Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IR4834

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Sistemi tas-saħħa effettivi, aċċessibbli u reżiljenti

    ĠU C 19, 21.1.2015, p. 28–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.1.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 19/28


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Sistemi tas-saħħa effettivi, aċċessibbli u reżiljenti

    (2015/C 019/06)

    Relatur

    is-Sur Karsten Uno Petersen, Membru tal-Kunsill Reġjonali (DK/PSE)

    Dokument ta’ referenza

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar sistemi tas-saħħa effettivi, aċċessibbli u reżiljenti

    COM(2014) 215 final

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    Kummenti ġenerali

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    1.

    jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tqis li s-sistemi tas-saħħa għandhom itawlu l-ħajja u jtejbu l-kwalità tagħha wkoll u u b’hekk jikkontribwixxu biex tittejjeb is-saħħa taċ-ċittadini. Is-saħħa tal-individwi fejn b’“saħħa” qed nifhmu benesseri fiżiku u anke psikoloġiku tiddependi minn fatturi oħra u mhux minn miżuri tal-kura tas-saħħa biss;

    2.

    jitlob li s-saħħa titqies bħala valur fih innifsu u li l-ispiża tas-sistemi tas-saħħa titqies bħala investiment fis-saħħa tal-popolazzjoni li jista’ jkollu effetti pożittivi f’termini ta’ iktar produttività, provvista ta’ ħaddiema ikbar u finanzi pubbliċi sodi;

    3.

    jinnota li l-awtoritajiet sottonazzjonali qegħdin jiffaċċjaw l-istess sfidi fl-UE kollha: l-ispiża tal-kura tas-saħħa qed tiżdied u l-popolazzjoni qed tkompli tixjieħ u tintlaqat dejjem aktar minn mard kroniku u multimorbożità li qed jirriżultaw f’domanda ogħla għall-kura tas-saħħa. Il-Kumitat tar-Reġjuni jinnota li hija r-responsabbiltà tal-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali li jindirizzaw dawn l-isfidi;

    4.

    jilqa’ u jappoġġja l-prinċipju li ċ-ċittadini tal-UE għandu jkollhom aċċess għal trattament iktar effettiv u ta’ kwalità tajba u l-fatt li, fid-dawl tal-esperjenza tas-snin reċenti, il-Kummissjoni tixtieq tgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji li jtejbu l-effiċjenza u r-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa u li jiffaċċilitaw l-aċċess għall-kura medika;

    5.

    jikkonferma l-bżonn ta’ konformità mal-Artikolu 168 tat-Trattat tal-UE, li jistipula li s-saħħa pubblika hija essenzjalment responsabbiltà nazzjonali, u r-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. B’rabta ma’ dan il-Kumitat tar-Reġjuni jfakkar li r-responsabbiltà tal-politika tas-saħħa hija tal-Istati Membri u fil-maġġoranza tal-każijiet, parti kbira mill-kompetenzi fil-qasam tas-saħħa taqa’ taħt l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    6.

    jinnota li fl-2013, ħdax-il Stat Membru irċevew rakkomandazzjoni għal riforma tas-sistema tas-saħħa tagħhom fil-qafas tas-Semestru Ewropew. F’dan il-kuntest, il-Kumitat tar-Reġjuni jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-differenzi fis-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri jirriflettu deċiżjonijiet soċjali differenti u li, skont l-Artikolu 168 tat-Trattat tal-UE, ir-rwol tal-UE fil-qasam tas-saħħa pubblika jikkomplementa l-politika nazzjonali;

    7.

    jaqbel li s-saħħa pubblika tiddependi ħafna mill-innovazzzjoni u għandha importanza ekonomika kbira. Madanakollu jirrakkomanda li l-valuri komuni rikonoxxuti mill-Kunsill (Saħħa) tal-2006 – l-universalità tas-sistemi tas-saħħa fl-UE, l-aċċess għall-kura medika ta’ kwalità, l-ugwaljanza u s-solidarjetà – jiġu qabel is-sitwazzjoni ekonomika attwali;

    8.

    jagħraf li l-kriżi ekonomika żiedet il-pressjoni fuq ir-riżorsi finanzjarji tal-Istati Membri iżda jfakkar ukoll li s-sistemi tas-saħħa għandhom jibqgħu sostenibbli biżżejjed biex jiggarantixxu valuri komuni fil-ġejjieni u anki fil-preżent;

    9.

    jilqa’ bi pjaċir il-fatt li fl-isforzi tagħha biex tassisti l-Istati Membri fl-evalwazzjoni tal-effettività tas-sistemi tas-saħħa tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea beħsiebha tikkoopera iktar ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-WHO u l-OECD;

    10.

    jagħti parir lill-Kummissjoni Ewropea li timxi b’kawtela hija u tibni sistema komprensiva ta’ rapportaġġ għall-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tas-sistemi tas-saħħa u jinnota li diġà tista’ tintuża d-data disponibbli tad-WHO u l-OECD, f’kooperazzjoni magħhom;

    11.

    jitlob lill-Istati Membri jsaħħu u, fejn hemm bżonn, jespandu l-kapaċità preżenti tagħhom sabiex jiżguraw ġbir kontinwu u awtomatiku tad-data dwar is-saħħa billi dan jikkontribwixxi għal żieda fil-kwalità tad-data internazzjonali f’organizzazzjonijiet bħad-WHO u l-OECD;

    12.

    jiġbed l-attenzjoni lejn il-bżonn li l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tas-sistemi tas-saħħa tkun ibbażata fuq indikaturi ġenerali u faċilment aċċessibbli bħar-rati ta’ sopravivenza ta’ ċertu tip ta’ mard jew il-ħinijiet ta’ stennija; jilqa’ qafas li jelenka kriterji komuni Ewropej għall-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tas-sistemi tas-saħħa, li jappoġġja d-dibattitu politiku u jinfluwenza l-prijoritajiet tal-Istati Membri;

    13.

    jaqbel li iktar mobbiltà fost il-pazjenti u l-persunal tas-settur tas-saħħa jfissru li s-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri ser ikollhom iktar influwenza fuq xulxin u jirrimarka li kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn is-sistemi tas-saħħa bil-għan li jiġi kkunsidrat dan il-fenomenu għandha tqis l-għarfien li jeżisti fil-livelli lokali u reġjonali;

    14.

    jinnota li d-disponibbiltà ta’ forza tax-xogħol imħarrġa tajjeb b’opportunitajiet tajbin għall-iżvilupp tal-ħiliet, il-ħolqien tal-ħiliet„ ġestjoni tajba u fluss adegwat ta’ informazzjoni huma elementi importanti tas-sistemi tas-saħħa u daqstant ieħor id-delegazzjoni tal-kompetenzi fil-livelli reġjonali u lokali;

    15.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-integrazzjoni tal-kura medika għandha sseħħ b’mod parallel ma’ żieda fl-involviment tal-pazjenti u enfasi fuq il-kwalità tal-kura u li l-ħidma tal-kumitati esperti tal-Kummissjoni Ewropea f’dan il-qasam u oħrajn għandha tiġi diskussa mal-awtoritajiet lokali u reġjonali pereżempju fil-forma ta’ seduti pubbliċi dwar ir-riżultati tal-ħidma tal-kumitati;

    16.

    jagħraf li s-sistemi tas-saħħa għandhom ikunu reżiljenti biżżejjed biex jadattaw għal kundizzjonijiet differenti u sfidi kbar anki f’kuntest ta’ riżorsi limitati u huwa tal-fehma li dawn il-karatteristiċi għandhom ikunu parti mir-responsabbiltà tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għas-saħħa pubblika;

    17.

    jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea tagħraf l-importanza tas-saħħa pubblika fil-ġlieda kontra l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi ekonomika iżda jenfasizza li l-deċiżjonijiet intiżi biex jindirizzaw kriżijiet/problemi ekonomiċi globali għandhom jiġu analizzati mill-perspettiva tal-impatt negattiv potenzjali tagħhom fuq is-saħħa pubblika b’mod li dawn l-effetti jiġu evitati;

    18.

    jilqa’ u jappoġġja t-tfassil ta’ strateġija għall-inklużjoni soċjali li tinkludi aċċess mifrux għal servizzi tas-saħħa tajbin u affordabbli bil-għan li tiġġieled l-inugwaljanzi li qed ikomplu jiżdiedu fejn tidħol saħħa fl-Istati Membri;

    Tisħiħ tal-effettività tas-sistemi tas-saħħa

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    19.

    jilqa’ u jappoġġja l-ħidma li għaddejja fuq is-sigurtà tal-pazjent fil-livell tal-UE u jitlob li l-esperjenzi, l-involviment tal-pazjenti u l-iżvilupp tal-ħiliet tal-persunal jingħataw aktar prijorità fl-inizjattivi futuri tal-UE fil-qasam tas-saħħa;

    20.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li huwa diffiċli li tiġi definita l-prestazzjoni tas-saħħa pubblika u dan jagħmel problematiku t-tqabbil bejn l-Istati Membri, iżda jaqbel li huwa importanti li titkejjel u titqabbel l-effettività tas-sistemi tas-saħħa;

    21.

    jemmen ukoll li l-Istati Membri għandhom jitqabblu biss bil-għan li jinsilet tagħlim u jkun hemm skambju tal-esperjenzi tal-prattiki tajba. B’hekk l-Istati Membri jkollhom l-opportunità li jkomplu bl-isforzi tagħhom għat-titjib mil-lat internazzjonali;

    22.

    jagħraf li f’ċerti oqsma fejn id-data mill-organizzazzjonijiet internazzjonali (bħad-WHO u l-OECD) mhux biżżejjed, jista’ jkun utli li titwaqqaf bażi ta’ data Ewropea;

    Titjib fl-aċċess għas-sistemi tas-saħħa

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    23.

    jilqa’ l-fatt li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tfakkar il-prinċipji tal-Patt Soċjali Ewropew kif ukoll li tenfasizza l-importanza ta’ kriterji trasparenti għall-aċċess għall-kura medika u l-obbligu li jiġi żgurat li l-ebda grupp tal-popolazzjoni ma jisfa eskluż mill-aċċess għall-kura medika;

    24.

    jaqbel li l-aċċess diffiċli jitkejjel iżda jenfasizza li indikaturi bbażati fuq l-esperjenzi taċ-ċittadini huma sors a’ informazzjoni importanti dwar il-fehma taċ-ċittadini fuq l-aċċess għall-kura tas-saħħa;

    25.

    jaqbel li l-evalwazzjoni tal-aċċess għall-kura tas-saħħa għandha tiffoka fuq il-parti tal-popolazzjoni koperta mis-servizzi tas-saħħa kif ukoll l-iskop ta’ dawn is-servizzi, ifakkar madanakollu li d-differenzi bejn il-provvista u l-iskop tal-provvista jirriflettu d-deċiżjonijiet soċjali differenti li jittieħdu fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali;

    26.

    jaqbel mal-fatt li l-aċċessibbiltà hija kundizzjoni għall-aċċess għas-servizzi tas-saħħa u hija relatata ma’ kwistjonijiet ta’ ħinijiet ta’ stennija, distanzi u persunal fil-qasam tas-saħħa pubblika, madanakollu jinnota li l-konċentrazzjoni ta’ trattamenti speċjalizzati f’postijiet ċentrali u r-rotot ta’ aċċess li dawn jinvolvu ħafna drabi ma jistgħux jiġu evitati biex ikunu jistgħu jiġu żgurati biżżejjed kompetenzi f’oqsma speċifiċi. Madankollu trid tingħata attenzjoni li anke l-persuni f’reġjuni bi żvantaġġi demografiċi u ġeografiċi jingħataw servizzi tas-saħħa speċjalizzati bħal dawn;

    27.

    ifakkar li r-reġjuni li għandhom żvantaġġi ġeografiċi u demografiċi (popolazzjoni mxerrda ħafna, densità tal-popolazzjoni baxxa, tixjiħ demografiku qawwi, reġjuni insulari jew muntanjużi) iridu jiffaċċjaw sfidi speċifiċi li jinħassu bi ħruxija partikolari fil-qasam tas-saħħa;

    28.

    jagħraf li mudelli integrati ta’ kura u soluzzjonijiet tas-saħħa elettronika huma soluzzjonijiet parzjali għall-problema tal-aċċessibbiltà tas-sistemi tas-saħħa fl-Istati Membri u li jistgħu joffru soluzzjonijiet b’mod partikolari lir-reġjuni bi żvantaġġi demografiċi u ġeografiċi;

    29.

    f’dan il-kuntest iħoss in-nuqqas ta’ referenza għall-fatt li b’mod speċjali nies b’diżabbiltajiet għandhom aċċess limitat għas-servizzi tal-kura tas-saħħa u fl-isfond tal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, ifakkar lill-Kummissjoni Ewropea fl-impenji tagħha [COM(2010) 636 final] li tagħti attenzjoni speċjali lill-persuni b’diżabbiltà meta timplimenta strateġiji li jiġġieldu l-inugwaljanzi fis-saħħa;

    30.

    jilqa’ l-fatt li d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali tiġbed iktar attenzjoni lejn il-kwistjoni tar-responsabbiltà tas-sistemi tas-saħħa mill-aċċess għall-kura medika;

    31.

    jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea tqis bħala għan ċentrali tagħha li ltkompli tagħti rwol konsultattiv importanti lill-persunal tas-settur tas-saħħa, anki fil-ġejjieni, u li dan jista’ jseħħ f’kooperazzjoni ma’ setturi oħra; ifakkar li l-esperjenza kbira li għandhom il-livelli lokali u reġjonali fejn tidħol kooperazzjoni bħal din tista’ tintuża fil-ħidma li se tkompli ssir fil-qasam;

    32.

    jappoġġja l-iskambju tal-informazzjoni dwar it-titjib fl-aċċess għall-prodotti mediċinali, iżda jenfsizza li d-deċiżjonijiet dwar l-ipprezzar u r-rimborż tal-ispejjeż tal-pazjenti huma r-riżultat ta’ għażliet soċjali u l-prijoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali. Il-Kumitat tar-Reġjuni jemmen madanakollu li iktar trasparenza fl-ipprezzar tal-prodotti mediċinali għandha twassal għal użu aktar effiċjenti tar-riżorsi;

    33.

    jinnota li l-Kummissjoni Ewropea beħsiebha tkompli tappoġġja lill-Istati Membri fil-pjani tagħhom għall-forza tax-xogħol tas-settur tas-saħħa sabiex tgħinhom jindirizzaw l-isfidi relatati mal-mobbiltà tal-persunal tas-saħħa;

    34.

    huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom jiżguraw implimentazzjoni korretta tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali;

    Titjib tar-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    35.

    jagħraf li l-Kummissjoni Ewropea rrakkomandat li l-Istati Membri jwettqu riformi fis-sistemi tas-saħħa bħala parti mis-Semestru Ewropew; b’rabta ma’ dan jirreferi għall-Artikolu 168 tat-Trattat tal-UE li jgħid li r-rwol tal-UE fil-qasam tas-saħħa huwa biss dak li tikkumplementa l-politiki nazzjonali;

    36.

    jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea qed tgħin lill-Istati Membri fir-riforma tas-sistemi tas-saħħa tagħhom permezz ta’ inizjattivi ta’ tagħlim u skambju tal-aħjar prattika ma’ Stati Membri u reġjuni oħra;

    37.

    jirrimarka li l-investimenti adegwati u fit-tul fis-sistemi tas-saħħa ’ fil-perjodu twil jistgħu jkunu irħas minn investimenti fil-perjodu qasir ibbażati fuq limiti finanzjarji ċikliċi; huwa tal-fehma li fil-futur l-identifikazzjoni tal-impatt qasir u twil tal-investimenti fis-saħħa pubblika għandha ssir qasam speċjali ta’ enfasi;

    38.

    jagħraf li s-sistemi tas-saħħa għandhom ikunu b’saħħithom finanzjarjament; huwa tal-fehma li l-kunsiderazzjonijiet finanzjarji ċikliċi fil-perjodu qasir m’għandhomx joħonqu l-valur tas-saħħa fih innifsu, is-sikurezza u l-parteċipazzjoni tal-pazjenti u l-iżvilupp tal-kompetenzi tal-persunal;

    39.

    jagħraf u jilqa’ l-ħidma li wettqet il-Kummissjoni Ewropea sabiex tidentifika sitt fatturi ta’ reżiljenza li jistgħu jikkontribwixxu sabiex is-sistemi tas-saħħa jkunu jistgħu jiggarantixxu servizzi tas-saħħa aċċessibbli u effettivi għall-popolazzjoni;

    40.

    jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea tappoġġja l-għan ambizzjuż tan-netwerk tal-HTA (Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa) li twaqqaf taħt id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali, u jaqbel li dan ser inaqqas ix-xogħol doppju għall-awtoritajiet;

    41.

    jinnota l-enfasi tal-Kummissjoni Ewropea fuq it-trasferiment tal-informazzjoni dwar il-pazjenti lejn il-provvedituri tal-kura tas-saħħa kkonċernati u jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tappoġġja lill-Istati Membri f’dan il-kompitu billi tippromovi l-iskambju tal-għarfien u tal-aqwa prattika fejn jidħlu flussi tal-informazzjoni;

    42.

    ifakkar li l-livelli lokali u reġjonali jafu ħafna dwar il-perċezzjoni tas-saħħa pubblika fost iċ-ċittadini u li huwa iktar importanti li dan l-għarfien jintuża b’mod attiv milli jiġu determinati l-possibbiltajiet ta’ konsorzju komprensiv għal infrastruttura Ewropea ta’ riċerka;

    43.

    jemmen li għadhom ma ġewx ottimizzati s-sinerġiji potenzjali bejn is-servizzi tas-saħħa li jinsabu fir-reġjuni tal-fruntieri. Kieku dan iseħħ, isir tfaddil kbir li jikkontribwixxi biex is-sistemi tas-saħħa jsiru aktar aċċessibbli, għall-benefiċċju tal-pazjenti. Il-Kumitat tar-Reġjuni jappella lill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri biex iħeġġu l-iffirmar ta’ ftehimiet ta’ kollaborazzjoni għal dan il-għan;

    44.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li kooperazzjoni mill-qrib mad-WHO u l-OECD tista’ twassal għall-użu tad-data eżistenti tagħhom u dan jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-infrastruttura tar-riċerka.

    Brussell, 3 ta’ Diċembru 2014.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Michel LEBRUN


    Top