This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014IR5728
Opinion of the Committee of the Regions — The efforts to promote genuine solidarity on a real European migration policy
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – L-isforzi biex tiġi promossa solidarjetà ġenwina għal politika Ewropea reali dwar il-migrazzjoni
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – L-isforzi biex tiġi promossa solidarjetà ġenwina għal politika Ewropea reali dwar il-migrazzjoni
ĠU C 19, 21.1.2015, p. 54–58
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
21.1.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 19/54 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – L-isforzi biex tiġi promossa solidarjetà ġenwina għal politika Ewropea reali dwar il-migrazzjoni
(2015/C 019/12)
|
I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Rakkomandazzjonijiet ġenerali
1. |
jenfasizza li hija meħtieġa enfasi aktar qawwija dwar l-impenn tal-UE li tiżgura l-prinċipji tas-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà sabiex tinħoloq politika ta’ migrazzjoni komprensiva li tindirizza l-kwistjonijiet kollha li jiffaċċjaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali. F’dan ir-rigward, il-KtR jilqa’ b’sodisfazzjon il-prijorità li l-Presidenza Taljana tat għal strateġija komprensiva rigward kwistjonijiet ta’ migrazzjoni, u l-importanza mogħtija lill-promozzjoni ta’ solidarjetà ġenwina dwar politika Ewropea reali għall-migrazzjoni fir-rigward tal-migranti, il-pajjiżi terzi ta’ oriġini u pajjiżi ta’ tranżitu, kif ukoll pajjiżi, reġjuni u bliet ta’ destinazzjoni, u bejn il-livelli differenti ta’ governanza; |
2. |
jilqa’ l-fatt li l-Presidenza Taljana qed tistabbilixxi bħala prijorità ċara l-iżvilupp ta’ Politika Ewropea Komuni dwar il-Migrazzjoni, imsejsa fuq ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, is-solidarjetà, il-fiduċja reċiproka, l-obbligi internazzjonali, u r-responsabbiltà kondiviża bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li tista’ tikkontribwixxi għall-aġenda tat-tkabbir tal-UE, flimkien ma’ strateġija għall-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku fil-pajjiżi tal-oriġini tal-immigranti; |
3. |
jemmen li l-governanza f’diversi livelli hija strument ewlieni u prerekwiżit biex jinkisbu l-aqwa riżultati fl-integrazzjoni tal-migranti u tat-tieni ġenerazzjonijiet. Il-livelli kollha tal-gvern permezz tal-UE għandhom jaqsmu r-responsabbiltà li jilqgħu u jintegraw lir-rifuġjati u lill-migranti, u jtejbu l-kooperazzjoni, il-koordinazzjoni u s-solidarjetà interreġjonali permezz tal-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ qsim tar-responsabbiltà bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali, b’kunsiderazzjoni tal-limiti strutturali, ir-riżorsi, il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, is-sitwazzjoni demografika u fatturi rilevanti oħra (bħar-riunifikazzjoni tal-familja). F’dan il-qafas huwa kruċjali li l-UE u l-awtoritajiet nazzjonali u sottonazzjonali jaħdmu f’kooperazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili, l-assoċjazzjonijiet tal-migranti, il-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu tal-migranti barra mill-UE, u l-komunitajiet lokali, kif ukoll li jilqgħu l-kontribut tagħhom. |
4. |
jixtieq jifraħ lill-Italja fir-rigward tal-attivitajiet tagħha fil-kuntest tal-operazzjoni Mare Nostrum biex jiġu salvati l-ħajjiet fil-Baħar Mediterran; jikkundanna, għalhekk, id-deċiżjoni tal-Ministri tal-UE biex jissostitwixxuha b’operazzjoni tal-Frontex li m’għandhiex enfasi ċara biex issalva l-ħajjiet u persuni li huma fil-periklu; jappella b’mod urġenti lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jipprovdu l-mezzi neċessarji biex jiġu evitati l-imwiet fil-baħar; |
5. |
iqis li, f’qasam sensittiv u strateġiku bħal dan, l-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet prinċipali tagħha għandhom ifasslu politika ta’ migrazzjoni ġenwina u jassumu r-responsabilità politika għall-implimentazzjoni tagħha. Dan il-kompitu m’għandux jitħalla għall-istati individwali, b’mod partikolari l-istati fuq il-fruntiera; minflok l-istati u l-awtoritajiet lokali għandhom ikunu inklużi fi strateġija għall-migrazzjoni komuni flimkien ma’ miżuri operattivi xierqa; |
6. |
ifakkar li 15-il sena wara l-ewwel tentattivi biex titfassal politika komuni dwar il-migrazzjoni, għad hemm qabża kbira bejn il-prattika u l-prinċipji u l-valuri ddikjarati. Ma ntużax biżżejjed l-Artikolu 80 TFUE għall-adozzjoni ta’ miżuri li jipprevedu solidarjetà u kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà fir-rigward tal-mobilità, inklużi l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħha, bejn l-Istati Membri. L-impenji fir-rigward tal-migrazzjoni u r-rimpatriju kienu kompletament volontarji u, f’xi każijiet, ċerti awtoritajiet lokali ħadu l-inizjattiva biex dawn l-impenji jsiru realtà; |
7. |
jinsab sodisfatt bil-Linji Gwida Strateġiċi tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2014 għall-ippjanar leġislattiv u ta’ politika fil-qasam tal-libertà, s-sigurtà u l-ġustizzja, li jagħmlu t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA) prijorità assoluta; |
8. |
ifakkar li l-Unjoni Ewropea teħtieġ il-migrazzjoni kemm bħala l-libertà tal-moviment taċ-ċittadini tagħha bejn l-Istati Membri, kif ukoll bħala immigrazzjoni minn pajjiżi terzi, bħala reazzjoni għall-bidliet demografiċi u n-nuqqas potenzjali tal-forza tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew biex ikompli l-azzjoni tiegħu, b’kunsiderazzjoni wkoll tal-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tan-nuqqas ta’ solidarjetà u l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà. Madankollu, l-enfasi fil-fażi leġislattiva li jmiss ma għandhiex tkun biss fuq il-konsolidazzjoni u l-implimentazzjoni tar-regoli eżistenti waqt li għad m’hemmx definizzjoni preċiża ta’ kif il-prinċipju tas-solidarjetà jista’ jiġi inkoraġġit u waqt li m’hemmx politika tal-migrazzjoni tal-UE li hija realment komprensiva; |
9. |
jenfasizza li, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-linji gwida strateġiċi fil-livelli kollha, l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali huwa essenzjali. Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa lest li jikkoopera mill-qrib fit-tfassil ta’ pjan ta’ azzjoni. Mill-2015, l-ambitu tal-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni, stabbilit mill-Kummissjoni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, se jitwessa’ biex jinkludi l-qasam tal-politika tal-immigrazzjoni u l-asil. Dan il-pjan ta’ azzjoni jista’ jibbenefika mill-għarfien espert ta’ forum imkabbar bil-kontribut tal-KtR. Għalhekk, il-KtR itenni t-talba biex isir membru tal-Bureau tal-Forum Ewropew dwar il-Migrazzjoni futur flimkien mal-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew; |
Ewropa bbażata fuq approċċ prammatiku u legali lejn is-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà
10. |
Bħalissal-awtoritajiet lokali u reġjonali jerfgħu piż finanzjarju konsiderevoli fir-rigward tal-akkoljenza tal-migranti. Madankollu, il-kondiviżjoni tal-akkoljenza hija żbilanċjata wkoll fi ħdan il-pajjiżi u bejniethom, u b’hekk xi awtoritajiet lokali u reġjonali jerfgħu responsabbiltà ikbar peress li jilqgħu parti kbira mill-persuni li jkunu għadhom kif waslu li spiss jeċċedu l-kapaċità tar-reġjuni individwali; |
11. |
huwa tal-fehma li d-diviżjoni żbilanċjata tal-persuni li qed ifittxu l-asil u tar-rifuġjati bejn il-bliet u r-reġjuni u fi ħdan ir-reġjuni hija sfida kbira għall-awtoritajiet lokali u reġjonali. Kwistjoni oħra huwa n-nuqqas ta’ ppjanar bil-quddiem u l-inabbiltà li ssir tħejjija għall-akkoljenza fi żmien propizju. Is-soluzzjonijiet ad hoc jista’ jkollhom konsegwenzi soċjali negattivi, u dan jagħmilha aktar diffiċli għall-individwi li jkunu għadhom kif waslu biex jagħmlu użu mill-għodod meħtieġa biex jibdew il-proċess tal-integrazzjoni; |
12. |
għalhekk jemmen li wasal iż-żmien biex jiġu stabbiliti b’mod l-iżjed ċar u realistiku l-implikazzjonijiet tas-solidarjetà fil-qasam tal-asil u l-miġrazzjoni fl-UE u fl-Istati Membri. Huwa ċar li pajjiżi, reġjuni u muniċipalitajiet differenti jipprovdu argumenti differenti għal dak li huma jqisu bħala kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltajiet u s-solidarjetà abbażi taċ-ċirkustanzi u x-xewqat speċifiċi tagħhom. |
13. |
jinnota li s-solidarjetà hija prinċipju li jservi ta’ xprun fid-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet lokali li kellhom jagħtu akkoljenza lil ħafna migranti. Postijiet bħal Lampedusa fl-Italja, Ceuta u Melilla fi Spanja u Calais fi Franza huma biss uħud mill-punti ta’ dħul u ta’ tranżitu għall-persuni li jfittxu l-asil u l-migranti fi ħdan l-UE, madankollu huma xhieda tad-diffikultajiet li xi awtoritajiet lokali jkollhom jiffaċċjaw f’termini tal-akkoljenza ta’ migranti, l-ġestjoni tal-flussi tal-migranti li jaħarbu pajjiżhom u r-risponsi umanitarji; |
14. |
huwa tal-fehma li kooperazzjoni effettiva u fiduċja fost il-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE f’dak li jirrigwarda l-kondiviżjoni tar-riżorsi u r-responsabbiltajiet hija indispensabbli għall-akkoljenza sostenibbli u ġusta ta’ dawk li qed ifittxu l-asil u tal-migranti. |
15. |
jikkunsidra li l-istrutturi eżistenti jipprovdu l-għodod u mezz għad-djalogu politiku bejn il-livell tal-UE, l-Istati Membri fil-livell nazzjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, iżda d-djalogu politiku bejn il-livelli lokali/reġjonali u dak Ewropew huwa frammentat jew isir fuq bażi ad hoc. |
16. |
jissuġġerixxi li ssir analiżi dwar id-disponibbiltà tal-mezzi finanzjarji għall-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex dawn ikunu jistgħu jwettqu l-obbligi tagħhom rigward il-migrazzjoni u l-integrazzjoni, filwaqt li jkun żgurat li dawn ikollhom aċċess għall-fondi nazzjonali u tal-UE (pereżempju l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond għall-Fruntieri Esterni); |
Is-solidarjetà bħala tweġiba kkordinata għal problema ta' sigurtà u umanitarja.
17. |
jenfasizza li t-tisħiħ tal-kontrolli tal-fruntieri u l-miżuri għall-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari huma essenzjali, iżda ma jistgħux jiġu qabel l-obbligi internazzjonali (taħt UNCLOS, SOLAS u SAR, pereżempju) biex jiġu salvati l-ħajjiet u jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem, jew qabel id-dritt li wieħed ifittex asil fl-UE, li għandha tibqa’ art ta’ kenn għall-persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, jixtieq jenfasizza li fil-każ tal-persuni minorenni li qed ifittxu l-asil, ir-rifuġjati, il-migranti u r-rifuġjati minorenni mhux akkumpanjati dejjem għandha tiġi rispettata l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal; |
18. |
jitlob it-tisħiħ tal-Frontex għal kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-fruntieri nazzjonali iktar effettiva, imsaħħa b’mod effiċjenti u semplifikata, u għall-protezzjoni tal-migranti u tal-fruntieri esterni tal-UE kif ukoll għall-kollaborazzjoni fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; |
19. |
jappoġġja l-isforzi biex ikomplu jiġu mmonitorjati u implimentati l-istrateġiji deskritti fl-“Azzjoni tal-UE dwar Pressjonijiet Migratorji”, li tistieden lill-Unjoni Ewropea biex tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq il-ħtieġa li tikkoordina l-azzjoni tal-Istati Membri bir-rwol ċentrali meħud mill-aġenziji rilevanti tal-UE, bħall-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex), il-EUROPOL u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO); |
20. |
iqis li huwa essenzjali li jitkomplew l-isforzi lejn aktar żvilupp tal-ġestjoni tal-fruntieri integrata u bbilanċjata sabiex jittejjeb il-kontroll tal-fruntieri esterni u jiġu ttrattati b’mod aktar effettiv l-immigrazzjoni irregolari, il-kuntrabandu ta’ migranti, it-traffikar tal-bnedmin u forom oħra ta’ kriminalità transkonfinali u l-kriminalità transnazzjonali marbuta mat-traffikar tal-bnedmin; |
21. |
jappoġġja l-“Pakkett tal-Fruntieri Intelliġenti” li għandu l-għan li jħaffef, jiffaċilita u jsaħħaħ il-proċeduri tal-kontroll fuq il-fruntieri għall-barranin li jivvjaġġaw lejn l-UE, inkluż il-Programm ta’ Vjaġġaturi Rreġistrati (RTP) u s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES), iżda jfakkar fi ftit mit-tħassib fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u l-kosteffikaċja tal-proposti li esprima fl-2013. Il-KtR jieħu nota tar-riżultati tal-istudju tekniku mill-Kummissjoni Ewropea u eu-LISA li jipproponi soluzzjoni fit-tul għall-ġestjoni operattiva ta’ sistemi tal-IT fuq skala kbira, li huma strumenti essenzjali għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE dwar l-asil, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-migrazzjoni. |
22. |
jissuġġerixxi li tingħata attenzjoni partikulari biex jiżdiedu s-sinerġiji bejn id-diversi korpi u sistemi stabbiliti s’issa, fuq il-bażi tal-mandat speċifiku u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom: pereżempju Frontex, SIS II u EUROSUR, li joperaw fil-kuntest tal-migrazzjoni u l-moviment ta’ persuni u, f’termini ta’ sigurtà, u EUROJUST, li jaħdmu biex jipprevjenu u jeqirdu r-reati kriminali assoċjati mat-transiti illegali; |
23. |
jippromwovi, b’kunsiderazzjoni speċjali għall-EUROSUR, l-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolament adottat riċentament sabiex jitnaqqas ir-riskju tat-telf ta’ ħajjiet fuq il-baħar; |
24. |
jinkoraġġixxi l-isforzi biex jiġu studjati miżuri għall-prevenzjoni tal-migrazzjoni rregolari, biex jinħolqu rotot alternattivi sikuri u legali lejn l-Ewropa, sabiex jiġi evitat aktar telf ta’ ħajjiet umani matul vjaġġi perikolużi. Dawn jistgħu jinkludu l-istabbiliment ta’ “kuritur umanitarju”, ħruġ ta’ aktar viżi għal raġunijiet umanitarji, iż-żieda fil-kwoti tar-risistemazzjoni u t-twaqqif ta’ ċentri tal-akkoljenza f’pajjiżi ta’ tranżitu għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-asil jew biex tiġi determinata l-eliġibbiltà għad-dħul legali f’pajjiż tal-UE (1). F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jista’ jkollhom rwol utli ħafna; |
25. |
jilqa’ b’sodisfazzjon it-Task Force tal-Mediterran (2), li ġie mwaqqaf wara l-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni tas-7 u t-8 ta’ Ottubru 2013 biex ikun hemm rispons tal-Unjoni Ewropea għas-sitwazzjoni. L-għan ewlieni tiegħu huwa li jidentifika l-għodod adatti biex tiġi evitata repetizzjoni tal-avvenimenti traġiċi bħal dawk li seħħew “il barra mill-kosta ta” Lampedusa u biex jiġi żviluppat approċċ strateġiku, olistiku u fit-tul għas-sitwazzjoni tal-migrazzjoni fiż-żona tal-Mediterran. Il-KtR ifakkar f’dan il-kuntest dwar il-ħidma tiegħu fi ħdan l-ARLEM, u b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-rapport dwar “ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ġestjoni tal-migrazzjoni fil-Mediterran”, adottat reċentement mill-ECOTER tal-ARLEM; |
26. |
jixtieq jenfasizza li l-operazzjoni “Frontex plus”, li tnediet fis-27 ta’ Awwissu 2014 u għandha tieħu post Mare Nostrum, ma tkoprix l-attivitajiet li bħalissa jitwettqu minn Mare Nostrum. Il-baġit tal-Frontex ġie limitat skont il-qafas finanzjarju pluriennali. Frontex Plus se jkollha tiddependi mill-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri. Apparti l-kunsiderazzjonijiet finanzjarji, l-ispirtu taż-żewġ operazzjonijiet huwa wkoll differenti – Mare Nostrum għandha approċċ umanitarju waqt li Frontex hija reazzjoni għall-interess primarju tal-kontroll fuq il-fruntieri; |
Il-bini ta’ konnessjonijiet ma’ pajjiżi terzi fil-livell lokali
27. |
iħeġġeġ l-iżvilupp ulterjuri tad-djalogu u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi ta’ oriġini u tranżitu tal-flussi tal-migrazzjoni, b’konformità mal-Approċċ Globali tal-UE għall-Migrazzjoni u l-Mobilità, permezz tal-istrument tas-Sħubijiet għall-Mobiltà u permezz tad-djalogi u l-proċessi reġjonali, bħall-Proċess ta’ Rabat; |
28. |
jappoġġja l-isforzi tal-Frontex immirati lejn il-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni operattiva ma’ pajjiżi terzi dwar il-kontroll tal-fruntieri u l-immigrazzjoni irregolari, li għandhom jippromwovu s-sjieda mill-pajjiżi terzi kkonċernati; |
29. |
jilqa’ bi pjaċir l-inizjattiva mnedija mill-Presidenza Taljana biex jiġi stabbilit djalogu simili mal-pajjiżi tal-Lvant tal-Afrika. Il-promozzjoni tal-migrazzjoni legali hija maħsuba biex tgħin l-isforzi tal-UE għat-tkabbir u b’hekk tipprevjeni l-abbuż possibbli tal-kanali ta’ migrazzjoni legali li jista’ jwassal biex tiddgħajjef il-kredibilità tal-proċess kollu tas-sistema Ewropea tal-migrazzjoni; |
30. |
jenfasizza l-importanza tal-kunċett ta’ migrazzjoni ċirkolari li jista’ jgħin biex jiġi bbilanċjat l-impatt tal-migrazzjoni kemm fuq ir-reġjun ta’ oriġini kif ukoll dak ospitanti, u b’hekk jikkontribwixxi għall-iżvilupp tat-tnejn li huma. Dan jinkludi l-ħtieġa ta’ politika ta’ ritorn effettiva u sostenibbli, li tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet tal-migranti u li tqis il-karatteristiċi speċifiċi tal-pajjiżi ta’ oriġini. Għal dan l-għan, il-koperazzjoni prattika bejn l-awtoritajiet lokali u l-pajjiżi terzi rilevanti għandha tkun imtejba sabiex tinkoraġġixxi u toħloq sistemi l-aktar effiċjenti ta’ ritorn volontarju; |
31. |
jemmen li l-awtoritajiet fil-livelli kollha għandhom ikunu involuti b’mod attiv fil-ħarsien u l-promozzjoni tad-djalogu u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi biex jappoġġjaw konkretament modi ta’ dħul legali fil-livelli politiċi u ekonomiċi, kif ukoll biex jipprevjenu u jittrattaw l-immigrazzjoni irregolari u l-forom kollha ta’ kriminalità billi jtejbu l-kapaċitajiet istituzzjonali u operazzjonali tal-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk il-pajjiżi; |
32. |
jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaqdu rwol fl-isforz konġunt mal-UE u mal-livell nazzjonali u ma’ pajjiżi terzi biex jindirizzaw u jipprevjenu l-migrazzjoni irregolari permezz ta’ attivitajiet fil-pajjiżi tal-oriġini (eż. kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, informazzjoni dwar ir-riskji tal-qsim illegali tal-fruntieri, miżuri li jħejju il-persuni għall-integrazzjoni, taħriġ, assistenza fil-qasam tar-riunifikazzjoni tal-familja, korsijiet tal-lingwa u miżuri biex jittejjeb id-djalogu interkulturali) u fil-pajjiżi tad-destinazzjoni (eż. jitwaqqfu sistemi lokali ta’ għażla skont il-bżonnijiet lokali, miżuri ta’ akkoljenza u appoġġ, eċċ.). Dawn jistgħu jgħinu wkoll biex jiġu identifikati u protetti l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u biex jgħinu fir-riintegrazzjoni tal-migranti irregolari li jmorru lura lejn pajjiżhom. Fl-istess ħin, il-politiki ta’ migrazzjoni legali u integrazzjoni effettivi fil-livell lokali u reġjonali huma mezz għall-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija; |
33. |
jissuġġerixxi li ż-żieda fir-risistemazzjoni ta’ rifuġjati fl-UE għandha tkun parti integrali mill-isforzi tal-UE biex tappoġġja l-pajjiżi tan-Nofsinhar u l-Lvant tal-Mediterran li qed jiffaċċjaw influssi ta’ ħafna rifuġjati (3). Dan huwa qasam fejn il-bliet u r-reġjuni Ewropej kellhom rwol prinċipali, billi ppromovew l-integrazzjoni tar-rifuġjati fil-komunitajiet lokali u ħadu passi biex isaħħu l-koeżjoni soċjali; |
34. |
jitlob biex jiġu promossi “Sħubijiet ta’ Migrazzjoni u Integrazzjoni” bejn il-bliet u r-reġjuni tal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ destinazzjoni, sabiex tiżdied il-kooperazzjoni u l-fiduċja reċiproka u b’hekk tiġi żgurata ġestjoni iktar deċentralizzata tal-migrazzjoni. Il-Kumitat tar-Reġjuni itenni wkoll is-suġġeriment tiegħu (4) li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu involuti fl-iżvilupp ta’ “Sħubijiet ta’ Migrazzjoni u Integrazzjoni” ma’ pajjiżi terzi; |
Is-solidarjetà tiġi bis-sensibilizzazzjoni: l-iskambju tal-aħjar prattiki, id-data u linji gwida komuni?
35. |
jenfasizza li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Aġenda Ewropea rinnovata għall-Integrazzjoni (5) tisħaq li għandha tittieħed aktar azzjoni fil-livell lokali u tenfasizza approċċ ġenwin minn isfel għal fuq għall-iżvilupp tal-politiki ta’ integrazzjoni. |
36. |
jargumenta li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkollhom rwol iktar sinifikanti biex jistabilixxu l-kuntest iktar wiesa’ fl-indirizzar tal-politika dwar il-migrazzjoni; |
37. |
jenfasizza l-bżonn li jkun hemm skambju tal-aħjar prattika fost l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-Istati Membri fir-rigward tal-ipproċessar tat-talbiet ta’ dawk li qed ifittxu l-asil u r-rifuġjati, il-politiki tal-integrazzjoni u l-indirizzar tal-migrazzjoni irregolari. Il-Kumitat tar-Reġjuni jista’ jgħin fil-proċess biex jinkiseb involviment aktar effettiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki ta’ migrazzjoni u ta’ integrazzjoni, b’konformità mal-governanza f’diversi livelli u l-prinċipju tas-sussidjarjetà; dan jista’ jgħin biex jiġu indirizzati disparitajiet bejn l-Istati Membri u reġjuni fil-kundizzjonijiet li fihom jiġu rċevuti u ospitati dawk li qed ifittxu l-asil, ir-rifuġjati jew il-migranti; |
38. |
jissuġġerixxi li l-Aġenzija tal-UE għal Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira, eu-LISA, tiżviluppa fil-futur qrib, sistema ta’ qsim ta’ data kompluta dwar is-suġġett tal-migrazzjoni u l-awtoritajiet lokali, ibbażata fuq is-sistema tal-VIS. Sistema bħal din tista’ tkun utli ħafna fil-qsim tal-għarfien espert u l-kondiviżjoni tal-esperjenza f’termini tal-ġestjoni tal-akkomodazzjoni, l-ipproċessar tat-talbiet tal-persuni li jfittxu l-asil u r-rifuġjati, il-politiki ta’ integrazzjoni u l-indirizzar tal-migrazzjoni irregolari, u toffri soluzzjonijiet prattiċi biex jitħeġġeġ il-prinċipju tas-solidarjetà bejn l-awtoritajiet lokali; |
39. |
jipproponi li tiġi mfassla bażi ta’ data li tikkontribwixxi għas-sorveljanza tal-flussi migratorji bejn l-Istati Membri. Din il-bażi ta’ data għandha tinkludi tagħrif dwar varjazzjonijiet fil-popolazzjoni bejn il-pajjiż tal-oriġini u l-pajjiż ta’ destinazzjoni. L-għarfien ta’ dawn il-flussi għandu jiffaċilita t-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell lokali, reġjonali u Ewropew; |
40. |
jemmen li l-kooperazzjoni u s-solidarjetà jistgħu jiġu ffaċilitati jekk isir sforz akbar fir-rigward ta’ soluzzjonijiet prattiċi u prammatiċi. L-għarfien espert tal-awtoritajiet lokali u reġjonali ma għandux jiġi injorat meta jkunu qed jiġu identifikati il-kwistjonijiet ewlenin; |
41. |
jemmen li l-UE għandha taħtaf kull opportunità biex tikkoopera mal-imsieħba istituzzjonali u biex trawwem id-dibattitu fl-oqfsa rilevanti kollha. Organizzazzjonijiet bħal l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (OIM) u l-assemblej bħall-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM) tal-KtR huma msieħba importanti f’dan ir-rigward; |
42. |
jilqa’ l-fatt li l-konferenza ministerjali li jmiss tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) li ser issir f’Ottubru 2015 se tiffoka fuq kif il-bliet jistgħu jikkontribwixxu għall-ġestjoni tal-migrazzjoni u ser isservi bħala pjattaforma eċċellenti għad-djalogu globali bejn il-bliet. jixtieq jiġi involut f’din il-konferenza u jistenna b’interess li jikkontribwixxi għad-diskussjonijiet. |
Brussell, 4 ta’ Diċembru 2014.
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Michel LEBRUN
(1) OIM Discussion Paper: Addressing Complex Migration Flows und Upholding the rights of Migrants along the Central Mediterranean Route (21 ta’ Ottubru 2013); Komunikazzjoni – Ewropa miftuħa u sigura: Inwettqu dan, COM(2014) 154 final, 11 ta’ Marzu 2014.
(2) COM(2013) 869 final, SWD(2014) 173 final.
http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/jha/139937.pdf
(3) Fl-2007, dawn il-pajjiżi laqgħu 39 % tar-rifuġjati fid-dinja. Philippe Fargues (ed.) CARIM Mediterranean migration 2008-2009 report, Robert Schuman Centre for Advanced Studies, European University Institute, 2009, in http://cadmus.eui.eu/bitstream/handle/1814/11861/CARIM%20Migration_Report%202008-2009%20revised%20Oct09.pdf?sequence=3
(4) Riżoluzzjoni tal-KtR 2333/2014.
(5) COM(2011) 455 final.