Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IR1319

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Qafas ta’ kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tat-tibdil u r-ristrutturar

ĠU C 19, 21.1.2015, p. 50–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 19/50


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Qafas ta’ kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tat-tibdil u r-ristrutturar

(2015/C 019/11)

Relatur

Is-Sur Branda (CZ/KRE), Deputat Sindku ta’ Rádlo

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni dwar Qafas tal-Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar

COM(2013) 882 final

I.   KUMMENTI ĠENERALI

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rilevanza għal-livell reġjonali u lokali

1.

ifakkar li ġeneralment ir-ristrutturar u t-tibdil strutturali jagħmlu parti integrali mill-evoluzzjoni naturali tal-ekonomija;

2.

jinnota li l-impatt tar-ristrutturar jinħass ħafna fil-livell reġjonali. Dawn jistgħu jinfluwenzaw l-iżvilupp strutturali tar-reġjuni u l-kompetittività tagħhom fuq perjodu ta’ żmien medju sa dak twil. Konsegwentement, jinħtieġu approċċi reġjonali (politiki deċentralizzati adattati għall-ħtiġijiet lokali u implimentati bl-involviment tal-imsieħba prinċipali) (1);

3.

ifakkar li r-ristrutturar jolqot b’mod partikolarment aħrax lir-reġjuni anqas żviluppati, li normalment ikollhom nisġa industrijali inqas kompetittiva u inqas innovattiva u rati għoljin ta’ qgħad, u għalhekk jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lil dawn ir-reġjuni;

Approċċ li jinvolvi l-imsieħba ewlenin kollha

4.

għaldaqstant, jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-qafas ta’ kwalità jirrikonoxxi r-responsabbiltà konġunta tal-partijiet interessati kollha, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Jirrimarka li l-problema inkwistjoni tikkonċerna daqstant ieħor l-awtoritajiet lokali, (u b’mod partikolari l-bliet kbar); dawn huma l-ikbar sors ta’ min iħaddem u għandhom rwol ewlieni fil-gwida tal-ekonomija ta’ ċentri urbani iżgħar fil-viċin;

5.

jirrimarka li ġestjoni kondiviża hija kundizzjoni ewlenija għas-suċċess tal-approċċi proposti. L-UE għandha hi wkoll tinkoraġġixxi t-tisħiħ tas-sħubijiet bejn l-atturi prinċipali. Ir-rwol ta’ koordinazzjoni tal-Istat u tal-awtoritajiet reġjonali u lokali huwa essenzjali wkoll, peress li l-opinjonijiet tal-ħaddiema u tal-impjegaturi dwar proċessi ta’ ristrutturar spiss ma jaqblux;

Rabta mal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020

6.

iqis li sabiex l-Istrateġija Ewropa 2020 tirnexxi fis-sitwazzjoni soċjoekonomika attwali, bilfors irridu niffokaw l-isforzi kollha għat-tkattir tal-impjiegi (il-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi);

Prijorità lill-antiċipazzjoni tat-tibdil (suq intern/ħiliet meħtieġa)

7.

jisħaq dwar l-importanza tal-antiċipazzjoni tat-tibdil u l-kapaċità tal-partijiet interessati kollha biex jadattaw. Dan jinkludi tliet linji ta’ azzjoni:

l-ikkompletar tas-suq intern tal-UE u l-promozzjoni tal-impjieg fl-UE;

l-għajnuna lill-impjegati, dawk li qed ifittxu x-xogħol, u l-atturi ekonomiċi kollha, biex jiksbu u jipperfezzjonaw il-ħiliet meħtieġa għal tul il-ħajja attiva (kapaċità biex jantiċipa t-tibdil, awtovalutazzjoni, u kreattività, kif ukoll awtosuffiċjenza u spirtu intraprenditorjali);

it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol billi n-nuqqas ta’ sigurtà tal-impjieg kif ukoll ir-ristrutturazzjoni jistgħu jservu ta’ ostaklu għall-kompetittività.

Ir-rwol tal-UE

8.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattivi meħuda mill-Kummissjoni, bħal pereżempju ċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tat-tibdil (“European Monitoring Centre on Change” – EMCC) jew inkella l-Osservatorju Ewropew tar-Ristrutturar tal-intrapriżi (“European Restructuring Monitor” – ERM) (2) u jipproponi li jitkompla jissaħħaħ aktar, pereżempju permezz ta’ pariri mfassla apposta li jingħataw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali f’sitwazzjonijiet speċifiċi;

9.

japprezza wkoll li l-fondazzjoni Eurofound tiffoka l-attivitajiet tar-riċerka tagħha fuq l-impatt tar-ristrutturazzjoni fil-livell reġjonali, li f’dawn l-aħħar snin irreaġixxa b’mod effettiv ukoll fin-nuqqas ta’ informazzjoni f’dan il-qasam;

10.

jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha telenka l-aħjar prattiki u tipproponi l-adozzjoni tagħhom fuq bażi volontarja. Barra minn hekk, jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex taġixxi fuq it-talba tal-Parlament Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni (3) biex tirrevedi l-qafas leġislattiv dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-kuntest tal-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tar-ristrutturar li tiegħu l-Kummissjoni nnifisha tfakkar in-nuqqasijiet attwali fil-komunikazzjoni preżenti;

11.

jipproponi li l-Kummissjoni tikkoopera mal-imsieħba kollha involuti fl-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-qafas ta’ kwalità, u li f’dan il-proċess tqis ukoll il-proċeduri eżistenti jew ftehimiet bejn l-imsieħba f’kull Stat Membru;

Prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità

12.

jirrimarka li l-qafas ta’ kwalità propost mill-Kummissjoni, li jkopri ġabra ta’ rakkomandazzjonijiet u prattiki tajbin, li l-Kummissjoni tirrakkomanda l-adozzjoni tagħhom fuq bażi volontarja, ma jirreferi għal ebda bażi legali speċifika fit-Trattati. Għaldaqstant, l-approċċ tal-Kummissjoni ma jippermettix lill-Parlament Ewropew biex jieħu pożizzjoni b’mod effettiv. Madankollu, meta wieħed iqis li l-proposta tal-Kummissjoni hija fil-qafas tal-kompetenzi kondiviżi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fil-qasam tal-politika soċjali kif definit fl-Artikoli 151 u 153 tat-TFUE u li l-iskambju ta’ esperjenzi u eżempji tal-aħjar prattiki fil-livell tal-UE għandhom valur miżjud ċar; il-proposta tal-Kummissjoni tidher konformi mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-antiċipazzjoni tat-tibdil

Evalwazzjoni tal-ħtiġijiet f’termini ta’ impjiegi u ħiliet

13.

jenfasizza r-rwol li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu fit-tbassir tal-ħiliet meħtieġa u t-tqabbil tagħhom mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol (4) permezz ta’ miżuri, partikolarment fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-promozzjoni tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ. L-Istati Membri għandhom jagħrfu dan ir-rwol u jipprovdu r-riżorsi adatti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni ta’ ħaddiema żgħażagħ mit-taħriġ għall-ħajja professjonali, peress li spiss huma proprju l-awtoritajiet lokali li jassumu r-rwol ta’ fornituri ta’ servizzi fl-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjiegi (5);

Promozzjoni ta’ mobilità

14.

itenni l-fatt li l-kwistjonijiet bħall-mobilità professjonali jew l-ibbilanċjar tal-provvista u d-domanda fis-suq tax-xogħol fuq livell lokali għandhom impatt kritiku fuq l-effikaċja tal-proċessi tar-ristrutturar li tnedew. Il-mobilità tal-ħaddiema għandha tiġi promossa permezz tal-provvista ta’ servizzi personalizzati għat-tfittxija ta’ impjieg, esperjenzi ta’ xogħol u korsijiet ta’ taħriġ sabiex huma jkunu jistgħu jadattaw il-kompetenzi tagħhom għar-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol (6). Dan jikkonċerna fuq kollox lill-gruppi speċifiċi li jkunu ilhom qiegħda għal żmien twil (iż-żgħażagħ, dawk b’ħiliet baxxi, persuni kbar fl-età, immigranti, u persuni b’diżabilità);

15.

jisħaq, fir-rigward tar-reġjuni konfinali, dwar l-importanza tal-iffaċilitar ta’ mobilità vera tal-forza tax-xogħol bejn il-fruntieri bit-tneħħija tal-ostakli marbuta mad-dritt għall-impjieg u s-sigurtà soċjali (it-tneħħija tal-ostakli fiskali, l-esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad u t-trasferibbiltà tad-drittijiet għall-pensjoni) (7). L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaqdu rwol importanti wkoll fil-qasam ta’ konsulenzi għal persuni li jivvjaġġaw bl-użu ta’ servizzi tal-EURES jew strutturi transkonfinali eżistenti (8);

16.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali jikkooperaw iktar fil-qasam tal-iskambju tal-informazzjoni dwar l-offerta tal-impjiegi fis-swieq lokali u reġjonali. Azzjoni konġunta favur il-promozzjoni tal-mobbiltà tal-persuni u l-iskambju tal-informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol jistgħu jżidu l-impjiegi fi professjonijiet imfittxija, u fejn hemm nuqqas ta’ taħriġ fis-suq lokali/reġjonali partikolari;

Il-promozzjoni ta’ adattament ekonomiku reġjonali

17.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar “Rinaxximent Industrijali Ewropew” (COM(2014)14), ippreżentata f’Jannar 2014, u jistieden lill-Kummissjoni biex tinkorpora l-antiċipazzjoni tat-tibdil u l-ġestjoni tar-ristrutturar bħala miżuri attivi biex jappoġġaw politika industrijali Ewropea aktar mifruxa. It-tibdil strutturali għandu effett fuq l-industrija fir-reġjuni u l-bliet. Għalhekk, kwalunkwe dibattitu dwar it-tibdil strutturali għandu wkoll jindirizza r-rwol tal-politiki industrijali u reġjonali fl-antiċipazzjoni ta’ dan it-tibdil;

18.

jenfasizza r-rwol li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu fl-użu tal-Fondi Strutturali tal-UE bħal pereżempju l-FSE u l-FEŻR, kif ukoll il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni fir-reġjuni rilevanti, biex jippromovu l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u tranżizzjonijiet inklużivi; Għandu jiġi żgurat li l-iffinanzjar ta’ miżuri relatati għall-antiċipazzjoni tat-tibdil u r-ristrutturar jiġi minn diversi sorsi, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħhom;

19.

jenfasizza l-importanza tal-istrateġiji ta’ riċerka u innovazzjoni abbażi tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti (RIS3) li jippermettu t-tibdil prijoritizzat mir-reġjuni. Min-natura tagħha, RIS3 hija proċess maħsub sabiex jinkieb tibdil għall-ambjent tan-negozju l-ewwel u qabel kollox billi tgħin lir-reġjun jikseb aċċess għall-aqwa kapaċitajiet ta’ innovazzjoni u l-aqwa msieħba. Il-kooperazzjoni Ewropea enfasizzata fil-proċess RIS3 żżid valur konsiderevoli lill-implimentazzjoni tat-tibdil strutturali;

Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ġestjoni tal-proċessi ta’ ristrutturar

L-iffaċilitar tas-sħubijiet

20.

iqis li l-aktar rwol importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rigward tal-proċess tar-ristrutturar huwa li jikkoordinaw il-partijiet interessati kollha. Fil-prattika, strutturi ta’ koordinazzjoni permanenti wrew li huma kruċjali għal rispons rapidu u effettiv fil-livell reġjonali;

21.

jaqbel mat-talba tal-KESE għal koordinazzjoni u kooperazzjoni iktar mill-qrib fil-livell tal-UE bejn il-politiki u s-servizzi tal-Kummissjoni, l-aġenziji u d-diversi osservatorji, sabiex il-kumpaniji li qed jirristutturaw jirċievu appoġġ ċar u konsistenti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom. B’mod partikolari, l-SMEs u l-mikrointrapriżi, sabiex ikunu jistgħu jantiċipaw ir-ristrutturar, għandhom jibbenefikaw minn mekkaniżmi adegwati u speċifiċi ta’ għajnuna u ta’ gwida (9).

Brussell, 3 ta’ Diċembru 2014.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Michel LEBRUN


(1)  Ara s-sommarju tal-abbozz ta’ opinjoni tar-riċerka tal-fondazzjoni Eurofound dwar “L-effetti tar-ristrutturar fil-livell reġjonali u approċċi biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi”, ippreżentat waqt il-konsultazzjoni tar-relatur mal-imsieħba ewlenin fit-30 ta’ Ġunju 2014, fi Brussell.

(2)  Ara pereżempju l-bażi tad-data tal-Fondazzjoni Ewropea għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol (Eurofound) dwar strumenti ta’ appoġġ għar-ristrutturar, li tipprovdi informazzjoni dwar miżuri meħuda fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u fin-Norveġja.

(3)  Ara l-punt 12 tar-Riżoluzzjoni dwar il-Prijoritajiet politiċi tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-2014 abbażi tal-Programm leġislattiv u ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea (RESOL-V-009, 29.11.2013) u l-punt 29 tal-Opinjoni tal-KtR dwar l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar CARS 2020 (ECOS-V-038, relatur: is-Sur Buchmann (PPE/AT), 8 ta’ Ottubru 2013).

(4)  Fil-kuntest tal-istħarriġ tal-Pjattaforma għall-Monitoraġġ tal-Istrateġija Ewropa 2020 dwar l-inizjattiva ewlenija “Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda”, il-maġġoranza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li ġew mistħarrġa jqisu li l-kriżi ekonomika qed taċċellera t-tibdil strutturali fis-suq tax-xogħol, żiedet il-qgħad u aggravat in-nuqqas ta’ tlaqqigħ bejn il-ħiliet disponibbli u l-ħtiġijiet ta’ min iħaddem.

(5)  COR-2014-00111 Opinjoni dwar “Qafas ta’ kwalità għall-apprendistati”.

(6)  CdR 340/2006 fin Opinjoni ta’ prospettiva tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-fatturi ta’ suċċess sabiex ikun antiċipat u akkompanjat ir-ristrutturar fil-bliet u r-reġjuni”.

(7)  CDR 1186-2012_ 00_ 00_TRA_AC “Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni tat-tkabbir u t-tisħiħ tal-ħolqien ta’ impjiegi”.

(8)  87 % tat-tweġibiet għall-“Istħarriġ ta’ nofs it-term tal-Istrateġija Ewropa 2020 mill-perspettiva tal-bliet u r-reġjuni”, indikaw li għandhom jitqiesu r-relazzjonijiet transkonfinali u li l-istrateġiji (inkluż l-iffissar tal-għanijiet) għandhom jikkollegaw ir-reġjuni fuq il-bażi tal-prossimità ġeografika tagħhom u l-interkonnessjoni tagħhom.

(9)  CCMI/102 CESE 1591/2012 – “Ristrutturazzjoni u antiċipazzjoni tal-bidla: X’tgħallimna mill-esperjenza reċenti?”


Top