri li kienu ffokati b'mod aktar speċifiku fuq l-impjieg taż-żgħażagħ. Iżda setgħu wkoll wasslu biex jiġu traskurati ċerti setturi b'potenzjal għat-tkabbir bħas-servizzi tal-ICT, l-investiment fl-ambjent, il-ferroviji, l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet;

    22.

    huwa mħasseb għan-nuqqas ta' operabbiltà tal-limiti ġuridiċi tal-programmazzjoni mill-ġdid bħal dawk li jirriżultaw mill-obbligu tar-rispett tad-direzzjonijiet tematiċi, tal-bilanċ FSE-FEŻR, eċċ.;

    23.

    ma jqisx realistika wisq l-implimentazzjoni ta' dispożittiv li ma jkunx applikabbli ħlief bejn l-2015 u l-2019;

    24.

    iqis li l-programmazzjoni mill-ġdid m'hijiex affattu eżerċizzju faċli u ħafif biex issir, anzi, fuq il-bażi tal-esperjenza tal-aħħar ħames snin marbutin mas-6 rapport dwar il-koeżjoni li wassal għall-mobilizzazzjoni ta' riżorsi umani kbar fit-8 Stati Membri konċernati, inklużi dawk tal-Kummissjoni Ewropea, nipprevedu li ser tkun tiswa ħafna flus u tkun iebsa biex titmexxa mill-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    25.

    jibża' minn żieda fil-burokrazija fl-eżerċizzju tal-programmazzjoni mill-ġdid, peress li jrid jiġi akkumpanjat mill-istess obbligi bħat-tfassil tal-ftehim ta' sħubija (indikaturi tal-prestazzjoni, kundizzjonijiet, eċċ...) li jwassal għall-obbligu tal-impjieg ta' esperti ġodda u l-ħolqien ta' spejjeż ġodda. Żieda sproporzjonata fix-xogħol imposta fuq l-impjegati tista' twassal biex tonqos l-effiċjenza fuq ix-xogħol jew għal sitwazzjoni li tkun l-oppost ta' dik mistennija;

    26.

    jiddeplora l-piż żejjed amministrattiv marbut mal-eżerċizzju tal-programmazzjoni mill-ġdid li jagħfas mhux biss fuq l-amministrazzjonijiet Ewropej u nazzjonali iżda wkoll, u fuq kollox, fuq dawk tar-reġjuni peress li huma huma l-awtoritajiet li jiġġestixxu. Dan jista' joħloq spejjeż addizzjonali kbar minħabba fl-urġenza tar-risposta li tkun trid tingħata lit-talbiet tal-Kummissjoni u l-ħtieġa li jinstabu impjegati supplimentari;

    Il-kondizzjonalità makroekonomika tmur kontra l-ispirtu Ewropew

    27.

    jiddeplora ċ-ċentralizzazzjoni kemm nazzjonali kif ukoll Ewropea, li hemm wara l-provvediment kollu kemm hu bil-preżenza qawwija tal-Kummissjoni. Bla dubju ta' xejn, iż-żmien qasir tal-iskadenzi tal-programmazzjoni mill-ġdid ser iwassal biex jiġu mhedda l-prinċipji tas-sħubija u ta' governanza f'diversi livelli li huma parti integrali mill-politika ta' koeżjoni;

    28.

    jenfasizza l-impatt negattiv fuq l-opinjoni pubblika ta' sanzjoni bħal din li bla dubju twassal biex tiżdied l-ostilità fir-rigward tal-UE;

    29.

    fl-aħħar jesprimi s-sorpriża tiegħu għall-fatt li l-kontroll demokratiku tal-Parlament Ewropew fuq din is-sistema l-ġdida ta' kundizzjonalità makroekonomika ma jistax isir b'mod aktar komplet minħabba f'fatturi li jidhru dejjem aktar teknokratiċi partikolarment fir-rigward tal-programmazzjoni mill-ġdid tal-fondi. Għaldaqstant jappella b'fermezza lill-Kummissjoni Ewropea biex terġa' tpoġġi lill-Parlament Ewropew fiċ-ċentru tat-teħid tad-deċiżjonijiet f'dak kollu li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-kondizzjonalità makroekonomika, b'rabta mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni.

    Brussell, 12 ta' Frar 2015

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Markku MARKKULA


    (1)  CdR 4/2012 fin.

    (2)  Eurostat – DĠ REGIO.

    (3)  “Quality of Government and Returns of Investment”, OECD Regional Development Working Papers, No 2013/12.

    (4)  Ara: Kummissjoni Ewropea, Il-kwalità tal-infiq pubbliku, p. 31.


    Top